Language of document : ECLI:EU:C:2020:517

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

2 ta’ Lulju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 12(1) – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali – Anness IV – Cricetus cricetus (ħamster komuni) – Postijiet ta’ mistrieħ u siti ta’ tgħammir – Deterjorazzjoni jew qerda – Postijiet abbandunati”

Fil-Kawża C‑477/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), b’deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

IE

vs

Magistrat der Stadt Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal IE, minnu stess,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn IE, impjegat ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, u l-Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni Muniċipali tal-Belt ta’ Vjenna, l-Awstrija) dwar l-adozzjoni minn din tal-aħħar ta’ deċiżjoni amministrattiva li timponi multa fuq IE u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ rkupru tagħha, piena ta’ priġunerija bħala piena alternattiva minħabba li, fil-kuntest ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ immobbli, huwa ddeterjora jew qered postijiet ta’ mistrieħ jew siti ta’ tgħammir tal-ispeċi Cricetus cricetus (ħamster komuni) inkluża fil-lista tal-ispeċi tal-annimali protetti li tinsab fl-Anness IV(a) tal-imsemmija direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva “habitats” jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.      Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

4        L-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)      l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)      tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)      qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)      deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

5        Fost l-ispeċi ta’ annimali li għandhom “interess għall-Komunità u li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib”, li l-lista tagħhom hija stabbilita fl-Anness IV(a) tal-imsemmija direttiva, jinsab inkluż, b’mod partikolari, il-Cricetus cricetus (ħamster komuni).

 Id-dritt Awstrijak

6        Il-Wiener Naturschutzgesetz (il-Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura tal-Land ta’ Vjenna), tal-31 ta’ Awwissu 1998 (LGBl. für Wien, 45/1998, iktar ’il quddiem il-“WNSchG”), tittrasponi d-Direttiva “habitats” fid-dritt nazzjonali għal-Land ta’ Vjenna (l-Awstrija).

7        Il-punt 4 tal-Artikolu 10(3) tal-WNSchG jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”. Dan jipprovdi, b’mod partikolari, li huwa pprojbit li wieħed jiddeterjora jew jeqred is-siti ta’ tgħammir jew il-postijiet ta’ mistrieħ ta’ annimali strettament protetti.

8        Is-sanzjonijiet previsti għal ksur tal-punt 4 tal-Artikolu 10(3) huma stabbiliti fil-punt 5 tal-Artikolu 49(1) tal-WNSchG. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, hija suġġetta għal multa li tista’ tilħaq EUR 21 000 jew, fil-każ ta’ din ma titħallasx, għal piena ta’ priġunerija alternattiva li tista’ tilħaq erba’ ġimgħat, u, fil-każ ta’ repetizzjoni, għal multa li tista’ tilħaq EUR 35 000, jew fil-każ li din ma titħallasx, għal piena ta’ priġunerija alternattiva li tista’ tilħaq sitt ġimgħat, kull persuna li, bi ksur tal-paragrafi 3 jew 4 tal-Artikolu 10 tal-WNSchG, tiddeterjora jew teqred siti ta’ tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ tal-annimali strettament protetti.

9        Skont l-Artikolu 22(5) tal-WNSchG, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza interventi individwali jekk il-miżura prevista, individwalment jew flimkien ma’ miżuri oħra meħtieġa mill-awtorità kompetenti, ma tikkompromettix b’mod sinjifikattiv l-għan tal-protezzjoni.

10      L-Anness tal-WNSchG jiddefinixxi l-Cricetus cricetus (ħamster komuni) bħala speċi ta’ annimali strettament protetta.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, li jimpjega lil IE, wettaq xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ bini fuq art li fiha kien jgħix il-ħamster komuni. Il-proprjetarju ta’ din l-art, li kien jaf b’din is-sitwazzjoni, informa lil dan il-kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, li nnomina espert ambjentali qabel il-bidu tax-xogħlijiet. B’hekk, dan stabbilixxa mappa tad-daħliet tal-postijiet fejn jgħix il-ħamster komuni u stabbilixxa, f’settur partikolari, jekk dawn il-postijiet kinux abitati jew le.

12      Qabel it-twettiq tax-xogħlijiet, l-imsemmi kuntrattur ta’ proprjetà immobbli neħħa s-saff veġetali, naddaf il-post ta’ kostruzzjoni u bena triq ta’ kostruzzjoni fil-viċinanza immedjata tad-daħliet tal-postijiet fejn jgħix il-ħamster komuni (iktar ’il quddiem il-“miżuri dannużi”). B’mod partikolari, it-tneħħija tas-saff veġetali kienet intiża sabiex iċaqlaq lill-ħamster komuni, li kien jgħix fuq is-superfiċi fejn seħħet l-attività ta’ kostruzzjoni, lejn is-superfiċi li kienu speċifikament protetti u rriżervati għalih. Madankollu, l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-miżuri dannużi ma ġietx mitluba mingħand l-awtorità kompetenti u, konsegwentement, ma nkisbitx qabel ma nbdew ix-xogħlijiet. Barra minn hekk, inqerdu mill-inqas żewġ daħliet għall-postijiet fejn jgħix il-ħamster komuni.

13      L-Amministrazzjoni Muniċipali tal-Belt ta’ Vjenna għalhekk ikkunsidrat li IE, bħala impjegat tal-istess kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, kien responsabbli għad-deterjorazzjoni jew għall-qerda tal-postijiet ta’ mistrieħ jew tas-siti ta’ tgħammir tal-ħamster komuni u imponietlu, skont il-punt tal-Artikolu 10(3) tal-WNSchG, multa li, fil-każ li ma titħallasx, tista’ tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija.

14      IE adixxa lill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) b’azzjoni intiża sabiex jikkontesta l-impożizzjoni ta’ din il-multa minħabba, b’mod partikolari, li, minn naħa, il-postijiet fejn jgħix il-ħamster komuni ma kinux jintużaw minn din tal-aħħar fil-mument li ġew implimentati l-miżuri dannużi u, min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri ma wasslux għad-deterjorazzjoni jew għall-qerda tal-postijiet ta’ mistrieħ jew tas-siti ta’ tgħammir ta’ din l-ispeċi ta’ annimali.

15      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”. Hija tirrileva n-neċessità li l-kunċetti li din id-dispożizzjoni tinkludi, bħal dawk ta’ “post ta’ mistrieħ”, ta’ “sit ta’ tgħammir”, ta’ “deterjorazzjoni” u ta’ “qerda”, jiġu ddefiniti b’mod preċiż peress li l-ksur tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 12(1)(d) tal-imsemmija direttiva jista’ jagħti lok għal sanzjonijiet kriminali. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni Ewropea fid-Dokument ta’ gwida fuq il-protezzjoni stretta ta’ l-ispeċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju skont id-Direttiva “habitats” 92/43/KEE (verżjoni finali, Frar 2007) ma humiex preċiżi u jħallu libertà kbira ħafna fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmija kunċetti.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-espressjoni ‘post ta’ mistrieħ’ fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’] għandha tiġi interpretata fis-sens li din l-espressjoni tinkludi wkoll dawk il-postijiet li qabel kienu postijiet ta’ mistrieħ iżda li fil-frattemp ġew abbandonati?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv:

Kull post li kien post ta’ mistrieħ, u li fil-frattemp ġie abbandunat, għandu jitqies li huwa ‘post ta’ mistrieħ’ fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’]?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv:

Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk post li qabel kien post ta’ mistrieħ u li fil-frattemp ġie abbandunat għandux jitqies li huwa ‘post ta’ mistrieħ’ fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’]?

2)      Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk att jew ommissjoni partikolari jikkostitwixxux intervent f’‘post ta’ mistrieħ’ fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’]?

3)      Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk att jew ommissjoni partikolari jikkostitwixxux intervent f’‘post ta’ mistrieħ’ fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’] li huwa tant serju li għandu jitqies li hemm ‘deterjorazzjoni’, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’], ta’ dan il-‘post ta’ mistrieħ’?

4)      Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk att jew ommissjoni partikolari jikkostitwixxux intervent f’‘post ta’ mistrieħ’ fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’] li huwa tant serju li għandu jitqies li hemm ‘qerda’, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’], ta’ dan il-‘post ta’ mistrieħ’?

5)      L-espressjoni ‘sit tat-tgħammir’ fl-Artikolu 12(1)(d) tad‑Direttiva [‘habitats’] għandha tiġi interpretata fis-sens li din l-espressjoni tkopri biss, l-ewwel nett, dak il-post, li jista’ jiġi ddelimitat b’mod preċiż, li fih regolarment iseħħu atti ta’ tgħammir fis-sens strett jew atti mwettqa fi spazju ristrett li huma marbuta direttament mar-riproduzzjoni (bħal b’mod partikolari it-tqegħid ta’ bajd) kif ukoll, it-tieni nett, barra minn hekk, il-postijiet kollha li jistgħu jiġu ddelimitati b’mod preċiż u li huma assolutament meħtieġa għall-iżvilupp tal-frieħ, bħal b’mod partikolari l-postijiet fejn isir it-tqegħid tal-bajd jew il-partijiet tal-pjanti meħtieġa fl-istadji tal-larva jew tax-xagħat?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv:

Xi tfisser l-espressjoni ‘sit tat-tgħammir’ fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’] u, fuq livell ġeografiku, kif għandu ‘sit tat-tgħammir’ jiġi distint minn postijiet oħra?

6)      Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk att jew ommissjoni partikolari jikkostitwixxux intervent f’‘sit tat-tgħammir’ fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad‑Direttiva [‘habitats’]?

7)      Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk att jew ommissjoni partikolari jikkostitwixxux intervent f’‘sit tat-tgħammir’ fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’] li huwa tant serju li għandu jitqies li hemm ‘deterjorazzjoni’, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’], ta’ dan is-‘sit tat-tgħammir’?

8)      Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk att jew ommissjoni partikolari jikkostitwixxux intervent f’‘sit tat-tgħammir’ fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’] li huwa tant serju li għandu jitqies li hemm ‘qerda’, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva [‘habitats’], ta’ dan is-‘sit tat-tgħammir’?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

17      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “postijiet ta’ mistrieħ”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludix ukoll il-postijiet ta’ mistrieħ li ma humiex iktar okkupati minn wieħed mill-ispeċi tal-annimali protetti elenkati fl-Anness IV(a) tal-imsemmija direttiva, bħall-Cricetus cricetus (ħamster komuni).

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva “habitats”, din għandha l-għan li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) u (3) ta’ din id-direttiva, il-miżuri meħuda skont din id-direttiva huma intiżi sabiex jiżguraw iż-żamma jew l-irripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, habitats naturali u speċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi li huma ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, u jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll karatteristiċi reġjonali u lokali.

19      L-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ ħarsien strett għall-ispeċijiet tal-annimali li jinsabu indikati fl-Anness IV(a) tal-istess direttiva, fil-postijiet naturali tagħhom, billi tipprojbixxi d-deterjorazzjoni jew il-qerda ta’ siti ta’ tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.

20      L-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri sabiex mhux biss jadottaw qafas leġiżlattiv komplet, iżda wkoll sabiex jimplimentaw miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni. Bl-istess mod, is-sistema ta’ ħarsien strett teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva. Għalhekk, tali sistema ta’ ħarsien strett tippermetti li tiġi effettivament evitata d-deterjorazzjoni jew il-qerda ta’ siti ta’ tgħammir jew ta’ postijiet ta’ mistrieħ tal-ispeċi tal-annimali li jinsabu indikati fl-Anness IV(a) tad-Direttiva “habitats” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑383/09, EU:C:2011:369, punti 19 sa 21, u tal-10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 27).

21      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ispeċi Cricetus cricetus, ġeneralment imsejħa “ħamster komuni”, tinsab fost l-ispeċi ta’ annimali protetti mid-Direttiva “habitats”.

22      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandha tiġi eżaminata l-ewwel domandi preliminari.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tad-21 ta’ Novembru 2019, Procureur-Generaal bij de Hoge Raad der Nederlanden, C‑678/18, EU:C:2019:998, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 12 tad-Direttiva “habitats”, kif ġie rrilevat fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, dan l-artikolu jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali protetti, fil-post naturali tagħhom. B’mod partikolari, il-paragrafu 1(d) tal-istess artikolu jobbliga l-imsemmija Stati jieħdu l-miżuri neċessarji li jipprojbixxu d-deterjorazzjoni jew il-qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ ta’ dawn l-ispeċi.

25      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 12 tad-Direttiva “habitats” ma jipprovdi ebda element utli għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “postijiet ta’ mistrieħ”.

26      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 1 tad-Direttiva “habitats” u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jiddefinixxu dan il-kunċett.

27      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-atti msemmija fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” ma humiex biss l-atti intenzjonali, imma wkoll dawk li ma humiex intenzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑6/04, EU:C:2005:626, punti 77 sa 79). Billi ma llimitax il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 12(1)(d) ta’ din id-direttiva għal atti intenzjonali, kuntrarjament għal dak li huwa previst għall-atti msemmija fl-Artikolu 12(a) sa (ċ) tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni wera r-rieda tiegħu li jagħti lis-siti ta’ tgħammir jew lill-postijiet ta’ mistrieħ protezzjoni ikbar kontra l-atti li jikkawżaw id-deterjorazzjoni jew il-qerda tagħhom (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑98/03, EU:C:2006:3, punt 55).

28      Barra minn hekk, b’differenza mill-atti msemmija fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva “habitats”, il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1)(d) ma tikkonċernax direttament l-ispeċi tal-annimali iżda hija intiża sabiex tipproteġi partijiet sinjifikattivi tal-habitat tagħhom.

29      Minn dan jirriżulta li l-protezzjoni stretta offruta mill-Artikolu 12(1)(d) ta’ din id-direttiva hija intiża sabiex tiggarantixxi li partijiet sinjifikattivi tal-habitat tal-ispeċi ta’ annimali protetti jiġu ppreżervati b’mod li dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet essenzjali sabiex, b’mod partikolari, jistrieħu fihom.

30      Konklużjoni identika tirriżulta mill-qari tad-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, imsemmi fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li jispeċifika li l-postijiet ta’ mistrieħ, li huma ddefiniti bħala żoni essenzjali għall-għajxien ta’ annimal jew ta’ grupp ta’ annimali meta dawn ma jkunux attivi, “għand[hom] jiġ[u] protett[i], anki meta [dawn] ma jintuża[w]x, iżda tkun teżisti raġonevolment probabbiltà qawwija li l-ispeċi kkonċernata tiġi lura għal dawn […] il-postijiet”.

31      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li mill-kuntest tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” jirriżulta li l-postijiet ta’ mistrieħ li ma jkunux għadhomx okkupati minn speċi tal-annimali protetta ma għandhomx jiġu ddeterjorati jew meqruda billi l-imsemmija speċi jistgħu jiġu lura f’dawn il-postijiet.

32      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan imfittex mid-Direttiva “habitats”, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 18 sa 20 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva tfittex li tiżgura protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali, permezz b’mod partikolari tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑508/04, EU:C:2007:274, punti 109 sa 112, u tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑46/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:146, punt 29).

33      Is-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva “habitats” għandha għalhekk tkun f’pożizzjoni li tipprekludi effettivament li jkun hemm ħsara lill-ispeċi ta’ annimali protetti u, b’mod partikolari, lill-habitat tagħhom.

34      Issa, ma jkunx kompatibbli ma’ dan l-għan li jiġu mċaħħda mill-protezzjoni l-postijiet ta’ mistrieħ ta’ speċi ta’ annimali protetta meta dawn ma jkunux għadhom okkupati iżda jkun hemm probabbiltà suffiċjentement kbira li l-imsemmija speċi tiġi lura fuq f’dawn il-postijiet, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

35      Għaldaqstant, il-fatt li post ta’ mistrieħ ma jkunx iktar okkupat minn speċi ta’ annimali protetta ma jfissirx madankollu li dan il-post ma jibbenefikax mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “postijiet ta’ mistrieħ”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludi wkoll il-postijiet ta’ mistrieħ li ma jkunux iktar okkupati minn waħda mill-ispeċi ta’ annimali protetti li jinsabu indikati fl-Anness IV(a) tal-imsemmija direttiva, bħall-Cricetus cricetus (ħamster komuni), sa fejn ikun hemm probabbiltà suffiċjentement kbira li l-imsemmija speċi tiġi lura f’dawn il-postijiet ta’ mistrieħ, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq il-ħames domanda

37      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “siti ta’ tgħammir”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludix biss il-post li jista’ jiġi ddelimitat b’mod preċiż li fih iseħħu b’mod regolari atti ta’ tgħammir jew atti b’rabta diretta mar-riproduzzjoni tal-ispeċi kkonċernata jew jinkludix ukoll il-post li huwa assolutament neċessarju għall-iżvilupp tal-frieħ tal-imsemmija speċi.

38      Issa, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tar-rinviju ma timmotivax ir-rilevanza ta’ din id-domanda u li din hija ta’ natura ipotetika.

39      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza tal-kunċett ta’ “sit ta’ tgħammir” għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

42      Fil-fatt, minn naħa, mill-informazzjoni inkluża fil-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-fatt li postijiet ta’ mistrieħ ġew affettwati mill-miżuri dannużi huwa inkontestabbli, peress li l-qorti tar-rinviju tfittex biss li ssir taf jekk tali postijiet jistgħux jiġu kklassifikati bħala “postijiet ta’ mistrieħ”, skont il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, ukoll meta dawn ma jkunux għadhom okkupati mill-ħamster komuni.

43      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi li jippermetti li jiġi evalwat jekk u sa fejn, minbarra l-klassifikazzjoni tal-parti tal-habitat naturali tal-ħamster komuni bħala “post ta’ mistrieħ”, l-indikazzjoni ta’ dan l-habitat bħala “sit ta’ tgħammir” għandhiex xi effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

44      Issa, minbarra l-fatt li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tal-kuntest fattwali deskritt mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta espressament mill-kliem tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, li l-projbizzjoni ta’ kull deterjorazzjoni jew qerda tkopri alternattivament is-siti ta’ tgħammir jew il-postijiet ta’ mistrieħ tal-ispeċi ta’ annimali protetti u ma tistabbilixxi ebda differenza fl-applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni skont il-parti tal-habitat naturali kkonċernat.

45      Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija inammissibbli.

 Fuq it-tieni sar-raba’ u s-sitt sat-tmien domanda

46      Permezz tat-tieni sar-raba’ u s-sitt sat-tmien domanda preliminari li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “deterjorazzjoni” u ta’ “qerda”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”.

47      Madankollu, skont il-Kummissjoni, dawn id-domandi huma ta’ natura ipotetika.

48      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li żewġ daħliet tal-postijiet fejn jgħix il-ħamster komuni ġew meqruda permezz tal-miżuri dannużi, li jimplika li dawn il-postijiet ġew bħala minimu ddeterjorati.

49      Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” jirreferi alternattivament għad-deterjorazzjoni jew għall-qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-ispeċi ta’ annimali protetti.

50      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni jew ta’ qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ skont in-natura tal-ħsara kkawżata lil dawn is-siti jew lil dawn il-postijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-informazzjoni ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li jimponu fuq IE multa, li tista’, fil-każ ta’ nuqqas ta’ rkupru tagħha, tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija, tistabbilixxi distinzjoni, fir-rigward tal-gravità tas-sanzjoni hekk imposta, skont jekk ikunx każ ta’ deterjorazzjoni jew ta’ qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-ispeċi ta’ annimali protetti.

51      Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sar-raba’ u s-sitt sat-tmien domandi.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “postijiet ta’ mistrieħ”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludi wkoll il-postijiet ta’ mistrieħ li ma jkunux iktar okkupati minn waħda mill-ispeċi ta’ annimali protetti li jinsabu indikati fl-Anness IV(a) tal-imsemmija direttiva, bħall-Cricetus cricetus (ħamster komuni), sa fejn ikun hemm probabbiltà suffiċjentement kbira li l-imsemmija speċi tiġi lura f’dawn il-postijiet ta’ mistrieħ, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.