Language of document : ECLI:EU:T:2004:347

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

30 ta' Novembru 2004 (1)

"Trade mark komunitarja – Trade mark verbali NURSERYROOM – Motivi assoluti tar-rifjut – Artikolu 7 (1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-173/03,

Anne Geddes, residenti f'Auckland (New Zealand), irrappreżentata minn G. Farrington, solicitor,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI), irrappreżentat minn E. Dijkema u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-13 ta' Frar 2003 (Kawża R 839/2001-4) dwar talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali komunitarja NURSERYROOM,  

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Mejju 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Awwissu 2003,

wara s-seduta tat-22 ta' Settembru 2004,

 tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-Kawża

1       Fil-21 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal trade mark komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li tagħha ġiet mitluba r-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali NURSERYROOM.

3       Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet li ġejjin skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-skopijiet ta' Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957 [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif irrivedut u emendat:

–       klassi 16: "kotba, kartolerija [stationery], kartolini" [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–       klassi 18: "boroż għall-ħrieqi" [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–       klassi 21: "platti u kikkri" [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–       klassi 25:"kpiepel, papoċċi għat-trabi, ħwejjeġ għat-trabi, żraben, piġjami għat-trabi" [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–       klassi 28: "soft toys, mobiles" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4       Permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2001, l-eżaminatur, abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94, ċaħad it-talba magħmula taħt l-Artikolu 38 ta’ l-istess Regolament, għar-raġuni li t-trade mark mitluba kienet tiddeskrivi l-għan tal-prodotti indikati.

5       Fid-19 ta’ Settembru 2001, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem UASI, kontra d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur.

6       Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar (kawża R 839/2001-4, minn hawn ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ċaħad ir-rikors għar-raġuni li t-trade mark mitluba kienet tiddeskrivi l-għan tal-prodotti indikati u tal-popolazzjoni li għalihom huma intiżi, kuntrarjament għal dak li hemm previst fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

 Talbiet tal-partijiet

7       Ir-rikorrenti titlob li din il-Qorti jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna r-rinviju tal-kawża għand l-eżaminatur.

8       L-UASI jitlob lil din il-Qorti jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Il-Liġi

 Argumenti tal-partijiet

9       Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94 meta sostna li s-sinjal mitlub jiddeskrivi l-għan tal-prodotti indikati jew, alternattivament, li jindika karatteristika minn tagħhom – jiġifieri li huma intiżi għall-użu f’kamra tat-tfal żgħar (nursery room).

10     Analiżi sempliċi tal-kliem "nursery" u "room" li jiffurmaw it-trade mark mitluba turi li din it-trade mark, meħuda kollha flimkien, ma fiha ebda riferiment dirett għall-prodotti in kwistjoni, la tindika l-għan ta’ dawn il-prodotti u lanqas, neċessarjament, li huma se jiġu użati f’kamra tat-tfal żgħar ("nursery room").  Il-frażi "nurseryroom" m’għandhiex tifsira univoka.  L-aktar li din il-frażi tista’ tissuġġerixxi huwa li dawn il-prodotti huma adatti għat-tfal żgħar.  Din il-frażi hija, b’mod ċar, waħda suġġestiva u mhijiex frażi deskrittiva.  It-trade mark mitluba għandha karattru distintiv li huwa separat minn natura ta’ dawn il-prodotti.

11     Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell ma ħax biżżejjed in kunsiderazzjoni l-kwistjonijiet imqajma minnha.

12     L-UASI jallega li, permezz ta’ l-ilment magħmul fil-paragrafu preċedenti, ir-rikorrenti qegħda biss tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell dwar il-mertu tar-rikors quddiem dan ta’ l-aħħar.  Fil-każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza ssib bażi ta’ ksur ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija raġunata b’mod tajjeb.

13     L-UASI jsostni li r-rikorrenti tiżbalja li fid-deċiżjoni kkontestata tidentifika żewġ raġunijiet distinti li bihom tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

14     L-UASI jargumenta li l-kliem li jikkostitwixxu s-sinjal NURSERYROOM jippermettu lill-pubbliku rilevanti jipperċepixxi, mingħajr ebda riflessjoni oħra, l-għan ta’ dawn il-prodotti.  L-għaqda ta’ dawn il-kliem hija użata ta’ sikwit bl-iskop li tindika, mingħajr ekwivoku, kamra tat-tfal.  Huwa inkontestabbli li ċerti prodotti in kwistjoni huma intiżi speċjalment għat-trabi jew għat-tfal żgħar u li, ir-rikorrenti ma eskludietx dan l-għan għall-prodotti l-oħra.  Skond l-UASI, il-frażi "nurseryroom" ma fiha ebda karatteristika arbitrarja jew inventiva.  Hija mibnija fuq ir-regoli tal-grammatika normali u l-għaqda tal-kliem weħidha mhijiex biżżejjed sabiex tirrendi din il-frażi mhux deskrittiva.  L-UASI jikkunsidra li l-indikazzjoni impliċita tal-konsumaturi finali tal-prodotti in kwistjoni, jiġifieri t-trabi u t-tfal iż-żgħar, tikkostitwixxi karatteristika essenzjali ta’ dawn il-prodotti.  Din il-kunsiderazzjoni tispjega li dawn il-prodotti, għalkemm ta’ natura differenti, se jiġu mibjugħa fl-istess post.  Għalhekk, it-terminu "nurseryroom" tkun kruċjali meta jsir l-att tax-xiri.  Fis-seduta, l-UASI sostna li r-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba kien aktar u aktar iġġustifikat peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (Kawża C-363/99, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, paragrafu 102), sostniet li għall-iskop tal-liġi ftit li xejn jimporta li l-karatteristika deskritta mit-trade mark hija essenzjali fuq livell kummerċjali.

15     L-UASI jsostni li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli, peress illi l-Qorti tal-Prim' Istanza mhijiex kompetenti li tagħtih istruzzjonijiet.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza

16     Skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, "trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi" ma jistgħux jiġu rreġistrati.

17     Il-karattru deskrittiv ta’ trade mark għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni u, minn naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti.

18     F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell ma tax espressament definizzjoni tal-pubbliku rilevanti fid-deċiżjoni kkontestata.  Madankollu, it-trade mark mitluba, komposta minn kliem fil-lingwa Ingliża, ġiet eżaminata f’din il-lingwa mill-Bord ta’ l-Appell, u fl-assenza ta’ kwalunkwe talba oħra tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta’ l-Appell, impliċitament, iżda ċertament, ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur li jitkellem bl-Ingliż.

19     Skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley (Kawża C-191/01P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), sinjal verbali m’għandux jiġi rreġistrat, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, jekk, mill-inqas f’waħda mit-tifsiriet possibbli tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati (punt 32).

20     Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk, għall-pubbliku rilevanti, teżistix relazzjoni diretta u konkreta bejn is-sinjal verbali in kwistjoni u l-prodotti kkonċernati [ara, aktar reċentement, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Lulju 2004, Lissotschenko u Hentze vs UASI (LIMO), kawża T-311/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].

21     Mhuwiex ikkontestat li l-frażi "nurseryroom" tindika post intiż għat-trabi u t-tfal żgħar.  Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjal fil-kawża, meta għaqqad dawn iż-żewġ kelmiet fl-ordni grammatikali Ingliża korretta, ma ħoloqx impressjoni li hija distinta biżżejjed minn dik mogħtija mis-sempliċi tqegħid ħdejn xulxin tal-kliem sabiex jibdel it-tifsira u l-iskop tagħhom (ara b’analoġija, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, punt 14 u iktar 'l fuq, il-paragrafi 98 u 99).

22     Fost il-prodotti kkonċernati, ftit huma esklużivament għat-trabi jew għat-tfal żgħar.  Dan huwa l-każ għal boroż għal ħrieqi, għall-papoċċi għat-trabi, għall-ħwejjeġ għat-trabi, għall-piġjami għat-trabi u għas-soft toys.  Fir-rigward tal-prodotti l-oħra, jiġifieri l-kotba, il-kartolerija, il-kartolini, il-platti, il-kikkri, il-kpiepel, iż-żraben u l-mobiles, dawn il-kategoriji ta’ prodotti kollha jinkludu dawk li, minħabba l-forma tagħhom, id-daqs tagħhom, jew id-dehra tagħhom, huma speċifikament intiżi għat-trabi jew għat-tfal żgħar.

23     Ċertament, it-tifsira immedjata tas-sinjal in kwistjoni tindika l-post li fih din il-kategorija ta’ persuni tista’ titqiegħed.  Madankollu, din it-tifsira għandha tkun analizzata b’relazzjoni mal-prodotti indikati fit-talba għat-trade mark (ara l-paragrafu 17 hawn fuq).  F’din il-perspettiva, is-sinjal verbali in kwistjoni huwa perfettament adatt sabiex jindika prodotti li jistgħu jiġu użati f’nursery u, għalhekk, għal użu minn trabi jew tfal żgħar.  Peress illi l-prodotti in kwistjoni, kollha jistgħu jkunu intiżi, esklużivament jew potenzjalment għat-trabi jew għat-tfal żgħar, il-pubbliku rilevanti, mingħajr ebda sforz, ser jagħmel konnessjoni diretta u konkreta bejn is-sinjal u l-prodotti in kwistjoni.  Il-fatt, li bbażat fuqu r-rikorrenti, li l-prodotti indikati jistgħu ovvjament jiġu użati barra minn nursery ma jwaqqax din il-konklużjoni, peress illi, għal konsumatur medju, din l-eventwalità ma teffettwax il-fehma tiegħu dwar l-għan tal-prodotti in kwistjoni.

24     Huwa tajjeb li jiġi wkoll ikkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti – li jgħid li l-Bord ta’ l-Appell "ma ħax biżżejjed in kunsiderazzjoni l-kwistjonijiet imqajma minnha" u li jeżistu żewġ raġunijiet distinti fid-deċiżjoni kkontestata – ma ġewx ippruvati la fid-dritt u lanqas fil-fatt.  Għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala lmenti awtonomi u b’hekk ma jistgħux jibdlu din il-konklużjoni.

25     Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkonkluda li s-sinjal in kwistjoni jiddeskrivi l-għan tal-prodotti, u, b’estensjoni, il-kategorija ta’ dawk li finalment jużawhom, jiġifieri t-trabi u t-tfal iż-żgħar (paragrafu 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

26     Konsegwentament, l-unika talba tar-rikorrenti li fiha tallega ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi miċħuda.

27     Għalhekk, it-talba tar-rikorrenti sabiex jiġi ordnat ir-rinviju tal-kawża għand l-eżaminatur għandha wkoll tiġi miċħuda.

28     Għaldaqstant ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu.

 Fuq l-ispejjeż

29     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.  Peress illi r-rikorrenti tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, skond it-talba ta’ l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla )

taqta’ u tiddeċiedi li :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tħallas l-ispejjeż.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta' Novembru 2004.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


1 Lingwa tal-kawża: l-Ingliż