Language of document : ECLI:EU:T:2019:831

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla)

3 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan – Dazju antidumping definittiv – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1429 – Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [li sar l-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament (UE) 2016/1036] – Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1225/2009 [li sar l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament 2016/1036] – Kalkolu tal-valur normali – Kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni – Bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum fis-suq intern tal-pajjiż esportatur”

Fil-Kawża T‑607/15,

Yieh United Steel Corp., stabbilita f’Kaohsiung City (it-Tajwan), irrappreżentata minn D. Luff, avukat,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland u A. Demeneix, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Eurofer, Association Européenne de l’Acier, ASBL, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn J. Killick, G. Forwood u C. Van Haute, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429 tas-26 ta’ Awwissu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU 2015, L 224, p. 10),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn E. Buttigieg (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministatriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Yieh United Steel Corp., hija kumpannija stabbilita fit-Tajwan, attiva, b’mod partikolari, fil-produzzjoni u fid-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

2        Għall-finijiet tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat, ir-rikorrenti tuża bħala materja prima rombli laminati bis-sħana li huma prodotti direttament minnha, jew mixtrija mingħand Lianzhong Stainless Steel Co. Ltd (iktar ’il quddiem “LISCO”), kumpannija relatata produttriċi ta’ rombli laminati bis-sħana, stabbilita fiċ-Ċina. Il-prodott ikkonċernat jinbiegħ mir-rikorrenti lil klijenti tal-Unjoni Ewropea u lil klijenti fis-suq intern tagħha, li jinkludu produtturi u distributuri downstream indipendenti tal-prodott ikkonċernat u lill-produttur downstream relatat tagħha, il-kumpannija Yieh Mau.

3        Wara lment ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2014 minn Eurofer, Association européenne de l’acier, ASBL (iktar ’il quddiem “Eurofer”), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat, fis-26 ta’ Ġunju 2014, Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU 2014, C 196, p. 9), konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ((ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22), issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21), iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

4        L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara riżultanti minnu kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tal-iżviluppi rilevanti sabiex issir l-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

5        Fit-22 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti u l-kumpanniji relatati tagħha ppreżentaw ir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju antidumping tal-Kummissjoni. Bejn is-17 u l-20 ta’ Novembru 2014, saret żjara ta’ verifika fil-bini tar-rikorrenti fit-Tajwan.

6        Fl-24 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/501 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU 2015, L 79, p. 23, iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”). Ir-regolament provviżorju stabbilixxa dazju antidumping provviżorju ta’ 10.9 % fuq il-prodott ikkonċernat tar-rikorrenti.

7        Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-konklużjonijiet provviżorji tagħha li jesponu l-kunsiderazzjonijiet u l-fatti essenzjali li abbażi tagħhom kien ġie deċiż li jiġi impost dazju antidumping provviżorju (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet provviżorji”).

8        Fil-konklużjonijiet provviżorji, il-Kummissjoni indirizzat, b’mod partikolari, il-kwistjoni tar-rifjut tagħha li tnaqqas il-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-kwistjoni tar-rifjut tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, ċertu bejgħ tar-rikorrenti fil-pajjiż esportatur.

9        Fl-20 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konklużjonijiet provviżorji.

10      Fit-23 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-konklużjonijiet definittivi tagħha. Fit-3 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn il-konklużjonijiet.

11      Fis-26 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1429 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU 2015, L 224, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), li emenda r-regolament provviżorju u impona dazju antidumping ta’ 6.8 % fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat, immanifatturat, b’mod partikolari, mir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2015, il-kawża preżenti ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Marzu 2016, Eurofer talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2016, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni inkluża fir-rikors, fir-risposta u fir-replika tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Eurofer jekk din tal-aħħar tiġi ammessa tintervjeni. Din annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmija risposti mat-talba tagħha.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fil-kontroreplika tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali u din annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali tar-replika mat-talba tagħha.

17      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Lulju 2016, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent ta’ Eurofer. Peress li, skont l-Artikolu 144(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni talbu t-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fin-noti msemmija fil-punti 15 u 16 iktar ’il fuq, l-imsemmi digriet illimita provviżorjament il-komunikazzjoni tal-imsemmija noti lill-intervenjenti għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni, fl-istennija tal-eventwali osservazzjonijiet tal-intervenjenti fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fil-kontroreplika tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali u din annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali kkonsolidata tar-replika mat-talba tagħha.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2016, l-intervenjenti kkontestat parzjalment it-talba għal trattament kunfidenzjali tar-rikors, tar-risposta u tar-replika.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2016, il-kawża ġiet assenjata lit-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 27(5) tar-regoli tal-proċedura.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti u din annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet imsemmija mat-talba tagħha.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ April 2017, l-intervenjenti kkontestat parzjalment it-talba għal trattament kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq in-nota ta’ intervent.

23      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Settembru 2017, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑607/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:698), il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ parzjalment it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent supplimentari tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti u din annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet imsemmija mat-talba tagħha.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti talbet li jinstemgħu l-osservazzjonijiet orali tagħha.

26      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 u 2 tar-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

27      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

28      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament 2016/1036) u fuq ksur tal-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament 2016/1036).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament bażiku u fuq użu ħażin ta’ poter

29      Ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjutat li taċċetta t-talba tagħha għal tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti. Il-Kummissjoni rrifjutat indebitament li teżamina l-kotba tal-kontijiet tagħha kif ukoll il-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż tagħha u l-iżball ta’ kalkolu li hija allegatament wettqet ma huwiex kopert mis-setgħa diskrezzjonali li din għandha. Dan ir-rifjut kellu bħala konsegwenza li jżid l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha kif ukoll is-sehem tat-tipi ta’ prodotti li għalihom il-valur normali nbena minħabba l-bejgħ imwettaq bi prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż ta’ manifattura, b’tali mod li wassal għal valur normali globalment iktar għoli.

30      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku permezz tar-rifjut tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti kif ukoll il-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż li hija applikat għat-telf tar-rombli laminati bis-sħana kkonstatati waqt il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

31      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, hija inkludiet it-telf ta’ produzzjoni fil-kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ippreżentat lill-Kummissjoni.  Ir-rikorrenti tirrileva li hija esponiet, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet provviżorji tal-20 ta’ April 2015, abbażi tal-kotba tal-kontijiet ippreżentati fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju, li hija kienet inkludiet, b’mod adegwat, fit-tabella tagħha tal-ispejjeż ta’ produzzjoni t-telf kollu ta’ produzzjoni fl-istadji kollha tal-produzzjoni fir-rigward kemm tar-rombli prodotti minnha stess kif ukoll ta’ dawk mixtrija mingħand il-fornitur marbut magħha, LISCO. Il-metodu applikat jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ “telf ta’ produzzjoni unitarja”, fil-forma ta’ proporzjon, għall-materja prima użata fl-istadji kollha tal-produzzjoni, attribwit mhux għall-ispiża tal-materjali, iżda għall-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-istadju ta’ produzzjoni suċċessiv, li tissejjaħ l-“ispiża ta’ konverżjoni”. B’hekk, it-telf ta’ produzzjoni jingħadd mhux bħala spiża tal-materjali, iżda bħala spiża ta’ konverżjoni. Dan il-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, imsejjaħ “sistema ta’ spejjeż tal-produzzjoni fi produzzjoni uniformi”, huwa teknika kontabbli magħrufa sew u aċċettata b’mod mifrux fid-dinja u fit-Tajwan fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, hekk kif ir-rikorrenti spjegat lill-Kummissjoni kemm matul iż-żjara ta’ verifika kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet provviżorji.

32      Meta injorat id-data vverifikata u l-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż tar-rikorrenti u billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif ir-rikorrenti kkontabbilizzat it-telf ta’ produzzjoni fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha, il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni manifestament żbaljata dwar it-telf ta’ produzzjoni.

33      Ir-rikorrenti ssostni li għandu jiġi osservat bilanċ bejn l-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq investigazzjoni fi żmien xieraq u d-drittijiet leġittimi tal-operaturi ekonomiċi li d-data reali tagħhom tittieħed inkunsiderazzjoni matul investigazzjoni newtrali u oġġettiva u li l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għandha tuża s-sistema ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż tal-produttur inkwistjoni meta din tkun tirrifletti “kif xieraq u suffiċjentement” l-ispejjeż sostnuti għall-produzzjoni tal-prodott ikkunsidrat.

34      Issa, il-Kummissjoni ma tikkontestax li d-dokumenti tal-kontabbiltà invokati mir-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ verifika u li dawn normalment kienu jużaw il-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż imsejħa “Sistema ta’ spejjeż ta’ produzzjoni fi produzzjoni uniformi”. Il-Kummissjoni ma turix b’liema mod l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat ma humiex raġonevolment riflessi fil-kotba tal-kontijiet, iżda sempliċement tesprimi dubji dwar il-fatt li dan il-metodu x’aktarx ma jirriflettix f’dan il-każ il-valur reali ta’ kull element ta’ spiża. Issa, dawn id-dubji jirriżultaw minn formula ta’ kalkolu inadegwata u mill-użu kontradittorju tal-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti mill-Kummissjoni, mingħajr ma din tal-aħħar turi b’liema mod il-metodu alternattiv użat minnha huwa iktar affidabbli u jirrifletti aħjar il-valur reali ta’ kull element ta’ spiża, u b’hekk jikser l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

35      Ir-rikorrenti ssostni b’mod iktar preċiż li, fil-konklużjonijiet provviżorji u fil-konklużjonijiet definittivi tagħha kif ukoll fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni invokat il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ikkontabbilizzat it-telf ta’ produzzjoni tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija minn LISCO fl-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, konklużjoni li diġà tikkostitwixxi fiha nnifisha żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-konklużjonijiet provviżorji tagħha, fil-konklużjonijiet definittivi tagħha u fir-regolament ikkontestat huma wkoll manifestament ippreġudikati u żbaljati.

36      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva qabel kollox li l-formula ta’ kalkolu użata mill-Kummissjoni fil-konklużjonijiet provviżorji tagħha sabiex tikkalkola l-volum tar-rombli laminati bis-sħana kkonsmati għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, li tgħid li dan il-volum huwa ugwali għall-ispiża totali tal-materja prima għal kull romblu laminat bis-sħana li jinxtara mqabbel mal-ispiża tax-xiri ta’ rombli laminati bis-sħana, ma hijiex xierqa fid-dawl tal-metodu ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż tagħha. Din il-konstatazzjoni tinvalida l-konklużjoni żbaljata tal-Kummissjoni li tgħid li l-volum tar-rombli laminati bis-sħana kkonsmati huwa daqs il-volum ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, filwaqt li l-volum tal-materja prima kkonsmata għandu jkun ogħla minn dak tal-prodott ikkonċernat li kieku t-telf ta’ produzzjoni kien ġie rreġistrat b’mod korrett.

37      Sussegwentement, il-motivi mressqa mill-Kummissjoni fil-konklużjonijiet definittivi huma wkoll żbaljati. L-ewwel nett, ebda informazzjoni mressqa mir-rikorrenti waqt l-espożizzjoni tal-metodu ta’ kontabbiltà tagħha ma kienet ġdida għall-Kummissjoni matul il-komunikazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji, peress li t-tqassim tal-ispejjeż kollha, inklużi dawk marbuta mat-telf ta’ produzzjoni, kienu jirriżultaw b’mod ċar mit-tabella tal-ispejjeż ta’ produzzjoni li r-rikorrenti kienet ipprovdiet sa mir-risposta tagħha għall-kwestjonarju antidumping, jiġifieri t-tabella tad-dokument 54 anness ma’ dan il-kwestjonarju. Fir-risposta tagħha għall-konklużjonijiet provviżorji, ir-rikorrenti għamlet ukoll pjan ta’ ħidma ġdid li kien isemmi l-ispejjeż ta’ konverżjoni sabiex jintwera t-telf ta’ produzzjoni, pjan li ġie żviluppat esklużivament abbażi tad-data li tidher fil-konklużjonijiet provviżorji.

38      It-tieni nett, it-telf ta’ produzzjoni unitarja li din kienet tuża sabiex tikkalkola l-ispiża ta’ konverżjoni ġiet applikata f’termini ta’ valur għall-elementi kollha tal-ispiża ta’ konverżjoni, inkluż għall-ispejjeż ġenerali, u b’hekk kienet tiżgura b’mod xieraq li l-ispejjeż kollha marbuta mat-telf ta’ produzzjoni, inkluż it-telf ikkawżat mill-ispejjeż ġenerali użati sabiex jipproduċu l-materjal “mitluf”, huma riprodotti korrettament fis-sistema ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż tagħha.

39      It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, l-ispiża tal-materja prima inkluża fit-telf ta’ produzzjoni ma hijiex inqas mill-ammont mitlub mit-tnaqqis tal-metall, liema ħaġa tirriżulta mill-pjan ta’ kalkolu tar-rikorrenti msemmi fil-punt 37 iktar ’il fuq. B’hekk, il-Kummissjoni manifestament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-data reali u l-metodu ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż tar-rikorrenti fir-rigward tat-telf ta’ produzzjoni. Ma’ dan hemm ukoll il-fatt li, kieku l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod korrett id-data pprovduta u kieku segwiet il-metodu li hija stess kienet użat fil-konklużjonijiet provviżorji tagħha sabiex tidentifika l-konsum ta’ materja prima, din kienet tkun f’pożizzjoni li tiddetermina l-“kwantità” reali ta’ materja prima kkonsmata għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

40      Finalment, fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni setgħet faċilment tikkalkola l-“kwantità” reali ta’ rombli laminati bis-sħana kkonsmati għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat abbażi tad-data disponibbli bl-użu tal-metodu li hija kienet applikat hija stess fl-istadju provviżorju, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 61 tar-regolament ikkontestat.

41      Ir-rikorrenti tiċħad ukoll il-kritika magħmula mill-Kummissjoni li tgħid li hija pprovdiet informazzjoni “frammentarja u li tvarja” dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u wara ż-żjara ta’ verifika. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li hija rrispondiet għall-punti kollha fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju, li hija sussegwentement ikkonformat, fit-terminu mogħti, mat-talbiet kollha tal-Kummissjoni, qabel, matul u wara l-verifika fuq il-post, li hija spjegat għalfejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni kienu ġew emendati meta hija bagħtet, fuq talba tal-Kummissjoni, it-tieni tabella tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, li hija rrispondiet għall-kwestjonarju supplimentari tal-Kummissjoni kollu, mibgħut fid-9 ta’ Frar 2015, wara ż-żjara ta’ verifika u li hija għal darba oħra spjegat il-metodu tagħha ta’ tqassim tal-ispejjeż fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet provviżorji li, għall-ewwel darba, kienu jsemmu r-rifjut li jiġi aċċettat it-tnaqqis tal-metall. Tali metodu jrendi inutli kull informazzjoni relatata mal-kwantitajiet tar-rombli laminati bis-sħana. Madankollu, din l-informazzjoni kienet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

42      Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li hija ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti dwar il-“kwantitajiet” ta’ rombli laminati bis-sħana kkonsmati għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat, “li huma neċessarji sabiex tiġi vverifikata l-eżattezza ta’ dak li tgħid [ir-rikorrenti]”, hija għalhekk ukoll żbaljata.

43      L-ewwel nett, l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta’ rombli “suwed”, jiġifieri dawk mixtrija u użati għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, kienet ġiet ippreżentata fid-dokument 56 mehmuż mar-risposta għall-kwestjonarju, filwaqt li hija kienet indikat fit-tabella tad-dokument 6 intitolata “Rikonċiljazzjoni tal-bejgħ” (folja intitolata “Rikonoxximent skont it-tip ta’ prodott”), li tirriżulta mill-verifika, il-kwantità tar-rombli “suwed” mibjugħa, il-prodotti kollha interni, b’mod li l-Kummissjoni setgħet tikseb il-kwantità ta’ rombli “suwed” mixtrija u kkonsmati għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat billi pproċediet għal kalkolu pjuttost sempliċi u li, għaldaqstant, l-informazzjoni meħtieġa f’termini ta’ volum kienet ġiet ipprovduta matul il-proċedura amministrattiva. Din iddistingwixxiet ukoll b’mod ċar ir-rombli “suwed” mir-rombli “bojod” (jew “Nru 1”) mixtrija u mibjugħa. It-tieni nett, ir-rikorrenti dejjem irrispondiet għad-domandi tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni u ma kinitx intalbet informazzjoni speċifika dwar il-kwantitajiet ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija u kkonsmati għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fir-risposta għall-kwestjonarju, minkejja li d-dokument 56 anness mar-risposta għall-kwestjonarju jipprovdi informazzjoni dwar il-kwantità tar-rombli “suwed”. Matul il-verifika, ir-rikorrenti pprovdiet ukoll informazzjoni dwar il-kwantità ta’ rombli “suwed” mibjugħa wara trattament komplementari (tabella tad-dokument 6 “Rikonċiljazzjoni tal-bejgħ”), liema informazzjoni ppermettiet li tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ rombli “suwed” użati għall-produzzjoni tal-output. Wara l-verifika, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju addizzjonali li fih hija ma kinitx qed titlob informazzjoni addizzjonali fuq il-kwantitajiet ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija jew ikkonsmati. It-tielet nett, l-informazzjoni dwar il-volumi ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija ma kinitx rilevanti f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni kienet f’kull każ iddeċidiet li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispiża ta’ dan ix-xiri u li tissostitwiha bl-ispejjeż tar-rombli laminati bis-sħana prodotti internament.

44      Ir-rikorrenti żżid li l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li hija pprovdiet lill-Kummissjoni wara l-verifika fuq il-post, li ġew ipprovduti fuq talba tal-Kummissjoni, kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet ta’ din tal-aħħar, kienu bbażati fuq data u tabelli li l-Kummissjoni kienet irċeviet qabel iż-żjara ta’ verifika fuq il-post jew li hija stess kienet ippreżentat u ma kinux jeħtieġu verifika reali.

45      Il-Kummissjoni ma tistax turi dokument li jipprova li hija talbet b’mod ċar lir-rikorrenti sabiex tipprovdilha d-data allegatament nieqsa dwar il-volumi ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija u kkonsmati u li r-rikorrenti kienet irrifjutat li tittrażmettihom, peress li fir-realtà din tal-aħħar kienet saret taf għall-ewwel darba mid-dokument li fih il-konklużjonijiet definittivi li l-Kummissjoni kienet tqis bħala problematika l-kwantità reali ta’ materja prima kkonsmata sabiex jiġi mmanifatturat il-prodott ikkonċernat.

46      B’mod iktar ġenerali, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni qatt ma talbet formalment informazzjoni dwar il-kwantitajiet, li din il-kwistjoni ma kienet tinsab la fil-kwestjonarju standard u lanqas fil-kwestjonarju addizzjonali, li l-Kummissjoni kienet talbitha darba waħda biss matul l-investigazzjoni, li r-rikorrenti pprovdiet l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet li jirreferi għalihom id-dokument 56 anness mal-kwestjonarju, li madankollu l-Kummissjoni qatt ma reġgħet semmiet din il-kwistjoni meta, matul il-verifika, hija tat l-idea, li finalment adottat, li tissostitwixxi l-ispiża tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija b’dik tar-rombli laminati bis-sħana prodotti internament u li, wara l-verifika, il-Kummissjoni talbet biss li tipprovdilha tabella ġdida tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fejn l-ispiża tar-rombli mixtrija kienet issostitwita b’dik tar-rombli prodotti internament.

47      Bħala konklużjoni, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li r-rikorrenti ma pprovdietx biżżejjed informazzjoni jew li naqset mid-dmir ta’ kooperazzjoni tagħha huma infondati u ma jistgħux jiġġustifikaw ir-rifjut tagħha li taċċetta d-dokumenti tal-kontabbiltà tagħha u l-metodu abitwali ta’ tqassim tal-ispejjeż applikat minnha, li jikser b’mod ċar l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

48      Fit-tieni lok, minħabba l-ksur imsemmi, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni manifestament żbaljata li r-rikorrenti ma kinitx integrat b’mod sħiħ it-telf ta’ produzzjoni tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija fl-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, b’tali mod li kien ukoll b’mod żbaljat li l-Kummissjoni konsegwentement irrifjutat it-tnaqqis tal-metall riċiklabbli mill-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, liema ħaġa kabbret artifiċjalment il-valur normali bi ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

49      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li għalkemm, kif issostni l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ineżami taqa’ taħt l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2(4) tar-Regolament 2016/1036), li jagħti spjegazzjonijiet fuq il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, dan l-aħħar paragrafu huwa neċessarjament rilevanti. Barra minn hekk, dan il-paragrafu, sa fejn dan jagħmel enfasi fuq il-prezzijiet li huma “artifiċjalment baxxi”, jikkonċerna b’mod ċar l-allegat bejgħ magħmul b’telf. Finalment, huwa biss l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku li jipprevedi l-kalkolu tal-valur normali u b’hekk, l-iżball ta’ kalkolu tal-Kummissjoni, li jżid b’mod artifiċjali l-valur normali, jikser dan l-artikolu.

50      Fit-tielet lok, permezz tar-rifjut li taċċetta t-tnaqqis tal-metall riċiklabbli, il-Kummissjoni wettqet ukoll użu ħażin ta’ poter sa fejn użat il-leġiżlazzjoni antidumping sabiex tipproteġi l-industrija tal-Unjoni lil hinn mill-ekwilibriju nnegozjat li waslet għalih l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għall-prodott ikkonċernat.

51      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti, jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

52      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, id-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott tikkostitwixxi wieħed mill-istadji essenzjali li għandhom jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping eventwali. F’dan ir-rigward, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku (li sar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2016/1036) jirriżulta li, waqt id-determinazzjoni tal-valur normali, huwa l-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas matul operazzjonijiet kummerċjali normali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju, bi prijorità. Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku (li sar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2016/1036), tista’ ssir deroga minn dan il-prinċipju biss meta ebda bejgħ tal-prodott simili ma jseħħ matul “tranżazzjonijiet kummerċjali normali” jew meta dan il-bejgħ ikun insuffiċjenti jew meta tali bejgħ ma jippermettix paragun validu. Dawn id-derogi għall-metodu ta’ ffissar tal-valur normali skont prezzijiet reali għandhom natura eżawrjenti (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-għan tal-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali huwa li jiġi żgurat li l-valur normali ta’ prodott jikkorrispondi kemm jista’ jkun mal-prezz normali tal-prodott simili fis-suq intern tal-esportatur. Jekk bejgħ ikun konkluż skont termini u kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux mal-prattika kummerċjali li tikkonċerna l-bejgħ tal-prodott simili f’dan is-suq fil-mument rilevanti għad-determinazzjoni dwar jekk hemmx dumping jew le, dan ma jikkostitwixxix bażi xierqa sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott simili fl-imsemmi suq (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 28).

54      Madankollu, la l-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”) li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU 1994, L 336, p. 3), u lanqas ir-Regolament bażiku ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali normali”. Ċertament, ir-Regolament bażiku jipprovdi b’mod espliċitu, fl-Artikolu 2 tiegħu, żewġ ipoteżi ta’ bejgħ li, taħt ċerti kundizzjonijiet, ma jistgħux jikkostitwixxu tali tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Fl-ewwel lok, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku (li sar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2016/1036) jippreċiża li l-prezzijiet applikabbli bejn il-partijiet, li jidhru li huma assoċjati jew li kkonkludew ftehim ta’ kumpens bejniethom, jistgħu biss jitqiesu bħala prezzijiet applikabbli fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u jintużaw biex jistabbilixxu l-valur normali jekk ikun stabbilit, bħala eċċezzjoni, li dawn il-prezzijiet ma humiex affettwati minn din ir-relazzjoni (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fit-tieni lok, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku (li sar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament 2016/1036), il-bejgħ ta’ prodotti simili fis-suq intern tal-pajjiż esportatur jew il-bejgħ b’destinazzjoni ta’ pajjiż terz bi prezz inqas mill-ispiża ta’ produzzjoni għal kull prodott ma jistgħux jitqiesu li ma seħħewx matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali ħlief jekk jiġi ddeterminat li dawn twettqu matul perijodu estiż fi kwantitajiet sostanzjali u bi prezzijiet li ma jippermettux li jiġu koperti l-ispejjeż kollha f’terminu raġonevoli (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      L-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku xorta ma jipprovdix lista eżawrjenti tal-metodi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet kinux japplikaw matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali jikkonċerna n-natura stess tal-bejgħ ikkunsidrat fih innifsu. Dan il-kunċett huwa intiż biex jeskludi, għad-determinazzjoni tal-valur normali, is-sitwazzjonijiet li fihom il-bejgħ fis-suq intern ma jkunx sar skont il-kundizzjonijiet kummerċjali normali, b’mod partikolari meta prodott jinbiegħ bi prezz inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni jew meta t-tranżazzjonijiet iseħħu bejn imsieħba li huma assoċjati jew li kkonkludew ftehim ta’ kumpens (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punti 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan il-każ, huwa stabbilit li, fil-kuntest tal-investigazzjoni, sabiex il-valur normali tal-prodott ikkonċernat jiġi pparagunat mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni ta’ dan il-prodott, intużaw mill-Kummissjoni 784 tip tal-prodott ikkonċernat prodott mir-rikorrenti, identifikati abbażi tan-numri ta’ kontroll tal-prodotti. Din tal-aħħar żvelat li, għal 21 tip ta’ prodotti, il-volum tal-bejgħ fis-suq intern kien inqas minn 5 % tal-volumi esportati lejn l-Unjoni, b’mod li l-bejgħ domestiku inkwistjoni ma kienx rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-konklużjoni li tgħid li, għal minoranza ta’ bejgħ intern tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-prezz tal-bejgħ kien inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(4) tal-istess regolament, hija r-riżultat taċ-ċaħda mill-Kummissjoni tat-talba għal tnaqqis tal-metall riċiklabbli mill-ispejjeż ta’ produzzjoni kkonċernati li kienet ġiet mitluba mir-rikorrenti fit-tabella tad-dokument 54 anness mar-risposta għall-kwestjonarju antidumping.

57      Hekk kif jirriżulta mill-punti 30, 48, u 50 iktar ’il fuq, insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tosserva li, permezz tar-rifjut tagħha li tnaqqas il-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament bażiku u wettqet użu ħażin ta’ poter.

58      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, għandu jitfakkar li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, meta ma jkun seħħ ebda bejgħ ta’ prodott simili matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali jew meta dan il-bejgħ ma jkunx suffiċjenti jew meta, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, tali bejgħ ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali tal-prodott simili għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, miżjud b’ammont raġonevoli tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra u bi profitti raġonevoli, jew abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, ipprattikati matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, lejn pajjiż terz xieraq, bil-kundizzjoni li dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi. Din l-istess dispożizzjoni tippreċiża li jista’ jitqies li teżisti sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat fis-sens tas-sentenza preċedenti, b’mod partikolari meta l-prezzijiet ikunu artifiċjalment baxxi, meta jkun hemm kummerċ ta’ skambju sinjifikattiv jew meta jkunu jeżistu sistemi ta’ pproċessar mhux kummerċjali (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, T‑80/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:504, punt 64).

59      Barra minn hekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 52 sa 55 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali msemmi fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku għandu l-għan li jeskludi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, is-sitwazzjonijiet li fihom il-bejgħ fis-suq intern ma jkunx konkluż taħt kundizzjonijiet kummerċjali normali, b’mod partikolari meta prodott jinbiegħ bi prezz inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tal-istess regolament.

60      Il-fatt li l-valur normali f’dan il-każ inbena għal ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali ddikjarati mir-rikorrenti ma jirriżultax mill-konstatazzjoni ta’ “sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat”, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, iżda huwa l-konsegwenza diretta tal-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-prodott ikkonċernat inbiegħ bi prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż ta’ produzzjoni unitarji (fissi u varjabbli), miżjuda bl-ispejjeż tal-bejgħ, bl-ispejjeż amministrattivi u bi spejjeż ġenerali oħra fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, wara ċ-ċaħda mill-Kummissjoni tat-talba għal tnaqqis tal-metall riċiklabbli ppreżentata mir-rikorrenti.

61      Għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, sa fejn dan jelenka d-diversi sitwazzjonijiet li jiddeterminaw l-obbligu, għall-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, li tibni l-valur normali tal-prodott ikkonċernat mill-produttur-esportatur, ma jistax, f’kull każ, jiġi stabbilit għall-finijiet tal-annullament tar-regolament ikkontestat indipendentement mill-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 2(4) tal-istess regolament. Fil-fatt, kif ġie rrilevat, b’mod partikolari, fil-punt 60 iktar ’il fuq, ir-regolament ikkontestat jeskludi ċertu bejgħ domestiku mid-determinazzjoni tal-valur normali minħabba li ma kienx iġib profitt fis-sens tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, filwaqt li, għall-bqija, ir-rikorrenti ma tikkontestax, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-metodu segwit mill-Kummissjoni għall-kostruzzjoni tal-valur normali, kif indikat fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

62      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni li tgħid li l-bejgħ tal-prodott inkwistjoni ma kienx iġib profitt fis-sens tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku kienet il-konsegwenza tar-rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta, fl-assenza ta’ provi suffiċjenti, it-talba għal tnaqqis tal-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-valur tal-metall riċiklabbli mit-telf ta’ rombli laminati bis-sħana li jseħħ fil-mument tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Skont ir-rikorrenti, l-imsemmi rifjut jikser, minbarra l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat b’mod żbaljat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kotba tal-kontijiet tagħha u l-metodu tagħha ta’ tqassim tal-ispejjeż applikat għat-telf ta’ produzzjoni.

63      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku (li sar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament 2016/1036) jirriżulta li l-ispejjeż tal-produzzjoni għandhom normalment jiġu kkalkolati abbażi ta’ reġistri kontabbli tal-parti li qiegħda tiġi investigata, bil-kundizzjoni li dawn ir-reġistri jinżammu b’mod konformi mal-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati tal-pajjiż ikkonċernat u sakemm dawn ikunu jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat.

64      B’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku (li sar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament 2016/1036), jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ ta’ prodott li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fil-kotba tal-kontabbiltà tal-parti kkonċernata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew iddeterminati abbażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra tal-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tkunx tista’ tintuża, fuq kull bażi raġonevoli oħra, inkluż abbażi ta’ informazzjoni minn swieq rappreżentattivi oħra.

65      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku (li sar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament 2016/1036) iżid li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi ppreżentati li jirrigwardaw it-tqassim ġust tal-ispejjeż, bil-kundizzjoni li jiġi pprovat li dan it-tip ta’ tqassim intuża b’mod kostanti fil-passat.

66      B’hekk, mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-kotba tal-kontabbiltà miżmuma mill-parti suġġetta għall-investigazzjoni jikkostitwixxu s-sors ewlieni ta’ informazzjoni għall-istabbiliment tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u li l-użu tad-data li tidher fir-reġistri msemmija jikkostitwixxi l-prinċipju, u l-adattament jew is-sostituzzjoni tagħhom b’bażi raġonevoli oħra tirrappreżenta l-eċċezzjoni. Fid-dawl tal-prinċipju li jgħid li deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, għandu jitqies li s-sistema ta’ eċċezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, T‑80/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:504, punti 68, 69 u 83).

67      Barra minn hekk, fir-rigward tal-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jibbażaw ruħhom, meta jqisu li għandhom jeskludu l-ispejjeż ta’ produzzjoni li jinsabu fir-reġistri kontabbli miżmuma mill-parti suġġetta għal investigazzjoni u jissostitwixxuhom bi prezz ieħor li jitqies raġonevoli, fuq provi, jew tal-inqas fuq indizji, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu sar l-aġġustament (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, T‑80/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:504, punt 82).

68      Finalment, għandu jitfakkar ukoll li, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li dawn ikollhom jeżaminaw (ara s-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2009, Dongguan Nanzha Leco Stationery vs Il‑Kunsill, T‑296/06, mhux ippubblikata, EU:T:2009:347, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet mill-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, T‑35/01, EU:T:2004:317, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il-Kunsill, T‑300/03, EU:T:2006:289, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat jestendi, b’mod partikolari, għall-għażla bejn metodi differenti ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping u għall-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott (ara s-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2009, Dongguan Nanzha Leco Stationery vs Il‑Kunsill, T‑296/06, mhux ippubblikata, EU:T:2009:347, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta t-tnaqqis tal-metall riċiklabbli, kif mitlub mir-rikorrenti, mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat jiksirx l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

70      Qabel kollox, huwa ċar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 66 u 67 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni li taċċetta mingħajr kundizzjonijiet u mingħajr ma tagħmel il-verifiki neċessarji l-informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni u dwar it-tnaqqis tal-metall li tinsab fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti.

71      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 6(8) tar-Regolament 2016/1036) li jipprovdi li, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 18 tar-Regolament 2016/1036), għandha sa fejn ikun possibbli tiġi vverifikata l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati u li fuqha huma bbażati t-talbiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, T.KUP, C‑349/16, EU:C:2017:469, punt 32), u dan minkejja l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, minn naħa, il-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż, imsejjaħ “Sistema ta’ spejjeż ta’ produzzjoni tal-produzzjoni uniformi”, li hija kienet użat għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, huwa tabilħaqq magħruf u aċċettat u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti tal-kontabbiltà nżammew b’mod konformi mal-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati fit-Tajwan. Bl-istess mod, l-Artikolu 6.6 tal-Ftehim antidumping jipprovdi li, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 6.8, l-awtoritajiet għandhom jiżguraw matul l-investigazzjoni l-“eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati li fuqhom ikunu bbażati s-sejbiet”. Dan l-obbligu ta’ verifika huwa l-espressjoni, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping, ta’ prinċipju iktar ġenerali li jimponi fuq kull qorti, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, li twettaq eżami preċiż u li tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq provi ta’ kwalità suffiċjenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 101 (mhux ippubblikata)).

72      F’dan il-kuntest, għandu b’mod partikolari jitfakkar li mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 6(2) tar-Regolament 2016/1036) jirriżulta li kwestjonarju huwa ppreparat u trażmess lill-partijiet ikkonċernati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, sabiex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għall-investigazzjoni antidumping u li l-imsemmija partijiet huma obbligati jipprovdu lil dawn is-servizzi l-informazzjoni li tippermettilha twettaq l-investigazzjoni antidumping (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punti 50 u 51).

73      Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-Artikolu 16(1) u (3) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 16(1) u (3) tar-Regolament 2016/1036), li jipprovdi, minn naħa, li l-Kummissjoni hija awtorizzata twettaq żjarat sabiex, b’mod partikolari, tivverifika l-informazzjoni mogħtija dwar id-dumping u d-dannu u, min-naħa l-oħra, li l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu informati bin-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi vverifikata u bl-informazzjoni l-oħra kollha li għandha tiġi pprovduta matul dawn iż-żjarat, liema ħaġa ma tipprekludix li jintalbu fuq il-post preċiżazzjonijiet oħra fid-dawl tal-informazzjoni miksuba. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri tal-impriża kkonċernata għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal verifiki trażversali.

74      Fil-fatt, wieħed mill-istrumenti li għandha l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni sabiex twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku huwa ż-żjara ta’ verifika fuq il-post skont l-Artikolu 16 tal-istess regolament jekk l-imsemmija awtorità tqis li dan ikun xieraq. L-Artikolu 6.7 tal-Ftehim antidumping jipprevedi li, “[b]iex tiġi vverifikata l-informazzjoni pprovduta jew sabiex jinkisbu iktar dettalji, l-awtoritajiet jistgħu, skont jekk ikunx meħtieġ, iwettqu investigazzjonijiet fit-territorju ta’ [Stati] Membri oħra, bil-kundizzjoni li jiksbu l-kunsens tal-impriżi kkonċernati u li javżaw b’dan lir-rappreżentanti tal-Gvern ta[l-Istat] Membru inkwistjoni, u bil-kundizzjoni li dan [l-Istat] ma joġġezzjonax għal dan”.

75      Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, ir-risposti tal-partijiet għall-kwestjonarju stabbilit fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament bażiku kif ukoll il-verifika sussegwenti li l-Kummissjoni tista’ twettaq fuq il-post, stabbilita fl-Artikolu 16 tal-istess regolament, huma essenzjali għall-iżvolġiment tal-proċedura antidumping (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2015, VTZ et vs Il‑Kunsill, T‑432/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:248, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 18(3) tar-Regolament 2016/1036), “[f]ejn l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm kwalunkwe defiċenza ma tkunx tali li tikkawża diffikultà mhux dovuta sabiex issir konklużjoni raġonevolment preċiża u sakemm l-informazzjoni tiġi ppreżentata b’mod adegwat f’qasir żmien u tkun verifikabbli, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.” Barra minn hekk, mill-Artikolu 18(3) u (6) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 18(3) u (6) tar-Regolament 2016/1036) jirriżulta li l-informazzjoni li l-partijiet ikkonċernati huma obbligati li jipprovdu lill-Kummissjoni għandha tintuża mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antidumping u li dawn l-istess partijiet ma għandhomx jonqsu milli jagħtu informazzjoni rilevanti. In-natura neċessarja ta’ element ta’ informazzjoni partikolari għandha tiġi evalwata każ b’każ (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 52).

77      Barra minn hekk, kif irrilevat il-qorti tal-Unjoni, hija l-Kummissjoni li, bħala awtorità investigatriċi, għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu. Madankollu, sa fejn ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tobbliga lill-partijiet interessati sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew sabiex jipprovdu informazzjoni, din l-istituzzjoni tiddependi fuq il-kooperazzjoni volontarja ta’ dawn il-partijiet sabiex jipprovduha bl-informazzjoni meħtieġa (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 2015, VTZ et vs Il‑Kunsill, T‑432/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:248, punt 29).

78      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-verifika hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-missjoni tagħha u, b’mod partikolari, sabiex tifhem u tivverifika l-metodi ta’ tfassil tad-data u, b’mod iktar ġenerali, li tivverifika l-“eżattezza” tal-informazzjoni pprovduta mill-impriża suġġetta għal verifika, li għandha twieġeb bl-aħjar mod possibbli u b’mod eżawrjenti għad-domandi magħmula mill-Kummissjoni, u ma għandhiex tonqos milli tipprovdi d-data u l-ispjegazzjonijiet utli kollha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ twettaq is-sovrappożizzjoni meħtieġa sabiex tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta u tasal għal konklużjonijiet raġonevolment korretti fi żmien xieraq u f’kull każ qabel it-tmiem tal-investigazzjoni, għax inkella din tirriskja li ma tkunx iktar tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Hekk kif ġustament irrilevat l-intervenjenti, dan huwa l-każ b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, ikun hemm data numerika li tista’ tiġi kkompilata abbażi ta’ diversi ipoteżijiet u li l-verifika tagħha hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-proċess, filwaqt li b’mod partikolari huwa barra minn hekk stabbilit li r-rikorrenti kienet iddikjarat profitt żgħir ta’ [kunfidenzjali] (1) fuq il-bejgħ intern tal-prodott ikkonċernat.

79      Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, b’mod iktar partikolari għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat b’mod partikolari fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq intern tal-pajjiż esportatur bi prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż ta’ produzzjoni unitarji (fissi u varjabbli), flimkien mal-ispejjeż ta’ bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra, jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitqiesu li ma seħħewx matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Il-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali huwa intiż biex jeskludi, għad-determinazzjoni tal-valur normali, is-sitwazzjonijiet li fihom il-bejgħ fis-suq intern ma jkunx sar skont il-kundizzjonijiet kummerċjali normali, b’mod partikolari meta prodott jinbiegħ bi prezz inferjuri mill-ispejjeż ta’ produzzjoni (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Il-verifika tal-profittabbiltà tal-bejgħ fis-suq intern għalhekk tikkostitwixxi element prinċipali tal-investigazzjoni antidumping. Għal dan il-għan, b’mod partikolari, il-kwestjonarju antidumping jipprevedi, b’mod partikolari, żewġ taqsimiet, intitolati rispettivament “Spiża tal-produzzjoni” (Taqsima F) u “Rentabilità” (Taqsima G). Il-verifika fuq il-post tippermetti lill-Kummissjoni li twettaq kontrolli oħra wara t-tweġibiet rċevuti sadanittant mill-impriża li hija s-suġġett tal-kontroll.

81      Issa, skont il-Kummissjoni, l-investigazzjoni kienet żvelat li t-teknika kontabbli użata mir-rikorrenti sabiex tirreġistra t-tnaqqis tal-metall riċiklabbli inkwistjoni kienet ippermettitilha li tnaqqas, inizjalment, it-telf materjali subit waqt il-proċess ta’ produzzjoni u, sussegwentement, it-telf materjali fost dak li kien ġie ttrasformat f’metall riċiklabbli, li kien finalment wassal għal tnaqqis doppju ta’ dawn tal-aħħar mill-ispiża tal-produzzjoni. Minkejja li r-rikorrenti pprovat tispjega s-sistema kontabbli tal-ispejjeż tagħha matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post, kien biss wara l-adozzjoni tar-regolament provviżorju, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet provviżorji tal-20 ta’ April 2015, li din spjegat li, fis-sistema kontabbli analitika tagħha, it-telf materjali tal-metall riċiklabbli kien fir-realtà jifforma parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ produzzjoni, b’mod li dawn ma kinux jidhru fl-ispiża tal-produzzjoni.

82      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż ferm partikolari użat mir-rikorrenti, li huwa bbażat “fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni”, sa fejn dan jaffettwa, skont l-ispjegazzjonijiet stess tar-rikorrenti, it-telf ta’ produzzjoni unitarja għall-elementi differenti tal-ispiża ta’ konverżjoni, bħall-ispejjeż tal-ħaddiema, id-deprezzamenti, l-ispejjeż tal-elettriku jew spejjeż oħra ta’ konverżjoni, għandu bħala konsegwenza li jħallat data fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni ddefiniti sew u ta’ data ġenerali dwar l-ispejjeż ġenerali, mar-riskju ta’ tnaqqis doppju mit-telf ta’ produzzjoni u ta’ tnaqqis artifiċjali tal-ispejjeż li dan jinvolvi, u ma jippermettix li jiġi vverifikat b’mod preċiż jekk l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ humiex raġonevolment riflessi fil-kotba tal-kontijiet.

83      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li, għall-finijiet tal-verifika tal-veraċità tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-ispiża tal-produzzjoni kellha tiġi riveduta l-isfel minħabba t-tnaqqis tal-metall riċiklabbli invokat, din kienet ikkonfrontata minn problemi oħra. Minn naħa, kif huwa wkoll iddikjarat fil-premessa 76 tar-regolament provviżorju li l-konklużjonijiet tiegħu huma kkonfermati fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tfakkar li hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni d-data dwar il-prezz tax-xiri tal-volum sinjifikattiv ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija mir-rikorrenti mingħand il-fornitur marbut magħha LISCO, sa fejn dawn il-prezzijiet ma kinux ġew stabbiliti skont il-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa, liema konklużjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra u fuq kollox, kif huwa indikat fil-premessa 61 tar-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti, fl-ebda mument matul il-proċedura amministrattiva, ma pprovdiet informazzjoni affidabbli u preċiża dwar il-kwantitajiet reali ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija li kienu ġew speċifikament ikkonsmati fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, iżda hija rreferiet għall-metodi kontabbli tagħha, filwaqt li huwa stabbilit li hija tbigħ ukoll rombli laminati bis-sħana, li għaldaqstant ma jintużawx kollha fl-imsemmi proċess.

84      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiddikjara, l-ewwel nett, li t-tabella fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni, li hija s-suġġett tad-dokument 54 ipprovdut mir-rikorrenti bħala risposta għall-kwestjonarju antidumping, ma tindikax il-“kwantità” totali tar-rombli laminati bis-sħana li kienu “inxtraw u ġew ikkonsmati” fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, peress li din tbigħ ukoll rombli laminati bis-sħana.

85      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiddikjara li t-tabella riveduta dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, li r-rikorrenti pprovdiet fi tmiem iż-żjara ta’ verifika fuq il-post, fis-17 ta’ Novembru 2014, b’risposta għal talba, magħmula fil-bidu taż-żjara msemmija, li tipprovdi informazzjoni dwar il-kwantità tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija mingħand LISCO, b’mod partikolari sa fejn, minn naħa, it-tabella inizjali fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ma kinitx tagħmel distinzjoni bejn l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott immanifatturat minn rombli mixtrija mingħand LISCO u l-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott immanifatturat minn rombli prodotti internament u sa fejn, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kinitx iddikjarat separatament l-ispiża tal-produzzjoni tar-rombli laminati bis-sħana u l-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minnhom, kienet tkopri biss il-“valur tal-akkwist” tar-rombli mixtrija u mhux il-kwantità tagħhom kif kien intalab.

86      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li fit-tieni tabella riveduta fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni pprovduti mir-rikorrenti wara ż-żjara ta’ verifika fuq il-post, fil-21 ta’ Novembru 2014, li matulha l-Kummissjoni kienet talbet lir-rikorrenti tindikalha, fit-tabella tad-dokument 54 ikkomunikat fir-risposta għall-kwestjonarju antidumping, il-post fejn kienet tinsab l-informazzjoni dwar il-volum reali tar-rombli laminati bis-sħana “mixtrija u kkonsmati fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat”, filwaqt li spjegat li hija kellha tissostitwixxi d-data dwar ix-xiri ta’ rombli b’dik dwar il-produzzjoni interna, l-ispejjeż unitarji ta’ produzzjoni kienu inferjuri għal dawk ipprovduti fil-kwestjonarju antidumping u vverifikati fuq il-post u, għaldaqstant, ma setgħux jintużaw sa fejn dawn ma setgħux jiġu vverifikati.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hija fl-ebda mument ma indikat il-kwantità eżatta ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija mingħand il-fornitur marbut magħha, LISCO, li ntużaw speċifikament fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat.

88      Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 78 iktar ’il fuq u anki jekk jitqies li r-rikorrenti kienet ipprovdiet, fi żmien xieraq, l-ispjegazzjonijiet kollha neċessarji dwar il-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż li hija użat u li l-imsemmi metodu jista’ jitqies li huwa aċċettat ħafna u magħruf, il-Kummissjoni kellha, f’kull każ, id-dritt li titlob lir-rikorrenti tipprovdilha l-informazzjoni essenzjali kollha li hija kienet tqis neċessarja sabiex tifhem il-modalitajiet ta’ tfassil tad-data inkwistjoni u li tivverifika l-eżattezza tat-tnaqqis tal-metall riċiklabbli mitlub, u b’mod iktar partikolari l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet kollha ta’ rombli laminati bis-sħana li kienu ntużaw speċifikament għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat u li kienu jikkostitwixxu l-fattur prinċipali li kien hemm fl-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, li mingħajrha l-informazzjoni espressa f’termini ta’ valur ma setgħetx tiġi vverifikata permezz ta’ sovrappożizzjoni u kien impossibbli li ssir rikonċiljazzjoni korretta tal-bejgħ. Fil-fatt, hekk kif isostnu ġustament il-Kummissjoni u l-intervenjenti, u kif jirriżulta mill-premessa 61 tar-regolament ikkontestat, l-informazzjoni espressa f’valur ippreżentat fil-kontijiet għandha tkun tista’ tiġi vverifikata sa fejn huwa possibbli bl-għajnuna ta’ data kwantitattiva affidabbli sabiex jiġi żgurat li l-kontijiet jippreżentaw stampa fidila tas-sitwazzjoni tal-impriża u sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata f’dan il-każ il-validità tal-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż applikat mir-rikorrenti.

89      L-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ provvista tal-informazzjoni dwar il-volum eżatt ta’ xiri ta’ rombli laminati bis-sħana użati speċifikament għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ma jistgħux jiġu aċċettati.

90      Qabel kollox, kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti, fil-paragrafu 6 tal-punt 2, intitolat “Proċess ta’ produzzjoni u spiża ta’ produzzjoni tal-prodott li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni” tat-Taqsima F, intitolata “Spiża ta’ produzzjoni”, tal-kwestjonarju antidumping kien effettivament mitlub li tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar il-volum ta’ “xiri totali ta’ materja prima użata fil-manifattura tal-prodott li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni”, filwaqt li, kif jirriżulta mill-punt 102 iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti pprovdiet għal dan il-għan id-dokument 56 dwar il-konsum f’volum ta’ rombli laminati bis-sħana fir-rigward tal-prodotti kollha mmanifatturati minn dawn ir-rombli, mingħajr ma llimitatu għar-rombli kkonsmati għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat biss.

91      Barra minn hekk, sa fejn b’mod partikolari, kif ġie rrilevat fil-punt 85 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet ġabret fl-istess tabella tad-dokument 54, ippreżentat bħala risposta għall-kwestjonarju antidumping, l-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat li hija kienet timmanifattura minn rombli laminati bis-sħana prodotti “internament” u l-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat iffabbrikat minnha minn rombli laminati bis-sħana “mixtrija” u fejn din ma kinitx iddikjarat separatament l-ispiża ta’ produzzjoni tar-rombli laminati bis-sħana u l-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn dawn ir-rombli, il-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball manifest, li ma kienx possibbli għaliha li tivverifika li l-ispejjeż kollha kienu riflessi b’mod fidil fl-ispiża tal-produzzjoni ddikjarata u li kellha tingħata attenzjoni partikolari għat-tqassim eżatt tal-ispejjeż billi jsir riferiment għall-informazzjoni dwar il-volumi kkonsmati.

92      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, iċ-ċirkustanza msemmija fil-konklużjonijiet provviżorji u fil-premessa 76 tar-regolament provviżorju, li tgħid li, fir-rigward tar-rabtiet eżistenti bejn ir-rikorrenti u l-fornitur tagħha LISCO, il-Kummissjoni kellha tissostitwixxi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-ispiża ta’ xiri tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija mingħand LISCO bil-prezz tal-produzzjoni tar-rombli laminati bis-sħana mmanifatturati internament, bl-ebda mod ma kellha l-konsegwenza li teżenta lir-rikorrenti milli tipprovdi l-informazzjoni neċessarja u affidabbli kollha, fuq talba espressa tal-Kummissjoni, dwar il-volum ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija u kkonsmati fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat.

93      Fil-fatt, fin-nuqqas tal-informazzjoni msemmija, il-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq proporzjon ta’ kwantitajiet ta’ rombli laminati bis-sħana kien x’kien l-użu tagħhom sabiex tevalwa t-tnaqqis tal-metall riċiklabbli invokat u tissostitwixxi l-kwantitajiet mhux magħrufa ta’ xiri mingħand LISCO intiżi speċifikament għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, is-sostituzzjoni tal-ispejjeż tax-xiri ta’ rombli laminati bis-sħana mingħand LISCO kienet teħtieġ li jkun magħruf il-volum eżatt tar-rombli inkwistjoni sa fejn l-ispiża ta’ produzzjoni interna kienet applikata għal dan il-volum. Finalment, hekk kif għal darba oħra rrilevat ġustament il-Kummissjoni, sa fejn il-proċess ta’ produzzjoni ta’ prodott ċatt laminat bil-kiesaħ permezz ta’ rombli laminati bis-sħana huwa l-istess, kemm jekk dawn tal-aħħar jinxtraw jew jiġu prodotti internament, u fejn, għaldaqstant, il-proporzjon ta’ spejjeż/metall riċiklabbli għandu wkoll ikun identiku fiż-żewġ każijiet, huwa essenzjali li l-Kummissjoni jkollha l-informazzjoni dwar il-volum tar-rollijiet mixtrija sabiex tivverifika li ż-żewġ proċessi ta’ produzzjoni jwasslu għall-istess riżultat u sabiex b’hekk tikkonferma l-validità tal-informazzjoni dwar il-volum tar-rombli laminati bis-sħana prodotti internament.

94      Barra minn hekk, l-argument imqajjem mir-rikorrenti b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u matul is-seduta, li jgħid li t-tfittxija tal-informazzjoni dwar il-volum eżatt tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija sabiex jiġi mmanifatturat preċiżament il-prodott ikkonċernat kienet timplika piż ta’ xogħol sproporzjonat fin-nuqqas ta’ insistenza min-naħa tal-Kummissjoni u li jgħid li hija setgħet leġittimament tqis li din l-informazzjoni ma kinitx iktar meħtieġa, għandu jiġi miċħud ukoll, anki jekk biss sa fejn, minn naħa, il-Kummissjoni ma esprimiet ebda intenzjoni li tirrinunzja li tikseb l-imsemmija informazzjoni u sa fejn, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kellhiex id-diliġenza li tistaqsi lill-imsemmija istituzzjoni jekk kinitx effettivament seħħet ir-rinunzja preżunta għall-informazzjoni. Kif għal darba oħra rrilevat ġustament il-Kummissjoni, hija ma bidlitx ħsiebha fuq l-imsemmija talba għal informazzjoni fil-kwestjonarju komplementari tagħha stabbilit wara ż-żjara ta’ verifika tad-9 ta’ Frar 2015 għall-unika raġuni li dan tal-aħħar kien jikkonċerna biss il-bejgħ għall-esportazzjoni u ma kellu ebda effett fuq it-talba inkwistjoni.

95      Il-Kummissjoni ssostni li, peress li b’hekk ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-eżattezza tat-tnaqqis tal-metall riċiklabbli invokat fin-nuqqas ta’ informazzjoni kompleta u affidabbli dwar il-volumi li hija kienet talbet, hija, sabiex twettaq korrettement il-missjoni tagħha li tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku, ikkalkolat b’mod iktar partikolari, abbażi tad-data u tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti, il-kwantità ta’ metall riċiklabbli ġġenerat waqt il-manifattura tal-prodott ikkonċernat billi kkalkolat qabel kollox l-ammont totali tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn rombli laminati bis-sħana mixtrija jew prodotti internament għal tliet kategoriji tal-prodott ikkonċernat li flimkien jirrappreżentaw 87.5 % tal-produzzjoni totali bħala volum. Mill-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li l-volum tar-rombli laminati bis-sħana effettivament ikkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ġie kkalkolat billi l-valur totali tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija u kkonsmati fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, kif indikat mir-rikorrenti stess fid-dokument 54 mehmuż mar-risposta għall-kwestjonarju antidumping, ġie diviż bil-prezz medju peżat tagħhom matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Issa, il-paragun bejn iż-żewġ ċifri juri, skont il-Kummissjoni, li l-volum ta’ rombli laminati bis-sħana kkonsmati kien kważi ekwivalenti għall-volum tal-prodott ikkonċernat immanifatturat, konklużjoni li kienet tapplika kemm fir-rigward tar-rombli mixtrija kif ukoll dawk immanifatturati internament. Il-konklużjoni li tgħid li, fid-dawl tad-data pprovduta, it-tnaqqis tal-metall riċiklabbli mitlub kien b’hekk diġà sar u li għalhekk dan ma setax jiġi aċċettat għat-tieni darba mingħajr ma jwassal għal tnaqqis doppju tal-ammont inkwistjoni mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tad-diversi tipi tal-prodott ikkonċernat, ġiet spjegata fil-premessa 77 tar-regolament provviżorju u fl-Anness 2 tal-konklużjonijiet provviżorji.

96      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet provviżorji, ir-rikorrenti kkontestat dawn l-aħħar konklużjonijiet billi spjegat, għall-ewwel darba, li t-telf għall-metall riċiklabbli, jiġifieri l-valur tar-rombli laminati bis-sħana pproċessati f’metall riċiklabbli, kienu ġew inklużi fil-kontijiet bħala parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ produzzjoni u billi pprovdiet it-tielet verżjoni tat-tabella fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni li turi t-telf għall-metall riċiklabbli f’kolonna distinta bit-trasferiment ta’ ċerti spejjeż ġenerali f’din il-kolonna ġdida. Għalhekk, kif jirriżulta mill-premessa 60 tar-regolament ikkontestat, skont l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti, it-telf ta’ produzzjoni huwa ekwivalenti għat-total tal-ispiża tal-materja prima mhux ikkonvertita fi prodott finali magħduda mal-ispejjeż ġenerali ta’ produzzjoni attribwiti mat-telf ta’ produzzjoni.

97      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li dawn l-ispjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tar-rikorrenti ġew ipprovduti għall-ewwel darba biss fir-risposta għall-konklużjonijiet provviżorji, indipendentement ukoll mill-fatt dwar jekk il-metodu msemmi huwiex, kif issostni r-rikorrenti, “magħruf u aċċettat sew” u jekk id-dokumenti tal-kontabbiltà inkwistjoni jinżammux “skont il-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati tal-pajjiż ikkonċernat” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku (li sar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament 2016/1036). Issa, hija r-rikorrenti li għandha tipprovdi lill-Kummissjoni, sa mill-bidu tal-proċedura u billi taġixxi bl-aħjar mod possibbli, l-informazzjoni kollha utli sabiex l-imsemmi metodu jinftiehem tajjeb sabiex ma tirriskjax li tfixkel it-tmexxija tajba tal-proċedura antidumping u sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li twettaq il-verifiki neċessarji fi żmien xieraq.

98      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat, billi analizzat id-data pprovduta wara l-konklużjonijiet provviżorji, li, minbarra l-fatt li l-ammont iddikjarat tat-tnaqqis tal-ispejjeż ġenerali ta’ produzzjoni fit-tabella l-ġdida kien ekwivalenti għall-ammont totali tat-telf iddikjarat, il-valur tal-metall riċiklabbli ddikjarat għall-finijiet ta’ tnaqqis tal-ispejjeż, jiġifieri ammont ta’ [kunfidenzjali] dollaru tat-Tajwan (TWD), kien fil-verità ogħla mill-valur tal-materja prima inkluża fit-telf ta’ produzzjoni, jiġifieri t-telf għall-metall riċiklabbli, ta’ ammont ta’ TWD [kunfidenzjali].

99      Għandu jitqies li, fid-dawl tad-data u tal-ispjegazzjonijiet li kellha l-Kummissjoni, ma jidhirx li l-evalwazzjonijiet tagħha miġbura fil-punti 95 sa 98 iktar ’il fuq huma vvizzjati bi żball manifest, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest, tikkunsidra li l-informazzjoni pprovduta fl-osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet provviżorji kienet kemm tardiva kif ukoll inaffidabbli.

100    Barra minn hekk u f’kull każ, hekk kif ġie rrilevat b’mod partikolari fil-punti 83 sa 87 iktar ’il fuq, la fl-osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet provviżorji u lanqas fl-osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet definittivi, ir-rikorrenti ma pprovdiet direttament l-informazzjoni eżatta mitluba fuq il-kwantitajiet reali ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija u użati għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, minkejja t-talba espressa f’dan is-sens magħmula mill-Kummissjoni sa mill-bidu taż-żjara ta’ verifika u minkejja l-fatt li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet avżatha, fl-ewwel jum taż-żjara ta’ verifika, bil-konsegwenzi tal-assenza ta’ din l-informazzjoni.

101    L-argument tar-rikorrenti, li jgħid li hija pprovdiet l-elementi kollha neċessarji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddetermina hija stess bi preċiżjoni suffiċjenti l-kwantità ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija u użati speċifikament fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat, għandu jiġi miċħud ukoll.

102    Fil-fatt, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ifformulati fir-replika, la fid-dokument 56 mehmuż mar-risposta għall-kwestjonarju, li jipprovdi informazzjoni dwar il-volum totali ta’ rombli laminati bis-sħana mixtrija, u lanqas it-tabella tad-dokument 6, intitolata “Rikonċiljazzjoni tal-bejgħ” u li rriżultat mill-verifika, ma fihom informazzjoni dwar il-volum tar-rombli laminati bis-sħana li huma “kkonsmati fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat”, filwaqt li, b’mod partikolari, huwa paċifiku li r-rikorrenti timmanifattura wkoll prodotti differenti mill-prodott ikkonċernat u, b’mod partikolari, rombli laminati bis-sħana (19 000 tunnellata fis-suq intern tagħha) u tuża rombli “suwed” laminati bis-sħana sabiex timmanifattura rombli “bojod” laminati bis-sħana, jiġifieri rombli “suwed” li ġew imsaħħna mill-ġdid u mgħoddija. F’dan ir-rigward, l-intervenjenti tosserva ġustament li mill-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, b’mod partikolari mid-dokument 10 li jirriżulta mill-verifika, jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti pproduċiet 200 000 tunnellata ta’ rombli “bojod” laminati bi sħana, volum sinjifikattiv meta mqabbel mal-kwantitajiet ta’ rombli laminati bil-kiesaħ tal-azzar inossidabbli prodotti (550 000 tunnellata) jew mibjugħa.

103    L-ispjegazzjoni mogħtija għall-ewwel darba fir-replika, li tgħid li r-rombli laminati bis-sħana mixtrija mingħand LISCO huma “rombli suwed”, kif indikat fid-dokument 56 mehmuż mar-risposta għall-kwestjonarju antidumping, jiġifieri prodotti mhux lesti, li l-ftit prodotti minnhom li nbiegħu u li ma ġewx ikkonsmati waqt il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat huma elenkati fit-tabella tad-dokument 6 intitolat “Rikonċiljazzjoni tal-bejgħ” u li rriżultaw mill-verifika, b’tali mod li r-“rombli suwed” l-oħra kollha kienu kkonsmati għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, għandha, f’kull każ, tiġi miċħuda bħala tardiva, peress li l-Kummissjoni ma għadhiex f’pożizzjoni li tivverifika l-eżattezza tad-data li tidher fih, filwaqt li xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrenti milli tagħmel dawn il-preċiżazzjonijiet, b’mod partikolari, b’risposta għall-konklużjonijiet provviżorji jew għall-konklużjonijiet definittivi u għat-talbiet ikkonfermati mill-Kummissjoni li jkollha informazzjoni preċiża dwar id-diversi rombli laminati bis-sħana kkonsmati waqt il-manifattura tal-prodott ikkonċernat. Ma’ dan, il-Kummissjoni żżid li t-tabelli tad-dokument 56 mehmuża mar-risposta għall-kwestjonarju antidumping ma jsemmux il-bejgħ ta’ “rombli suwed”, peress li l-linji “Bejgħ” juru ċ-ċifra 0 għall-erba’ trimestri tal-2013, konklużjoni li ma tistax tinbidel mis-sempliċi preżentazzjoni tat-tabella tad-dokument 6 msemmija iktar ’il fuq waqt il-verifika, u li, meta tipparaguna d-data relatata mal-konsum totali ta’ rombli laminati bis-sħana mir-rikorrenti matul il-perijodu tal-investigazzjoni li tidher fit-tabella tad-dokument 56 imsemmija iktar ’il fuq, (TWD [kunfidenzjali]) u dik relattiva għall-konsum ta’ rombli laminati bis-sħana ddikjarata fid-dokument 54 imsemmi iktar ’il fuq (TWD [kunfidenzjali]), il-konsum indikat fl-ewwel waħda huwa kjarament superjuri għal dak li jinsab fit-tieni waħda, liema ħaġa tindika li l-konsum ta’ rombli laminati bis-sħana ma kienx jikkonċerna biss il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u kien iktar u iktar iġġustifikat peress li l-Kummissjoni talbitha informazzjoni dwar il-volumi kkonsmati sabiex tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti.

104    Għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li l-Kummissjoni, billi fformulat dawn l-evalwazzjonijiet fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet li din kellha għad-dispożizzjoni tagħha, wettqet żball manifest.

105    F’kull każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrenti tabilħaqq ipprovdiet informazzjoni supplimentari, anki wara ż-żjara ta’ verifika fuq il-post, u informazzjoni supplimentari oħra wara l-adozzjoni tar-regolament provviżorju, din f’ebda mument ma pprovdiet il-kwantità eżatta tar-rombli laminati bis-sħana kkonsmati għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra bħala indispensabbli għall-finijiet tat-twettiq tal-missjoni ta’ verifika tagħha sa fejn, b’mod partikolari, il-kwistjoni tat-tnaqqis tal-metall riċiklabbli mitlub hija marbuta mal-volum ta’ rombli laminati bis-sħana kkonsmati fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat. Sabiex tirrifjuta li tipprovdi l-informazzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tafferma li, minbarra li dawn ma kinux neċessarji, il-Kummissjoni setgħet tikkalkola hija stess l-imsemmija kwantità abbażi tad-data disponibbli.

106    Issa, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati li ma jindikawx fil-pront fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarji antidumping l-informazzjoni kollha akkumpanjata mill-ispjegazzjonijiet kollha neċessarji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha li tikkonsisti fil-verifika tal-eżattezza tad-data pprovduta kemm f’dak li jikkonċerna l-volumi tal-prodotti kkonsmati kif ukoll il-metodi ta’ tqassim tal-ispejjeż f’valuri użati u li tiżvela din l-informazzjoni jew dawn l-ispjegazzjonijiet indispensabbli biss fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il‑Kunsill, T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271, punt 61).

107    Għalkemm mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 77 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-kuntest tar-Regolament bażiku, hija l-Kummissjoni li għandha, bħala awtorità investigatriċi, tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat mill-proċedura antidumping huwiex is-suġġett ta’ dumping u jekk joħloqx ħsara meta jitqiegħed fis-suq liberu fl-Unjoni, u li b’hekk din l-istituzzjoni ma tistax, f’dan il-kuntest, teħles minn parti mill-oneru tal-prova li din għandha f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li r-Regolament bażiku ma jagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa ta’ investigazzjoni li tippermettilha ġġiegħel lill-produtturi jew lill-esportaturi kkonċernati minn ilment li jippreżentaw informazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tiddependi mill-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja fit-terminu mogħti. F’dan il-kuntest, ir-risposti ta’ dawn il-partijiet għall-kwestjonarju previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament bażiku kif ukoll il-verifika sussegwenti li l-Kummissjoni tista’ twettaq fuq il-post, prevista fl-Artikolu 16 tal-istess regolament, huma essenzjali għall-iżvolġiment tal-proċedura antidumping. Ir-riskju li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-impriżi kkonċernati mill-investigazzjoni, l-istituzzjonijiet jieħdu inkunsiderazzjoni data differenti minn dik ipprovduta b’risposta għall-kwestjonarju hija inerenti għall-proċedura antidumping u huwa intiż biex jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni leali u diliġenti ta’ dawn l-impriżi (sentenza tat-30 ta’ April 2015, VTZ et vs Il-Kunsill, T-432/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:248, punt 29).

108    Ċertament, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiżgura li l-istituzzjonijiet ikunu ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u li jkunu evalwaw il-provi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jitqies li l-valur normali jkun ġie ddeterminat b’mod raġonevoli (ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma applikatx l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2016/1036), iżda sempliċement ċaħdet il-partijiet tar-risposta tar-rikorrenti għall-kwestjonarju antidumping li hija ma setgħetx tivverifika l-eżattezza tagħhom fi żmien xieraq fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li d-data inkwistjoni fiha kontradizzjonijiet u lakuni u li, minkejja d-diliġenza kollha li kienet uriet fl-eżami ta’ din id-data, kien għad hemm dubju dwar l-affidabbiltà tagħha, b’tali mod li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, hija setgħet validament tirrifjuta li taċċetta t-talba għal tnaqqis tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

110    Finalment, għandu jingħad ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti baqgħet ma ressqitx provi biżżejjed biex irendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti stabbiliti fir-regolament ikkontestat fir-rigward tar-rifjut li jitnaqqas il-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, tali prova hija meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni tal-Unjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ att (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 62).

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, u lanqas żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, tiċħad it-talba għal tnaqqis tal-metall riċiklabbli mill-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, fin-nuqqas ta’ possibbiltà li tivverifika bi preċiżjoni jekk l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat kinux riflessi b’mod raġonevoli fil-kotba tal-kontijiet. Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jwassal għal ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

112    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti, li tgħid li l-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter meta rrifjutat li taċċetta t-tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat, għandu jitfakkar li att ikun ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew tal-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2006, Endesa vs Il‑Kummissjoni, T‑417/05, EU:T:2006:219, punt 258). Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti mhux biss jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ liġi, u lanqas ta’ evalwazzjoni tal-fatti permezz tar-rifjut tagħha li taċċetta t-tnaqqis mitlub, iżda wkoll ir-rikorrenti baqgħet ma spjegatx l-allegazzjoni tagħha dwar allegat użu ħażin ta’ poter u baqgħet ma sostnietx dan b’xi prova speċifika.

113    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament bażiku

114    Ir-rikorrenti ssostni li l-bejgħ tagħha tal-prodott ikkonċernat lill-klijent indipendenti tagħha, [kunfidenzjali], ukoll distributur tal-prodott ikkonċernat, f’ammont ta’ 120 000 tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, li din ma kinitx tiddedika għall-esportazzjoni u li ma kinitx taf id-destinazzjoni finali tiegħu, kien bejgħ domestiku li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-valur normali skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament bażiku.

115    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku billi din irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-klijent indipendenti tagħha fit-Tajwan matul operazzjonijiet kummerċjali normali.

116    Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku sa fejn din ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-termini ta’ din id-dispożizzjoni meta ċaħdet il-bejgħ inkwistjoni għar-raġuni biss li dan kien ġie esportati mill-klijent indipendenti wara l-bejgħ. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-premessa 59 tar-regolament ikkontestat tista’ tinftiehem fis-sens li r-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-bejgħ lill-klijent intern indipendenti tagħha huwa bbażat fuq is-sempliċi konstatazzjoni tal-esportazzjoni ulterjuri tal-prodotti inkwistjoni, tali kriterju jmur kontra l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, li jgħid li l-Kummissjoni kellha tipprova li r-rikorrenti kellha l-“intenzjoni” li ma tiddedikax il-bejgħ għall-konsum intern. Skont ir-rikorrenti, il-bejgħ inkwistjoni kien intiż sabiex jintuża minn negozjant intern indipendenti u hija ma kellha ebda mezz li tivverifika jekk dan il-bejgħ kienx ser jiġi sussegwentement esportat.

117    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li t-terminu “intended” li jinsab fil-verżjoni bl-Ingliż tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku jirreferi għall-intenzjoni tal-bejjiegħ fil-mument li fih dan jikkonkludi l-bejgħ u fejn dan jinnegozja u jiddetermina l-prezz tal-bejgħ skont id-destinazzjoni tal-prodott. Skont ir-rikorrenti, l-intenzjoni li tiddedika l-bejgħ għall-konsum fis-suq intern tista’ tiġi preżunta meta l-prodott jinbiegħ lil klijent indipendenti fis-suq intern mingħajr ma l-bejjiegħ ikollu intenzjoni speċifika jew mingħajr ma jkun hemm perspettiva ta’ esportazzjoni jew meta l-bejjiegħ ma jkunx jaf li l-prodott mibjugħ huwa esportat. L-intenzjoni jew tal-inqas l-għarfien suġġettiv tal-bejjiegħ fil-mument tal-bejgħ li jikkonċerna l-esportazzjoni ulterjuri tikkostitwixxi wkoll il-kriterju rilevanti fil-ġurisprudenza tal-WTO.

118    Din l-interpretazzjoni, li hija bbażata fuq indikaturi li jistgħu jiġu vverifikati b’mod oġġettiv, hija wkoll konformi mal-loġika inerenti għall-funzjonament tar-Regolament bażiku li hija intiża sabiex tiddetermina d-differenzi reali fil-prezzijiet bejn il-bejgħ intern u l-bejgħ għall-esportazzjoni.

119    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kriterju tal-“perspettiva” jew tal-“antiċipazzjoni”, dan tal-aħħar jintuża, b’mod partikolari, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ sussidji għall-esportazzjoni kemm fid-dritt tal-WTO kif ukoll fil-leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Id-determinazzjoni jekk il-bejgħ ta’ prodott jikkostitwixxix bejgħ għall-esportazzjoni jew le jsegwi loġika simili, li tista’ tiġi vverifikata oġġettivament, b’mod partikolari skont jekk il-bejgħ lil klijent indipendenti fis-suq intern huwiex jew le marbut ma’ esportazzjoni reali jew antiċipata. F’dan ir-rigward, mill-eżistenza tal-politika ta’ tnaqqis fil-prezzijiet għall-esportazzjoni tar-rikorrenti ma jistax jiġi dedott li din kienet antiċipat il-fatt li l-bejgħ inkwistjoni lil [kunfidenzjali] kien ser jiġi esportat mill-ġdid, peress li din il-politika ta’ tnaqqis fil-prezzijiet għall-esportazzjoni, imsejħa “tnaqqis fil-prezzijiet għal manifattura ulterjuri/esportazzjoni”, ma tkoprix il-prodott ikkonċernat sa fejn din ma tirrigwardax is-sempliċi bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat u għaldaqstant ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, iżda tinkoraġġixxi l-esportazzjoni ta’ dan wara trasformazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tafx jekk u kif il-bejgħ li jibbenefika minn dan it-tip ta’ tnaqqis fil-prezz huwiex ser jerġa’ jinbiegħ f’xi suq. Iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jimplikawx li r-rikorrenti kellha tantiċipa l-fatt li t-tnaqqis fil-prezz tagħha marbut mal-esportazzjoni kien iservi sabiex jinxtraw prodotti li finalment kienu ser jiġu esportati tale quale, b’kuntrast mal-politika tagħha stess ta’ tnaqqis fil-prezzijiet.

120    Fir-rigward tal-kriterju tal-“għarfien”, ir-rikorrenti ssostni li mill-prassi tal-Kummissjoni jirriżulta li din l-istituzzjoni tuża dan il-kriterju sabiex tidentifika l-bejgħ għall-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2(8) tar-Regolament 2016/1036), anki jekk il-kelma “intended” ma tidhirx f’din id-dispożizzjoni, b’mod li dan il-kriterju jista’ a fortiori jkun rilevanti fil-każ ta’ bejgħ intiż għall-konsum intern. L-imsemmi għarfien jista’ jiġi stabbilita bl-għajnuna ta’ provi oġġettivi, fid-dawl tal-fatti tal-kawża. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti ma kinitx taf li l-prodotti li hija kienet tbigħ lix-xerrej inkwistjoni kienu ser jiġu esportati mill-ġdid, u dan jispjega wkoll għalfejn hija ffatturat il-bejgħ lil [kunfidenzjali] billi ħadet inkunsiderazzjoni t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) bir-rata ta’ 5 %, minflok bir-rata ta’ VAT ta’ 0 % applikabbli għall-bejgħ fuq l-esportazzjoni.

121    Finalment, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tippermetti li jiġu imposti fuq produttur dazji antidumping mhux prevedibbli, indipendentement mill-politika tal-prezz ta’ dan tal-aħħar, li jmur kontra l-għan ġenerali ta’ prevedibbiltà mfittex mir-Regolament bażiku u mid-dritt tal-WTO.

122    Għaldaqstant, billi indikat, fil-premessa 56 tar-regolament ikkontestat, li “n-nuqqas ta’ għarfien tagħhom dwar id-destinazzjoni finali ta’ biegħa mhux deċisiv” u billi ma kkontestatx li r-rikorrenti ma kellhiex għarfien fil-mument tal-bejgħ dwar id-destinazzjoni finali tal-prodott mibjugħ mill-klijent indipendenti tagħha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku permezz tar-rifjut tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ inkwistjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali.

123    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

124    Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, il-valur normali tal-prodott ikkonċernat huwa normalment ibbażat fuq il-“prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur” u li, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, huwa l-bejgħ tal-prodott simili “maħsub għall-konsum domestiku [fil-pajjiż esportatur]” li normalment jintuża sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali bil-kundizzjoni li l-volum ta’ dan il-bejgħ jirrappreżenta 5 % jew iktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat fl-Unjoni.

125    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 53 iktar ’il fuq, l-għan tal-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali huwa li jiġi żgurat li l-valur normali ta’ prodott jikkorrispondi kemm jista’ jkun mal-prezz normali tal-prodott simili fis-suq intern tal-esportatur. Jekk bejgħ ikun konkluż skont termini u kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux mal-prattika kummerċjali li tikkonċerna l-bejgħ tal-prodott simili f’dan is-suq fil-mument rilevanti għad-determinazzjoni dwar jekk hemmx dumping jew le, dan ma jikkostitwixxix bażi xierqa sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott simili fl-imsemmi suq (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 28).

126    Ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament bażiku billi kkunsidrat, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, li ċertu bejgħ tal-prodott ikkonċernat lil xerrejja indipendenti, imwettaq matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, fil-pajjiż esportatur kellhom jiġu esklużi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali għar-raġuni biss li l-prodotti inkwistjoni kienu ġew esportati sussegwentement. Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kliem tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, li jgħid li l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat “maħsub għall-konsum domestiku [fil-pajjiż esportatur]” normalment jintuża sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi b’mod validu l-imsemmi bejgħ mill-kalkolu tal-valur normali ħlief wara li tkun stabbilixxiet li l-bejjiegħ kellu għarfien fil-mument tal-bejgħ, tal-esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati jew kien jantiċipa li x-xerrej kien ser jerġa’ jbigħ dawn il-prodotti għall-esportazzjoni.

127    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha jagħmlu parti (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 50; tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 54, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 73).

128    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ jeżistu diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm, fil-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala bejgħ domestiku sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali huwa dak li għalih il-prodott inkwistjoni huwa “intended” għall-konsum domestiku fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, liema ħaġa tista’ tinqara fis-sens li tindika li l-intenzjoni tal-bejjiegħ hija l-kriterju rilevanti, verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, bħall-verżjoni Franċiża, Ġermaniża, Olandiża, Spanjola, Taljana, Daniża, Finlandiża jew Ċeka, jużaw rispettivament it-terminu “destiné” [maħsub], “zum Verbrauch”, “bestemde”, “destinado”, “destinato”, “bestemt”, “tarkoitetun” u “ke”, li jirreferi għad-destinazzjoni tal-prodott ikkonċernat mingħajr ma jirreferi għall-intenzjoni tal-produttur fir-rigward tal-imsemmija destinazzjoni fil-mument tal-bejgħ.

130    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, bħall-verżjonijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku msemmija fil-punt 129 iktar ’il fuq, li jagħmlu riferiment għad-destinazzjoni tal-bejgħ u mhux għall-intenzjoni tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni tagħhom, l-Artikolu 2.1 tal-Ftehim antidumping juża, fit-tliet lingwi uffiċjali tiegħu, rispettivament l-espressjoni “destined for consumption” bl-Ingliż, “destiné à la consommation [maħsub għall-konsum]” bil-Franċiż u “destinado al consumo” bl-Ispanjol. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim antidumping (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill, T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 57).

131    Ċertament, kif tirrileva r-rikorrenti, il-grupp speċjali tal-WTO osserva fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 339 tar-rapport tiegħu, tas-16 ta’ Novembru 2007, fit-tilwima “Komunitajiet Ewropej – Miżura antidumping fir-rigward tas-salamun tat-trobbija provenjenti min-Norveġja” (WT/DS 337/R), li, “meta produttur [kien] ibigħ prodott lil esportatur (jew lil negozjant) li jaħdem għal rasu bl-għarfien li dan il-prodott [ikun] ser jiġi esportat, dan il-bejgħ ma [setax] jiġi kklassifikat bħala bejgħ intiż għall-konsum intern”. Madankollu, minn din is-sempliċi osservazzjoni ma jistax jiġi dedott li, kif issostni r-rikorrenti, in-nuqqas ta’ għarfien effettiv tad-destinazzjoni finali għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat wassal neċessarjament sabiex il-bejgħ inkwistjoni jitqies li huwa intiż għall-konsum intern, minkejja li l-prodott ikkonċernat, bħal f’dan il-każ, kien is-suġġett ta’ esportazzjoni. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw barra minn hekk għall-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-premessa 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1023/97 tas-6 ta’ Ġunju 1997 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ pallets sempliċi, tal-injam, li joriġinaw mill-Polonja u li jaċċetta l-impenji offruti minn ċerti esportaturi f’dak li jikkonċerna dawn l-importazzjonijiet (ĠU 1997, L 150, p. 4), li jqis, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, li, “[p]eress li l-produttur kien jaf id-destinazzjoni finali tagħhom, [il-pallets inkwistjoni] ġew ikkunsidrati bħala mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità mill-produttur inkwistjoni”.

132    Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li tgħid li ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita intenzjoni jew għarfien speċifiku tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott ikkonċernat hija kkonfermata minn analiżi tal-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, la l-kunċett ta’ “dumping” fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, u lanqas dak ta’ “dannu” previst fl-Artikolu 3 tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1036), u lanqas il-kunċett ta’ “evażjoni”, li huwa s-suġġett tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/1036), ma jippreżupponu, bħala kundizzjoni ta’ applikazzjoni, il-konstatazzjoni ta’ intenzjoni partikolari min-naħa tal-persuna kkonċernata, iżda jeħtieġu li jkunu ssodisfatti kundizzjonijiet oġġettivi indipendentement minn intenzjoni jew minn għarfien speċifiku tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, wara kollox l-istess bħall-Artikolu 2(8) ta’ dan ir-regolament, dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, ma jinkludu ebda riferiment għall-kriterju tal-“għarfien” tal-persuna kkonċernata, kuntrarjament għall-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 10(4) tar-Regolament 2016/1036), li, għall-finijiet tal-applikazzjoni retroattiva ta’ dazju antidumping, jipprovdi espressament li “l-importatur kien konxju, jew kellu jkun konxju, tad-dumping fir-rigward tal-grad tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub”.

133    Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għan tal-investigazzjoni antidumping li jikkonsisti, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, f’li jfittxu provi oġġettivi, billi jużaw l-għodod li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Regolament bażiku u abbażi ta’ kooperazzjoni volontarja tal-operaturi ekonomiċi, jiġifieri b’mod partikolari r-risposti għall-kwestjonarju antidumping, il-verifiki eventwali fuq il-post u l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati fuq id-dokumenti ta’ informazzjoni, kif tfakkar fil-punt 107 iktar ’il fuq, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping eventwali wara li jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

134    F’dan il-kuntest, il-fatt li t-tneħħija tal-bejgħ ta’ prodotti li ġew esportati mid-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat tiġi ssuġġettata għall-prova tal-intenzjoni jew tal-għarfien effettiv tal-bejjiegħ fil-mument tal-bejgħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott ikkonċernat, sa fejn din il-prova tista’ fil-prattika ta’ spiss tirriżulta li tkun impossibbli li tiġi prodotta, iwassal b’mod definittiv sabiex jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, tal-prezzijiet ta’ prodotti esportati li jistgħu joħolqu distorsjoni u jikkompromettu d-determinazzjoni korretta tal-imsemmi valur normali.

135    Fil-ħames lok, għandu jingħad li din l-interpretazzjoni hija wkoll kompatibbli mal-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali invokati mir-rikorrenti, filwaqt li l-applikazzjoni ta’ kriterju bbażat fuq l-intenzjoni jew fuq l-għarfien speċifiku tal-bejjiegħ tagħmel it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ta’ prodotti esportati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali dipendenti fuq element suġġettiv li l-eżistenza tiegħu tista’ fil-prattika tirriżulta każwali, jew saħansitra, hekk kif għadu kif ġie rrilevat, impossibbli li jiġi stabbilit.

136    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, b’mod iktar partikolari, li fl-istadju tar-regolament provviżorju, il-Kummissjoni kienet, abbażi tal-interpretazzjoni li tgħid li ma kienx hemm lok li tiġi stabbilita l-preżenza ta’ intenzjoni jew ta’ għarfien speċifiku tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott ikkonċernat, eskludiet ċertu bejgħ iddikjarat bħala domestiku mill-kalkolu tal-valur normali, wara li rrilevat, b’mod partikolari fil-premessa 63 ta’ dan ir-regolament, li kalkolu, ibbażat fuq id-data ta’ produzzjoni li toriġina mill-ħames kumpanniji li kkooperaw u mill-istatistiki fuq l-importazzjonijiet u fuq l-esportazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni fit-Tajwan matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, kien ikkonferma li, fost il-bejgħ fis-suq intern iddikjarat mill-produtturi-esportaturi li kkooperaw, madwar 50 % kien bejgħ għall-esportazzjoni indirett li ma kienx intiż għall-konsum domestiku. B’mod iktar partikolari, mid-data li tinsab fil-konklużjonijiet provviżorji kien jirriżulta li, għalkemm, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-livell ta’ produzzjoni ddikjarat mill-ħames produtturi esportaturi li kkooperaw kien jammonta għal [kunfidenzjali] tunnellata tal-prodott ikkonċernat u li l-istatistiki ta’ esportazzjoni uffiċjali kienu jindikaw kwantità ta’ 717 671 tunnellata tal-istess prodott, il-kwantità ta’ bejgħ domestiku ddikjarat minn dawn l-istess produtturi esportaturi kien jammonta għal [kunfidenzjali] tunnellata, jiġifieri għal iktar mid-doppju tad-differenza bejn l-ewwel żewġ ċifri. Sabiex tiżgura li l-valur normali kien ibbażat biss fuq il-prezzijiet stabbiliti għall-konsum intern, il-Kummissjoni kienet, fl-istadju tar-regolament provviżorju, iddikjarat li adottat approċċ prudenti billi bħala konsegwenza eskludiet mill-kalkolu tal-valur normali t-totalità tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lid-“distributuri” stabbiliti fit-Tajwan, li kien jammonta għal [kunfidenzjali] tunnellata, b’oppożizzjoni għall-bejgħ lill-“utenti finali fit-Tajwan” li kien ittieħed inkunsiderazzjoni.

137    Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostitwixxiet l-approċċ globali bbażat fuq ir-riskji billi ħadet inkunsiderazzjoni kategoriji kbar ta’ xerrejja tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ approċċ ibbażat fuq l-eżistenza ta’ provi oġġettivi tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat mid-distributur ikkonċernat. Fil-fatt, skont il-premessa 59 tar-regolament ikkontestat, minflok ma teskludi l-bejgħ lid-distributuri fit-totalità tagħhom, il-Kummissjoni eskludiet mill-kalkolu tal-valur normali biss il-bejgħ intern li għalih hija kellha biżżejjed provi oġġettivi tal-esportazzjoni reali tagħhom. B’hekk, skont l-istess premessa, il-Kummissjoni eżaminat il-bejgħ iddikjarat inkwistjoni u kklassifikatu bħala bejgħ domestiku jew abbażi tas-sitwazzjoni u tad-dejta speċifika ta’ kull wieħed mill-produtturi esportaturi kkonċernati. Finalment, minn din il-premessa jirriżulta li elementi suġġettivi bħall-intenzjoni jew bħall-għarfien, jew in-nuqqas ta’ għarfien, f’dan il-każ ma kellhom ebda rwol fl-evalwazzjoni oġġettiva mwettqa mill-Kummissjoni, kuntrarjament għall-eżistenza ta’ tnaqqis marbut mal-esportazzjoni li, b’mod partikolari, intuża bħala prova rilevanti.

138    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-investigazzjoni rrivelat b’mod partikolari li ċertu numru ta’ bejgħ iddikjarat mir-rikorrenti bħala domestiku kien is-suġġett ta’ tnaqqis fil-prezzijiet għall-esportazzjoni abbażi ta’ sistema applikata għal xi xhur matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u intiż sabiex jipprovdi inċentiv liċ-ċentri ta’ servizz lokali (distributuri) li kienu jesportaw il-prodotti tal-azzar tagħhom, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 64 tar-regolament provviżorju.

139    L-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-imsemmi tnaqqis fil-prezzijiet, intitolat “Tnaqqis ieħor fil-prezzijiet tal-produzzjoni/esportazzjoni”, ma huwiex prova rilevanti, b’mod partikolari sa fejn dan ma huwiex tnaqqis fuq l-esportazzjoni għall-prodott ikkonċernat, iżda jikkonċerna l-bejgħ ta’ prodotti mhux lesti li jeħtieġu pproċessar qabel l-esportazzjoni tagħhom bħala prodotti pproċessati, ma jistax jintlaqa’.

140    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ittra tar-rikorrenti tad-9 ta’ Frar 2015, b’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, li l-imsemmi tnaqqis fil-prezzijiet jikkonċerna volumi ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat li huwa intiż għall-esportazzjoni wara l-ipproċessar konformement mal-għan tas-sistema ta’ tnaqqis fil-prezzijiet inkwistjoni u li, għaldaqstant, dan ma jikkonċernax il-volumi tal-prodott ikkonċernat li huwa intiż għall-konsum intern fit-Tajwan. Barra minn hekk, l-imsemmi pproċessar huwa ħaġa waħda mal-esportazzjoni tal-prodott inkwistjoni u, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 14 tar-regolament provviżorju, [kunfidenzjali] twettaq biss fuq l-imsemmija prodotti, l-iktar l-iktar, operazzjonijiet minuri bħalma huma l-illostrar jew il-qtugħ, mingħajr ma l-prodott li jirriżulta minn dawn l-operazzjonijiet jinbidel b’tali mod li ma jibqax jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

141    It-tieni nett, fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju antidumping, ir-rikorrenti indikat li hija applikat tali tnaqqis għall-esportazzjoni u l-provi tal-applikazzjoni ta’ tali tnaqqis fil-prezzijiet ġew irrilevati fir-reġistru tal-bejgħ domestiku tar-rikorrenti matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post. Barra minn hekk, kif indikat ir-rikorrenti stess fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Frar 2015, b’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, l-imsemmi tnaqqis fil-prezzijiet kien jikkonċerna, bħala eżempju, 40 % tal-bejgħ tar-rikorrenti lill-ikbar klijent tagħha fit-Tajwan, id-distributur [kunfidenzjali], matul ix-xahar ta’ Diċembru 2013.

142    It-tielet nett u fuq kollox, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 59 tar-regolament ikkontestat, setgħu jinġabru provi oġġettivi oħra tal-esportazzjoni reali ta’ prodotti ta’ bejgħ iddikjarati bħala bejgħ domestiku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li dan kien il-każ tal-bejgħ lil [kunfidenzjali], li hija wkoll distributur tal-prodott ikkonċernat, b’mod li finalment din eskludiet mit-teħid inkunsiderazzjoni abbażi tal-bejgħ domestiku biss il-120 000 tunnellata mibjugħa mir-rikorrenti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni lill-klijent tagħha [kunfidenzjali] li, skont l-investigazzjoni, kienet biegħet biss kwantità negliġibbli tal-prodott ikkonċernat fis-suq domestiku.

143    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pprovatx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tar-rikorrenti lill-klijent tagħha [kunfidenzjali] għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali minħabba li kien hemm provi oġġettivi li l-imsemmi bejgħ kien fir-realtà bejgħ għall-esportazzjoni, iktar u iktar meta jiġi stabbilit li parti mill-bejgħ inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ sistema ta’ tnaqqis fil-prezzijiet għall-esportazzjoni, bħal dik applikata mir-rikorrenti, u kienet, għaldaqstant, konkluża bi prezzijiet inferjuri għall-prezz tal-prodott ikkonċernat intiż għall-konsum fis-suq intern, bl-għarfien li dawn il-prezzijiet kienu jinkoraġġixxu l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

144    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet legalment u mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni teskludi l-bejgħ inkwistjoni mid-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament bażiku.

145    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud u, b’hekk, li jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

146    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Yieh United Steel Corp. għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Eurofer, Association européenne de l’acier, ASBL.

Buttigieg

Berke

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Diċembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Informazzjoni kunfidenzjali mgħottija