Language of document : ECLI:EU:C:2019:287

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl‑4 ta’ April 2019 (1)

Kawża C104/18 P

Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret AŞ

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

il-parti l-oħra fil-proċedura:

Joaquín Nadal Esteban

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva li tinkludi l-elementi verbali STYLO & KOTON – Ċaħda tat-talba għal annullament – Mala fide”






I.      Introduzzjoni

1.        Trade mark irreġistrata b’mala fide tista’ sussegwentement tiġi ddikjarata invalida. Madankollu, x’jikkostitwixxi mala fide u kif jista’ wieħed jiddeterminaha?

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà wettqet xi konstatazzjonijiet dwar dan u l-Qorti Ġenerali setgħet tapprofondixxi dawn il-kwistjonijiet f’diversi proċeduri. Madankollu, kjarifika konklużiva ta’ dawn il-kwistjonijiet għadha pendenti. Dan l-appell jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tispeċifika l-ġurisprudenza tagħha.

II.    Il-kuntest ġuridiku

3.        Il-kuntest ġuridiku tal-kawża preżenti jirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 207/2009 (2).

4.        L-Artikolu 52(1) tar-Regolament dwar it-trade Mark (issa l-Artikolu 59(1) tar-Regolament 2017/1001) jinkludi r-raġunijiet assoluti għal invalidità:

“Trademark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

(a)      […]

(b)      meta l-applikant jkun aġixxa morożament meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.”

5.        L-Artikolu 52(3) tar-Regolament dwar it-Trade Mark (issa l-Artikolu 59(1) tar-Regolament 2017/1001) jipprevedi l-possibbiltà ta’ invalidità parzjali:

“Jekk ir-raġuni ta’ invalidità tkun teżisti biss fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark tal-Unjoni Ewropea hija reġistrata, it-trade mark għandha tiġi dikjarata bħala invalida fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi biss”.

6.        L-Artikolu 65 tar-Regolament dwar it-trade Mark (issa l-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001) jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-proċedura legali u l-konsegwenzi tagħha:

“1.      Jistgħu jitressqu azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell relattivament għal appelli.

[…]

6.      L-Uffiċċju għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew, fil-każ ta’ appell kontra dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja.”

III. Il-fatti u l-proċedura preċedenti

7.        Fil‑25 ta’ April 2011, J. Nadal Esteban, ippreżenta applikazzjoni quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li ġejja għall-klassi 25 (ħwejjeġ, xedd is-saqajn, xedd ir-ras), 35 (reklamar, il-ġestjoni ta’ negozju, l-amministrazzjoni ta’ negozju, funzjonijiet ta’ uffiċċju) u 39 (trasport, l-ippakkjar u l-ħażna ta’ oġġetti, arranġamenti għall-ivvjaġġar) tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat:

Image not found

8.        L-appellanti, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret AŞ (iktar ’il quddiem “Koton”), ikkontestat din l-applikazzjoni abbażi tat-trade marks figurattivi preċedenti tagħha stess, li t-tnejn li huma għandhom din il-forma:

Image not found

9.        Dawn it-trade marks ġew irreġistrati, fost oħrajn, għal prodotti jew servizz fil-klassijiet 25 u 35, iżda mhux għal dawk fil-klassi 39. L-oppożizzjoni kellha suċċess fir-rigward tal-ewwel żewġ klassijiet.

10.      Min-naħa l-oħra, it-trade mark kontenzjuża ġiet irreġistrata fil‑5 ta’ Novembru 2014 taħt in-numru 9917436 għas-servizzi fil-klassi 39.

11.      Fil‑5 ta’ Diċembru 2014, Koton ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark minħabba mala fide skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark.

12.      Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO ċaħdet din it-talba, bħalma għamel il-Bord tal-Appell li ċaħad l-ilment kontriha. Permezz tas-sentenza appellata tat‑30 ta’ Novembru 2017, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO – Nadal Esteban (STYLO & KOTON) (T‑687/16), mhux ippubblikata, EU:T:2017:853), il-Qorti Ġenerali finalment ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

13.      It-tliet deċiżjonijiet kollha kienu bbażati fuq il-fatt li t-trade marks ta’ Koton ma kinux ikopru s-servizzi li għalihom it-trade mark kontenzjuża kienet ġiet irreġistrata.

IV.    Talbiet

14.      Fit‑13 ta’ Frar 2018, Koton ippreżentat dan l-appell u talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

1)      tannulla s-sentenza appellata;

2)      tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

3)      tiddikjara t-trade mark kontenzjuża Nru 9917436 bħala invalida;

4)      tikkundanna lil Joaquín Nadal Esteban u lill-EUIPO għall-ispejjeż.

15.      L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

1)      tilqa’ l-appell, u

2)      tikkundanna lill-EUIPO u lil Joaquín Nadal Esteban għall-ispejjeż.

16.      Min-naħa l-oħra, Joaquín Nadal Esteban talab li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

1)      tiċħad l-appell, u

2)      tikkundanna lil Koton għall-ispejjeż.

17.      Il-partijiet ippreżentaw noti bil-miktub u għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tas‑6 ta’ Diċembru 2018.

V.      L-analiżi ġuridika

18.      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li t-talba ta’ Koton għall-annullament tat-trade mark kontenzjuża hija inammissibbli. Minn naħa, Koton ma ressqitx din it-talba quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhek dan diġà jikkostitwixxi tkabbir tas-suġġett tat-tilwima. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament dwar it-trade mark, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell biss għandha tkun is-suġġett tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni.

19.      Madankollu, Koton u l-EUIPO, jikkontestaw, b’mod partikolari, devjazzjoni relattivament ċara tas-sentenza appellata fir-rigward ta’ ġurisprudenza preċedenti. Jiena l-ewwel ser niddiskuti tali devjazzjoni (ara taħt A), qabel neżamina jekk raġunijiet ulterjuri jistgħux xorta waħda jiġġustifikaw is-sentenza appellata (ara taħt B). Għalhekk, id-deċiżjoni dwar dan l-appell tiddependi fuq jekk aspett ieħor, li sa issa għadu ma ġiex ikkunsidrat mill-EUIPO, huwiex is-suġġett tal-proċedura jew le jew jekk ġiex invokat wara l-iskadenza tat-terminu (ara taħt C). Finalment, ser nikkummenta dwar ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (ara taħt D).

A.      Il-ħtieġa tal-użu tat-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu

20.      Fl-uniku aggravju tagħha, Koton tikkontesta li, fil-punti 44 u 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark. L-EUIPO jsostni dan l-argument.

21.      Skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark, it-trade mark tal-Unjoni tiġi ddikjarata invalida b’applikazzjoni lill-Uffiċċju, jekk l-applikant ikun aġixxa b’mala fide meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.

22.      Fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell li l-mala fide min-naħa tal-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark toħloq preżunzjoni li terz juża sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott jew għal servizz identiku jew li jixxiebah li jista’ jkun konfuż mas-sinjal li għalih issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

23.      Wara li ċaħdet iktar argumenti minn Koton dwar jekk hija tgawdix mill-protezzjoni tat-trade marks għal servizzi simili jew li jixxiebhu, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkonstatat, fil-punt 60 tas-sentenza appellata li l-Bord tal-Appell ġustament iddeċieda li J. Nadal Esteban ma rreġistrax it-trade mark inkwistjoni b’mala fide peress li din kienet irreġistrata għal servizzi li huma differenti minn dawk indikati mit-trade marks preċedenti indikati minn Koton.

24.      Għalkemm il-Qorti Ġenerali madankollu qieset aspetti oħra li jiena ser niddiskuti iktar ’il quddiem (taħt B), dawn iż-żewġ punti tas-sentenza appellata huma vvizzjati minn żball ta’ liġi serju.

25.      L-użu ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott jew għal servizz identiku jew li jixxiebah, li jista’ jiġi konfuż mas-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa, kif il-Qorti Ġenerali nnifisha ġustament tosserva fil-punti 32 u 40 tas-sentenza appellata (3), fattur wieħed biss li jeħtieġ li jiġi partikolarment ikkunsidrat (4). Għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk l-applikant aġixxiex b’mala fide għandhom jitqiesu korrettament il-fatturi rilevanti kollha li jappartjenu għalih fil-każ inkwistjoni u li kienu jeżistu meta saret il-preżentata tal-applikazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja (5).

26.      Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi kkontestata, kif ser nispjega iktar ’il quddiem fid-dettall b’ħames argumenti.

27.      Fl-ewewl lok, kif ġustament jindikaw Koton u l-EUIPO, ir-raġuni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark, ma tippreżupponix li l-applikant ikun il-proprjetarju tat-trade mark għal prodotti jew għal servizzi identiċi jew li jixxiebhu. Pjuttost, fil-prinċipju kulħadd jista’ japplika għall-invalidità ta’ trade mark minħabba mala fide.

28.      Fit-tieni lok, il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha hija konsegwenza inevitabbli tan-natura suġġettiva tal-mala fide. Tali kundizzjoni għall-applikazzjoni suġġettiva tista’ tiġi ddeterminata biss b’riferiment għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ (6). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll is-sistema tar-reġistrazzjoni b’mala fide tal-ismijiet ta’ dominju, konnessa mad-dritt tat-trade marks, li f’xi verżjonijiet lingwistiċi tista’ fil-fatt tinftiehem bħala definizzjoni eżawrjenti tal-elementi li jikkostitwixxu mala fide, fis-sens li dawn l-elementi ma humiex eżawrjenti (7).

29.      It-tielet nett, il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati b’mod eżawrjenti l-fatturi rilevanti kollha tirriżulta wkoll mis-suġġett tal-mala fide.

30.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħal-leġiżlatur, għadha ma żviluppatx definizzjoni komprensiva tal-mala fide (8). Din il-prekawzjoni tagħmel sens, minħabba li huwa diffiċli li wieħed ibassar liema każijiet ser iseħħu fil-futur u li għandhom jiġu evalwati.

31.      Madankollu, fl-istħarriġ tal-mala fide, il-ġurisprudenza dwar il-konstatazzjoni ta’ aġir abbużiv tista’ tipprovdi gwida (9). Dan l-aġir huwa kkaratterizzat minn kundizzjoni oġġettiva u minn kundizzjoni suġġettiva. Dak li jirrigwarda l-kundizzjoni għall-applikazzjoni oġġettiva, irid jirriżulta minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi oġġettivi, li minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx. Fir-rigward tal-element suġġettiv, mnn diversi indizji jirriżulta li l-għan essenzjali tal-atti inkwistjoni huwa essenzjalment il-ksib ta’ vantaġġ indebitu. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi ma hijiex rilevanti meta l-atti inkwistjoni jista’ jkollhom ġustifikazzjoni oħra għajr is-sempliċi ksib ta’ vantaġġ (indebitu) (10). Għalhekk dan jiddependi wkoll fuq evalwazzjoni komprensiva tal-fatturi rilevanti.

32.      Jekk wieħed jifhem mala fide fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark bħala l-espressjoni tal-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, għandhom jiġu ddeterminati l-għan rilevanti tal-protezzjoni tat-trade mark u l-vantaġġ possibbilment indebitu, partikolarment fir-rigward tal-funzjoni prinċipali tat-trade mark. Din il-funzjoni tikkonsisti f’li tiġi ggarantita lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, li tippermettilu li jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra (11).

33.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li applikazzjoni għal trade mark li l-għan tagħha ma huwiex li din it-trade mark tintuża skont il-funzjoni prinċipali tagħha tista’ tiġi ppreżentata b’mala fide (12). B’mod partikolari, mala fide tista’ teżisti meta l-applikant ma jkollu l-ebda intenzjoni li juża t-trade mark bħala tali (13), iżda wkoll meta jkollu l-intenzjoni li juża t-trade mark sabiex iqarraq bil-konsumaturi dwar il-provenjenza tal-prodotti jew tas-servizzi.

34.      Ir-raba’ nett, għalhekk, varjanti oħra ta’ mala fide huma faċilment konċepibbli li ma jeħtiġux sovrappożizzjoni ma’ applikazzjoni għal trade mark diġà eżistenti. Hawnhekk trid tissemma applikazzjoni għal trade mark minn persuna li tippreżenta trade mark bl-unika iskop li tostakola applikazzjoni għal trade mark imminenti minn terzi (fenomenu “okkupazzjoni tat-trade marks”) (14).

35.      Il-ħames nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, diġà rrikonoxxiet il-possibbiltà ta’ applikazzjoni għal trade mark b’mala fide li biha l-applikant xtaq li joħloq il-bażi għall-akkwist ta’ isem ta’ dominju deskrittiv (15). F’dan ir-rigward ma kienx importanti li jiġi stabbilit sa fejn trade marks kienu diġà ġew irreġistrati għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu.

36.      Għalhekk, ma huwiex indispensabbli għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ mala fide li terzi tuża sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott jew għal servizz identiku jew li jixxiebah, li jista’ jiġi konfuż mas-sinjal li għalih qiegħda ssir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

37.      Anki minn din il-konklużjoni xejn ma jinbidel meta l-mala fide ma tiddependix minn għan li ma ntlaħaqx u minn vantaġġ indebitu, iżda, kif issuġġerixxiet l-Avukat Ġenerali Sharpston, tikkostitwixxi diverġenza minn prinċipji rikonoxxuti ta’ aġir etiku jew użanzi ta’ lealtà f’materji industrijali jew kummerċjali (16). Anki għal mistoqsija bħal din għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha.

B.      Fuq l-eżami effettiv mill-Qorti Ġenerali

38.      Madankollu, mill-konstatazzjoni ta’ dan l-iżball ta’ liġi ċċitat ma jirriżultax neċessarju li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. Dan peress li l-Qorti Ġenerali, minkejja l-konstatazzjoni tagħha fil-punti 44 u 60 tas-sentenza appellata, qieset fatturi oħra.

39.      Fil-punti 54 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li J. Nadal Esteban kellu relazzjoni kummerċjali ma’ Koton ftit snin qabel u għalhekk kellu jkun jaf bit-trade mark tagħha, kif ukoll dwar il-fatt li J. Nadal Esteban oġġezzjona għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark minn Koton fi Spanja. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, dawn l-indizji ma kinux biżżejjed biex jipproduċu prova ta’ mala fide.

40.      Minn dan għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tagħha stess fil-punti 44 u 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-identiċità jew ix-xebh tas-servizzi indikati bħala indispensabbli sabiex tikkonkludi li kien hemm mala fide.

41.      Bħala riżultat, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet b’mod komprensiv l-argumenti ta’ Koton. Madankollu, xorta hemm kontradizzjoni fil-motivi tas-sentenza appellata.

C.      Fuq il-fattur addizzjonali identifikat mill-EUIPO

42.      Madankollu, l-EUIPO tibbaża l-appell tagħha fuq fattur addizzjonali li ma ġiex ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali.

43.      Tabilħaqq, J. Nadal Esteban kien oriġinarjament ippreżenta applikazzjoni għal trade mark għal prodotti u għal servizzi identiċi u proprju għall-klassijiet 25 u 35 tal-Ftehim ta’ Nice. Madankollu l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda minħabba l-oppożizzjoni ta’ Koton relatata ma’ dawn il-klassijiet. Għalhekk, kien biss minħabba din l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni relatata mal-prodotti u mas-servizzi invokati li għalhekk ma kienet teżisti l-ebda sovrappożizzjoni bejn it-trade marks ta’ Koton u t-trade mark kontenzjuża.

44.      Dan l-argument kien sostnut ukoll minn Koton fis-seduta.

45.      F’dan ir-rigward iqumu żewġ mistoqsijiet: minn naħa waħda, jekk l-argument tal-EUIPO huwiex qabelxejn ammissibbli u, min-naħa l-oħra, jekk huwa ammissibbli, x’sinjifikat għandu dan il-fattur.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tal-EUIPO

46.      Koton ma invokatx espressament bħala s-suġġett tal-motivi rispettiva tagħha s-sovrappożizzjoni tal-applikazzjoni oriġinali u tal-kamp ta’ protezzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha la permezz ta’ motiv quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas fl-appell tagħha. Hija sempliċement enfasizzat li J. Nadal Esteban, bħala sieħeb kummerċjali preċedenti, kellu jkun jaf bit-trade marks tagħha u li t-trade mark propja tiegħu kienet tixbah ħafna dawn it-trade marks. Hija rreferiet ukoll għal tilwima pendenti fi Spanja ma’ J. Nadal Esteban, fejn huwa oġġezzjona għal waħda mit-trade marks tagħha.

47.      Għalhekk huwa dubjuż jekk l-argument fir-risposta tal-EUIPO dwar is-sovrappożizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi huwiex biżżejjed biex jagħmel dan l-aspett is-suġġett tal-appell.

48.      Skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet tar-risposta huma intiżi sabiex l-appell jiġi milqugħ jew miċħud, totalment jew parzjalment. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 176 ta’ dawn ir-regoli, il-partijiet fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw, permezz ta’ att separat, distint mir-risposta, appell inċidentali li, skont l-Artikolu 178(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 175(3) ta’ dawn ir-regoli għandu jkun intiż għall-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza appellata abbażi ta’ aggravji u ta’ argumenti tad-dritt distinti minn dawk invokati fir-risposta. Minn dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien jirriżulta li r-risposta ma tistax tkun intiża għall-annullament tas-sentenza appellata għal aggravji distinti u awtonomi minn dawk invokati fl-appell, peress li tali aggravji jistgħu jitressqu biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali (17).

49.      Għalhekk, jekk jiġi konkluż li s-sovrappożizzjoni oriġinali tal-prodotti u tas-servizzi ta’ Koton ma kinitx tqajmet, l-argument tal-EUIPO għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

50.      Madankollu, nikkunsidra li evalwazzjoni bħal din tal-argument ta’ Koton hija stretta wisq.

51.      Dan peress li s-sovrappożizzjoni oriġinali fir-rigward tal-klassijiet 25 u 35, fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kienet, fil-fatt, parti mill-fatti mhux ikkontestati mill-bidu nett (18). Mill-espożizzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 3 u 8 tas-sentenza appellata tista’ mill-inqas tiġi dedotta ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-klassi 35 (19). Il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, fuq il-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-proċedimenti ta’ oppożizzjoni li saru f’dan ir-rigward sabiex tikkonstata li t-trade marks preċedenti ta’ Koton ma jestendux għall-klassi 39.

52.      Għalhekk, il-partijiet għamlu s-sovrappożizzjoni oriġinali tal-prodotti u tas-servizzi s-suġġett tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Din iċ-ċirkustanza għandha għalhekk titqies meta tiġi eżaminata l-mala fide.

2.      Fuq l-importanza tas-sovrappożizzjoni oriġinali tal-applikazzjoni għal trade mark mal-prodotti u mas-servizzi protetti għat-trade marks ta’ Koton

53.      Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma ħaditx inkunsiderazzjoni fattur wieħed fl-eżami tal-mala fide.

54.      Dan il-fattur huwa rilevanti wkoll peress li jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-intenzjonijiet ta’ J. Nadal Esteban fl-applikazzjoni għat-trade mark kontenzjuża tiegħu. Dawn l-intenzjonijiet huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-mala fide għaliex skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark, it-trade mark tal-Unjoni hija ddikjarata invalida malli ssir applikazzjoni quddiem l-Uffiċċju jew fuq kontrotalba f’azzjoni ta’ ksur meta l-applikant ikun aġixxa b’mala fide meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark (20).

55.      F’dan ir-rigward, Koton u l-EUIPO jiċċitaw deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (21), fejn jargumentaw li huwa eskluż, għall-finijiet tal-applikazzjoni għal evalwazzjoni tal-mala fide, li l-applikazzjoni għal trade mark tinqasam sabiex parti biss minnha, f’dan il-każ l-applikazzjoni għall-klassijiet 25 u 35, tiġi kkunsidrata bħala mala fide, filwaqt li l-parti l-oħra, l-applikazzjoni għall-klassi 39, madankollu, ma tkunx.

56.      Bħalissa din il-mistoqsija għadha pendenti f’sitwazzjoni kemxejn differenti. Il-kwistjoni hija jekk l-applikazzjoni kollha kinitx f’mala fide, u sa fejn l-applikant kellu l-intenzjoni li juża t-trade mark fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti u mis-servizzi speċifikati, iżda ma kellu l-ebda intenzjoni li juża t-trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi speċifikati oħra (22). Fid-dawl tal-prassi preċedenti ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks għal klassijiet sħaħ ta’ prodotti u servizzi (23), li l-applikanti ħafna drabi ma setgħux, wisq inqas riedu, ikopru b’mod komprensiv, din il-mistoqsija hija kunsiderevolment problematika.

57.      Id-diviżibbiltà ta’ applikazzjoni għal trademark parzjalment ippreżentata f’mala fide hija stabbilita fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament dwar it-trade mark, li jipprevedi l-possibbiltà li trade mark tal-Unjoni tiġi ddikjarata invalida biss fir-rigward ta’ wħud mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom kienet irreġistrata (24).

58.      B’differenza mir-raġunijiet l-oħra għal invalidità, madankollu, il-mala fide ma hijiex aderita mat-trade mark innifisha, iżda tirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (25). Fil-każ li t-trade mark tinkludi irregolaritajiet, huwa faċilment konċepibbli li dawn jirrelataw biss ma’ ċerti prodotti jew servizzi, iżda ma jipprekludix l-użu tagħha għal prodotti jew servizzi oħra. Min-naħa l-oħra, huwa ħafna iktar diffiċli li tiġi rrikonoxxuta bħala bona fide talba għad-dritt esklużiv li ċerti prodotti jew servizzi jiġu mmarkati b’sinjal partikolari jekk dan l-istess dritt ikun mitlub ukoll b’mala fide għal prodotti jew servizzi oħra.

59.      Barra minn hekk, id-diviżjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark f’żewġ partijiet, waħda ppreżentata b’mala fide u oħra ppreżentata b’bona fide toħloq inċentiv sabiex issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks għal firxa usa’ ta’ prodotti u servizzi milli huwa ġġustifikat mill-użu previst. Wieħed ma għandux għalfejn jibża li jsofri xi żvantaġġ għall-użu proprju tat-trade mark, jekk tiġi skoperta l-mala fide. L-argument imqajjem minn J. Nadal Esteban waqt is-seduta jikkonferma dan ir-riskju: huwa jsostni li huwa, għalhekk, applika sabiex jirreġistra t-trade mark tiegħu għall-klassijiet 25 u 35 biss minħabba li għal dawn ma kienx hemm spejjeż addizzjonali. Kieku kien konxju li, b’applikazzjoni b’mala fide għal dawn il-klassijiet, fl-istess ħin l-applikazzjoni tiegħu għall-klassi 39 ser issir invalida, ċertament kien jirrinunzja li jagħmel dan.

60.      Madankollu, fil-proċedura preżenti għadu mhux finalment neċessarju li jsiru osservazzjonijiet konklużivi dwar jekk applikazzjoni tistax fi kwalunkwe każ tinqasam f’parti f’mala fide u parti f’bona fide jew jekk għandhiex saħansitra tinqasam f’żewġ partijiet. Dan minħabba l-fatt li l-applikazzjoni għat-trade mark kienet oriġinarjament saret fir-reġistrazzjoni għal prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom l-applikant kien jaf jew kellu jkun jaf li jeżistu trade marks identiċi jew jixxiebhu li fi kwalunkwe każ jista’ jkun indikazzjoni b’saħħitha li l-applikant kien ukoll in mala fide waqt il-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni għal prodotti jew servizzi oħra.

61.      Abbażi ta’ dan il-fattur addizzjonali, fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabbiltà tal-applikant, J. Nadal Esteban, li jwarrab id-dubji rigward il-bona fide tiegħu waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark. Sabiex dawn id-dubji jitwarbu, huwa ta’ importanza sinjifikattiva jekk l-applikant jistax jipproduċi prova li qiegħed isegwi (26) skop ekonomiku komprensiv jew “loġika ekonomika” u, għall-inqas abbażi tal-għarfien tiegħu, li huwa ekonomikament iġġustifikat (27).

62.      Madankollu, is-sentenza appellata ma fiha l-ebda indikazzjoni li tali loġika ekonomika ġiet ippreżentata jew irrikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali.

63.      Peress li, għaldaqstant, is-sentenza appellata ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha ta’ mala fide possibbli, din għandha tiġi annullata.

D.      Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

64.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

65.      Fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali la evalwat il-fatt li l-applikazzjoni ta’ J. Nadal Esteban għat-trade mark kontenzjuża kienet oriġinarjament ġiet ippreżentata għal żewġ klassijiet ta’ prodotti jew servizzi li għalihom Koton tgawdi mill-protezzjoni tad-dritt tat-trade marks, u lanqas kwalunkwe argument ta’ J. Nadal Esteban dwar il-loġika ekonomika tal-applikazzjoni tiegħu. Dan jissuġġerixxi li din il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali biex tikkompleta l-evalwazzjoni tal-fatti (28).

66.      Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni għaż-żewġ klassijiet l-oħra ma hijiex ikkontestata u Joaquín Nadal Esteban esprima r-raġunijiet tiegħu, partikolarment fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa minnu li Koton tiddubita din il-motivazzjoni. Madankollu, dawn id-dubji jeħtieġ li jiġu approfonditi biss jekk ir-raġunijiet jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal trademark. Minkejja dan, peress li dan ma huwiex il-każ, hija biss il-kwalifika legali ta’ dawn il-fatti li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (29).

67.      Skont l-argumenti msemmija iktar ’il fuq, l-analiżi tal-mala fide tiddependi biss fuq jekk J. Nadal Esteban jistax iwarrab id-dubji fir-rigward ta’ applikazzjoni b’bona fide billi juri l-loġika ekonomika tiegħu.

68.      Fuq dan l-argument huma stipulati rekwiżiti ta’ livell għoli. Biżżejjed huwa l-fatt li applikant ikun jaf jew għandu jkun jaf li terzi jużaw sinjal identiku jew li jixxiebah bħala trade mark, anki jekk għal prodotti jew servizzi oħra, biex jiġu ġġustifikati dubji dwar applikazzjoni b’bona fide. Għaliex wieħed għandu konxjament jieħu r-riskju li l-konsumaturi jirrelataw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom stess ma’ dawk ta’ fornitur ieħor?

69.      Jekk wieħed, bħal J. Nadal Esteban, saħansitra jipprova intenzjonalment jirreġistra tali sinjal għal prodotti jew servizzi li għalihom terzi tgawdi protezzjoni tagħhom skont id-dritt dwar it-trade marks, dawn id-dubji jsiru iktar serji.

70.      Il-loġika ekonomika mressqa minn J. Nadal Esteban ma hijiex biżżejjed biex twarrab dawn id-dubji. Huwa jinvoka, essenzjalment, l-intenzjoni tiegħu li jipprovdi ċerti servizzi u, f’dan il-kuntest, juża basktijiet li għalihom diġà kienet teżisti t-trade mark kontenzjuża, peress li huwa kien irċevihom minn Koton, fil-forma ta’ imballaġġ ta’ ċerti prodotti. Għalhekk, il-motivazzjoni ta’ J. Nadal Esteban hija purament limitata għall-konvenjenza. Madankollu, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ interess leġittimu li bih jiġu aċċettati r-riskji ta’ assoċjazzjoni tas-servizzi tiegħu ma’ Koton jew li Koton tiġi ostakolata f’attivitajiet futuri.

71.      Għalhekk, wieħed jista’ jassumi li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet ġiet ippreżentata b’mala fide. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha tiġi annullata.

72.      Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ppreżentata minn Koton quddiem il-Qorti Ġenerali li tordna lill-EUIPO sabiex it-trade mark kontenzjuża tiġi ddikjarata invalida, kienet inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux joħorġu ordnijiet lill-EUIPO. Pjuttost, dan għandu jieħu l-miżuri xierqa, skont l-Artikolu 65(6) tar-Regolament dwar it-trade mark, mill-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenzi tal-qorti tal-Unjoni (30).

VI.    Fuq l-ispejjeż

73.      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċeduri, meta l-appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Dawn l-ispejjeż jinkludu, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż tal-partijiet li kienu meħtieġa għall-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell.

74.      F’din il-kawża, J. Nadal Esteban huwa l-parti li tilfet fl-argumenti kollha tagħha.

75.      Għalkemm bit-talba tiegħu fl-appell l-EUIPO huwa l-parti rebbieħa, madankollu huwa wkoll responsabbli mill-fatt li kien sar neċessarju li jiġi ppreżentat appell, minħabba d-deċiżjonijiet ikkontestati tiegħu u minħabba l-fatt li talab lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors. Għaldaqstant, huwa biss loġiku li għandu jbati l-ispejjeż.

76.      Għalkemm it-talbiet ta’ Koton sabiex ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża tiġi ddikjarata invalida jew li l-EUIPO jiġi ordnat li jagħmel dan ma kellhomx suċċess, madankollu hija l-parti rebbieħa fuq il-mertu għaliex l-EUIPO, madankollu, huwa obbligat li jieħu l-miżuri xierqa mis-sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ dan l-appell.

77.      Għaldaqstant, J. Nadal Esteban u l-EUIPO għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż ta’ Koton, filwaqt li huma stess għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

VII. Konklużjoni

78.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Novembru 2017, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO - Nadal Esteban (STYLO & KOTON) (T‑687/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:853) tiġi annullata.

2)      Għall-kumplament, l-appell ippreżentat minn Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret jiġi miċħud.

3)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal‑14 ta’ Ġunju 2016 (Każ R 1779/2015‑2) tiġi annullata.

4)      Għall-kumplament, ir-rikors ta’ Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret jiġi miċħud.

5)      J. Nadal Esteban u l-EUIPO għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u flimkien u f’partijiet indaqs, l-ispejjeż sostnuti minn Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1) fil-verżjoni tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 1, fil-ĠU 2016, L 110, p. 4, fil-ĠU 2016, L 71, p. 322) (imħassar bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).


3      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2012, Peeters Landbouwmachines vs UASI – Fors MW (BIGAB) (T‑33/11, EU:T:2012:77, punt 20), tat‑13 ta’ Diċembru 2012, pelicantravel.com vs UASI – Pelikan (Pelikan) (T‑136/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:689, punt 26), u tal‑11 ta’ Lulju 2013, SA.PAR. vs UASI – Salini Costruttori (GRUPPO SALINI) (T‑321/10, EU:T:2013:372, punt 22).


4      Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Goldhase, C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 37 u 53). Ara wkoll is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries (Yakult, C‑320/12, EU:C:2013:435, punt 36).


5      Sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Goldhase, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 37), tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, EU:C:2010:311, punt 42), u tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries (Yakult, C‑320/12, EU:C:2013:435, punt 36).


6      Sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Goldhase, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 42), tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, EU:C:2010:311, punt 45), u tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries (Yakult, C‑320/12, EU:C:2013:435, punt 36).


7      Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, EU:C:2010:311, b’mod partikolari l-punti 37 sa 39).


8      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, (C‑529/07, EU:C:2009:148, punti 35, 36 u 57).


9      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Copernicus-Trademarks vs EUIPO – Maquet (LUCEO) (T‑82/14, EU:T:2016:396, punti 144 u 145).


10      Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 52 u 53); tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punti 38 sa 40), u tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 124).


11      Sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche (102/77, EU:C:1978:108, punt 7); tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43), u tal‑31 ta’ Jannar 2019, Pandalis vs EUIPO (C‑194/17 P, EU:C:2019:80, punt 84).


12      Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 44 u 45).


13      Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 44 u 45). Ara wkoll is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing, C‑569/08, EU:C:2010:311, punti 46 sa 48).


14      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Copernicus-Trademarks vs EUIPO – Maquet (LUCEO) (T‑82/14, EU:T:2016:396).


15      Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, EU:C:2010:311, punti 46 u 47).


16      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:148, punt 60).


17      Sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni (C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punti 99 sa 101), u tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 20).


18      Ara fil-kawża T‑687/16 punti 10 u 11 tar-rikors ta’ Koton, punti 10 u 11 tar-risposta ta’ Joaquín Nadal Esteban kif ukoll il-punt 11 tar-risposta tal-EUIPO. F’din il-kawża ara l-punt 13 tal-appell ta’ Koton u l-punt 1 tar-risposta tal-EUIPO, Joaquín Nadal Esteban ma kkontestax din il-preżentazzjoni bil-miktub u kkonfermaha espressament waqt is-seduta.


19      F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li l-punt 3 tal-verżjoni uffiċjali Ingliża fis-seħħ tas-sentenza appellata fih żball manifest ta’ traduzzjoni, minħabba li qabelxejn ma jsirx riferiment għall-klassi 39, iżda għall-klassi 41.


20      Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 35), kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries (C‑320/12, EU:C:2013:435, punt 36).


21      Setenza tal-11 ta’ Lulju 2013, SA.PAR. vs UASI – Salini Costruttori (GRUPPO SALINI) (T‑321/10, EU:T:2013:372, punt 48).


22      Kawża C‑371/18, Sky (ĠU 2018 C 276, p. 27).


23      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2012, The Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361).


24      Sentenza tal-High Court, Arnold J. (ir-Renju Unit) tas‑6 ta’ Frar 2018, Sky vs Skykick (HC‑2016‑001587, (2018) EWHC 155 [Ch], punti 232 u 234).


25      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:148, punt 41).


26      Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2012, Peeters Landbouwmachines vs UASI – Fors MW (BIGAB) (T‑33/11, EU:T:2012:77, punt 26), tat‑8 ta’ Mejju 2014, Simca Europe vs UASI – PSA Peugeot Citroën (Simca) (T‑327/12, EU:T:2014:240, punt 39); tad‑9 ta’ Lulju 2015, CMT vs UASI – Camomilla (CAMOMILLA) (T‑100/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:481, punti 36 u 37), u tal‑5 ta’ Lulju 2016, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO – Freistaat Bayern (NEUSCHWANSTEIN) (T‑167/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:391, punt 53).


27      Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 46 sa 52), u tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, EU:C:2010:311, punt 47).


28      Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni (C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 79); tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 98), u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin (C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 100), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 56).


29      Sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2018, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 29); tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 179), u tal‑21 ta’ Frar 2013, Seven for all mankind vs Seven (C‑655/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:94, punt 79).


30      Sentenza tat‑23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il‑Kummissjoni (C‑62/01 P, EU:C:2002:248, punt 43), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform) (T‑331/99, EU:T:2001:33, punt 33); tal‑11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI - Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños) (T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 20), u tas‑16 ta’ Mejju 2017, Metronia vs EUIPO - Zitro IP (TRIPLE O NADA) (T‑159/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:340, punt 16).