Language of document : ECLI:EU:T:2013:592

Kawża T‑499/10

MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Ftehim bejn l-Istat Ungeriż u l-kumpannija taż-żejt u l-gass MOL dwar tariffi tax-xogħol fil-minjieri marbuta mal-estrazzjoni tal-idrokarburi — Emenda sussegwenti tas-sistema legali tat-tariffi — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Natura selettiva”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Novembru 2013

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Intervent li għandu bħala effett li jnaqqas il-piż tal-ispejjeż ta’ impriża — Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Kriterju għall-evalwazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Ftehim bejn Stat u operatur ekonomiku li ma jinvolvix element ta’ għajnuna — Emenda sussegwenti tal-kundizzjonijiet esterni għall-ftehim li jagħti pożizzjoni vantaġġuża lill-operatur — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ natura selettiva tal-ftehim

(Artikolu 107(1) TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 52, 53)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 54)

3.      Meta Stat jikkonkludi ftehim ma operatur ekonomiku li ma jinvolvix element ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, il-fatt li l-kundizzjonijiet esterni għal tali ftehim jinbidlu wara b’tali mod li l-operatur inkwistjoni jitqiegħed f’sitwazzjoni vantaġġuża meta mqabbel ma’ operaturi oħrajn li ma jkunux ikkonkludew ftehim simili ma huwiex biżżejjed sabiex, meta meħuda flimkien, il-ftehim u l-emenda sussegwenti tal-kundizzjonijiet esterni minnu jistgħu jitqiesu bħala jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali prinċipju, kwalunkwe ftehim li operatur ekonomiku jikkonkludi ma’ Stat u li ma jinvolvix elementi ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE jista’ dejjem jiġi diskuss mill-ġdid, meta s-sitwazzjoni tas-suq li fih jaġixxi l-operatur li huwa parti mill-ftehim tevolvi b’tali mod li tagħtih vantaġġ jew meta l-Istat jeżerċita s-setgħa regolatorja tiegħu b’mod li jkun oġġettivament iġġustifikat wara evoluzzjoni tas-suq filwaqt li josserva d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn tali ftehim. Min-naħa l-oħra, it-teħid flimkien tal-emenda sussegwenti tal-kundizzjonijiet esterni għalih jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat meta t-termini tal-ftehim konkluż ikunu ġew proposti b’mod selettiv mill-Istat lil operatur wieħed jew lil diversi u mhux abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jirriżultaw minn test ta’ portata ġenerali u applikabbli għall-operaturi kollha.

F’dan ir-rigward, il-fatt li operatur wieħed biss ikkonkluda ftehim ta’ dan it-tip ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura selettiva tal-ftehim, peress li tali ċirkustanza tista’ tirriżulta b’mod partikolari, mill-assenza ta’ interess min-naħa ta’ kwalunkwe operatur ieħor.

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, miżura ta’ għajnuna unika tista’ tkun ikkostitwita minn elementi magħquda flimkien bil-kundizzjoni li huma jkollhom, fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, tal-għanijiet tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument li jintervjenu, rabtiet tant mill-qrib bejniethom li jkun impossibbli li jiġu diviżi. F’dan il-kuntest, it-teħid flimkien imsemmi qabel jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat meta l-Istat jaġixxi b’tali mod li jipproteġi operatur wieħed jew diversi li huma diġà preżenti fis-suq, billi jikkonkludi magħhom ftehim li jagħtihom rati ta’ tariffi ggarantiti għat-tul kollu tal-ftehim, filwaqt li jkollu l-intenzjoni li jeżerċita sussegwentement il-kompetenza regolatorja tiegħu billi jżid ir-rata tat-tariffi b’tali mod li l-operaturi l-oħrajn fis-suq ikunu żvantaġġati, sew jekk ikunu operaturi diġà preżenti fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim u sew jekk ikunu operaturi ġodda.

(ara l-punti 64-67)