Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fis-17 ta’ Ġunju 2021 – Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto i rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020 vs Obshtina Razlog

(Kawża C-376/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto i rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020

Konvenut: Obshtina Razlog

Domandi preliminari

L-Artikolu 160(1) u (2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 1 u l-Artikolu 102(1) u (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għall-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea meta l-kuntratti pubbliċi konklużi minnhom ikunu ffinanzjati b’riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 160(1) tar-Regolament 2018/1046 u fl-Artikolu 102(1) tar-Regolament Nru 966/2012, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu l-limitazzjoni kompleta tal-kompetizzjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi permezz ta’ proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt meta s-suġġett tal-kuntratt pubbliku ma jkollux karatteristiċi distinti li oġġettivament ikunu jeżiġu l-eżekuzzjoni tiegħu esklużivament mill-operatur mistieden? B’mod partikolari, l-Artikolu 160(1) u (2), flimkien mal-Artikolu 164(1)(d) tar-Regolament 2018/1046, u l-Artikolu 102(1) u (2), flimkien mal-Artikolu 104(1)(d) tar-Regolament Nru 966/2012, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, wara l-għeluq ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku minħabba l-fatt li l-unika offerta sottomessa ma hijiex adegwata, l-awtorità kontraenti tista’ toħroġ stedina għall-parteċipazzjoni fi proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt lil operatur ekonomiku wieħed, f’sitwazzjoni fejn is-suġġett tal-kuntratt pubbliku ma jkollux karatteristiċi distinti li oġġettivament ikunu jeżiġu l-eżekuzzjoni tiegħu esklużivament mill-operatur mistieden?

____________

1     ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36.