Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Novembru 2012 - Planet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-489/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Planet AE Anonimi Etairia parochis symvouleftikon ypiresion (Kumpannija b'responsabbiltà limitata li toffri servizzi ta' konsulenza) (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tirrikonoxxi l-fatt li billi ċaħdet l-ispejjeż ta' persunal għad-diriġenti tal-ogħla livell tar-rikorrenti, il-Kummissjoni Ewropea kisret il-kuntratti ONTOGOV, FIT u RACWeb u li, barra minn hekk, l-ispejjeż ta' persunal għad-diriġenti tal-ogħla livell tar-rikorrenti sottomessi lill-Kummissjoni għall-imsemmija kuntratti, li jammontaw flimkien għal EUR 547 653.42 huma ammissibbli u ma għandhomx jitħallsu lura mir-rikorrenti lill-Kummissjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors inkwistjoni jirrigwarda r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-kuntratti: a) Nru 507237 għall-implementazzjoni tal-proġett "Ontology enabled E-Gov Service Configuration (ONTGOV)", b) Nru 027090 għall-implementazzjoni tal-proġett "Fostering self-adaptive e-government service improvement using semantic technologies (FIT)" u ċ) Nru 045101 għall-implementazzjoni tal-proġett "Risk Assessment for Customs in Western Balkans (RACWeb)", skont l-Artikolu 272 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li hija ssodisfat l-obbligi kuntrattwali tagħha bis-sħiħ u kompletament u b'suċċess kbir, il-Kummissjoni, bi ksur tal-kuntratti msemmija iktar 'il fuq u tad-dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura ta' verifika tal-kontijiet, ċaħdet l-ispejjeż ta' persunal tar-rikorrenti li kienu jirrigwardaw lit-tliet diriġenti tal-ogħla livell tagħha.

B'mod partikolari, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha:

L-ewwel motiv, li jirrigwarda l-argument li r-rikorrenti assolutament ma kisritx l-obbligi kuntrattwali tagħha fir-rigward tal-ispejjeż ta' persunal, peress li a) l-ispejjeż ta' persunal għat-tliet diriġenti tal-ogħla livell tar-rikorrenti jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta' ammissibbiltà, b'mod konformi mal-klawżoli tal-kuntratti kkonċernati; u b) assolutament ma hijiex ipprojbita mill-kuntratti l-parteċipazzjoni tad-diriġenti tal-ogħla livell fi proġetti ffinanzjati.

It-tieni motiv, li jirrigwarda l-argument li waqt il-proċedura ta' verifika tal-kontijiet, il-Kummissjoni kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha, peress li a) il-verifika tal-kontijiet tal-Kummissjoni seħħet bi ksur tal-prinċipji ta' verifika tal-kontijiet Elleniċi u internazzjonali; b) it-talba tal-Kummissjoni li jiġu prodotti lilha dokumenti li Planet assolutament ma għandhiex obbligu li żżomm tikkostitwixxi ksur tal-kuntratti inkwistjoni u tentattiv ta' emenda unilaterali a posteriori tal-obbligi kuntrattwali ta' Planet u ċ) ir-riżultati tal-verifika tal-kontijiet inkwistjoni jikkuntrastaw mar-riżultati ta' verifika tal-kontijiet ta' Planet li saret preċedentement mill-Kummissjoni.

____________