Language of document : ECLI:EU:T:2008:585

Kawża T-196/04

Ryanair Ltd

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat – Ftehim konklużi mir-Reġjun tal-Vallonja u Brussels South Charleroi Airport mal-kumpannija tal-ajru Ryanair – Eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku – Applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju tal-investitur privat

(Artikolu 87(1) KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju tal-investitur privat – Awtorità pubblika li tiġġestixxi faċilitajiet ta’ ajruport li jaqgħu taħt is-settur pubbliku

(Artikolu 87(1) KE)

1.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, huwa neċessarju li t-tranżazzjoni kummerċjali tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha sabiex jiġi vverifikat jekk l-entità tal-Istat u l-entità kkontrollata minn din tal-aħħar, meħuda flimkien, aġixxewx bħal operaturi razzjonali f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, l-elementi kollha rilevanti u l-kuntest tagħhom, inklużi dawk relattivi għas-sitwazzjoni tal-awtorità jew awtoritajiet li jipprovdu l-miżuri inkwistjoni.

(ara l-punt 59)

2.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala impriża li teżerċita attività ekonomika u l-obbligi li jista’ jkollu bħala awtorità pubblika. Għalkemm jidher li jkun neċessarju, fil-każ fejn l-Istat jaġixxi fil-kwalità ta’ impriża li topera bħala investitur privat, li l-aġir tiegħu jiġi analizzat fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju għandha tkun eskluża fl-ipoteżi fejn dan jaġixxi bħala awtorità pubblika. Fil-fatt, f’din l-aħħar ipoteżi, l-aġir tal-Istat ma jista’ qatt jitqabbel ma’ dak ta’ operatur jew investitur privat f’ekonomija tas-suq.

Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika. L-iffissar tal-ammont tat-tariffi għall-inżul, kif ukoll il-garanzija ta’ kumpens relattiva hija attività direttament marbuta mal-ġestjoni tal-infrastruttura tal-arjuport, li tikkostitwixxi attività ekonomika. L-imposti tal-ajruport iffissati minn awtorità pubblika għandhom jiġu kkunsidrati bħala remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi mogħtija fi ħdan l-ajruport, minkejja l-fatt, li r-rabta diretta u manifesta li teżisti bejn il-livell tal-imposti u s-servizz mogħti lill-utenti hija dgħajfa.

Barra minn hekk, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kumpanniji tal-ajru, minn awtorità pubblika, ta’ faċilitajiet ta’ ajruport, kif ukoll il-ġestjoni tagħhom, permezz tal-ħlas ta’ tariffa li r-rata tagħha hija stabbilita liberament minn din tal-aħħar, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ta’ natura ekonomika, billi għalkemm tali attivitajiet huma ċertament eżegwiti fis-settur pubbliku, huma ma jaqgħux, minħabba f’hekk biss, taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Fil-fatt, dawn l-attivitajiet mhumiex marbuta, minħabba n-natura tagħhom, l-għan tagħhom u r-regoli li huma suġġetti għalihom, mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi li huma tipikament prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

Il-fatt li l-proprjetarju ta’ faċilitajiet ta’ ajruport li jaqgħu taħt is-settur pubbliku jkun awtorità pubblika ma jistax għalhekk jeskludi li huwa jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala entità li teżerċita attività ekonomika.

Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li, l-awtorità pubblika għandha poteri ta’ natura regolamentari fil-qasam tal-iffissar tat-tariffi tal-ajruport ma jeskludix li l-eżami ta’ sistema ta’ skonti fuq l-imsemmija tariffi għandu jsir fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, billi sistema bħal din tista’ tiġi implementata minn operatur privat.

(ara l-punti 84,85, 87,89, 91,92, 101)