Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2019 – Achema u Lifosa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-300/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Achema AB (Jonava, il-Litwanja) u Lifosa AB (Kedainiai, il-Litwanja) (rappreżentanti: E. Righini u N. Solárová, avukati)

Konvenuta: Il-Kummisjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 9209 finali tat-8 ta’ Jannar 2019 fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.45765 (2018/NN) – Il-Litwanja – Appoġġ lill-impjanti tal-enerġija li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tniehdi proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’dan il-mod ċaħħdet lir-rikorrenti mid-drittijiet proċedurali pprovduti fl-Artikolu 108(2) TFUE.

Ir-rikorrenti jargumentaw li l-evidenza kollha tindika li l-Kummissjoni missha kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat u l-mod ta’ ffinanzjar tagħha mas-suq intern u mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, hija kien imissha fetħet investigazzjoni formali.

Ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għal ammont sostanzjali ta’ evidenza li jvarja bejn it-tul tal-fażi ta’ qabel in-notifika u l-għoti ta’ żmien sproporzjonat bejn dik il-fażi u l-proċedura preliminari ta’ eżami, ċirkustanzi oħrajn li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata fihom u l-allegati żbalji riflessi fil-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni, li, skont huma, ma hijiex immotivata suffiċjentement u hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u assenza ta’ evalwazzjoni. Dawn il-fatturi allegatament juru li l-Kummissjoni għamlet analiżi insuffiċjenti tal-aspetti rilevanti u ma kellhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa qabel iddikjarat l-għajnuna mill-Istat u l-metodu ta’ ffinanzjar tagħha bħala kompatibbli mas-suq intern u mad-dritt tal-Unjoni.

B’mod partikolari, huwa allegat li (i) il-Kummissjoni żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha tal-iskema waħedha tas-Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli (SER) u t-taxxa tas-SER, filwaqt li interpretat il-qafas leġiżlattiv Litwan u l-ilmenti tar-rikorrenti b’mod żbaljat; (ii) il-Kummissjoni naqset milli tevalwa għajnuna għall-investiment mogħtija lil ġeneraturi ta’ SER u għaldaqstant l-evalwazzjoni sostantiva tagħha hija inkompleta u insuffiċjenti; (iii) il-Kummissjoni żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżenzjonijiet mit-taxxa taħt l-Artikolu 107(1) TFUE; (iv) l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ SER mas-suq intern kienet inadegwata u żbaljata; u (v) l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-metodu ta’ ffinanzjar mad-dritt tal-Unjoni huwa żbaljat u insuffiċjenti.

____________