Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Marzu 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Törvényszék - l-Ungerija) – Györgyné Lintner vs UniCredit Bank Hungary Zrt.

(Kawża C-511/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self iddenominat f’munita – Artikolu 4(1) – Teħid inkunsiderazzjoni tal-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt għall-finijiet tal-evawlazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata – Artikolu 6(1) – Eżami ex officio mill-qorti nazzjonali tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratt – Portata)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Györgyné Lintner

Konvenuta: UniCredit Bank Hungary Zrt.

Dispożittiv

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’rikors ippreżentat minn konsumatur u intiż li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli inklużi f’kuntratt li dan il-konsumatur ikun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur, ma hijiex obbligata teżamina ex officio u individwalment il-klawżoli kuntrattwali l-oħra kollha, li ma ġewx ikkontestati mill-imsemmi konsumatur, sabiex tivverifika jekk dawn jistgħux jitqiesu bħala inġusti, iżda għandha teżamina biss dawk li huma marbuta mas-suġġett tat-tilwima, hekk kif din tal-aħħar ġiet iddelimitata mill-partijiet, meta hija jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, ikkompletati, jekk ikun il-każ, b’miżuri istruttorji.

L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, filwaqt li huwa veru li, sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li sservi ta’ bażi għat-talbiet ta’ konsumatur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jimplikax, bħala tali, obbligu, għall-qorti nazzjonali adita, li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli kollha.

____________

1     ĠU C 402, 27.11.17.