Kawża C-117/20
bpost SA
vs
Autorité belge de la concurrence
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑22 ta’ Marzu 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Servizzi postali – Sistema ta’ tarifikazzjoni adottata minn fornitur ta’ servizz universali – Multa imposta minn awtorità regolatorja nazzjonali tas-settur postali – Multa imposta minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Eżistenza tal-istess reat – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet – Kundizzjonijiet – Tfittxija ta’ għan ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità”
1. Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Rikonoxximent kemm mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll mill-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem – Sens u portata identiċi
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(3)).
(ara l-punti 22, 23)
2. Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura kriminali – Klassifikazzjoni ġuridika tar-reat fid-dritt intern, natura tar-reat u grad ta’ severità tas-sanzjoni mġarrba
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)
(ara l-punti 24 sa 27)
3. Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti definittiva – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Deċiżjoni definittiva mogħtija wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)
(ara l-punti 29, 30)
4. Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Eżistenza tal-istess reat – Kriterju ta’ evalwazzjoni – Identiċità tal-fatti materjali
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)
(ara l-punti 33 sa 38)
5. Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti mill-Karta – Limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-kontenut essenzjali tal-imsemmi prinċipju – Evalwazzjoni
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(1)).
(ara l-punt 43)
6. Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti mill-Karta – Limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Tfittxija ta’ għan ta’ interess ġenerali – Kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjoni settorjali u d-dritt tal-kompetizzjoni – Leġiżlazzjonijiet li jsegwu għanijiet leġittimi distinti
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(1))
(ara l-punti 44 sa 47)
7. Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti mill-Karta – Limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjoni settorjali u d-dritt tal-kompetizzjoni – Natura xierqa, mhux sproporzjonata u strettament neċessarja tal-kumulu tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet – Evalwazzjoni – Kriterji
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(1))
(ara l-punti 48 sa 57)
Sunt
Mis-sena 2010, il-fornitriċi storika ta’ servizzi postali fil-Belġju, bpost SA, stabbilixxiet sistema ġdida ta’ tarifikazzjoni.
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 2011, l-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali Belġjana (1) kkundannat lil bpost għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 2.3 miljuni għal ksur tal-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli, sa fejn din is-sistema l-ġdida hija bbażata fuq differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn intermedjarji u klijenti diretti.
Din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), minħabba li l-prattika tariffarja inkwistjoni ma kinitx diskriminatorja. Din is-sentenza, li saret definittiva, ingħatat wara rinviju għal deċiżjoni preliminari li ta lok għas-sentenza bpost tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Frar 2015 (2).
Fil-frattemp, permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2012, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana kkonstatat li bpost kienet wettqet abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mil-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni (3) kif ukoll mill-Artikolu 102 TFUE. Dan l-abbuż kien ikkostitwit mill-adozzjoni u mill-implimentazzjoni tas-sistema ta’ tarifikazzjoni ġdida matul il-perijodu inkluż bejn ix-xhur ta’ Jannar 2010 u Lulju 2011. Għalhekk, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana kkundannat lil bpost għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 37 399 786, ikkalkolata billi ħadet inkunsiderazzjoni l-multa imposta preċedentement mill-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali.
Din id-deċiżjoni ġiet ukoll annullata mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell), minħabba li tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti qieset li l-proċeduri mmexxija mill-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali u mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni kienu jirrigwardaw l-istess fatti.
Madankollu, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) annullat din is-sentenza u bagħtet lura l-kawża quddiem il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell).
Fil-kuntest tal-proċedura wara dan ir-rinviju, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari intiżi sabiex isir magħruf, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jipprekludix li fornitur ta’ servizzi postali jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meta, għall-istess fatti, dan il-fornitur diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva dwar ksur tal-leġiżlazzjoni settorjali postali.
Bħala risposta għal dawn id-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala kulleġġ ġudikanti, tippreċiża kemm il-portata kif ukoll il-limiti tal-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja tibda billi tfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna.
Peress li n-natura kriminali tal-proċeduri miftuħa kontra bpost rispettivament mill-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali Belġjana u mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana kienet ġiet ikkonfermata mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, sussegwentement, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”).
Sa fejn id-deċiżjoni tal-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali Belġjana kienet ġiet annullata permezz ta’ sentenza li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, fejn skont din is-sentenza bpost kienet ġiet meħlusa mill-proċeduri li kienet is-suġġett tagħhom abbażi tal-leġiżlazzjoni settorjali postali, jidher li l-proċedura miftuħa minn din l-awtorità ngħalqet permezz ta’ deċiżjoni definittiva, b’mod li l-kundizzjoni “bis” hija ssodisfatta f’dan il-każ.
Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, il-kriterju rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, irrispettivament mill-klassifika ġuridika tagħhom fid-dritt nazzjonali jew l-interess ġuridiku protett. F’dan ir-rigward, l-identiċità tal-fatti tinftiehem bħala ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sa fejn jinvolvu l-istess awtur u huma marbuta inseparabbilment bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju.
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-fatti li kienu s-suġġett taż-żewġ proċeduri miftuħa kontra bpost abbażi, rispettivament, tal-leġiżlazzjoni settorjali postali u tad-dritt tal-kompetizzjoni, humiex identiċi. Kieku dan kellu jkun il-każ, il-kumulu taż-żewġ proċeduri mmexxija kontra bpost jikkostitwixxi limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta.
Tali limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tista’, madankollu, tkun iġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom. L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża, barra minn hekk, li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet fuq l-imsemmija drittijiet u fuq l-imsemmija libertajiet biss jekk dawn ikunu neċessarji u jekk effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-possibbiltà, prevista mil-liġi, li jiġu akkumulati l-proċeduri mmexxija minn żewġ awtoritajiet nazzjonali differenti u s-sanzjonijiet imposti minnhom tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta, bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess reat jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjonijiet differenti.
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali kumulu jistax jissodisfa għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li ż-żewġ leġiżlazzjonijiet li abbażi tagħhom tressqu proċeduri kontra bpost għandhom għanijiet leġittimi li huma distinti. Fil-fatt, filwaqt li l-leġiżlazzjoni settorjali postali għandha bħala għan il-liberalizzazzjoni tas-suq intern tas-servizzi postali, ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni jfittxu li jintlaħaq l-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern. Għalhekk, huwa leġittimu li, sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-suq intern tas-servizzi postali filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tiegħu, Stat Membru jrażżan in-nuqqasijiet kemm fir-rigward tal-leġiżlazzjoni settorjali li għandha bħala għan il-liberalizzazzjoni tas-suq ikkonċernat kif ukoll fir-rigward tar-regoli nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.
Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jitwettqu għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu minn din il-leġiżlazzjoni, peress li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas vinkolanti u li l-inkonvenjenzi kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-fatt li żewġ proċeduri jfittxu li jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali distinti li huwa leġittimu li jiġu protetti b’mod kumulattiv jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, bħala fattur intiż sabiex dan il-kumulu jiġi ġġustifikat, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jkunu komplimentari u li l-piż supplimentari li l-imsemmi kumulu jirrappreżenta jkun jista’ jiġi ġġustifikat b’dan il-mod miż-żewġ għanijiet imfittxija.
Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, għandu jiġi evalwat jekk l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu humiex limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tar-reati mwettqa. Għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat jekk jeżistux regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet kompetenti, jekk iż-żewġ proċeduri tmexxewx b’mod suffiċjentement ikkoordinat f’intervall ta’ żmien qrib u jekk is-sanzjonijiet imposti kollha jikkorrispondux mal-gravità tar-reati mwettqa.
Għalhekk, il-ġustifikazzjoni eventwali ta’ kumulu ta’ sanzjonijiet hija limitata minn kundizzjonijiet li, meta jiġu ssodisfatti, huma intiżi b’mod partikolari sabiex jillimitaw, mingħajr madankollu ma jikkontestaw l-eżistenza ta’ “bis” bħala tali, in-natura funzjonalment distinta tal-proċeduri inkwistjoni u għalhekk l-impatt konkret li jirriżulta għall-persuni kkonċernati mill-fatt li dawn il-proċeduri, immexxija fir-rigward tagħhom, ikunu akkumulati.