Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Marzu 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Westminster Magistrates’ Court - Ir-Renju Unit) – Eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra PI

(Kawża C-648/20 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 8(1)(c) – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali abbażi ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà maħruġa mill-istess awtorità – Assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta – Konsegwenzi – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Westminster Magistrates’ Court

Parti fil-kawża prinċipali

PI

Dispożittiv

L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnha għandha tibbenefika persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali ma humiex issodisfatti meta kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll id-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha dan huwa msawwar jinħarġu minn prosekutur, li jista’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, iżda meta dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

____________

1     ĠU C 62, 22.02.2021.