Language of document : ECLI:EU:C:2020:951

Kawżi magħquda C-225/19 u C-226/19

R.N.N.S. u K.A.

kontra

Minister van Buitenlandse Zaken

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Novembru 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi – Regolament (KE) Nru 810/2009 – Artikolu 32(1) sa (3) – Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża – Anness VI – Formola standard – Motivazzjoni – Theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika, jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru wieħed jew iktar – Artikolu 22 – Proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħrajn – Oġġezzjoni għall-ħruġ ta’ viża – Rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika dwar il-viżi – Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi – Regolament Nru 810/2009 – Proċeduri u kundizzjonijiet uniformi għall-għoti tal-viżi – Rifjut ta’ viża – Raġuni – Applikant meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika, jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru – Appell minn din id-deċiżjoni – Dritt għal rimedju effettiv – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

((Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 810/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013, Artikolu 32(1)(a))

(ara l-punti 42, 43, 45, 46, 48-52, 56 u d-dispożittiv)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika dwar il-viżi – Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi – Regolament Nru 810/2009 – Proċeduri u kundizzjonijiet uniformi għall-għoti tal-viżi – Rifjut ta’ viża – Appell minn din id-deċiżjoni – Applikazzjoni tal-modalitajiet proċedurali nazzjonali – Prinċipju tal-awtonomija proċedurali – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 810/2009, Artikolu 32(3))

(ara l-punt 53)


Sunt

Stat Membru li jieħu deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża “Schengen”, minħabba oġġezzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor, għandu jindika, f’din id-deċiżjoni, l-identità tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll ir-raġuni speċifika għal rifjut ibbażata fuq din l-oġġezzjoni, flimkien, jekk ikun il-każ, mar-raġunijiet għal din l-oġġezzjoni.

Ċittadin Eġizzjan, residenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (Kawża C-225/19), u ċittadina Sirjana, residenti fl-Arabja Sawdija (Kawża C-226/19), ippreżentaw applikazzjonijiet għal viża “Schengen” (1) quddiem il-Minister van Buitenlandse Zaken (il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), sabiex ikunu jistgħu jżuru membri tal-familji rispettivi tagħhom, residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, l-applikazzjonijiet tagħhom ġew miċħuda u, skont il-Kodiċi dwar il-Viżi, din iċ-ċaħda ġiet ikkomunikata lilhom permezz ta’ formola standard (2), li tinkludi ħdax-il kaxxa intiżi sabiex jiġu mmarkati skont ir-raġuni adottata. F’dan il-każ, peress li ġiet immarkata s-sitt kaxxa, ir-rifjut tal-viża ġie spjegat mill-fatt li l-persuni interessati kienu ġew ikkunsidrati li jirrappreżentaw theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru (3). Dan ir-rifjut ta’ viża jirriżulta minn oġġezzjonijiet magħmula mill-Ungerija u mill-Ġermanja, li ġew ikkonsultati minn qabel mill-awtoritajiet Olandiżi fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Kodiċi dwar il-Viżi (4). Madankollu, fil-formola, ma ngħatat ebda preċiżazzjoni lill-persuni interessati dwar l-identità ta’ dawn l-Istati Membri, ir-raġuni ta’ rifjut preċiża magħżula fost l-erba’ possibbli (theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew għar-relazzjoni internazzjonali), jew dwar ir-raġunijiet għalfejn kienu ġew ikkunsidrati bħala li jikkostitwixxu tali theddida.

Il-persuni kkonċernati ressqu lment quddiem il-Ministru, li ġie miċħud. Għalhekk huma ppreżentaw rikors (5) quddiem ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn sostnew li huma ma kinux jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn kien impossibbli għalihom li jikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet fuq il-mertu. Din il-qorti ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, dwar il-motivazzjoni li għandha tkun akkumpanjata minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ viża, meta dan ir-rifjut ikun iġġustifikat minn oġġezzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor, kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà li din ir-raġuni għal rifjut tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ viża, u dwar il-portata ta’ tali stħarriġ.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru li jkun ħa deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża, minħabba l-oġġezzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor, għandu jindika, f’din id-deċiżjoni, l-identità ta’ dan l-aħħar Stat Membru, kif ukoll ir-raġuni għal rifjut speċifika bbażata fuq din l-oġġezzjoni, flimkien, jekk ikun il-każ, mas-sustanza tar-raġunijiet għal din l-oġġezzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-karatteristiċi ta’ appell minn deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża għandhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv. Issa, skont dan, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, kemm mill-qari tad-deċiżjoni nnifisha, kif ukoll permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq it-talba tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li, anki jekk il-motivazzjoni li tikkorrispondi għas-sitt kaxxa tal-formola standard hija ddefinita minn qabel, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata tindika l-informazzjoni neċessarja fit-taqsima intitolata “Rimarki”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li teżisti formola standard ġdida li fiha d-diversi raġunijiet ta’ rifjut possibbli, preċedentement imsemmija b’mod indistint, issa huma distinti minn xulxin (6).

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati tal-Istat Membru li jkun ħa deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża, minħabba oġġezzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor, ma jistgħux jeżaminaw il-legalità fuq il-mertu ta’ din l-oġġezzjoni. Huwa għalhekk li l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ viża għandu jippreċiża wkoll, f’din id-deċiżjoni, l-awtorità li l-applikant jista’ jindirizza sabiex isir jaf il-mezzi ta’ rikors disponibbli għal dan il-għan fl-Istat Membru li jkun qajjem oġġezzjoni.

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza qabelxejn li, ċertament, l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-qrati tal-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-viża għandu bħala suġġett l-eżami tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal viża, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut previsti mill-Kodiċi dwar il-Viżi u l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa għalhekk limitat għall-verifika ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida u sabiex tiżgura ruħha li ma hijiex ivvizzjata bi żball manifest. F’dan ir-rigward, meta ċ-ċaħda tal-viża tkun iġġustifikata mill-fatt li Stat Membru ieħor ikun oppona l-ħruġ tagħha, dawn il-qrati għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw li l-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-Istati Membri l-oħra prevista mill-kodiċi dwar il-viżi tkun ġiet applikata tajjeb u, b’mod partikolari, li jivverifikaw jekk l-applikant ġiex identifikat b’mod korrett bħala li huwa s-suġġett tal-oġġezzjoni kkonċernata. Barra minn hekk, dawn il-qrati għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw li l-garanziji proċedurali, bħall-obbligu ta’ motivazzjoni, ġew osservati. Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ tal-fondatezza tal-oġġezzjoni mressqa minn Stat Membru ieħor huwa obbligu tal-qrati nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.


1      Viża għat-tranżitu jew ir-residenza previsti fuq it-territorju tal-Istati Membri ta’ tul massimu ta’ tliet xhur fuq perijodu ta’ sitt xhur. Din il-viża tinħareġ minn Stat Membru, skont ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2009, L 243, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Viżi”).


2      Formola li tinsab fl-Anness VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi u msemmija fl-Artikolu 32(2) ta’ dan il-kodiċi.


3      Motiv ta’ rifjut fl-Artikolu 32(1)(a)(vi), tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


4      Proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 22 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


5      Appell previst fl-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi tal-Viżi.


6      Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament Nru 810/2009 (ĠU 2019, L 188, p. 25).