Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fil-5 ta’ Mejju 2021 – IG vs Varhoven administrativen sad

(Kawża C-289/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: IG

Konvenut: Varhoven administrativen sad

Domandi preliminari

L-emenda ta’ dispożizzjoni ta’ att normattiv tad-dritt nazzjonali, li fir-rigward tagħha ngħatat, qabel din l-emenda, deċiżjoni minn qorti tal-appell fis-sens li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi ksur ta’ norma effettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, teżenta lill-qorti tal-kassazzjoni mill-obbligu li tistħarreġ id-dispożizzjoni li kienet applikabbli sal-emenda, b’mod partikolari mill-perspettiva ta’ jekk din id-dispożizzjoni kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni?

Il-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni titqies li tħassret jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju effettiv għall-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (f’dan il-każ mill-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE 1 ), u b’mod partikolari tikkostitwixxi tali rimedju l-possibbiltà, prevista fid-dritt nazzjonali, li l-evalwazzjoni tal-konformità tad-dispożizzjoni nazzjonali qabel l-emenda mad-dispożizzjoni tad-dritt Ewropew titwettaq biss fil-każ li l-qorti tiġi adita b’kawża konkreta li fiha jintalbu danni minħabba din id-dispożizzjoni u dan fir-rigward biss tal-persuna li tkun fetħet il-kawża?

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, huwa permess li d-dispożizzjoni inkwistjoni tibqa’ tirregola r-relazzjonijiet pubbliċi fil-perijodu bejn l-adozzjoni tagħha u l-emenda tagħha fir-rigward ta’ grupp indefinit ta’ persuni li ma fetħux kawża għal kumpens quddiem qorti, u għalhekk ma tkunx twettqet evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali qabel l-emenda mad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ dawn il-persuni?

____________

1     ĠU 2012, L 315, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 113, p. 24.