Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

11 ta’ Frar 2003(*)

“Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kamp ta’ applikazzjoni – Deċiżjonijiet li bihom tagħhom il-prosekuzzjoni twaqqaf definittivament il-proċeduri kriminali, mingħajr l-involviment ta’ qorti, ladarba l-akkużat ikun issodisfa ċerta kundizzjonijiet”

Fil-kawżi magħquda C 187/01 u C 385/01

li għandhom bħala suġġett it-talbiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 35 UE, mill-Oberlandesgericht Köln (Ġermanja) u r-Rechtbank van eerste aanlag te Veurne (Belġju) rispettivament u intiżi sabiex jiksbu, fil-proċeduri penali quddiem dawn il-ġurisdizzjonijiet kontra

Hüseyin Gözütok (C 187/01)

u

Klaus Brügge (C 385/01),

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p.19), iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J. P. Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen (Relatur) u C. W. A. Timmermans, Presidenti ta’ l-Awla, C. Gulmann, A. La Pergola, P. Jann u V. Skouris, F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr u J.N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D.Ruiz-Jarabo Colomer

Wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        Għal H. Gözütok, minn N.Hack, Rechtsanwalt (C-187/01);

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn W. D. Plessing, bħala aġent (C 187/01 u C 385/01),

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent (C 385/01),

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Abraham u G. de Bergues, kif ukoll minn C. Isidoro, bħala aġenti (C 187/01),

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent (C 187/01 u C 385/01),

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Bogensberger u C. Ladenburger (C 187/01), kif ukoll minn W. Bogensberger u R. Troosters (C 385/01), bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ H. Gözütok, irrappreżentat minn N. Hack, tal-gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn A. Dittrich, bħala aġent, tal-gvern Belġjan, irrappreżentat minn A. Snoecx, kif ukoll minn J. Devadder u W.Detavernier, bħala aġenti, tal-gvern Franċiż, irrappreżentat R. Abraham, tal-gvern Taljan, irrappreżentat G. Aiello, avvocato dello Stato, tal-gvern Olandiż, irrappreżentat minn C.Wissels, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn W.Bogensberger u R.Troosters, fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ digrieti tat-30 ta’ Marzu u ta’ l-4 ta’ Mejju 2001, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, fit-30 ta’ April u fit-8 ta’ Ottubru ta’ wara rispettivament, l-Oberlandesgericht Köln (C-187/01) u r-Rechtbank van eerste aanleg te Veurne (C-385/01), ressqu kull waħda, taħt l-Artikolu 35 UE, domanda preliminari fuq l-interpretazjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239,p.19; aktar ’il quddiem: il-“KIFS”), iffirmat f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990.

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi kriminali mressqa, minn naħa l-waħda, fil-Ġermanja kontra H. Gözütok u, min-naħa l-oħra, fil-Belġju kontra K. Brügge, għal reati mwettqa minn dawn ta’ l-aħħar fl-Olanda u fil-Belġju rispettivament, għalkemm il-proċeduri mressqa fi Stati membri oħra kontra ż-żewġ akkużati fuq l-istess fatti kienu ngħalqu definittivament wara li dawn ħallsu somma flus iddeterminata mill-prosekuzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (aktar ’il quddiem il-“Protokoll”), tlettax-il Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Taljana, huma awtorizzati sabiex jistabbilixxu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-acquis ta’ Schengen, kif iddefinit fl-Anness ta’ l-imsemmi protokoll.

4        Il-Ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13, aktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Schengen”), kif ukoll il-KIFS, jiffurmaw parti, inter alia , mill-acquis ta’ Schengen kif iddefinit.

5        L-għan tal-ftehim ta’ Schengen u tal-KIFS huwa li “jitneħħew kontrolli fil-fruntieri komuni fuq il-moviment ta’ persuni […]” (it-tieni paragrafu tal-preambolu tal-KIFS), peress li “l-unjoni dejjem eqreb bejn il-popli ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għandha tiġi riflessa fil-libertà tal-qsim ta’ fruntieri interni għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Istati Membri […]” (l-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim ta’ Schengen). Skond l-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Protokoll, l-Acquis ta’ Schengen ifittex “li jsaħħ[ah] l-integrazzjoni Ewropea u, partikolarment, [jabilita] lill-Unjoni Ewropea li tiżviluppa aktar malajr f’żona ta’ libertà, sigurta’ u ġustizzja”. Skond ir-raba inċiż tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 2 UE, iż-żamma u l-iżvilupp ta’ din iż-żona, li fiha hija assigurata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni, tinsab fost l-għanijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

6        Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, jiġifieri mill-1 ta’ Mejju 1999, l-acquis ta’ Schengen għandu japplika immedjatament għat-tlettax-il Stat Membru msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll.

7        Skond it-tieni sentenza tal-paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, il-Kunsill adotta, fl-20 ta’ Mejju 1999, Deċiżjoni 1999/436/KE, li tiddetermina, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea u tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, il-bażi ġuridika ta’ kull dispożizzjoni jew deċiżjoni li tikkostitwixxi l-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, p.17). Jirriżulta mill-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, flimkien ma’ l-Anness A tagħha, illi l-Kunsill indika l-Artikoli 34 UE u 31 UE, li huma parti mit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, intitolat “Disposizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali”, bħala bażi ġuridika ta’ l-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS.

8        L-Artikoli 54 u 58 tal-KIFS jiffurmaw il-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem”, tat-Titolu III ta’ din, li huwa intitolat “Pulizija u sigurtà”. Dawn jipprovdu partikolarment dan illi ġej :

“Artikolu 54

Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.

Artikolu 55

1.Parti Kontraenti tista’, meta tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni, tiddikjara li hija m'hijiex marbuta bl-Artikolu 54 f’wieħed jew iżjed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

a)      meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess; f’dan l-aħħar każ, madankollu, din l-eċċezzjoni m'għandhiex tapplika jekk l-azzjonijiet ikunu seħħu parzjalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza;

b)      meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà nazzjonali jew kontra interessi li huma ugwalment essenzali ta’ dik il-Parti Kontraenti;

c)      meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu ġew kommessi minn uffiċjali ta’ dik il-Parti Kontraenti bi ksur tad-doveri ta’ l-inkarigu tagħhom.

2.      Parti Kontraenti li tkun għamlet dikjarazzjoni li tirrigwarda l-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tispeċifika l-kategoriji ta’ reati li fir-rigward tagħhom din l-eċċezzjoni tista’ tapplika.

3.      Parti Kontraenti tista’ f’kull ħin tirtira dikjarazzjoni li għandha x'taqsam ma’ waħda jew iżjed mill-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

4.      L-eċċezzjonijiet li kienu s-soġġett ta’ dikjarazzjoni taħt il-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw meta l-Parti Kontraenti konċernata tkun, in konnessjoni ma’ l-istess azzjonijiet, talbet lill-parti Kontraenti l-oħra biex tressaq il-prosekuzzjoni jew tkun estradiet lill-persuna konċernata.

[...]

Artikolu 58

Id-dispożizzjonijiet li jidhru hawn fuq m’għandhomx iwaqqfu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali aktar estensivi dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda f’pajjiżi barranin.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi prliminari

Kawża C-187/01

9        H Gözütok huwa ċittadin tork, li ilu jirrisjedi fl-Olanda għal diversi snin. Huwa għandu ħanut tal-fast food fil-belt ta’ Heerlen, bl-isem ta’ “Coffee and Teahouse Schorpioen”.

10      Fil-kors ta’ żewġ perkwiżizzjonijiet imwettqa f’dan l-istabbiliment fit-12 ta’ Jannar u fil-11 ta’ Frar 1996, il-pulizija Olandiża sabet u ssekwestrat, rispettivament, kilo ħaxixa, kilo u nofs marijuana, 41 sigarett tal-ħaxixa kif ukoll 56 gramma ta’ ħaxixa, 200 gramma ta’ marijuana u 10 sigaretti tal-ħaxixa.

11      Jirriżulta mill-atti li l-proċedimenti kriminali meħuda fl-Olanda kontra H. Gözütok, wara s-sekwestri tat-12 ta’ Jannar u tal-11 ta’ Frar 1996 ġew abbandunati wara li dan ta’ l-aħħar aċċetta l-proposti tal-prosekuzzjoni, magħmula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika u ħallas l-ammonti ta’ 3000 NLG u 750 NLG rispettivament rikjesti minn din f’dan il-kuntest.

12      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 74(1) tal-Wetboek van Strafrecht (kodiċi penali Olandiż) jipprovdi li :

“Qabel il-bidu tas-smigħ, il-proskekuzzjoni tista’ tiffissa kundizzjoni waħda jew aktar sabiex tevita l-proċedimenti kriminali fuq dawn l-atti kriminali, bl-eċċezzjoni għal dawk li l-liġi tippenalizza b’piena ta’ ħabs ta’ aktar minn sitt snin, u għall-kontravenzjonijiet. Id-dritt li jibdew il-proċedimenti kriminali jispiċċa meta l-indagat jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet”.

13      Fost dawn il-kundizzjonijiet jista’ jinstab l-ħlas lill-Istat ta’ somma ta’ flus, li l-ammont ikun bejn 5 NLG u l-massimu ta’ l-ammenda illi jista’ jiġi deċiż għall-fatt inkwistjoni.

14      Kien bank Ġermaniż li, fil-31 ta’ Jannar 1996, ġibed l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi dwar H. Gözütok, billi wrihom movimenti ta’ amont sostanzjali magħmula fil-kont bankarju ta’ dan ta’ l-aħħar.

15      Wara li ġabret l-informazzjoni dwar il-kondotta ta’ H. Gözütok mill-awtoritajiet Olandiżi, fil-15 ta’ Marzu 1996 il-pulizija Ġermaniża ipproċediet għall-arrest tiegħu fil-Ġermanja u, fl-1 ta’ Lulju 1996, l-iStaatsanwaltschaft Aachen (Il-Prosekuzzjoni ta’ Aquisgrana, il-Ġermanja) akkużat lil H. Gözütok li wettaq fl-Olanda, minn ta’ l-anqas f’żewġ okkażjonijiet fil-perjodu kompriż bejn it-12 ta’ Jannar u l-11 ta’ Frar 1996, darba minnhom f’kwantitajiet sostanzjali, kummerċ fin-narkotiċi.

16      Fit-13 ta’ Jannar 1997, l-Amtsgericht Aachen (Il-Ġermanja) ikkundannat lil H. Gözütok għal piena ta’ ħabs ta’ sena u ħames xhur, b’sospensjoni kundizzjonata tal-piena.

17      Wara appell ta’ H. Gözütok kif ukoll tal-prosekuzzjoni minn din is-sentenza, il-Landgericht Aachen (il-Ġermanja), b’digriet tas-27 ta’ Awwissu 1997, għalqet il-proċeduri penali magħmula kontra H. Gözütok minħabba, b’mod partikolari, skond l-Artikolu 54 tal-KIFS, ir-rinunċja definittiva tal-proċedimenti kriminali minn naħa ta’ l-awtoritajiet Olandiżi li kienu jorbtu lill-awtoritajiet penali Ġermaniżi. Skond din il-qorti, l-għeluq tal-proċedimenti kriminali seħħet wara l-intervent ta’ tranżazzjoni proposta mill-prosekuzzjoni (“transactie”), proċedura ta’ dritt Olandiz li hija simili għall-kundanna definittiva (“rechtskräftige Verurteilung”) fis-sens tal-verżjoni Ġermaniża ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS, sakemm din it-tranżazzjoni ma tinvolvix il-parteċipazzjoni ta’ mħallef u ma tiħux il-forma ta’ sentenza.

18      Il-prosekuzzjoni appellat kontra dan id-digriet tal-Landgericht Aachen quddiem l-Oberlandgericht Köln li, filwaqt li kkunsidrat li l-eżitu tal-kontroversja jirrikjedi interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja, din id-domanda preliminari li ġejja :

“L-Artikolu 54 tal-KIFS jinvolvi l-estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta, fid-dritt Olandiż, din l-azzjoni titwaqqaf fir-Renju ta’ l-Olanda għall-istess fatti? B’mod partikolari, dan huwa wkoll il-każ meta deċiżjoni tal-prosekuzzjoni twaqqaf il-proċedimenti definittivament, ladarba ċerti kundizzjonijiet huma sodisfatti, (“transactie” tad-dritt olandiż), li jeskludi kull possibbiltà ta’ azzjoni penali quddiem il-qorti Olandiża, filwaqt li s-sistema ġuridika tal-Partijiet Kontraenti tirrikjedi li tali deċiżjoni teħtieġ l-approvazzjoni ta’ qorti?”

Kawża C-385/01

19      K. Brügge, ċittadin Ġermaniż residenti f’Rheinback (il-Ġermanja), huwa akkużat mill-prosekuzzjoni Belġjana li ta lis-Sinjura Leliaert, f’Oostduinkerke (il-Belġju), fid-9 ta’ Ottubru 1997, bi ksur ta’ l-Artikoli 392, 398(1) u 399(1) tal-Kodiċi Penali Belġjan, daqqiet u weġġgħha b’mod volontarju u li dan ikkawża mard jew inkapaċita ta’ xogħol.

20      Quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Veurne, fil-kompetenza penali tagħha, quddiemha K. Brügge ġie interpellat li jidher, is-Sinjura Leliaert interveniet fil-proċeduri bħala parti ċivili u talbet kumpens għad-danni morali li sofriet, ta’ ammont ta’ 20 000 BEF, bl-interessi li jiddekorru mid-9 ta’ Ottubru 1997.

21      Fil-kuntest ta’ l-inkjesta li hija kienet ordnat kontra K. Brügge fir-rigward tal-fatti li għalihom dan ta’ l-aħħar kien ġie interpellat quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Veurne, l-iStaatsanwaltschaft Bonn (Prosekuzzjoni ta’ Bonn) (il-Ġermanja) ipproponietilha, b’ittra tat-22 ta’ Lulju 1998, ftehim bonarju permezz tal-ħlas ta’ somma illi tammonta għal 1 000 (DEM). Peress li K. Brügge ħallas l-ammont propost fit-13 ta’ Awwissu ta’ wara, il-prosekuzzjoni waqqaf il-proċedimenti kriminali.

22      Jirriżulta mill-atti illi dan il-ftehim bonarju sar abbażi ta’ l-Artikolu 153a, moqri flimkien mat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 153(1) ta’ l-iStrafprozessordnung (Kodici tal-Proċedura Penali Ġermaniż), skond liema il-prosekuzzjoni tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, iwaqqaf il-proċedimenti kriminali, mingħajr l-approvazzjoni tal-qorti kompetenti, b’mod partikolari wara li l-akkużat ikun ħallas ċertu somma ta’ flus favur istituzzjoni ta’ interess ġenerali jew it-Teżor Pubbliku.

23      Billi qieset li l-eżitu tal-kawża li qed tidher quddiemha tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Veurne ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tissottometti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminarja:

“L-Artikolu 54 [tal-KIFS] jippermetti lill-prosekuzzjoni Belġjana li tinterpella ċittadin Ġermaniż sabiex jidher quddiem qorti kriminali Belġjana u li jiġi kkundannat filwaqt li dan iċ-ċittadin Ġermaniż ġie offrut lilu, għall-istess fatti, ftehim bonarju mill-prosekuzzjoni Ġermaniża u li huwa ħallas l-ammont li ġie propost lilu?”

24      Minħabba l-konnessjoni tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, ddeċidiet li taqgħad iż-żewg kawżi sabiex tagħti s-sentenza, skond l-Artikolu 43 tar-Regolament ta’ Proċedura tagħha.

 Fuq id-domandi preliminari

25      Permezz tad-domandi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju qed jistaqsu essenzjalment jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, japplikax ukoll għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika, bħal dawn in kwistjoni fil-kawzi prinċipali.

26      Mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS jirriżulta li ebda persuna ma’ tista’ tiġi mħarka fi Stat membru għall-istess fatti li fir-rigward tagħhom il-każ “[i]kun inqata’ b’mod finali” fi Stat membru ieħor.

27      Proċedura ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika, bħal dawk fil-kawzi prinċipali, hija proċedura illi biha l-prosekutur, abilitat għal dan l-għan bis-sistema ġuridika nazzjonali, jiddeċiedi li jwaqqaf il-proċedimenti kriminali kontra l-akkużat wara li dan issodisfa ċertu obbligi u, b’mod partikolari, ħallas ċertu somma ta’ flus, stabbilita mill-imsemmija prosekuzzjoni.

28      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, fl-kuntest ta’ din il-proċedura, ġiet imwaqqfa azzjoni pubblika permezz ta’ deċizjoni ta’ awtorita’ inkarigata sabiex tamministra l-ġustizzja penali fis-sistema ġuridika nazzjonali kkonċernata.

29      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li proċedura ta’ dan it-tip, li l-effetti tagħha, hekk kif previsti mil-liġi nazzjonali applikabbli jiddependu fuq l-eżekuzzjoni minn naħa ta’ l-akkużat li jwettaq ċerti obbligi preskritti mill-prosekuzzjoni, tippenalizza l-imġiba illeċita li l-akkużat allegatament wettaq.

30      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konluż li, meta, wara proċedura bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-azzjoni pubblika titwaqqaf definittivament, il-każ tal-persuna kkonċernata fir-rigward tal-fatti attribwriti lilha għandu jiġi kkunsidrat li “jkun inqata’ b’mod finali”, skond Artikolu 54 tal-KIFS. Barra minn hekk, ladarba ġew esegwiti l-obbligi ta’ l-akkużat, il-piena li ġġib il-proċedura ta’ l-estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika għandha tkun ikkunsidrata bħala “infurzata”, skond din id-dispożizzjoni.

31      Il-fatt illi l-ebda qorti ma tintervjeni fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li d-deċizjoni meħuda fl-aħħar ta’ din ta’ l-aħħar ma tiħux il-forma ta’ sentenza ma jistax jinvalida din l-interpretazzjoni, peress li tali elementi ta’ proċedura u ta’ forma ma jistgħux jaffettwaw l-effetti ta’ din il-proċedura, deskritti f’punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, liema, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni espressa kuntrarja fl-Artikolu 54 tal-KIFS, għandhom ikunu kkunsidrati biżżejjed sabiex jippermettu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem previst minn din id-dispożizzjoni.

32      Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li l-Artikoli 34 u 31 tiegħu kienu indikati bħala l-bażi ġuridika ta’ l-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS, la tal-Ftehim ta’ Schengen u lanqas tal-KIFS nfisha ma tassuġġetta l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS għall-armonizazzjoni jew, ta’ l-anqas, għal taqrib tal-leġiżlazzjonijiet penali ta’ l-Istati membri fil-qasam tal-proċedura ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, indipendentament mill-fatt li jiġi applikat għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika li jinvolvu l-intervent ġudizzjarju jew le, jimplika neċessarjament illi teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati membri fil-konfront tas-sistemi ta’ ġustizzja penali rispettivi tagħhom u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt penali fis-seħħ fl-Istati membri l-oħra, anke meta t-twettiq tad-dritt nazzjonali propju jwassal għal soluzzjoni differenti.

34      Għall-istess motivi, l-applikazzjoni minn Stat membru tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit mill-Artikolu 54 tal-KIFS, għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika li seħħu fi Stat membru ieħor mingħajr l-intervent ta’ qorti ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li lanqas is-sistema ġuridika ta’ l-ewwel Stat ma tirrikjedi tali intervent ġurisdizzjonali.

35      Din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS tgħodd iktar in kwantu hija l-unika li tirrispetta l-għan u l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni dwar aspetti ta’ proċedura jew purament ta’ forma, illi jvarjaw skond l-Istati membri kkonċernati, u sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni utli ta’ dan il-prinċipju.

36      F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa importanti li osservat li, kif jirriżulta mir-raba’ inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 UE, li, permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Unjoni Ewropea tat lilha nfisha l-għan li żżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala żona libertà, sigurtà u ġustizzja li fiha tkun assigurata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni.

37      Barra minn dan, kif joħroġ mill-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Protokoll, l-implementazzjoni fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-Acquis ta’ Schengen, illi tiegħu jagħmel parti l-Artikolu 54 tal-KIFS, hija intiża sabiex issaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea u, b’mod partikolari, sabiex tippermetti lill-Unjoni ssir b’mod mgħaġġel żona ta’ liberta’, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja li din għandha bħal għan li żżomm u tiżviluppa.

38      L-Artikolu 54 tal-KIFS, li għandu bħala għan li jiġi evitat li persuna, minħabba l-fatt li din teżerċita d-dritt tagħha taċ-ċirkolazzjoni libera, tkun sottomessa għal proċedimenti penali għall-istess fatti fuq territorju ta’ diversi Stati Membri, jista’ jikkontribwixxi b’mod validu għall-kisba kompleta ta’ dan l-oġġettiv biss jekk japplika wkoll għal deċiżjonijiet li jwaqqfu definittivament proċedimenti kriminali fi Stat Membru, għalkemm dawn ġew adottati mingħajr l-intervent qorti u ma jiħdux il-forma ta’ sentenza.

39      Min-naħa l-oħra, is-sistemi ġuridici nazzjonali li jipprovdu għal proċeduri ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika, bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, jagħmlu dan biss f’ċerti ċirkustanzi jew għal reati enumerati b’mod eżawrjenti jew definiti, liema, bħala regola ġenerali, mhumiex fost l-aktar gravi u huma punibbli biss b’pieni ta’ ċertu grad ta’ severta’.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-limitazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS biss għad-deċiżjonijiet li jwaqqfu l-azzjoni pubblika adottati minn qorti jew li għandhom il-forma ta’ sentenza, għandha bħala riżultat li jibbenefikaw biss mill-prinċipju ta’ ne bis in idem previst minn din id-dispożizzjoni, u għalhekk miċ-ċikolazzjoni libera li din ta’ l-aħħar hija intiża li tiffaċilita, l-akkużati ħatja ta’ reati li għalihom, minhabba n-natura serja tagħhom jew tal-pieni applikabbli għalihom, huwa impossibbli li jintuża metodu simplifikat li jitlestew ċerti kawżi penali permezz ta’ proċedura ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika, bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali.

41      Il-gvern tal-Ġermanja, tal-Belġju u ta’ Franza madankollu oġġezzjonaw li mhux biss il-kontenut ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS, iżda anki l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, ir-relazzjoni tagħha ma’ l-Artikoli 55 u 58 ta’ din il-Konvenzjoni, kif ukoll il-volonta tal-partijiet kontraenti ta’ din ta’ l-aħħar u ċerti atti oħra internazzjonali illi għandhom l-istess għan, jipprekludi li l-imsemmi Artikolu 54 jkun interpretat fis-sens li huwa japplika għal proċeduri ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika li ma jinvolvux l-intervent ta’ qorti. Il-gvern Belġjan iżid li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, deċiżjoni meħuda bħala riżultat ta’ proċedura, bħal dik in kwistjoni fil-kawża Brügge, tista’ titqabbel ma’ sentenza definittiva biss meta l-ewwel nett, id-drittijiet tal-vittma jkunu ġew protetti.

42      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kliem ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS, għandu jiġi mfakkar, kif jirriżulta minn punti 26 sa 38 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl ta’ l-għan u tal-finalita’ ta’ din id-dispożizzjoni, l-użu tal-kliemt “jkun inqata’ b’mod finali” ma tipprekludux li din id-dispożizzjoni tkun interpretata fis-sens li hija tista’ tapplika wkoll għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika, bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma jinvolvux l-intervent ta’ qorti.

43      Fit-tieni lok, mhux talli l-Artikolu 54 tal-KIFS huwa applikabbli għas-sentenzi jew għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubbliki li jinvolvu l-intervent ta’ qorti, iżda l-Artikoli 55 sa 58 tal-KIFS huma kompatibbli ma’ l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hekk kif tirriżulta mill-punti 26 sa 38 ta’ din is-sentenza.

44      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 55 tal-KIFS, safejn jippermetti lill-Istati membri sabiex jidderogaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għal ċerti fatti elenkati previsti minn ċerti sentenzi barranin, għandu loġikament jirreferi għall-istess atii u proċeduri li bihom, fir-rigward ta’ dawn il-fatti msemmija, każ jista’ “[j]inqata’ b’mod finali” għall-finijiet ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS. Din il-konklużjoni tidher aktar valida jekk wieħed jara illi Artikoli 54 u 55 tal-KIFS jużaw, fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, l-istess kelma sabiex jirreferu għal dawn l-atti u proċeduri.

45      Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ azzjoni pubblika, bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali mhijiex tali li tipprivaw lill-Artikolu 58 mill-effett utli tiegħu. Skond il-kliem tiegħu, fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri sabiex japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali li huma iktar wiesgħa mhux biss minn dawk ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS iżda wkoll dawk kollha tal-KIFS li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Barra minn hekk, din ma tippermettix biss li japplikaw dan il-prinċipju għal deċiżjonijiet ġudizzjarji diversi minn dawk li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-imsemmi Artikolu 54, iżda tirrikonoxxilhom, b’mod aktar ġenerali, id-dritt tagħhom sabiex japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lil dan il-prinċipju applikazzjoni aktar wiesgħa jew jassuġġettaw l-applikazzjoni tiegħu għal kundizzjonijiet inqas ristretti, indipendentement min-natura tad-deċiżjonijiet barranin fil-kawża.

46      F’dak illi jikkonċerna, fit-tielet lok, l-intenzjoni’ tal-Parti Kontraenti, li tirriżulta minn ċerti xogħlijiet parlamentari nazzjonali dwar ir-ratifika tal-KIFS jew tal-Konvenzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunita’ Ewropea tal-25 ta’ Mejju 1987, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju “ne bis in idem”, illi fih, fl-Artikolu 1 tiegħu, dispożizzjoni essenzjalment identika għal dik ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS, huwa biżżejjed li jingħad illi dawn ix-xogħlijiet huma qabel l-integrazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen fl-ambitu ta’ l-Unjoni Ewropea li seħħet permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam.

47      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tal-gvern Belġjan li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS għal tranżazzjonijiet penali tirriskja l-ksur tad-drittijiet tal-vittma ta’ reat, huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit f’din id-dispożizzjoni, għandu l-uniku effett li jevita illi persuna ġġudikata b’sentenza definittiva fi Stat membru tista’ tkun mħarka mill-ġdid għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor. Dan il-prinċipju ma jimpedixxix li l-vittma jew persuna oħra milquta mill-imġiba ta’ l-akkużat milli tressaq jew tkompli azzjoni ċivili diretta sabiex tikseb kumpens għad-danni subiti.

48      Fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi mressqa hija li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, japplika wkoll għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ azzjoni pubblika, bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li bihom il-prosekuzzjoni ta’ Stat Membru twaqqaf, mingħajr l-intervent ta’ qorti, il-proċedimenti kriminali mibdija f’dan l-Istat, wara li l-akkużat ikun issodisfa ċerti obbligi u, b’mod partikolari, ħallas ċertu ammont ta’ flus iffissat mill-prosekuzzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

49      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Franċiż, Taljan u Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

fir-rigward tad-domandi magħmula lilha mill-Oberlandesgericht Köln u mir-Rechtbank van eerste aanleg te Veurne b’digriet tat-30 ta’ Marzu u ta’ l-4 ta’ Mejju 2001 rispettivament, taqta’ u tiddeċiedi li:

Il-prinċipju tan-ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Gunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Gunju 1990, japplika wkoll għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ azzjoni pubblika, bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li bihom il-prosekuzzjoni ta’ Stat Membru twaqqaf, mingħajr l-intervent ta’ qorti, il-proċedimenti kriminali mibdija f’dan l-Istat, wara li l-akkużat ikun issodisfa ċerti obbligi u, b'mod partikolari, ħallas ċertu ammont ta’ flus iffissat mill-prosekuzzjoni.

Rodríguez Iglesias

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Timmermans

Gulmann

La Pergola

Jann

Skouris

Macken

Colneric

von Bahr

 

      Cunha Rodrigues

 

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Frar 2003.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Olandiż.