Language of document : ECLI:EU:T:2007:287

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

17 ta’ Settembru 2007 (*)

“Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni – Dokumenti maqbuda matul investigazzjoni – Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti – Ammissibbiltà”

Fil-kawżi magħquda T-125/03 u T-253/03,

Akzo Nobel Chemicals Ltd, stabbilita f’Hersham, Walton on Thames, Surrey (Ir-Renju Unit),

Akcros Chemicals Ltd, stabbilita f’Hersham, Walton on Thames, Surrey,

irrappreżentati minn C. Swaak, M. Mollica u M. van der Woude, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Conseil des barreaux européens (CCBE), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn J. Flynn, QC,

minn

Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, stabbilit f’The Hague (l-Olanda), irrappreżentat minn O. Brouwer u C. Schillemans, avukati,

minn

European Company Lawyers Association (ECLA), stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn M. Dolmans, K. Nordlander, avukati, u J. Temple Lang, solicitor,

minn

American Corporate Counsel Association (ACCA) – European Chapter, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn G. Berrisch, avocat, u D. Hull, solicitor,

u minn

International Bar Association (IBA), stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Buhart, avukat,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn R. Wainwright u C. Ingen-Housz, wara minn F. Castillo de la Torre u X. Lewis, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba intiża, min-naħa waħda, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 559/4, ta’ l-10 ta’ Frar 2003, u, jekk ikun hemm bżonn, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 85/4, tat-30 ta’ Jannar 2003, li jordnaw lil Akzo Nobel Chemicals Ltd, lil Akcros Chemicals Ltd u lil Akcros Chemicals u lis-sussidjarji rispettivi tagħhom li jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204) (każ COMP/E-1/38.589), u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata trodd lura ċerti dokumenti maqbuda fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni in kwistjoni kif ukoll titwaqqaf milli tuża l-kontenut tagħhom (kawża T-125/03) u, fit-tieni lok, talba intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 1533 finali, tat-8 ta’ Mejju 2003, li tiċħad talba għall-protezzjoni tad-dokumenti msemmija abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti (kawża T-253/03),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas, I. Labucka, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti u proċedura

1        Fl-10 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 559/4, li temenda d-Deċiżjoni tagħha C (2003) 85/4, tat-30 ta’ Jannar 2003, li tordna, b’mod partikolari lil Akzo Nobel Chemicals Ltd u lil Akcros Chemicals Ltd kif ukoll lis-sussidjarji rispettivi tagħhom li jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 13, 1962, p. 204), u intiżi sabiex issir tfittxija għal provi ta’ eventwali prassi anti-kompetittivi (iktar’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni”).

2        Fit-12 u t-13 ta’ Frar 2003, uffiċjali tal-Kummissjoni, assistiti minn rappreżentanti ta’ l-Office of Fair Trading (OFT, l-Awtorità Ingliża dwar il-Kompetizzjoni), għamlu investigazzjoni, abbażi tad-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni, fil-bini tar-rikorrenti li jinsabu f’Eccles, Manchester (ir-Renju Uniti). Matul din l-investigazzjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni għamlu kopja ta’ numru kunsiderevoli ta’ dokumenti.

3        Matul dawn l-operazzjonijiet, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti indikaw lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li xi dokumenti setgħu kienu koperti mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti (legal professional privilege jew “LPP”).

4        Għaldaqstant, l-uffiċjali tal-Kummissjoni indikaw lir-rappreżentanti tar-rikorrenti li huma kellhom bżonn jikkonsultaw fil-qasir id-dokumenti in kwistjoni, sabiex ikunu jistgħu jifformaw l-opinjoni tagħhom stess fuq il-protezzjoni li kellhom eventwalment jibbenifikaw minnha d-dokumenti msemmija. Wara diskussjoni twila, u wara li l-uffiċjali tal-Kummissjoni u ta’ l-OFT fakkru lir-rappreżentanti tar-rikorrenti bil-konsegwenzi ta’ ostakolar ta’ l-operazzjonijiet ta’ investigazzjoni, ġie deċiż li l-persuna responsabbli mill-investigazzjoni tikkonsulta d-dokumenti in kwistjoni fil-qosor, filwaqt li rappreżentant tar-rikorrenti jkun fil-qrib.

5        Matul l-evalwazzjoni tad-dokumenti in kwistjoni, inħoloq nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ ħames dokumenti, li finalment kienu suġġetti għal żewġ tipi ta’ trattament min-naħa tal-Kummissjoni.

6        L-ewwel wieħed minn dawn id-dokumenti kien memorandum ittajpjat ta’ żewġ paġni, tas-16 ta’ Frar 2000, miktub mid-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals u indirizzat lil wieħed mis-superjuri tiegħu. Skond ir-rikorrenti, dan il-memorandum fih informazzjoni miġbura mid-Direttur Ġenerali waqt diskussjonijiet interni ma’ impjegati oħra. Skondhom, din l-informazzjoni inġabret sabiex tinkiseb opinjoni legali esterna fil-kuntest tal-programm ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni stabbilit minn Akzo Nobel. It-tieni wieħed minn dawn id-dokumenti huwa kopja ta’ dan il-memorandum li fuqha jidhru noti miktuba bl-idejn li jagħmlu referenza għal kuntatti ma’ wieħed mill-avukati tar-rikorrenti fejn, b’mod partikolari, jissemma ismu.

7        Wara li ġabru l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar dawn l-ewwel żewġ dokumenti, l-uffiċjali tal-Kummissjoni ma kinux f’pożizzjoni li jaslu għal konklużjoni definittiva fuq il-post dwar il-protezzjoni li eventwalment kellhom jibbenifikaw minnha d-dokumenti msemmija. B’hekk, huma għamlu kopja tagħhom u poġġewhom f’envelop issiġillat li ħadu magħhom meta spiċċaw l-investigazzjoni tagħhom. Ir-rikorrenti mmarkaw dawn iż-żewġ dokumenti bħala appartenenti għas-“serje A”.

8        It-tielet dokument li kien hemm kwistjoni dwaru huwa kompost minn grupp ta’ noti miktuba bl-idejn tad-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals, li r-rikorrenti jsostnu li kienu nkitbu waqt diskussjonijiet ma’ xi impjegati u użati fil-kitba tal-memorandum ittajpjat li jikkostitwixxi s-serje A. Fl-aħħar, l-aħħar żewġ dokumenti in kwistjoni huma żewġ dokumenti ta’ posta elettronika, skambjati bejn id-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals u s-Sur S, il-koordinatur ta’ Akzo Nobel għad-dritt tal-kompetizzjoni. Dan ta’ l-aħħar huwa avukat membru tal-kamra ta’ l-avukati Olandiża li, fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti, kien membru tas-servizz legali ta’ Akzo Nobel u, konsegwentement, impjegat b’mod permanenti minn din l-impriża.

9        Wara li raw dawn it-tliet dokumenti u ġabru l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-persuna responsabbli mill-investigazzjoni qieset li dawn ċertament ma kinux protetti mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Konsegwentement, din għamlet kopja tagħhom u inkludiethom mal-bqija ta’ l-inkartament, mingħajr ma sseparathom f’envelop issiġillat. Ir-rikorrenti mmarkaw dawn it-tliet dokumenti bħala appartenenti għas-“serje B”.

10      Fis-17 ta’ Frar 2003, ir-rikorrenti bagħtu ittra lill-Kummissjoni fejn esponew ir-raġunijiet għalfejn id-dokumenti tas-serje A u dawk tas-serje B kienu, skondhom, protetti mill-kunfidenzjalità.

11      Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ April 2003, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-argumenti mressqa fl-ittra tagħhom tas-17 ta’ Frar 2003 ma kinux iwassluwha sabiex tikkonkludi li d-dokumenti in kwistjoni kienu effettivament koperti mill-kunfidenzjalità. Madankollu, hija qalet li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq dawn il-konklużjonijiet preliminari tagħha f’terminu ta’ ħmistax u li kellha tadotta deċiżjoni finali wara li jiskadi dan it-terminu.

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ April 2003, ir-rikorrenti ressqu, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Frar 2003 u, jekk ikun hemm bżonn, tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2003 u, min-naħa l-oħra, għar-restituzzjoni tad-dokumenti in kwistjoni (kawża T-125/03).

13      Fis-17 ta’ April 2003, ir-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni bil-preżentata tar-rikors tagħhom fil-kawża T-125/03. Dawn indikawlha wkoll li l-osservazzjonijiet li huma kienu mitluba li jippreżentawlha fl-1 ta’ April 2003 kienu jinsabu f’dan ir-rikors introduttiv. Fl-istess jum, ir-rikorrenti ppreżentaw talba, abbażi ta’ l-Artikoli 242 KE u 243 KE, intiża, b’mod partikolari, għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Frar 2003 (kawża T-125/03 R).

14      Fit-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 1533 finali, li ċaħdet it-talba għall-protezzjoni tad-dokumenti in kwistjoni minħabba l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, abbażi ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003”). Fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex id-dokumenti tas-serje A u tas-serje B jiġu rritornati lilhom u sabiex il-Kummissjoni tikkonferma d-distruzzjoni tal-kopji kollha ta’ dawn id-dokumenti li jinsabu fil-pussess taqgħha. Fl-Artikolu 2 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni tesprimi l-intenzjoni tagħha li tiftaħ l-envelop issiġillat li fih id-dokumenti tas-serje A u li tinkludihom fl-inkartament. Madankollu, il-Kummissjoni tippreċiża li ma kinitx ser tagħmel dan qabel l-iskadenza tat-terminu sabiex jitressaq rikors kontra din id-deċiżjoni.

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti ressqu, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 (kawża T-253/03). Permezz ta’ att separat irreġistrat fil-11 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal miżuri provviżorji intiża, b’mod partikolari, għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija (kawża T-253/03 R).

16      Permezz ta’ talbiet ippreżentati, rispettivament, fit-30 ta’ Lulju, fis-7 ta’ Awwissu u fil-11 u fit-18 ta’ Awwissu 2003, il-Conseil des barreaux européens (CCBE, il-Kunsill ta’ Kmamar ta’ l-Avukati Ewropej), l-Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten (Ordni Olandiż ta’ l-Avukati) u l-European Company Lawyers Association (ECLA, Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Avukati tal-Kumpanniji) talbu li jintervjenu fil-kawżi T-125/03 u T-253/03 in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ żewġ digrieti tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, ġie awtorizzat l-intervent ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet.

17      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kontra r-rikors imressaq fil-kawża T-125/03.

18      Fit-8 ta’ Settembru 2003, fil-kuntest tal-kawżi bi proċedura sommarja T-125/03 R u T-253/03 R u fuq talba tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreżentat lill-President, taħt forma kunfidenzjali, kopja tad-dokumenti tas-serje B kif ukoll l-envelop issiġillat bid-dokumenti tas-serje A.

19      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (T-125/03 R u T-253/03 R, Ġabra p. II‑4771), it-talba għal miżuri provviżorji fil-kawża T-125/03 R ġiet miċħuda, filwaqt li t-talba għal miżuri provviżorji fil-kawża T-253/03 R intlaqgħat parzjalment. B’hekk, ġiet sospiża l-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tiftaħ l-envelop bid-dokumenti tas-serje A. Il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ordna li dawn id-dokumenti jiġu kkonservati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti d-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali. Bl-istess mod, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ħa nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li hija ma kinitx ser tħalli lil terzi persuni jkollhom aċċess għad-dokumenti tas-serje B sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali fil-kawża T-253/03.

20      Permezz ta’ żewġ talbiet imressqa, rispettivament, fis-17 ta’ Ottubru u fis-26 ta’ Novembru 2003 u fil-25 ta’ Novembru 2003, il-European Council on Legal Affairs (Kunsill Ewropew dwar Affarijiet Legali) u s-Section on Business Law ta’ l-International Bar Association (Sezzjoni tad-Dritt Kummerċjali ta’ l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Kmamar ta’ l-Avukati) talbu sabiex jintervjenu fil-kawżi T-125/03 u T-253/03 in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digrieti tat-28 ta’ Mejju 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dawn it-talbiet għal intervent.

21      Fit-13 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni ppreżentat talba għal trattament prijoritarju b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Din tenniet din it-talba fit-8 ta’ Ottubru 2004.

22      Permezz ta’ talba ppreżentata fil-25 ta’ Novembru 2003, l-American Corporate Counsel Association (ACCA) – European Chapter (Assoċjazzjoni Amerikana ta’ Konsulenti fid-Dritt tal-Kumpanniji – Sezzjoni Ewropea) talbet sabiex tintervjeni fil-kawża T-253/03 in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 2004, ġie awtorizzat l-intervent ta’ l-ACCA.

23      Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-5 ta’ Marzu 2004, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-kawża T-125/03 ġiet irrinvijata għad-deċiżjoni finali, abbażi ta’ l-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

24      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Akzo u Akcros [C‑7/04 P(R), Ġabra p. I‑8739], il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq appell tal-Kummissjoni, annulla l-punti tad-dispożittiv tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, imsemmi iktar’il fuq, li permezz tiegħu kienet ġiet sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 u kien ġie deċiż li d-dokumenti tas-serje A jinżammu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, ittieħdet nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ma kinitx ser tippermetti li terzi persuni jkollhom aċċess għad-dokumenti tas-serje A sad-data tas-sentenza prinċipali fil-kawża T-253/03.

25      Wara li nħareġ id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Akzo u Akcros, imsemmi iktar’il fuq, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2004, irritorna lill-Kummissjoni l-envelop issiġillat bid-dokumenti tas-serje A.

26      Fl-20 ta’ Frar 2006, l-International Bar Association (IBA, Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kmamar ta’ l-Avukati) ippreżentat talbiet għal intervent fil-kawżi T-125/03 u T-253/03 in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ żewġ digrieti tal-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2007, ġie awtorizzat l-intervent ta’ l-IBA.

27      B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta ta’ l-Ewwel Awla, fid-19 ta’ April 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, wara li nstemgħu l-partijiet b’mod konformi ma’ l-Artikolu 51 tar-Regoli msemmija, li l-kawżi jintbagħtu quddiem l-Ewwel Awla Estiża.

28      Permezz ta’ digriet tal-President ta’ l-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 2007, il-kawżi T-125/03 u T-253/03 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

29      Permezz ta’ digriet ta’ l-Ewwel Awla Estiża tal-25 ta’ April 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza, abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 24 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 65(b), ta’ l-Artikolu 66(1) u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta d-dokumenti tas-serje A u B. Il-Kummissjoni kkonformat ma’ din it-talba fit-terminu mogħti lilha.

30      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

31      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007.

 It-talbiet tal-partijiet

32      Fil-kawża T-125/03, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Frar 2003 u, jekk ikun hemm bżonn, id-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2003, safejn il-Kummissjoni interpretathom bħala li jilleġittimaw u/jew jikkostitwixxu l-bażi ta’ l-azzjoni ta’ sekwestru tagħha u/jew ta’ kontroll u/jew ta’ qari tad-dokumenti in kwistjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni sabiex tirritorna d-dokumenti in kwistjoni kif ukoll twaqqafha milli tuża l-kontenut tagħhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-CCBE, l-ECLA u l-IBA jitolbu, fil-kawża T-125/03, lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Frar 2003;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      L-Ordni Olandiż ta’ l-Avukati, bl-istess mod, isostni t-talbiet imressqa mir-rikorrenti fil-kawża T-125/03.

35      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, fil-kawża T-125/03, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

36      Fil-kawża T-253/03, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha :

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-CCBE, l-ECLA, l-ACCA u l-IBA jitolbu, fil-kawża T-253/03, lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha :

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      L-Ordni Olandiż ta’ l-Avukati, bl-istess mod, isostni t-talbiet imressqa mir-rikorrenti fil-kawża T-253/03.

39      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, fil-kawża T-253/03, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha :

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża T-125/03

 L-argumenti tal-partijiet

40      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors fil-kawża T-125/03 huwa inammissibbli peress li l-att ikkontestat f’din il-kawża, jiġifieri d-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni, mhuwiex l-att li pproduċa l-effetti legali li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura. Hija tgħid li rikors għal annullament huwa ammissibbli biss, l-ewwel nett, jekk l-att ikkontestat jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jolqtu l-interessi ta’ rikorrent, billi jibdel nettament is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9), u, it-tieni nett, jekk ir-rikorrent ikollu interess li dan l-att jiġi annullat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punt 32). Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jew deċiżjoni toħloqx dawn l-effetti legali, hemm lok li tiġi evalwata s-sustanza tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra p. II‑4825, punti 63 u 64). Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni m’għandha ebda rabta diretta mas-suġġett ta’ din il-proċedura. Is-sekwestru tad-dokumenti in kwistjoni huwa, fil-fatt, manifestament distint mid-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni, li tikkostitwixxi biss il-bażi legali tas-sekwestru.

41      Il-Kummissjoni tenfasizza li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-azzjoni li affettwat direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti hija s-suġġett ta’ proċedura differenti minn dik li tordna l-investigazzjoni, jiġifieri l-proċedura li tirrigwarda speċifikament il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, stabbilita mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S vs Il-Kummissjoni (155/79, Ġabra p. 1575, iktar’il quddiem is-“sentenza AM & S”). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, is-sekwestru tad-dokumenti in kwistjoni huwa biss att preparatorju għad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003, li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet f’mod finali l-kwistjoni speċifika tal-protezzjoni ta’ dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, fiha nfisha, din l-azzjoni ta’ sekwestru ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. F’kull każ, anki jekk jiġi aċċettat li d-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni setgħet inizjalment tiġi kkontestata, l-adozzjoni ulterjuri tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 kienet iċċaħħad dan ir-rikors minn kull skop. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, anki fin-nuqqas ta’ proċedura speċifika ta’ kontroll tal-legalità ta’ l-atti ta’ proċedura eżegwiti matul investigazzjoni, l-eventwali irregolarità tagħhom dejjem tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ rikors imressaq kontra d-deċiżjoni finali li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

42      Ir-rikorrenti jwieġbu li l-annullament tad-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni jista’ jkollu konsegwenzi legali fir-rigward tagħhom, fosthom, b’mod partikolari, dik li jagħmlu illegali l-pussess u l-użu mill-Kummissjoni tad-dokumenti ssekwestrati. Huma jammettu li din id-deċiżjoni ma tirrigwardax b’mod speċifiku lid-dokumenti msemmija u li, fil-fatt, mhijiex din id-deċizjoni li affettwat is-sitwazzjoni legali tagħhom, iżda s-sekwestru u l-kontroll sussegwenti ta’ dawn id-dokumenti mill-Kummissjoni. F’kull każ, ir-rikorrenti jippretendu li meta l-Kummissjoni, qabel ma tadotta deċiżjoni ad hoc, li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors, dwar talba ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, tieħu nota tal-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni, is-sitwazzjoni legali ta’ l-impriża kkonċernata tiġi b’hekk affettwata b’mod immedjat u irreparabbli. Għalhekk, l-att li jista’ jiġi kkontestat jista’ jkun biss id-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni.

43      Ir-rikorrenti jsostnu li, f’dan il-każ, huma ma kinux marbuta, qabel ma bdew proċeduri quddiem il-qrati Komunitarji, li jistennew l-eventwali adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ad hoc ulterjuri li tiċħad il-protezzjoni tad-dokumenti in kwistjoni. Din id-deċiżjoni, f’kull każ, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-att li ppreġudika s-sitwazzjoni legali tagħhom, għaliex dan il-preġudizzju jkun diġà seħħ fil-mument meta l-Kummissjoni tkun qrat id-dokumenti li huma s-suġġett tal-kwistjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma ggarantiet lir-rikorrenti, wara li ntemmet l-investigazzjoni, li deċiżjoni dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti in kwistjoni kienet ser tittieħed fi żmien raġjonevoli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li huma lanqas ma kienu obbligati jistennew l-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ eventwali deċiżjoni finali li timponi penali sabiex jibdew proċeduri quddiem il-qrati Komunitarji. Fil-fatt, huwa essenzjali li huma jkunu f’pożizzjoni li jipproteġu d-dritt tagħhom għall-kunfidenzjalità anki jekk il-kawża ma tkunx konkluża b’deċiżjoni li tiddikjara ksur, jew b’deċiżjoni li twaqqaf l-investigazzjoni. Bl-istess mod, rikors imressaq kontra deċiżjoni li timponi penali ma jkunx biżżejjed sabiex jipproteġi b’mod xieraq is-sitwazzjoni legali tagħhom.

44      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li s-sekwestru tad-dokumenti in kwistjoni u l-qari tal-kontenut tagħhom min-naħa tal-Kummissjoni ma jistgħux, fihom infushom, jitqiesu bħala li jikkostitwixxu d-deċiżjoni li tippreġudika s-sitwazzjoni legali tagħhom, safejn dawn l-atti ta’ żvelar m’huma xejn ħlief l-implementazzjoni tad-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni u mhumiex disassoċjabbli minnha. Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll it-teżi tal-Kummissjoni li l-azzjoni ta’ sekwestru tad-dokumenti in kwistjoni kienet tikkostitwixxi biss att preparatorju għad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003. B’hekk, għall-inqas f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tas-serje B, m’hemm ebda dubju li l-Kummissjoni, waqt l-investigazzjoni, iddeċidiet b’mod unilaterali li dawn id-dokumenti ma kinux protetti u ordnat lir-rikorrenti sabiex jippreżentawhom filwaqt li ħadet nota tal-kontenut tagħhom. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 setgħet tkun l-att li jista’ jiġi kkontestat biss jekk il-Kummissjoni kienet poġġiet iż-żewġ serje ta’ dokumenti f’envelop issiġillat mingħajr ma kkontrollathom qabel. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, din id-deċiżjoni ta’ ċaħda sempliċement ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ordnat l-iżvelar tad-dokumenti tas-serje B.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

45      Skond ġurisprudenza kostanti, l-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE huma dawk il-miżuri li għandhom effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II‑2667, punt 28). Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-miżuri intermedjarji intiżi sabiex jippreparaw id-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-atti adottati matul il-proċedura preparatorja li fihom infishom jikkostitwixxu t-terminu finali ta’ proċedura speċjali distinta minn dik li għandha tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu u li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkostitwixxu wkoll atti li jistgħu jiġu kkontestati (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 10 u 11, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2006, Österreichische Postsparkasse u Bank für Arbeit und Wirtschaft vs Il-Kummissjoni, T‑213/01 u T‑214/01, Ġabra p. II‑1601, punt 65).

46      Meta impriża tinvoka l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti sabiex tikkontesta s-sekwestru ta’ dokument fil-kuntest ta’ investigazzjoni magħmula abbażi ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiċħad din it-talba tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ din l-impriża, billi tibdel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ċċaħadha mill-benefiċċju ta’ protezzjoni stabbilita mid-dritt Komunitarju u hija ta’ natura definittiva u indipendenti mid-deċiżjoni finali li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza AM & S, punti 27 u 29 sa 32; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punti 18 sa 20).

47      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-possibbiltà ta’ l-impriża li tressaq rikors kontra eventwali deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tagħtiha protezzjoni xierqa tad-drittijiet tagħha. Min-naħa, il-proċedura amministrattiva tista’ ma twassalx għal deċiżjoni li tikkonstata ksur. Min-naħa l-oħra, ir-rikors imressaq kontra din id-deċiżjoni, jekk din timmaterjalizza, xorta ma jagħtix lill-impriża mezz sabiex tipprevjeni l-effetti irreversibbli li jinħolqu mill-qari illegali ta’ dokumenti protetti mill-kunfidenzjalità (ara, b’analoġija, is-sentenza AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 20).

48      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba għall-protezzjoni ta’ dokument partikolari minħabba l-kunfidenzjalità – u tordna, jekk ikun il-każ, il-preżentazzjoni tad-dokument in kwistjoni – tikkonkludi proċedura speċjali distinta minn dik li għandha tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tikkostitwixxi, għaldaqstant, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, li miegħu jkun meħtieġ li ssir talba għal miżuri provviżorji intiża, b’mod partikolari, għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tagħha sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali.

49      Bl-istess mod, għandu jingħad li, meta l-Kummissjoni, waqt investigazzjoni, tissekwestra dokument li fir-rigward tiegħu tkun ġiet invokata l-protezzjoni minħabba l-kunfidenzjalità, u tinkludieh fl-inkartament ta’ l-investigazzjoni mingħajr ma tpoġġieh f’envelop issiġillat u mingħajr ma tieħu deċiżjoni formali ta’ ċaħda, dan l-att materjali neċessarjament jimplika deċiżjoni taċita tal-Kummissjoni li tiċħad il-protezzjoni invokata mill-impriża (ara, b’analoġija, is-sentenza AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 17) u tippermetti lill-Kummissjoni li minnufih taqra d-dokument in kwistjoni (ara l-punt 86 iktar’il quddiem). B’hekk, din id-deċiżjoni taċita wkoll għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

50      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dokumenti tas-serje A, għandu jiġi kkonstatat li, waqt l-investigazzjoni fil-bini tar-rikorrenti, l-aġenti tal-Kummissjoni ma kinux f’pożizzjoni li jaslu għal konklużjoni definittiva fir-rigward tal-protezzjoni li kellhom eventwalment jibbenifikaw minnha dawn id-dokumenti, u sempliċement għamlu kopja tagħhom u li poġġewhom ġewwa envelop issiġillat, li huma ħadu magħhom (ara l-punt 7 iktar’il fuq). Kien biss fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod definittiv it-talba tar-rikorrenti intiża għall-protezzjoni tad-dokumenti msemmija minħabba l-kunfidenzjalità. Barra minn hekk, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tiftaħ l-envelop issiġillat bid-dokumenti in kwistjoni fih u li tgħaqqadhom ma’ l-inkartament, wara l-iskadenza tat-terminu sabiex jitressaq rikors kontra din id-deċiżjoni (ara l-punt 14 iktar’il fuq). Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni ħadet din id-deċiżjoni ta’ ċaħda mingħajr ma fetħet l-envelop issiġillat, u b’hekk, mingħajr ma qrat il-kontenut tad-dokumenti tas-serje A.

51      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tas-serje B, għandu jingħad li, kuntrarjament għal dawk tas-serje A, il-Kummissjoni qieset, matul l-investigazzjoni, li dawn b’mod ċar ma kinux protetti mill-kunfidenzjalità, minkejja t-talba mressqa mir-rikorrenti f’dan is-sens. Konsegwentement, hija għamlet kopja tagħhom u għaqdithom ma’ l-inkartament, mingħajr ma sseparathom f’envelop issiġillat (ara l-punt 9 iktar’il fuq). Għaldaqstant, iċ-caħda ta’ din il-protezzjoni saret, għad-dokumenti tas-serje B, matul l-investigazzjoni. Barra minn hekk, kien f’dak il-mument li l-Kummissjoni setgħet taqra l-kontenut tad-dokumenti msemmija.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li, għall-finijiet tal-kawżi preżenti, l-atti li ħolqu effetti legali vinkolanti li kapaċi jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom, kienu, min-naħa waħda, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tas-serje B, id-deċiżjoni taċita ta’ ċaħda bħala konsegwenza ta’ l-att materjali tas-sekwestru u ta’ l-inklużjoni ta’ dawn id-dokumenti fl-inkartament, mingħajr ma sseparathom f’envelop issiġillat, u min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tas-serje A, id-deċiżjoni formali, tat-8 ta’ Mejju 2003, li ċaħdet il-talba għall-protezzjoni. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

53      Bl-istess mod, għandu jingħad li, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni ċaħdet b’mod definittiv, anki f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tas-serje B, it-talba tar-rikorrenti għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità (ara l-punt 14 iktar’il fuq). B’hekk, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha li tadotta deċiżjoni formali ta’ ċaħda ta’ l-imsemmija talba għall-protezzjoni u b’hekk ikkonkludiet b’mod definittiv il-proċedura speċjali distinta prevista f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni mhijiex ta’ natura purament konfermattiva f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tas-serje B. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti kellhom raġun meta kkontestaw din id-deċiżjoni anki f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tas-serje B. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà, f’dak li jirrigwarda dawn id-dokumenti, tar-rikors imressaq mir-rikorrenti fil-kawża T-253/03 kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003.

54      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni – l-att ikkontestat fil-kawża T-125/03 – ma ħolqotx l-effetti legali allegati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt eżistenti fil-mument meta din id-deċiżjoni ġiet adottata, b’tali mod li atti li seħħew wara deċiżjoni ma jistgħux jaffetwaw il-validità tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 16, u tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punt 49). Għaldaqstant, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, impriża ma tistax tinvoka l-illegalità ta’ kif żvolġew il-proċeduri ta’ l-investigazzjoni in sostenn tat-talbiet għall-annullament diretti kontra l-att li abbażi tiegħu l-Kummissjoni twettaq din l-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 49, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 413). Għaldaqstant, l-użu li kellu jsir minn deċiżjoni li tordna investigazzjoni m’għandu ebda impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra p. II-521, punt 54, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/04, Ġabra p. II-573, punt 126).

56      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-atti u d-deċiżjonijiet ikkontestati mir-rikorrenti seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni. Din id-deċiżjoni sempliċiment tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tidħol fil-bini tar-rikorrenti u sabiex tieħu kopji tad-dokumenti professjonali rilevanti. Din id-deċiżjoni ma tinkludi ebda referenza għad-dokumenti tas-serji A u B u bl-ebda mod ma ssemmi l-kwistjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Barra minn hekk, kif jammettu r-rikorrenti, mhijiex din id-deċiżjoni li affettwat is-sitwazzjoni legali tagħhom, iżda s-sekwestru u l-kontroll sussegwenti ta’ dawn id-dokumenti mill-Kummissjoni (ara l-punt 42 iktar’il fuq). Issa, kif ġie deċiż, dawn il-miżuri jikkostitwixxu proċedura speċjali distinta li tirrigwarda b’mod speċifiku l-kwistjoni ta’ l-applikazzjoni fil-konfront ta’ dokumenti konkreti tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità (ara l-punti 45 sa 48 iktar’il fuq).

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikors imressaq fil-kawża T-125/03 kontra d-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Għaldaqstant, jeħtieġ li r-rikors imressaq fil-kawża T-253/03 jiġi evalwat fil-mertu.

 Fuq il-mertu fil-kawża T-253/03

58      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti u, għalhekk, kisret it-Trattat KE u r-Regolament Nru 17. B’mod partikolari, huma jinvokaw tliet motivi in sostenn tar-rikors tagħhom. L-ewwel motiv jirrigwarda l-ksur tal-proċeduri relattivi għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità. It-tieni motiv jirrigwarda ċ-ċaħda mhux iġġustifikata ta’ din il-protezzjoni fir-rigward tal-ħames dokumenti in kwistjoni. It-tielet motiv jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet fundamentali li fuqhom hija bbażata l-protezzjoni msemmija.

 Fuq l-ewwel motiv, li jirrigwarda l-ksur tal-proċeduri relattivi għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti

 L-argumenti tal-partijiet

59      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-proċedura relattiva għall-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, kisret l-Artikolu 242 KE u d-dritt tagħhom li jipproċedu quddiem il-qrati Komunitarji u kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza tat-trattament.

60      Huma jindikaw li, fis-sentenza AM & S, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-proċedura li l-Kummissjoni kellha ssegwi fil-każijiet fejn l-impriża suġġetta għal investigazzjoni skond l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 tirrifjuta li tippreżenta xi dokumenti professjonali billi tinvoka l-kunfidenzjalità. Din il-proċedura tikkonsisti fi tliet stadji. Fl-ewwel lok, hija l-impriża għandha tipprovdi lill-aġenti tal-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma jkollha turihom il-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni, l-elementi utli li kapaċi jippruvaw li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità tagħhom. Fit-tieni lok, jekk il-Kummissjoni tqis li tali prova ma ngħatatx, hija tkun tista’ tordna, permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, il-preżentazzjoni tad-dokumenti in kwistjoni. Ir-rikorrenti jikkonċedu li, sussidjarjament, u b’mod konformi mal-loġika sottostanti s-sentenza AM & S, il-Kummissjoni tista’, waqt l-investigazzjoni, tagħmel kopji tad-dokumenti in kwistjoni u tpoġġihom ġewwa envelop issiġillat. Fl-aħħar, fit-tielet lok, jekk l-impriża kkonċernata tibqa’ tinvoka l-protezzjoni in kwistjoni, hija l-Qorti Komunitarja li jkollha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

61      Ir-rikorrenti jqisu li żewġ punti fundamentali għandhom jiġu enfasizzati. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni li teżamina l-kontenut stess ta’ dokument sabiex tiddetermina jekk tapplikax il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità. It-tieni nett, huma biss il-qrati Komunitarji li jistgħu jiddeċiedu kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li s-sempliċi qari, matul il-proċedura ta’ kontroll, tad-dokumenti li fir-rigward tagħhom ġiet invokata din il-protezzjoni jmur kontra s-sustanza stess tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità. Fil-fatt, dan il-prinċipju huwa miksur b’mod immedjat u irrimidjabbli ladarba l-kontenut ta’ dokument protett isir magħruf (konklużjonijiet ta’ l-Avukati Ġenerali M. Warner u Sir Gordon Slynn fis-sentenza AM & S, rispettivament Ġabra p. 1619, 1638 u 1639, u Ġabra p. 1642, 1662). Minflok ma tipproċedi għal evalwazzjoni sommarja, il-Kummissjoni, f’każ ta’ dubju, għandha tqiegħed kopja tad-dokumenti in kwistjoni, mingħajr ma tkun qrathom qabel, f’envelop issiġillat, bil-għan li tinstab soluzzjoni aktar tard.

62      Issa, skond ir-rikorrenti, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkonformat ruħha ma’ l-ebda waħda mit-tliet stadji tal-proċedura stabbilita fis-sentenza AM & S.

63      Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-ewwel stadju, il-Kummissjoni ġegħlet lir-rikorrenti jiżvelaw il-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni, minkejja li dawn kienu invokaw il-kunfidenzjalità tagħhom. Wara li nstabu d-dokumenti msemmija, seħħew diskussjonijiet twal bejn il-konsulenti tar-rikorrenti li kienu jinsabu fuq il-post u l-Kummissjoni dwar il-proċedura li kellha tiġi segwita għall-kontroll ta’ dawn id-dokumenti. Il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li kull dewmien ulterjuri rigward l-għoti u l-kontroll ta’ dawn id-dokumenti jikkostitwixxi ostaklu għall-investigazzjoni u jista’ jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 65 tal-Competition Act tar-Renju Unit (liġi Ingliża dwar il-kompetizzjoni), li tista’ twassal għal piena ta’ priġunerija u għal multa. Kien biss taħt protesta li r-rikorrenti għaddew id-dokumenti tas-serje B lill-Kummissjoni sabiex tikkontrollhom. Barra minn hekk, waqt l-investigazzjoni, l-ispetturi tal-Kummissjoni qraw u ddeskrivew lil xulxin il-kontenut tad-dokumenti tas-serji A u B għal diversi minuti.

64      Fir-rigward tat-tieni stadju tal-proċedura, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni u l-argumenti li kienu invokaw ma kinux biżżejjed sabiex juru li d-dokumenti in kwistjoni kienu protetti, hija kien imissha adottat deċiżjoni li tordnalhom jippreżentaw dawn id-dokumenti qabel ma effettivament issekwestrahom mill-bini tagħhom. Il-Kummissjoni, iżda, ma mxietx b’dan il-mod. B’hekk, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tas-serje A, il-Kummissjoni poġġiethom f’envelop issiġillat u ħadithom Brussell. Skond ir-rikorrenti, għalkemm minnha nnifisha ma tippreġudikax is-sustanza tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, il-proċedura ta’ l-envelop issiġillat, madankollu, mhijiex konformi mal-proċedura stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AM & S. Fir-rigward tad-dokumenti tas-serje B, il-Kummissjoni ċaħdet il-possibbiltà li tpoġġihom f’envelop issiġillat u poġġiethom mad-dokumenti ssekwestrati l-oħra, u b’hekk ċaħħdet lir-rikorrenti minn kull possibbiltà li juru li dawn kellhom jiġu protetti mill-kunfidenzjalità.

65      F’dak li jirrigwarda t-tielet stadju, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret b’mod ċar il-proċedura stabbilita mis-sentenza AM & S billi ddeċidiet b’mod unilaterali, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, li d-dokumenti in kwistjoni ma kinux protetti mill-kunfidenzjalità. Billi tat lilha nnifisha d-dritt li tiddeċiedi fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni ċaħħdet lill-qorti Komunitarja mill-possibbiltà li ssolvi l-kwistjoni f’mument fejn din il-protezzjoni ma kinitx għadha kompromessa.

66      Il-CCBE jsostni li l-proċedura stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AM & S hija intiża sabiex tassigura li, meta l-Kummissjoni u l-impriża suġġetta għall-investigazzjoni ma jkunux jistgħu jsolvu kwistjoni dwar in-natura kunfidenzjali ta’ komunikazzjoni, tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, mingħajr ma l-Kummissjoni taqra d-dokument minn qabel. Il-Kummissjoni lanqas m’għandha d-dritt li tevalwa d-dokumenti b’mod sommarju, ħaġa li tirriskja li jiġi żvelat il-kontenut tagħhom. Il-CCBE jammetti li l-invokazzjoni tal-kunfidenzjalità m’għandhiex tagħti lill-impriża l-possibbiltà li taħbi jew li teqred dokumenti, iżda madankollu jqis li mhuwiex xieraq li l-ispetturi tal-Kummissjoni jieħdu pussess ta’ kopji u jieħduhom magħhom, anki jekk f’envelop issiġillat. Jekk id-dokumenti jkollhom jinżammu mill-Kummissjoni, dawn għandhom għall-inqas jintbagħtu direttament lill-awdituri konsulenti tagħha, li l-mandat tagħhom għandu jitwessa’ sabiex jiġi ggarantit li dawn id-dokumenti ma jkunu aċċessibbli għal ebda membru tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni. F’kull każ, il-CCBE jippreferi jekk id-dokumenti jinżammu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza jew minn terza persuna newtrali.

67      L-Ordni Olandiż ta’ l-Avukati jsostni li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti mhuwiex intiż sabiex jipprojbixxi biss l-użu tad-dokumenti koperti b’dan il-mod, iżda wkoll l-iżvelar tagħhom. Evalwazzjoni sommarja ta’ dokument diġà tista’ twassal għall-ksur tal-prinċipju msemmi. Min-naħa tagħha, l-ECLA ssostni li fis-sentenza AM & S, il-Qorti tal-Ġustizzja elaborat proċedura bbażata fuq il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità li tipprojbixxi kull tip ta’ żvelar tad-dokument protett. L-approċċ proporzjonat jinvolvi l-issiġillar tad-dokumenti msemmija u l-evalwazzjoni tagħhom minn terza persuna indipendenti, bħall-awditur konsulent. F’kull każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-kunfidenzjalità. Fl-aħħar, l-ACCA ssostni li l-inkarigu li jiġu solvuti l-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-kunfidenzjalità għandu jingħata lil arbitru indipendenti.

68      Il-Kummissjoni tgħid li, għalkemm fis-sentenza AM & S, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet proċedura partikolari għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, hija, madankollu, ma tagħthiex valur assolut. Din is-sentenza ma teħtieġx li, kull darba li jiġi invokat dan il-prinċipju, il-Kummissjoni tastjeni milli tieħu kopja tad-dokumenti u sussegwentament titlobhom mingħand l-impriża. B’hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija, l-investigazzjoni inizjali kienet ibbażata fuq l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 17 – li jippermetti lill-impriża li tirrifjuta li tikkomunika d-dokumenti – u mhux, bħal f’dan il-każ, fuq l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament li jobbliga lill-impriża li tissottometti ruħha għall-investigazzjoni. Fir-realtà, l-uniku prinċipju stabbilit minn din is-sentenza huwa li l-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni motivata fuq in-natura kunfidenzjali jew le tad-dokumenti in kwistjoni sabiex tagħti lill-impriża l-possibbiltà li tressaq il-kawża quddiem il-qrati Komunitarji.

69      Sal-lum, il-Kummissjoni ssegwi din il-proċedura: meta ma jkollha ebda dubju dwar il-kunfidenzjalità ta’ dokument abbażi ta’ evalwazzjoni sommarja tal-preżentazzjoni ġenerali tad-dokument, mill-letterhead, mit-titolu u minn karatteristiċi oħra, kif ukoll ta’ l-ispjegazzjonijiet rilevanti mogħtija mill-impriża, hija tħallih barra; meta, abbażi ta’ din l-evalwazzjoni sommarja, hija ma jkollha ebda dubju dwar in-natura mhux kunfidenzjali ta’ dokument, hija tagħmel kopja tiegħu u tinkludiha fl-inkartament ta’ l-investigazzjoni; fl-aħħar, meta mill-evalwazzjoni sommarja ta’ dokument jirriżulta dubju dwar il-kwistjoni tal-kunfidenzjalità, hija tastjeni minn kull analiżi, tissospendi l-evalwazzjoni tagħha u tqiegħed kopja tad-dokument f’envelop issiġillat li hija tieħu magħha.

70      Skond il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni sommarja, fuq il-post, tad-dokument m’għandha ebda skop ieħor ħlief li tidentifika l-każijiet fejn il-kunfidenzjalità ma tistax tiġi eskluża, filwaqt li l-iżgħar dubju jaħdem favur l-impriża billi jimplika b’mod awtomatiku l-proċedura ta’ l-envelop issiġillat. Il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta opinjoni preliminari rigward l-eżistenza jew le ta’ dubju dwar l-applikabbiltà ta’ din il-protezzjoni għandha l-vantaġġ li tnaqqas ir-riskju ta’ talbiet abbużivi għall-protezzjoni u hija konformi mas-sentenza AM & S. Il-proċedura ta’ l-envelop issiġillat tippermetti wkoll li jiġi evitat ir-riskju li d-dokumenti jinqerdu mill-impriża. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri, l-awtoritajiet dwar il-kompetizzjoni jitrattaw b’mod simili l-kwistjoni tal-kunfidenzjalità fil-kuntest ta’ l-investigazzjonijiet fuq il-post.

71      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura deskritta ma tistax tippreġudika d-drittijiet proċedurali ta’ l-impriżi. Anki jekk jitqies li huwa stabbilit li l-qari ta’ dokumenti li jistgħu jkunu protetti jippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriża, tali preġudizzju dejjem jista’ jiġi rrimedjat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tuża dokumenti koperti mill-kunfidenzjalità sabiex tistabbilixxi ksur.

72      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li hija osservat b’mod rigoruż proċedura leġittima u proporzjonata għall-protezzjoni tad-dokumenti in kwistjoni, b’mod konformi mas-sentenza AM & S, u li d-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti ġew irrispettati b’mod sħiħ. Hija tippreċiża li ntlaħaq ftehim mar-rikorrenti li l-uffiċjal tal-Kummissjoni responsabbli mill-investigazzjoni kien ser jikkonsulta l-inkartament, fil-preżenza ta’ rappreżentant tar-rikorrenti. Għalkemm il-kunfidenzjalità ġiet invokata għal dokument partikolari, ir-rikorrenti kellhom jagħmlu t-talba għal din il-kunfidenzjalità filwaqt li jimmotivawha abbażi tad-dokument stess. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-preżentazzjoni mir-rikorrenti, fl-istadju tar-replika u mingħajr ma spjegaw id-dewmien, ta’ rendikont ta’ l-investigazzjoni, ippreparat mill-avukati tagħhom, tikser l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

73      Fir-rigward tad-dokumenti tas-serje A, il-Kummissjoni tirrimarka li l-evalwazzjoni sommarja tagħhom ħolqot dubju, b’mod partikolari minħabba l-preżenza ta’ referenza miktuba bl-idejn għall-isem ta’ avukat estern fuq l-ewwel paġna ta’ wieħed minn dawn id-dokumenti. Peress li l-ebda waħda mill-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-post mir-rikorrenti ma kienet biżżejjed sabiex tneħħi d-dubju, l-aġenti tal-Kummissjoni poġġew id-dokumenti f’envelop issiġillat. Fir-rigward tad-dokumenti tas-serje B, l-ispettur tal-Kummissjoni qies, abbażi ta’ evalwazzjoni sommarja tagħhom u ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-impriża u abbażi ta’ ġurisprudenza mhux ikkontestata, li ma kienx hemm l-iċken dubju fuq il-fatt li dawn ma kinux koperti mill-kunfidenzjalità. Konsegwentement, l-aġenti tal-Kummissjoni għamlu kopja tad-dokumenti u għaqqduhom ma’ l-inkartament ta’ l-investigazzjoni.

74      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni sommarja ta’ dokument mhijiex l-istess ħaġa bħall-qari tiegħu. Għalkemm huwa minnu li l-persuna responsabbli mill-investigazzjoni kienet f’pożizzjoni li taqra b’mod sommarju d-dokumenti tas-serje A matul l-investigazzjoni, ma jistax jitqies, għall-kuntrarju, li l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu qrawhom qabel ma poġġewhom fl-envelop. Fir-rigward tad-dokumenti tas-serje B, kien biss wara li ntemmet l-investigazzjoni li l-Kummissjoni qrathom u saret taf il-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-kunsens finali tagħhom għar-rilaxx tad-dokumenti tas-serje B inkiseb wara t-theddida ta’ pieni kriminali. Dawn l-allegazzjonijiet huma materjalment żbaljati safejn l-allegat rifjut ta’ komunikazzjoni kienu fir-realtà jirrigwarda l-inkartament sħiħ. F’kull każ, il-fatt li impriża tiġi informata li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħha jista’ jwassal għall-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali u, eventwalment, għal pieni kriminali, huwa konformi mar-Regolament Nru 17.

75      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kienu ġew informati bid-drittijiet tagħhom sa mill-bidu ta’ l-investigazzjoni u sussegwentement, dejjem kienu f’pożizzjoni li jipproċedu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-każ tad-dokumenti tas-serje A, huma kienu jafu mill-bidu li l-proċedura kienet ser twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors. Fir-rigward tad-dokumenti tas-serje B, il-Kummissjoni ħalliet miftuħa l-possibbiltà li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni magħmula fuq il-post minn wieħed mill-aġenti tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

76      Qabel kollox għandu jingħad li r-Regolament Nru 17 jagħti lill-Kummissjoni setgħa wiesgħa ta’ investigazzjoni u ta’ ispezzjoni sabiex tidentifika l-ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Skond it-termini, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 11 u 14 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ tiġbor l-informazzjoni u tipproċedi bl-investigazzjonijiet meħtieġa għall-prosekuzzjoni tar-reati kontra r-regoli tal-kompetizzjoni [sa mill-1 ta’ Mejju 2004, is-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni f’dan il-kamp huma stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 17 sa 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU L 1, 2003, p. 1)]. B’mod partikolari, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 17 jippermetti lill-Kummissjoni li tordna li jiġu ppreżentati liha d-dokumenti professjonali, jiġifieri d-dokumenti relatati ma’ l-attività ta’ l-impriża fis-suq. Issa, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, kemm-il darba tkun tirrigwarda tali attività, tifforma parti mill-kategorija ta’ dokumenti msemmija fl-Artikoli 11 u 14 tar-Regolament Nru 17 (sentenza AM & S, punt 16). Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet ukoll li hija l-Kummissjoni stess, u mhux l-impriża kkonċernata jew terza persuna, esperta jew arbitru, li għandha tiddeċiedi jekk dokument għandux jiġi ppreżentat lilha jew le (sentenza AM & S, punt 17).

77      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li r-Regolament Nru 17 ma jeskludix il-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiġi rrikonoxxuta n-natura kunfidenzjali ta’ dokumenti professjonali partikolari. F’dan is-sens, hija ppreċiżat li d-dritt Komunitarju, riżultanti minn influwenza mhux biss ekonomika, iżda wkoll ġuridika ta’ l-Istati Membri, għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipji u l-kunċetti komuni għal-liġijiet ta’ dawn l-Istati f’dak li jirrigwarda r-rispett tal-kunfidenzjalità, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ ċerti komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom. Fil-fatt, din il-kunfidenzjalità tissodisfa l-eżiġenza, li l-importanza tagħha hija rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha, li kull individwu għandu jkollu l-possibbiltà li jikkomunika fil-libertà kollha ma’ l-avukat tiegħu, li l-professjoni tiegħu stess tinkludi d-dover li jagħti, b’mod indipendenti, opinjonijiet legali lil dawk kollha li għandhom bżonn. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalita tal-korrispondenza bejn avukati u klijenti tikkostitwixxi element neċessarju għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża (sentenza AM & S vs Il-Kummissjoni, punti 18 u 23).

78      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-Regolament Nru 17 għandu jiġi interpretat bħala li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti (sentenza AM & S, punt 22).

79      F’dak li jirrigwarda l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li, fil-każ fejn impriża, suġġetta għal investigazzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, tirrifjuta, billi tinvoka l-kunfidenzjalità, milli tippreżenta, fost id-dokumenti professjonali mitluba mill-Kummissjoni, il-korrispondenza skambjata ma’ l-avukat tagħha, din l-impriża hija f’kull każ obbligata li tipprovdi lill-aġenti mqabbda mill-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma turihom il-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni, l-elementi utli li juru li dawn id-dokumenti jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-protezzjoni legali tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, jekk il-Kummissjoni tqis li tali prova ma tingħatax, hija tista’ tordna, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, il-preżentazzjoni tal-korrispondenza in kwistjoni u, jekk ikun hemm bżonn, timponi multa jew penali perijodika fuq l-impriża, bis-saħħa ta’ l-istess regolament, bil-għan li tippenalizza r-rifjut ta’ din li tippreżenta l-elementi ta’ prova supplementari meqjusa bħala neċessarji mill-Kummissjoni, jew; tippreżenta d-dokumenti li l-Kummissjoni tqis li m’għandhomx natura kunfidenzjali proteta legalment (sentenza AM & S vs Il-Kummissjoni, punti 29 sa 31). Sussegwentement, huwa possibbli għall-impriża kkontrollata li tressaq rikors għal annullament kontra tali deċiżjoni tal-Kummissjoni, jekk ikun il-każ flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji abbażi ta’ l-Artikoli 242 KE u 243 KE (ara, f’dan is-sens, sentenza AM & S, punt 32).

80      Għaldaqstant, jidher li s-sempliċi fatt li impriża tinvoka l-kunfidenzjalità ta’ dokument mhuwiex biżżejjed sabiex iwaqqaf lill-Kummissjoni milli taqra dan id-dokument jekk, barra minn hekk, din l-impriża ma tippreżenta ebda element utli li jkun kapaċi jipprova li d-dokument huwa effettivament protett mill-kunfidenzjalità. L-impriża kkonċernata tista’, b’mod partikolari, tindika lill-Kummissjoni min huma l-awtur u d-destinatarju tiegħu, tispjega l-funzjonijiet u r-responsabbilitajiet rispettivi ta’ kull wieħed u tagħmel referenza għall-iskop u għall-kuntest li fih inkiteb id-dokument. Bl-istess mod, hija tista’ ssemmi l-kuntest li fih instab id-dokument, il-mod li bih dan ġie kklassifikat jew dokumenti oħra li huwa relatat magħhom.

81      F’numru kbir ta’ każijiet, permezz ta’ sempliċi evalwazzjoni sommarja, min-naħa ta’ l-aġenti tal-Kummissjoni, tal-preżentazzjoni ġenerali tad-dokument jew tal-letterhead, tat-titolu jew ta’ karatteristiċi oħra superfiċjali tad-dokument, dawn l-aġenti jkunu jistgħu jivverifikaw l-eżattezza tal-ġustifikazzjonijiet invokati mill-impriża u jiżguraw ruħhom min-natura kunfidenzjali tad-dokument in kwistjoni, sabiex jiġi mwarrab. Xorta jibqa’ l-fatt li, f’xi ċirkustanzi, anki evalwazzjoni sommarja tad-dokument tikkostitwixxi riskju li, minkejja n-natura superfiċjali tagħha, l-aġenti tal-Kummissjoni jaqraw l-informazzjoni koperta mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk il-preżentazzjoni formali tad-dokument in kwistjoni ma turix b’mod ċar il-karattru kunfidenzjali tiegħu.

82      Issa, kif ġie indikat fil-punt 79 iktar’il fuq, mis-sentenza AM & S jirriżulta li l-impriża hija marbuta li tippreżenta lill-aġenti tal-Kummissjoni l-elementi utli li jkunu kapaċi jippovaw ir-realtà tan-natura kunfidenzjali tagħhom li tiġġustifika l-protezzjoni tagħhom mingħajr ma jinkixef il-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni (punt 29 tas-sentenza). Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-impriża suġġetta għal investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 tista’ tiċħad lill-aġenti tal-Kummissjoni l-possibbiltà li jikkonsultaw, anki sommarjament, dokument jew dokumenti partikolari li hija ssostni li huma protetti mill-kunfidenzjalità, kemm-il darba hija tqis li tali evalwazzjoni sommarja tkun impossibbli mingħajr ma jinkixef il-kontenut tad-dokumenti msemmija u kemm-il darba tispjega dan, b’mod motivat, lill-aġenti tal-Kummissjoni.

83      Fil-każijiet fejn, matul investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tqis li l-elementi ppreżentati mill-impriża mhumiex ta’ natura li jipprovaw il-karattru kunfidenzjali tad-dokumenti in kwistjoni, b’mod partikolari meta din tirrifjuta li l-aġenti tal-Kummissjoni jikkonsultaw dokument b’mod sommarju, l-aġenti tal-Kummissjoni jistgħu jpoġġu kopja tad-dokument jew tad-dokumenti in kwistjoni f’envelop issiġillat u wara jieħduh magħhom bil-għan li tinstab soluzzjoni sussegwentement. Fil-fatt, din il-proċedura tippermetti li jiġu mneħħija r-riskji ta’ ksur tal-kunfidenzjalità, filwaqt li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li żżomm ċertu kontroll fuq id-dokumenti li huma suġġetti għall-investigazzjoni u b’hekk jiġi evitat ir-riskju li d-dokumenti jinqerdu jew jiġu manipulati sussegwentement.

84      Barra minn hekk, l-użu ta’ din il-proċedura ta’ l-envelop issiġillat ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kontradittorja mal-ħtieġa, stabbilita fil-punt 31 tas-sentenza AM & S, li l-Kummissjoni, f’każ ta’ kwistjoni ma’ l-impriża kkonċernata dwar in-natura kunfidenzjali ta’ dokument, tadotta deċiżjoni li tordna l-preżentazzjoni ta’ dan id-dokument. Fil-fatt, tali eżiġenza kienet tirriżulta mill-kuntest partikolari tal-kawża li tat lok għas-sentenza AM & S, b’mod partikolari mill-fatt li d-deċiżjoni inizjali li ordnat l-investigazzjoni fil-bini ta’ l-impriża in kwistjoni ma kinitx deċiżjoni formali skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Warner fis-sentenza AM & S, imsemmija iktar’il fuq, Ġabra p. 1624), u, għaldaqstant, l-impriża in kwistjoni kellha d-dritt li tirrifjuta, kif fil-fatt għamlet, li tippreżenta d-dokumenti mitluba mill-Kummissjoni.

85      F’kull każ, għandu jiġi osservat li, fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tkunx issodisfata mill-elementi u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rappreżentanti ta’ l-impriża investigata għall-finijiet li jiġi pprovat li d-dokument in kwistjoni huwa protett mill-kunfidenzjalità, il-Kummissjoni ma tistax taqra l-kontenut tad-dokument qabel ma tkun adottat deċiżjoni li tippermetti lill-impriża kkonċernata tipproċedi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, jekk ikun il-każ, quddiem l-imħallef għall-miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AM & S, punt 32).

86      Fil-fatt, fir-rigward tan-natura partikolari tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, li l-iskop tiegħu huwa kemm il-ħarsien ta’ l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-individwi kif ukoll il-protezzjoni tal-ħtieġa li kull individwu jkollu l-possibbiltà li jikkomunika fil-libertà kollha ma’ l-avukat tiegħu (ara l-punt 77 iktar’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li l-qari min-naħa tal-Kummissjoni tal-kontenut ta’ dokument kunfidenzjali minnu nnifsu jikkostitwixxi ksur ta’ dan il-prinċipju. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tidher li qiegħda ssostni, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tmur oltre l-ħtieġa li l-informazzjoni mogħtija mill-impriża lill-avukat tagħha jew il-kontenut ta’ l-opinjoni ta’ l-avukat ma jintużawx kontra l-impriża f’deċiżjoni li timponi penali għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

87      L-ewwel nett, din il-protezzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-interess pubbliku ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li tikkonsisti fl-assigurazzjoni li kull klijent ikollu l-libertà li jikkomunika ma’ l-avukat tiegħu mingħajr il-biża li l-informazzjoni li jagħti tista’ tiġi żvelata sussegwentement. It-tieni nett, din għandha l-iskop li tevita l-preġudizzju li l-qari min-naħa tal-Kummissjoni tal-kontenut ta’ dokument kunfidenzjali u l-inklużjoni irregolari tiegħu fl-inkartament ta’ l-investigazzjoni jistgħu jikkawżaw għad-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriża kkonċernata. Għaldaqstant, anki jekk dan id-dokument ma jintużax bħala prova f’deċiżjoni li timponi penali għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-impriża tista’ tbati preġudizzju li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat jew ikun diffiċli ħafna li jingħata rimedju għalih. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni protetta mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tista’ tintuża mill-Kummissjoni, b’mod dirett jew indirett, sabiex tinkiseb informazzjoni ġdida jew provi ġodda, mingħajr ma l-impriża kkonċernata tkun dejjem f’pożizzjoni li tidentifikhom u li tevita li jintużaw kontriha. Min-naħa l-oħra, il-preġudizzju li tbati l-impriża kkonċernata minħabba l-iżvelar lil terzi persuni ta’ informazzjoni protetta mill-kunfidenzjalità ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat, per eżempju jekk din l-informazzjoni tintuża f’dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet matul il-proċedura aministrattiva quddiem il-Kummissjoni. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma tistax tuża d-dokumenti protetti bħala elementi ta’ prova f’deċiżjoni li timponi penali mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi rrimedjat jew eliminat il-preġudizzju li jirriżulta mill-qari min-naħa tagħha tal-kontenut tad-dokumenti msemmija.

88      Il-protezzjoni minħabba l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti timplika wkoll li, ladarba l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni tagħha li biha tiċħad talba f’dan is-sens, hija m’għandhiex taqra l-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni ħlief wara li tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li tipproċedi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija marbuta li tistenna li jiskadi t-terminu sabiex jitressaq rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha qabel ma taqra l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. F’kull każ, safejn rikors ma għandux effett sospensiv, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AM & S, punt 32).

89      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-argumenti tal-Kummissjoni rigward il-possibbiltà li xi impriżi jistgħu jabbużaw mill-proċedura deskritta iktar’il fuq billi, għal skopijiet purament dilatorji, iressqu talbiet manifestament infondati għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità jew billi jikkontestaw, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, eventwali kontroll sommarju tad-dokumenti waqt investigazzjoni, huwa bizzejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għandha l-mezzi sabiex, jekk ikun il-każ, tiskoraġġixxi u tippenalizza tali prassi. Fil-fatt, tali aġir jista’ jiġi ppenalizzat abbażi ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (u, qabel abbażi ta’ l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 17) jew jittieħed in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza aggravanti għall-finijiet tal-kalkolu ta’ multa eventwali imposta fil-kuntest ta’ deċiżjoni li timponi penali għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

90      Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li, kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AM & S, il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità ma jistax iżomm lil klijent milli jiżvela l-komunikazzjonijiet li kellu ma’ l-avukat tiegħu, jekk iqis li għandu interess li jagħmel hekk (punt 28 tas-sentenza).

91      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u tal-prinċipji msemmija iktar’il fuq li l-ilmenti invokati mir-rikorrenti għandhom jiġu evalwati.

92      Preliminarjament, għandha titwarrab it-teżi tal-Kummissjoni li l-preżentazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, fl-istadju tar-replika, ta’ rendikont ta’ l-investigazzjoni, ippreparat mill-avukati tagħhom, jikser l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punt 72 iktar’il fuq). Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ir-rikorrenti spjegaw ir-raġunijiet għalfejn huma ma kinux ippreżentaw dan ir-rendikont qabel, jiġifieri minħabba n-natura kunfidenzjali tiegħu u l-bżonn li jiġu kkontestati l-argumenti li l-Kummissjoni kienet qajmet fir-risposta tagħha (ara, b’mod partikolari, punti 21 sa 26 tar-replika). F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-preżentazzjoni ta’ dan ir-rendikont saret wara l-preżentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, flimkien mar-risposta tagħha, ta’ l-inkartament ta’ l-investigazzjoni ppreparat mill-aġenti tagħha. Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-partijiet ma jaqblux fuq l-elementi ta’ fatt invokati fir-rikors u fir-risposta, huwa neċessarjament fir-replika u fil-kontroreplika li huma għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw provi in sostenn tal-preżentazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-fatti.

93      F’dak li jirrigwarda l-ilmenti invokati mir-rikorrenti, fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-Kummissjoni, matul l-investigazzjoni, obbligathom jiżvelaw il-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni, filwaqt li huma kienu invokaw il-karattru kunfidenzjali tagħhom. B’mod partikolari, huma jikkritikaw lill-aġenti tal-Kummissjoni talli, minkejja l-oppożizzjoni min-naħa tar-rappreżentanti tagħhom, eżaminaw l-imsemmija dokumenti fuq il-post.

94      Kemm mill-Anness ta’ l-inkartament ta’ l-investigazzjoni ppreparat mill-aġenti tal-Kummissjoni kif ukoll mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rendikont ta’ l-investigazzjoni ppreparat mill-avukati tar-rikorrenti jirriżulta li, waqt l-investigazzjoni, l-aġenti tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tar-rikorrenti kellhom diskussjonijiet twal dwar il-mod kif kellu jsir il-kontroll tad-dokumenti in kwistjoni. Matul dawn id-diskussjonijiet, ir-rikorrenti kkontestaw bis-sħiħ li ssir l-evalwazzjoni sommarja ta’ dawn id-dokumenti mill-aġenti tal-Kummissjoni u b’mod partikolari sostnew li għall-inqas xi wħud mid-dokumenti msemmija setgħu prima facie ma jidhrux bħala koperti mill-kunfidenzjalità safejn dawn ma kellhomx referenzi għal avukati esterni jew għan-natura kunfidenzjali tagħhom. Madankollu, ir-rikorrenti sostnew li dawn id-dokumenti kienu ġew ippreparati għall-finijiet li tintalab opinjoni legali jew kien fihom opinjoni legali u sostnew li l-evalwazzjoni sommarja tagħhom ma kinitx ser tippermetti li tiġi evalwata n-natura kunfidenzjali tagħhom mingħajr ma jinkixef il-kontenut tagħhom fl-istess ħin. Mill-inkartament u mir-rendikont imsemmija iktar’il fuq jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni insistiet sabiex issir l-evalwazzjoni sommarja tad-dokumenti msemmija u li r-rappreżentanti tar-rikorrenti ma tawx il-kunsens tagħhom ħlief wara li l-aġenti tal-Kummissjoni u ta’ l-OFT indikawlhom li r-rifjut milli jħalluhom jagħmlu tali evalwazzjoni kienet tammonta għal ostakolu għall-investigazzjoni, li kien suġġett għal pieni amministrattivi u kriminali.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ġiegħlet lir-rikorrenti jaċċettaw l-evalwazzjoni sommarja tad-dokumenti in kwistjoni, minkejja li, fir-rigward taż-żewġ kopji tal-memorandum ittajpjat tas-serje A u tan-noti miktuba bl-idejn tas-serje B, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti allegaw, b’ġustifikazzjonijiet in sostenn ta’ din l-allegazzjoni, li tali evalwazzjoni kienet teħtieġ l-iżvelar tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li evalwazzjoni sommarja tad-dokumenti msemmija ma kinitx kapaċi li tippermetti lill-aġenti tal-Kummissjoni li jidentifikaw l-eventwali natura kunfidenzjali tagħhom mingħajr fl-istess ħin ma tagħtihom il-possibbiltà li jaqraw il-kontenut tagħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kisret il-proċedura relattiva għall-applikazzjoni tal-protezzjoni minħabba l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

96      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, meta għamlet kopja tad-dokumenti tas-serje A u poġġiethom f’envelop issiġillat, ma kkonformatx ruħha eżattament mal-proċedura stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AM & S, u jsostnu li l-Kummissjoni kien imissha adottat deċiżjoni formali li tordna l-preżentazzjoni ta’ dawn id-dokumenti. Madankollu, dan l-ilment ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif ġie deċiż, l-użu tal-proċedura ta’ l-envelop issiġillat, f’ċirkustanzi bħal dawk eżistenti f’dan il-każ, ma jiksirx il-proċedura stabbilita fis-sentenza msemmija (ara l-punt 84 iktar’il fuq). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li mill-inkartament u mir-rendikont imsemmija iktar’il fuq jirriżulta li, waqt l-investigazzjoni, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti talbu diversi drabi lill-aġenti tal-Kummissjoni sabiex jużaw il-proċedura ta’ l-envelop issiġillat fir-rigward tad-dokumenti in kwistjoni.

97      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni talli waqt l-investigazzjoni ċaħdet it-talba tagħhom għall-protezzjoni tad-dokumenti tas-serje B abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, matul l-investigazzjoni, ir-rikorrenti effettivament invokaw din il-protezzjoni u qajmu diversi ġustifikazzjonijiet in sostenn ta’ tali talba, b’mod partikolari l-fatt li d-dokumenti in kwistjoni kienu ġew ippreparati bl-iskop li tintalab opinjoni legali jew kien fihom tali opinjoni legali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, peress li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfata bl-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti, hija kellha tadotta deċiżjoni formali li tiċħad it-talba msemmija għall-protezzjoni li kienet tippermetti lir-rikorrenti jipproċedu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel ma taqra l-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni (ara l-punt 85 iktar’il fuq).

98      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma poġġietx lir-rikorrenti f’pożizzjoni li jipproċedu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jevitaw li din taqra l-kontenut tad-dokumenti tas-serje B. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, matul l-investigazzjoni, l-aġenti tal-Kummissjoni kkonkludew li d-dokumenti tas-serje B manifestament ma kinux kunfidenzjali u li huma għamlu kopja tagħhom u poġġewha fl-inkartament ta’ l-investigazzjoni, mingħajr ma poġġewha f’envelop issiġillat. Għaldaqstant, f’dan l-istess mument, il-Kummissjoni setgħet taqra, b’mod komplet, il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti (ara l-punt 51 iktar’il fuq). B’hekk, għandu jiġi konkluż li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kisret il-proċedura relattiva għall-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità.

99      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li, bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni kisret il-proċedura stabbilita mis-sentenza AM & S billi ddeċidiet unilateralment li d-dokumenti in kwistjoni ma kinux koperti mill-kunfidenzjalità. Madankollu, għandu jingħad li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tiċħad talba għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ma jippreġudikax il-proċedura ta’ applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni, safejn il-Kummissjoni ma taqrax id-dokumenti in kwistjoni qabel ma tkun tat lill-impriża kkonċernata l-opportunità li tipproċedi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, jekk ikun il-każ, quddiem l-imħallef għall-miżuri provviżorji, sabiex tikkontesta din id-deċiżjoni ta’ ċaħda (ara l-punt 85 iktar’il fuq).

100    Issa, f’dan il-każ, fir-rigward tad-dokumenti tas-serje B, għalkemm huma msemmija fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003, mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni kienet qrat il-kontenut tagħhom ħafna qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tas-serje A, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għamlet kopja tagħhom waqt l-investigazzjoni u poġġietha f’envelop issiġillat. Sussegwentement, hija adottat deċiżjoni preliminari dwar it-talba tar-rikorrenti, mingħajr madankollu ma fetħet l-envelop issiġillat u mingħajr ma evalwat il-kontenut tiegħu, liema deċiżjoni ġiet innotifikata lilhom permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ April 2003. Fit-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat b’mod finali d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għall-protezzjoni, dejjem mingħajr ma qrat il-kontenut tad-dokumenti tas-serje A. Kien biss wara l-annullament tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, imsemmi iktar’il fuq, permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Akzo u Akcros, imsemmi iktar’il fuq, fil-kawżi għal miżuri provviżorji li l-Kummissjoni finalment qrat id-dokumenti tas-serje A. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 ma kisritx il-proċedura relattiva għall-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret il-proċedura relattiva għall-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, fl-ewwel lok, billi ġiegħlet lir-rikorrenti jissuġġetaw id-dokumenti tas-serje A u n-noti miktuba bl-idejn tas-serje B għal evalwazzjoni sommarja u, fit-tieni lok, billi qrat id-dokumenti tas-serje B mingħajr ma poġġiet lir-rikorrenti f’pożizzjoni li jikkontestaw iċ-ċaħda tat-talba tagħhom għall-protezzjoni fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għall-kuntrarju, dan l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud f’dak li jirrigwarda l-ilmenti tar-rikorrenti relattivi għall-evalwazzjoni sommarja tal-posta elettronika tas-serje B, għall-użu tal-proċedura ta’ l-envelop issiġillat għad-dokumenti tas-serje A u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003.

 Fuq it-tieni motiv, li jirrigwarda ċ-ċaħda inġustifikata tat-talba għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti fir-rigward tad-dokumenti in kwistjoni

102    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ħames dokumenti in kwistjoni huma koperti mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Id-dokumenti tas-serje A u n-noti miktuba bl-idejn tas-serje B għandhom fil-fatt jiġu kkunsidrati bħala l-bażi miktuba ta’ komunikazzjoni orali bejn klijent u avukat estern, li seħħet bl-iskop li jinkiseb parir legali, filwaqt li l-posta elettronika tas-serje B tikkostitwixxi komunikazzjonijiet bejn avukat u klijent għall-finijiet u fl-interess tad-drittijiet tad-difiża tal-klijent.

103    Il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza, il-ħames dokumenti in kwistjoni huma esklużi b’mod ċar mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

 F’dak li jirrigwarda ż-żewġ kopji tal-memorandum ittajpjat tas-serje A

–       L-argumenti tal-partijiet

104    Ir-rikorrenti jindikaw li s-serje A fiha żewġ kopji separati ta’ memorandum ittajpjat ta’ żewġ paġni ppreparati mid-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals u indirizzat lis-superjur tiegħu, is-“sub-business unit manager”, (iktar’il quddiem l-“SBU manager”), tas-16 ta’ Frar 2000. Dawn iż-żewġ kopji huma identiċi, ħlief għall-fatt li fuq l-ewwel paġna ta’ waħda minnhom jidhru s-segwenti noti miktuba bl-idejn:

“      – mogħti lill-[SBU manager] 16/2/2000

         – irritornat mill-[SBU manager] 17/2/2000

         – diskuss ma’ [X, avukat estern tar-rikorrenti] 22/2/00 permezz tat-telefon.”

105    Ir-rikorrenti jsostnu li dan id-dokument għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-programm intern ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni, implementat mill-grupp tal-kumpanniji Akzo Nobel fuq parir u bil-koordinazzjoni ta’ avukat estern. Fil-kuntest ta’ dan il-programm, l-impjegati u l-ogħla uffiċjali eżekuttivi tar-rikorrenti għandhom jidentifikaw kwistjonijiet potenzjalment marbuta mad-dritt tal-kompetizzjoni fl-oqsma rispettivi tar-responsabbilitajiet tagħhom, u jippreżentawhom lill-avukat estern, li min-naħa tiegħu jagħti parir legali fir-rigward tagħhom.

106    B’hekk, skond ir-rikorrenti, il-memorandum in kwistjoni fih informazzjoni miġbura mid-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals mid-diskussjonijiet interni li huwa kellu ma’ impjegati oħra, bl-iskop li jakkwista parir legali li jirrigwarda l-programm imsemmi. Għaldaqstant, dan id-dokument jikkostitwixxi r-riżultat dirett u ma jistax jiġi sseparat mill-isforz magħmul mir-rikorrenti sabiex jiġu identifikati problemi potenzjali li jirrigwardaw id-dritt tal-kompetizzjoni u jakkwistaw parir fir-rigward tagħhom mingħand l-avukat estern tagħhom.

107    Is-suċċessjoni ta’ l-avvenimenti tikkorrobora din il-verżjoni tal-fatti. Wara li ġiet irċevuta l-ittra tat-28 ta’ Jannar 2000 tal-President tal-kunsill ta’ l-amministrazzjoni ta’ Akzo Nobel dwar il-proġett tal-programm ta’ konformità, id-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals qajjem ma’ l-impjegati tiegħu l-kwistjonijiet dwar ir-rispett tad-dritt tal-kompetizzjoni. Matul dawn id-diskussjonijiet, huwa ħa xi noti, jiġifieri n-noti miktuba bl-idejn tas-serje B. Nhar l-Erbgħa, is-16 ta’ Frar 2000, il-kopji tal-memorandum li jikkostitwixxu s-serje A intbagħtu lill-SBU manager mid-Direttur Ġenerali. Nhar il-Ħamis, is-17 ta’ Frar 2000, l-SBU manager irritornhom lid-Direttur Ġenerali. Nhar it-Tlieta, it-22 ta’ Frar 2000, il-memorandum serva bħala bażi tad-diskussjoni mas-Sur X, l-avukat estern tar-rikorrenti.

108    Ir-rikorrenti jsostnu li ż-żewġ kriterji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AM & S bħala komuni għal-liġijiet tad-diversi Stati Membri dwar protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, jiġifieri li din għandha tkun korrispondenza skambjata fil-kuntest u għall-finijiet tad-drittijiet tad-difiża tal-klijent u li din il-korrispondenza għandha tinvolvi avukati indipendenti, huma ssodisfati f’dan il-każ. Huma jispeċifikaw li huma mhumiex jallegaw li s-sempliċi fatt li d-dokument in kwistjoni ġie ppreparat fil-kuntest ta’ programm tal-konformità huwa biżżejjed sabiex jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tiegħu. Madankollu, meta tiċħad il-possibbiltà li tali programm jista’ jikkostitwixxi l-kuntest li fih tiġi ppreżentata korrispondenza legalment protetta, il-Kummissjoni tħalli barra aspetti fundamentali tas-sistema ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tagħha stess. B’hekk, fl-ewwel lok, minħabba t-tneħħija tas-sistema ta’ notifika ta’ l-Artikolu 81(3) KE, jekk xi dokumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ awto evalwazzjoni jistgħu jiġu żvelati, l-impriża tiġi mċaħħda milli tiddetermina liberament u mingħajr biża, bl-assistenza ta’ avukat estern jew intern, jekk il-prassi tagħha humiex konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni. Fit-tieni lok, minħabba n-natura ta’ talba għall-klemenza u tal-bżonn li ssir investigazzjoni interna u li jinġabru provi materjali, id-dokumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ tali operazzjoni għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali.

109    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw it-teżi tal-Kummissjoni li l-memorandum ittajpjat ma fih ebda indikazzjoni ta’ rabta bejn l-osservazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali u t-talba ta’ parir legali mingħand avukat estern u li ma ġiex stabbilit li tali parir effettivament intalab u ngħata. B’hekk, huma jsostnu li n-noti li jidhru fuq l-ewwel paġna ta’ waħda miż-żewġ kopji tal-memorandum juru b’mod inkontestabbli li dan id-dokument kien element intiż sabiex jingħata parir legali mill-avukat imsemmi. Bl-istess mod, nota interna ta’ l-avukat imsemmi tat-22 ta’ Frar 2000 u d-dikjarazzjoni ta’ l-attivita miktuba minnu fl-istess jum juru li parir legali kien intalab u ngħata. Matul l-istess ġurnata, id-Direttur Ġenerali bagħat informazzjoni addizzjonali lill-avukat estern permezz ta’ faks, fejn għamel referenza għall-konverżazzjoni telefonika preċedenti tagħhom. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li s-sentenza AM & S u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ April 1990, Hilti vs Il-Kummissjoni (T‑30/89, Ġabra p. II‑163, pubblikazzjoni ta’ partijiet), bl-ebda mod ma jeħtieġu li fil-korrispondenza protetta għandha teżisti indikazzjoni li tistabbilixxi rabta mat-talba għal parir legali jew li l-komunikazzjonijiet ikunu ġew ippreparati biss għall-iskop li jingħata tali parir.

110    Skond ir-rikorrenti l-unika partikolarità tal-każ meta mqabbel mas-sitwazzjoni klassika fis-sentenza AM & S hija li l-informazzjoni ngħatat oralment lill-avukat estern, abbażi tal-memorandum miktub mid-Direttur Ġenerali. Huma jsostnu li, li kieku d-Direttur Ġenerali kiteb ir-riżultat tal-ħidma tiegħu f’memorandum indirizzat lill-avukat estern flimkien ma kopja lis-superjur tiegħu, il-Kummissjoni kienet ċertament taċċetta l-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità għal dan id-dokument. Issa, kif juri d-digriet Hilti vs Il-Kummissjoni, imsemmi iktar’il fuq, l-applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni ma tiddependix tant fuq il-forma tad-dokument iżda pjuttost fuq il-kontenut tiegħu.

111    Il-CCBE jsostni li d-dokumenti miktuba għall-finijiet li jinkiseb parir legali huma koperti mill-kunfidenzjalità u li f’dan ir-rigward għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan ewlieni li għalih tkun saret komunikazzjoni. Madankollu, ma jkunx biżżejjed li impriża tiddikjara li dokument ġie ppreparat fil-kuntest ta’ programm ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex dan ikun protett, anki jekk dan il-programm ikun sar flimkien ma’ avukat estern u jkun ġie implementat taħt is-sorveljanza tiegħu. Madankollu, f’dan il-każ, il-fatt li l-forma esterna tad-dokumenti tas-serje A ma turix li dawn ġew ippreparati għal dan l-iskop ma jistax ikun kriterju deċiżiv. Min-naħa tagħhom, l-Ordni Olandiż ta’ l-Avukati, l-ECLA, l-ACCA u l-IBA jsostnu li d-dokumenti preparatorji ppreparati bl-iskop li jintalab parir legali għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali.

112    Il-Kummissjoni tgħid li, skond is-sentenza AM & S (punti 21 sa 23) u skond id-digriet Hilti vs Il-Kummissjoni, imsemmi iktar’il fuq (punt 18), il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tkopri biss il-komunikazzjonijiet miktuba bejn avukat u klijent li jseħħu fil-kuntest u għall-finijiet tad-drittijiet tad-difiża tal-klijent, kif ukoll in-noti interni li sempliċement jirriproduċu t-test jew il-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet.

113    F’dan il-każ, skond il-Kummissjoni, id-dokumenti in kwistjoni mhumiex ekwivalenti għal korrispondenza skambjata bejn avukati u klijenti u ma jirripproduċux il-kontenut ta’ tali korrispondenza. L-osservazzjonijiet li jinsabu fil-memorandum in kwistjoni jirriflettu d-diskussjonijiet interni li d-Direttur Ġenerali kellu ma’ impjegati oħra fil-kuntest tal-programm ta’ konformità u mhux diskussjonijiet li huwa kellu ma’ avukat estern.

114    Il-Kummissjoni tikkontesta l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-kunfidenzjalità għad-dokumenti ppreparati bl-iskop ta’ konsultazzjoni legali. Tali estensjoni mhijiex sostnuta la mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (KEDB), u lanqas mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Fil-fatt, is-sentenza AM & S tistabbilixxi livell ta’ protezzjoni għoli fid-dritt Komunitarju, ikbar minn dak stabbilit f’diversi Stati Membri, safejn ikopri d-dokumenti miżmuma għand il-klijent u jista’ wkoll jirrigwarda dawk skambjati ma’ avukat indipendenti qabel il-bidu ta’ proċedura kontra l-klijent.

115    F’kull każ, il-Kummissjoni tikkontesta t-teżi tar-rikorrenti li l-memorandum li ż-żewġ kopji tiegħu jikkostitwixxu d-dokumenti tas-serje A ġie ppreparat għall-finijiet li jinkiseb parir legali. Dan il-memorandum ittajpjat ma fih ebda indikazzjoni li torbot l-osservazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali ta’ Akcros mat-tfittxija ta’ assistenza legali mingħand avukat estern. Ir-referenza għall-isem ta’ avukat estern, miktuba bl-idejn fuq waħda mill-kopji tal-memorandum, tista’ tipprova biss li seħħet konverżazzjoni miegħu dwar il-memorandum. Il-fatt li isem l-avukat estern inkiteb bl-idejn wara li ġie ppreparat dan il-memorandum, fuq kollox fuq waħda miż-żewġ kopji biss, juri li dan ma kienx ġie ppreparat għal skopijiet ta’ konsultazzjoni legali. Bl-istess mod, minbarra s-sempliċi dikjarazzjoni ta’ attività tas-Sur X u l-allegat rendikont miktub minnu dwar il-kontenut tal-konverżazzjoni li huwa kellu mad-Direttur Ġenerali, ir-rikorrenti ma ppreżentawx dokumenti li jipprovaw li effettivament kien intalab u ngħata parir legali.

116    Fir-rigward ta’ l-invokazzjoni min-naħa tar-rikorrenti tal-programm ta’ konformità ta’ Akzo Nobel, il-Kummissjoni tesprimi d-dubji tagħha dwar il-valur probatorju tagħha. Id-dokumenti tas-serje A bl-ebda mod ma jsemmu dan il-programm. F’kull każ, il-fatt li dokument jiġi ppreparat fil-kuntest ta’ programm ta’ konformità ma jikkostitwixxix element suffiċjenti sabiex jistabbilixxi n-natura kunfidenzjali tad-dokument imsemmi. Tali programm huwa proċess ta’ evalwazzjoni interna li jeħtieġ kuntatti bejn il-membri tal-persunal u li huwa intiż sabiex jiġi stabbilit jekk l-impriża tirrispettax id-dritt tal-kompetizzjoni, u fl-istess ħin huwa ta’ natura pedagoġika, dixxiplinari u ta’ superviżjoni, li mhuwiex limitat għall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Jekk impriża tingħata l-opportunità li titlob il-protezzjoni ta’ dokument għas-sempliċi raġuni li, mingħajr il-programm ta’ konformità u l-istruzzjonijiet ta’ l-avukat estern, dan id-dokument qatt ma kien jiġi ppreparat, dan jista’ jwassal għal abbużi ta’ kull tip.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

117    Qabel kollox, huwa importanti li jingħad li, skond is-sentenza AM & S, ir-Regolament Nru 17 għandu jiġi interpretat bħala li jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet ma’ l-avukati sakemm, minn naħa, din tkun korrispondenza skambjata fil-kuntest u għall-finijiet tad-drittijiet tad-difiża tal-klijent u, min-naħa l-oħra, toriġina minn avukati indipendenti (punti 21, 22 u 27 tas-sentenza). F’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjoniiet, il-protezzjoni għandha tinftiehem, sabiex tkun effikaċi, bħala li tkopri bis-sħiħ kull korrispondenza skambjata wara l-ftuħ tal-proċedura amministrattiva, bis-saħħa tar-regolament imsemmi, li tkun kapaċi twassal għal deċiżjoni ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE jew għal deċiżjoni li timponi penali monetarja fuq l-impriża. Din il-protezzjoni tista’ tiġi estiża wkoll għall-korrispondenza preċedenti li jkollha rabta ma’ l-iskop ta’ tali proċedura (sentenza AM & S, punt 23). Fid-digriet Hilti vs Il-Kummissjoni, imsemmi iktar’il fuq, ġie speċifikat li, fid-dawl ta’ l-iskop tagħha, il-protezzjoni msemmija għandha titqies li testendi wkoll għan-noti interni mqassma fi ħdan impriża li sempliċement jirripproduċu t-test jew il-kontenut ta’ komunikazzjonijiet ma’ avukati indipendenti li jinkludu pariri legali (punti 13 u16 sa 18 tad-digriet).

118    F’dan il-każ, għandu jingħad li, minnhom infushom, id-dokumenti tas-serje A ma jikkostitwixxux korrispondenza skambjata ma’ avukat indipendenti jew nota interna li tirripproduċi l-kontenut ta’ komunikazzjoni ma’ tali avukat. Ir-rikorrenti lanqas ma jsostnu li dawn id-dokumenti ġew ippreparati sabiex jintbagħtu materjalment lil avukat indipendenti. Għaldaqstant, għandu jitqies li formalment dawn id-dokumenti ma jikkorrispondux mal-kategoriji ta’ dokumenti espressament identifikati fil-ġurisprudenza msemmija iktar’il fuq.

119    F’kull każ, ir-rikorrenti jallegaw li dawn id-dokumenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala koperti mill-kunfidenzjalità peress li, skondhom, dawn ġew ippreparati bil-għan li jintalab parir legali. B’hekk, dawn id-dokumenti ġew ippreparati, b’mod partikolari, minħabba konsultazzjoni telefonika ma’ avukat bl-iskop li jinkiseb parir legali.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti jikkostitwixxi element komplementari meħtieġ għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża (sentenza AM & S, punt 23) (ara l-punt 77 iktar’il fuq). Skond ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal penali, b’mod partikolari għal multi jew għal penali perijodiċi, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi osservat anki jekk tkun proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-Laroche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 39). Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-investigazzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, li jistgħu jkunu ta’ natura determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali ta’ l-aġir ta’ l-impriżi li jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 15).

121    Bl-istess mod, huwa importanti li jingħad li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti hija risposta għall-ħtieġa li kull individwu għandu jkollu l-possibbiltà li jikkomunika bil-libertà kollha ma’ l-avukat tiegħu, li l-professjoni tiegħu tinkludi l-obbligu li jagħti pariri legali, b’mod indipendenti, lil dawk kollha li għandhom bżonnhom (sentenza AM & S, punt 18). B’hekk, dan il-prinċipju huwa marbut mill-qrib mal-kunċett tar-rwol ta’ l-avukat meqjus bħala kollaboratur tal-ġustizzja (sentenza AM & S, punt 24) (ara l-punt 77 iktar’il fuq).

122    Issa, sabiex individwu jkun jista’ jkollu l-possibbiltà li jikkomunika bil-libertà kollha ma’ l-avukat tiegħu, u sabiex l-avukat ikun jista’ jeżerċita, b’mod effikaċi, ir-rwol tiegħu ta’ kolloboratur tal-ġustizzja u ta’ assistenza legali għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża, jista jkun neċessarju, f’xi ċirkustanzi, li l-klijent jipprepara dokumenti ta’ ħidma jew sommarji, b’mod partikolari sabiex jiġbor flimkien informazzjoni li tkun utli, jekk mhux indispensabbli, sabiex dan l-avukat jifhem il-kuntest, in-natura u l-portata tal-fatti li fir-rigward tagħhom tkun meħtieġa l-assistenza tiegħu. Il-preparazzjoni ta’ tali dokumenti tista’ tkun partikolarment neċessarja fil-kwistjonijiet li jinvolvu ħafna informazzjoni jew informazzjoni kumplessa, kif normalment ikun il-każ tal-proċeduri intiżi sabiex jiġi ppenalizzat ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-Kummissjoni, waqt investigazzjoni, taqra tali dokumenti jista’ jippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriża investigata, kif ukoll l-interess pubbliku li jiġi assigurat li kull klijent ikollu l-possibbiltà li jikkomunika bil-libertà kollha ma’ l-avukat tiegħu.

123    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li tali dokumenti preparatorji, anki jekk ma jkunux ġew skambjati ma’ avukat jew ma jkunux ġew ippreparati sabiex jiġu materjalment mogħtija lil avukat, jistgħu, madankollu, ikunu koperti mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, sakemm ikunu ġew ippreparati esklużivament għall-finijiet li jintalab parir legali mingħand avukat, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li dokument kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet ma’ avukat mhuwiex biżżejjed sabiex jagħtih din il-protezzjoni.

124    Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-poteri ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, li huma essenzjali sabiex jippermettulha li tikxef, li twaqqaf u li tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan il-ksur ħafna drabi jkun moħbi b’attenzjoni u normalment ikun ta’ ħsara kbira għat-tħaddim tajjeb tas-suq komuni. Minħabba f’hekk huwa neċessarju li l-possibbiltà li dokument preparatorju jkun jista’ jitqies bħala protett mill-kunfidenzjalità għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Hija l-impriża li tinvoka din il-protezzjoni li għandha tipprova li d-dokumenti in kwistjoni ġew ippreparati bl–iskop waħdieni li jintalab parir legali mingħand avukat. Dan għandu jirriżulta b’mod ċar mill-kontenut tad-dokumenti stess jew mill-kuntest li fih dawn id-dokumenti jkunu ġew ippreparati jew misjuba.

125    Konsegwentement, f’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti rnexxilhomx jipprovaw li l-memorandum tas-16 ta’ Frar 2000 tad-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals, li ż-żewġ kopji tiegħu jikkostitwixxu d-dokumenti tas-serje A, ġiex ippreparat esklużivament sabiex jintalab parir legali mingħand avukat, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

126    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti qabel kollox isostnu li l-memorandum imsemmi ġie ppreparat fil-kuntest tal-programm tagħhom ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni, implementat u kkoordinat minn grupp ta’ avukati, bil-għan li jiġu identifikati problemi potenzjali rigward il-liġijiet tal-kompetizzjoni u sabiex jinkisbu pariri legali dwar dan. Huma jispeċifikaw ukoll li l-memorandum fih informazzjoni miġbura mid-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals mid-diskussjonijiet interni ma’ impjegati oħra bil-għan li jinkiseb parir legali fir-rigward tal-programm imsemmi. Fl-aħħar, huma jsostnu li diversi elementi juru li l-memorandum kellu bħala għan it-tfittxija ta’ parir legali u li effettivament dan il-parir intalab u ngħata.

127    Qabel kollox, fir-rigward tar-referenza għall-programm ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni tar-rikorrenti, għandu jingħad li l-fatt li dokument ikun ġie ppreparat fil-kuntest ta’ tali programm, minnu nnifshu, mhuwiex biżżejjed sabiex jagħti lil dan id-dokument il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità. Fil-fatt, dawn il-programmi, minħabba l-firxa tagħhom, jinkludu inkarigi u jkopru informazzjoni li ħafna drabi jmorru ħafna oltre l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. B’mod partikolari, il-fatt li avukat estern seta’ joħloq u/jew jikkoordina programm ta’ konformità ma jistax jikkonferixxi b’mod awtomatiku l-protezzjoni tal-kunfidenzjalita lid-dokumenti kollha ppreparati fil-kuntest ta’ dan il-programm jew in konnessjoni miegħu.

128    Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-noti miktuba bl-idejn li jidhru fuq waħda miż-żewġ kopji tal-memorandum u li tirreferi għal konverżazzjoni telefonika ma’ avukat estern, fit-tieni lok, id-dikjarazzjoni ta’ attività miktuba minn dan l-avukat li tikkonferma din il-konverżazzjoni, fit-tielet lok, il-fatt li dan l-avukat allegatament kiteb nota interna dwar is-suġġett u, fir-raba’ lok, il-fatt li d-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals seta’ bagħat informazzjoni addizzjonali lill-avukat permezz ta’ faks, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn id-diversi elementi juru biss li l-kontenut tal-memorandum in kwistjoni kien is-suġġett ta’ diskussjoni telefonika bejn id-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals u l-imsemmi avukat. Madankollu, minnhom infushom, dawn l-elementi mhumiex kapaċi li juru li dan il-memorandum ġie ppreparat bil-għan – u a fortiori bil-għan waħdieni – li jintalab parir legali mingħandu.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-memorandum ma kienx indirizzat lil dan l-avukat, iżda lil wieħed mis-superjuri tad-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals, jiġifieri lill-SBU manager. Fil-fatt, mill-ewwel sentenza ta’ dan id-dokument jirriżulta li dan kien ġie ppreparat fuq talba ta’ l-SBU manager. Fil-fatt, il-memorandum kien jirrigwarda mistoqsija ta’ l-SBU manager rigward l-eventwali eżistenza ta’ attivitajiet li jiksru l-liġi tal-kompetizzjoni f’waħda mid-diviżjonijiet tar-rikorrenti, taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals. Il-memorandum fih deskrizzjoni ta’ diversi attivitajiet u aġir li jistgħu jattiraw l-applikazzjoni ta’ dawn il-liġijiet. Bħala konklużjoni, id-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals jagħti żewġ rakkomandazzjonijiet lis-superjur tiegħu, u jitolbu l-kunsens tiegħu fir-rigward tagħhom.

130    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi memorandum ma jsemmi xejn dwar it-tfittxija ta’ parir jew ta’ konsultazzjoni legali. B’hekk, ma jissemma xejn dwar il-bżonn li tiġi evalwata l-konformità mas-dritt tal-kompetizzjoni ta’ prassi partikolari jew dwar il-possibbiltà li tiġi kkunsidrata l-preżentazzjoni ta’ talba għall-klemenza. Fl-aħħar, l-ebda waħda miż-żewġ rakkomandazzjonijiet li saru fih ma jirrigwardaw il-bżonn jew l-opportunità li jintalab parir legali fuq l-aġir eżaminat jew fuq l-azzjonijiet li kellhom jittieħdu sussegwentement.

131    Barra minn hekk, għandu jingħad li, għalkemm il-ġbir ta’ l-informazzjoni in kwistjoni jista’ effettivament jidħol fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni tal-programm ta’ konformità tar-rikorrenti, il-preparazzjoni tal-memorandum manifestament ma jaqbilx mal-metodoloġija stabbilita fil-programm imsemmi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ittra tat-28 ta’ Jannar 2000 tal-President tal-kunsill ta’ l-amministrazzjoni ta’ Akzo Nobel, mibgħuta, fost oħrajn, lill-SBU manager, dan il-programm ta’ konformità kien jistabbilixxi li kull informazzjoni jew mistoqsija dwar aġir li jista’ jikser id-dritt tal-kompetizzjoni kellha tiġi kkomunikata oralment u direttament lill-avukati esterni tar-rikorrenti, ħlief f’każijiet li jirrigwardaw lill-Istati Uniti u lill-Kanada.

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li la mill-kontenut tad-dokument u lanqas mill-elementi u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti, meħuda waħedhom jew flimkien, ma jirriżulta li l-memorandum in kwistjoni ġie ppreparat mid-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals esklużivament għall-finijiet li jintalab parir legali. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-iktar spjegazzjoni plawsibbli hija li dan il-memorandum ġie ppreparat mid-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals bil-għan prinċipali li jitlob il-kunsens tas-superjur tiegħu fuq ir-rakkomandazzjonijiet li huwa kien ifformula dwar l-aġir identifikat. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata min-noti miktuba bl-idejn tas-serje B. Fil-fatt, f’dawn in-noti, id-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals kiteb espressament li s-superjur tiegħu, l-SBU manager, seta’ kellu opinjoni differenti fuq l-istrateġija li kellha tiġi adottata dwar xi wħud mis-sitwazzjonijiet identifikati fil-memorandum. Dan juri li d-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals kien ipprepara memorandum għall-attenzjoni tas-superjur tiegħu fejn ippreżentalu l-aġir identifikat filwaqt li ppropona rakkomandazzjonijiet fuq l-azzjonijiet li kellhom jittieħdu u talbu l-kunsens tiegħu fir-rigward tagħhom.

133    Bl-istess mod, is-suċċessjoni ta’ l-avvenimenti kif deskritti mir-rikorrenti, ma tiċħadx din il-verżjoni tal-fatti. Fil-fatt, fis-16 ta’ Frar 2000, il-memorandum in kwistjoni ntbagħat lill-SBU manager mid-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals. Fis-17 ta’ Frar 2000, il-memorandum ġie rritornat lid-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals mingħand l-SBU manager. Kien biss aktar tard li fit-22 ta’ Frar 2000 id-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals iddiskuta l-kontenut tal-memorandum ma’ l-avukat. Issa, kif ġie indikat, din il-konsultazzjoni ulterjuri ma’ l-avukat mhijiex biżżejjed sabiex tipprova li l-memorandum in kwistjoni ġie ppreparat esklużivament għall-finijiet li jintalab parir legali (ara l-punt 123 iktar’il fuq).

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pprovawx li l-memorandum tas-16 ta’ Frar 2000 tad-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals kien ġie ppreparat esklużivament għall-finijiet li jintalab parir legali mingħand avukat, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

135    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta qieset li ż-żewġ kopji ta’ dan il-memorandum li jikkostitwixxu d-dokumenti tas-serje A ma kellhomx ikunu koperti mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

 F’dak li jirrigwarda n-noti miktuba bl-idejn tas-serje B

–       L-argumenti tal-partijiet

136    Ir-rikorrenti jispeċifikaw li l-ewwel dokument tas-serje B jikkonsisti f’noti miktuba bl-idejn mid-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals, li nkitbu matul id-diskussjonijiet li dan kellu ma’ impjegati tiegħu u li ntużaw sabiex jiġi ppreparat il-memorandum ittajpjat li l-kopji tiegħu jikkostitwixxu d-dokumenti tas-serje A. Ir-rikorrenti, sostnuti mill-CCBE, isostnu li, jekk il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tingħata lid-dokumenti tas-serje A, din għandha tiġi estiża wkoll għal dawn in-noti preparatorji.

137    Il-Kummissjoni ssostni li dawn in-noti ma jistgħux jiġi protetti mil-kunfidenzjalità peress li nkitbu għall-preparazzjoni ta’ dokumenti li mhumiex koperti mill-prinċipju msemmi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

138    Mill-evalwazzjoni tan-noti miktuba bl-idejn tas-serje B jirriżulta, kif isostnu r-rikorrenti, li dawn inkitbu bil-għan ewlieni li jiġi ppreparat il-memorandum li ż-żewġ kopji tiegħu jikkostitwixxu d-dokumenti tas-serje A. Għaldaqstant, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għall-konklużjoni li l-imsemmi memorandum mhuwiex protett mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, għandu jiġi konkluż li lanqas in-noti msemmija ma huma koperti minn din il-protezzjoni.

139    Barra minn hekk, għandu jingħad li l-imsemmija noti miktuba bl-idejn ma jikkostitwixxux komunikazzjoni skambjata ma’ avukat u ma jirriproduċux it-test jew il-kontenut ta’ komunikazzjonijiet ma’ avukat li fihom pariri legali. Ir-rikorrenti lanqas ma pprovaw li dawn in-noti miktuba bl-idejn kienu nkitbu esklużivament għall-finijiet li jintalab parir legali mingħand avukat, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

140    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta rrifjutat li tagħti lin-noti miktuba bl-idejn tas-serje B il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità invokata mir-rikorrenti.

 F’dak li jirrigwarda l-posta elettronika, tas-serje B, skambjata ma’ membru tas-servizz legali tar-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

141    Ir-rikorrenti jgħidu li ż-żewġ dokumenti l-oħra tas-serje B jirrigwardaw korrispondenza skambjata permezz ta’ posta elettronika bejn id-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals u s-Sur S, membru tas-servizz legali ta’ Akzo Nobel. Ir-rikorrenti jqisu li din il-korrispondenza għandha titqies bħala protetta kontra kull żvelar abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

142    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqajmu żewġ argumenti. Prinċipalment, huma jsostnu li l-komunikazzjonijiet ma’ avukati ta’ impriża li huma membri tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Stat Membru – u, f’kull każ, il-komunikazzjonijiet ma’ avukati ta’ impriża li huma membri tal-Kamra ta’ l-Avukati Olandiża, bħalma huwa s-Sur S f’dan il-każ – għandhom jiġu protetti b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza AM & S. Sussidjarjament, huma jsostnu li, jekk is-sentenza AM & S tiġi interpretata fis-sens li ma tippermettix tali protezzjoni, ikun neċessarju li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha, kif jirriżulta minn din is-sentenza, u li l-protezzjoni invokata tingħata lid-dokumenti in kwistjoni.

143    Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda l-argument prinċipali tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, b’mod kuntrarju għall-interpretazzjoni restrittiva tas-sentenza AM & S mogħtija mill-Kummissjoni, il-komunikazzjonijiet li joriġinaw mill-avukati ta’ impriża, b’mod partikolari dawk li huma membri tal-Kamra ta’ l-Avukati, jaqgħu taħt il-kunfidenzjalità. Huma jammettu li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik is-sentenza, limitat din il-protezzjoni għall-avukati “indipendenti”, liema kategorijia ma tinkludix, skondhom, lill-avukati impjegati mill-klijenti tagħhom. Madankollu, l-element determinanti stabbilit fis-sentenza AM & S huwa dak ta’ l-indipendenza ta’ l-avukat. Issa, ir-rikorrenti jqisu li m’hemmx raġuni għalfejn din il-kwalità tiġi rrikonoxxuta biss fil-konfront ta’ l-avukat estern. L-avukati interni mhumiex suġġetti għal obbligu inqas li ma jiħdux sehem f’attivitajiet illegali, li ma jaħbux informazzjoni jew li ma jostakolawx l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Dan japplika iżjed u iżjed fis-sistemi legali fejn huma jistgħu jsiru membri ta’ Kamra ta’ l-Avukati u bħala tali jgawdu minn status ta’ indipendenza fil-konfront ta’ min jimpjegahom.

144    Ir-rikorrenti josservaw li s-Sur S huwa membru tal-Kamra ta’ l-Avukati Olandiża u huwa l-persuna ta’ referenza tal-programm ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ Akzo Nobel. Huwa intervjena f’din il-kumpannija biss fil-kwalità tiegħu ta’ konsulent legali, mingħajr qatt ma assuma xi funzjoni fid-direzzjoni. Issa, is-sħubija tiegħu fil-Kamra ta’ l-Avukati Olandiża tissuġġettah għar-regoli deontoloġiċi u etiċi ta’ din il-professjoni u tagħtih livell għoli ta’ indipendenza. Barra minn hekk, bl-applikazzjoni tal-liġi Olandiża, is-Sur S huwa kopert mill-ftehim fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol li huwa kien ikkonkluda ma’ min jimpjegah fejn id-direzzjoni tal-grupp ta’ kumpanniji Akzo Nobel qablet li l-obbligu ta’ indipendenza u ta’ konformità mar-regoli ta’ sħubija fil-Kamra ta’ l-Avukati imposti mil-liġi Olandiża jipprevali fuq il-lealtà lejn il-grupp. Għaldaqstant, mill-perspettiva tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, il-korrispondenza bejn is-Sur S u d-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals hija identika għall-korrispondenza bejn din il-kumpannija u avukat estern. Għaldaqstant, is-Sur S m'għandux jitqies biss bħala konsulent intern, iżda pjuttost bħala avukat indipendenti debitament imsieħeb fil-Kamra ta’ l-Avukati Olandiża, li jeżerċità bħala avukat intern fi ħdan kumpannija.

145    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-korrispondenza in kwistjoni, is-Sur S kien ta parir legali dwar kif kellhom jiġu solvuti ċerti kwistjoniiet li qamu fil-kuntest tal-programm ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ Akzo Nobel. Min-naħa tiegħu, dan il-parir legali huwa bbażat fuq il-parir ta’ l-avukat estern tar-rikorrenti.

146    Il-CCBE jqis li, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, m’għandhiex issir distinzjoni bejn il-konsulenti legali li huma impjegati mill-kumpannija li lilha jagħtu pariri u dawk li mhumiex, iżda bejn dawk li huma suġġetti għal obbligi professjonali li r-rispett tagħhom huwa ssorveljat mill-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Istat Membru kkonċernat u dawk li mhumiex hekk marbuta. Din is-soluzzjoni tagħti effett sħiħ lill-prinċipji sottostanti s-sentenza AM & S, jiġifieri l-kriterji ta’ l-indipendenza u ta’ subordinazzjoni għal dixxiplina professjonali uffiċjali. Il-CCBE jsostni li s-Sur S, minkejja l-istat tiegħu ta’ impjegat, jikkonforma mal-kriterji kollha ta’ indipendenza meħtieġa minn dik is-sentenza.

147    L-ECLA ssostni li, fis-sentenza AM & S, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qalitx espressament li avukat impjegat qatt ma jista’ jitqies bħala indipendenti. Impriża għandu jkollha d-dritt li titlob parir legali mingħand l-avukat li tagħżel hija stess, mingħajr b’hekk ma toħloq prova kontriha stess, peress li dan l-avukat ikun debitament ikkwalifikat u suġġett għal regoli deontoloġiċi u dixxiplinari xierqa. Barra minn hekk, il-liġi tax-xogħol ta’ l-Istati Membri tipproteġi lill-konsulenti interni kontra t-tkeċċija f’każ li jkunu rrifjutaw li jeżegwixxu ordni li jmur kontra d-deontoloġija professjonali.

148    L-Ordni Olandiż ta’ l-Avukati jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza AM & S, ma rrifjutatx b’mod kategoriku milli tirrikonoxxi fil-konfront tal-komunikazzjonijiet li joriġinaw mill-avukati kollha ta’ impriża l-protezzjoni minħabba l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Skond dik is-sentenza, din il-protezzjoni hija strettament marbuta mal-kundizzjoni ta’ l-indipendenza ta’ l-avukat. Issa, l-avukati msieħba fil-Kamra ta’ l-Avukati Olandiża impjegati fi ħdan impriża huma indipendenti mill-klijent tagħhom/minn min jimpjegahom daqs l-avukati l-oħra, u għandhom l-istess status u l-istess drittijiet u obbligi bħal dawn ta’ l-aħħar, inkluża l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, u jistgħu jiġu imposti l-istess penali.

149    F’dan ir-rigward, l-Ordni Olandiż ta’ l-Avukati jirrimarka li, fl-1996, fl-Olanda ġie adottat regolament li jawtorizza espressament li l-avukati jiġu impjegati. L-indipendenza ta’ l-avukati impjegati hija assigurata mill-konklużjoni ta’ ftehim fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ma’ min jimpjegahom, flimkien mar-regoli dixxiplinari u deontoloġiċi riżultanti mis-sħubija tagħhom fil-Kamra ta’ l-Avukati Olandiża. Dan il-ftehim fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol jinkludi ċertu numru ta’ obbligi stretti, li huma intiżi sabiex isaħħu l-indipendenza ta’ l-avukat fil-konfront ta’ min jimpjegah. Barra minn hekk, dan il-ftehim jobbliga lil min jimpjega sabiex jippermetti lill-avukat impjegat li jikkonforma ruħu mar-regoli dixxiplinari u deontoloġiċi li jirregolaw l-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu. Minn dan, l-Ordni Olandiż ta’ l-Avukati jikkonkludi li l-prinċipji li huma l-bażi tas-sentenza AM & S, jeħtieġu l-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti fil-konfront tas-Sur S.

150    Il-Kummissjoni ssostni li d-dokumenti ta’ posta elettronika in kwistjoni ma jikkostitwixxux komunikazzjoni ma’ avukat indipendenti, ma jindikaw ebda intenzjoni li jiġu kkomunikati lil avukat indipendenti u lanqas ma jirripproduċu t-test jew il-kontenut tal-komunikazzjonijiet miktuba ma’ avukat indipendenti fil-kuntest u għall-finijiet tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-kwistjoni fundamentali li titqajjem hija jekk dawn id-dokumenti għandhomx jiġu protetti preċiżament għaliex jikkostitwixxu komunikazzjoni interna ma’ membru tas-servizz legali tar-rikorrenti. issa, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jidhru li qed isostnu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espressament, fis-sentenza AM & S, li l-komunikazzjonijiet bejn impriża u l-avukat intern tagħha ma kinux protetti mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

151    Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda t-teżi sussissjarja tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment iressqu ħames raġunijiet għalfejn huma jqisu li, jekk is-sentenza AM & S tiġi interpretata fis-sens li teskludi b’mod assolut lill-avukati tal-kumpanniji mill-protezzjoni msemmija, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din il-protezzjoni għandu jitwessa lil hinn minn din il-ġurisprudenza.

152    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti josservaw li, minn meta ngħtat is-sentenza AM & S, xi Stati Membri wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u introduċew possibilitajiet ġodda sabiex l-avukati tal-kumpanniji jissieħbu fil-Kamra ta’ l-Avukati nazzjonali tagħhom. Skond ir-rikorrenti, il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri bħalissa jaċċettaw li l-avukati tal-kumpanniji jkunu koperti minn din il-protezzjoni.

153    L-ECLA ssostni wkoll, abbażi ta’ evalwazzjoni tad-dritt komparattiv, li fil-preżent, fil-maġġorparti ta’ l-Istati Membri, il-liġi tirrikonoxxi l-indipendenza ta’ l-avukati tal-kumpanniji u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tagħhom. Min-naħa tagħha, l-ACCA tgħid li, sa mill-1982, kien hemm tendenza komuni fost l-Istati Membri li tingħata l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti lill-avukati tal-kumpanniji. Madankollu, il-CCBE josserva li l-protezzjoni msemmija mhijiex rikonoxxuta lill-avukati tal-kumpanniji fi Franza, fl-Italja, fil-Lussemburgu, fil-Finlandja, fl-Awstrija u fl-Iżvezja. Madankollu, għall-CCBE, il-kwistjoni essenzjali hija dik jekk, f’kull Stat Membru, l-avukati tal-kumpanniji impjegati humiex suġġetti jew le għal regolamentazzjoni professjonali peress li l-obbligu li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti huwa ġeneralment marbut mal-kwalità ta’ membru ta’ Kamra ta’ l-Avukati. Issa, xi pajjiżi jipprojbixxu b’mod assolut il-possibbiltà li avukati msieħba fil-Kamra ta’ l-Avukati jkunu impjegati – per eżempju l-Belġju u l-Greċja –, filwaqt li oħrajn jawtorizzaw dan – b’mod partikolari d-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, l-Irlanda, l-Olanda, il-Portugall u r-Renju Unit.

154    Il-Kummissjoni tosserva li, fil-mument meta ġiet adottata s-sentenza AM & S, xi Stati Membri kienu diġà jagħtu status speċjali lill-avukati tal-kumpanniji. Skond il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni llum mhijiex differenti. B’hekk, mhuwiex ikkontestat li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti mhijiex rikonoxxuta lill-avukati tal-kumpanniji fi Franza, fl-Italja, fil-Lussemburgu, fl-Awstrija u fil-Finlandja. Barra minn hekk, hija ssostni li l-konklużjonijiet magħmula mill-ECLA fir-rapport tagħha m’għandhomx il-valur ċar li hija tagħtihom.

155    Fir-rigward tas-sħubija ta’ l-avukati tal-kumpanniji f’Kamra ta’ l-Avukati, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm f’xi Stati Membri huwa possibbli li tkun impjegat u li tkun membru tal-Kamra ta’ l-Avukati – b’mod partikolari fi Spanja u fir-Renju Unit – u, f’pajjiżi oħra, l-avukati impjegati jistgħu jkunu membri tal-Kamra ta’ l-Avukati taħt ċerti kundizzjonijiet – b’mod partikolari fil-Ġermanja u fl-Olanda –, xorta jibqa’ l-fatt li, f’numru kbir ta’ Stati Membri, l-istatus ta’ impjegat u s-sħubija f’Kamra ta’ l-Avukati mhumiex kompatibbli – per eżempju fir-Repubblika Ċeka, fi Franza, fl-Italja, fil-Latvija, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fl-Awstrija u fl-Iżvezja. Dan l-aħħar grupp ta’ Stati ma jagħtix il-protezzjoni tal-kunfidenzjalita lid-dokumenti skambjati ma’ dawn l-avukati. Fl-aħħar, fil-Finlandja, l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat indipendenti ma teħtiegx is-sħubija mal-Kamra ta’ l-Avukati. Minn dan, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li, fil-parti l-kbira tagħhom, l-Istati Membri ma jagħtux il-protezzjoni tal-kunfidenzjalita lill-avukati tal-kumpanniji, anki jekk dawn jistgħu jkunu membri tal-Kamra ta’ l-Avukati. F’kull każ, jekk l-iżviluppi osservata f’xi Stati Membri jiġu stabbiliti bħala prinċipju tad-dritt Komunitarju, tinħoloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.

156    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jirrimarkaw li, wara s-sentenza AM & S, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għadda minn numru ta’ riformi fundamentali, li l-effetti tagħhom iwasslu sabiex tiġi evalwata mill-ġdid l-applikabbiltà tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti għall-avukati interni, b’mod partikolari dawk imsieħba f’Kamra ta’ l-Avukati nazzjonali. B’hekk, fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, kemm ir-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 45, 2002, p. 3) jimponu responsabbilitajiet ikbar fuq l-impriżi sabiex dawn jevalwaw il-konformità ta’ l-aġir tagħhom ma’ dawn ir-regoli. Anki jekk din l-awto-evalwazzjoni normalment issir taħt id-direzzjoni ta’ avukat estern, l-avukati tal-kumpanniji jkollhom rwol ċentrali fiha, li jkun ostakolat bl-esklużjoni tal-protezzjoni in kwistjoni.

157    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li s-sostituzzjoni tar-Regolament Nru 17 bir-Regolament Nru 1/2003, li qabel kollox jeħtieġ li l-impriżi stess jevalwaw il-kompatibbiltà tal-ftehim tagħhom mal-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(3) KE, mhijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li huwa diffiċli li l-kwistjoni tal-kunfidenzjalità tiġi invokata f’dan il-kuntest.

158    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li t-trattament differenti, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, ta’ l-avukat estern u ta’ l-avukat tal-kumpannija msieħeb fil-Kamra ta’ l-Avukati nazzjonali huwa arbitrarju u b’hekk imur kontra l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament u jqajjem kwistjonijiet dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-ACCA ssostni wkoll din it-teżi u żżid li s-sentenza AM & S tiddiskrimina wkoll bejn l-avukati mhux Komunitarji, safejn il-protezzjoni msemmija hija rikonoxxuta biss fil-konfront ta’ l-avukati msieħba fil-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Stat Membru (punt 25 tas-sentenza).

159    Il-Kummissjoni tqis li l-prinċipju fundamentali li l-impriżi għandhom id-dritt għal smigħ xieraq u, b’mod partikolari, li jikkonsultaw liberament ma’ avukat ta’ l-għażla tagħhom, mhuwiex ristrett bla bżonn fir-rigward ta’ l-avukati tal-kumpanniji mil-limitazzjonijiet stabbiliti fis-sentenza AM & S. Barra minn hekk, hija ssostni li l-ACCA qed tinvoka kwistjoni ġdida li ma tqajmitx mir-rikorrenti u b’hekk hija inammissibbli u li f’kull każ mhijiex is-suġġett ta’ din il-kawża.

160    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jirreferu għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni (T‑92/98, Ġabra p. II‑3521), ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni (C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125), li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-korrispondenza bejn l-avukati tas-servizz legali tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni stess kienet protetta mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Issa, ma teżisti ebda differenza bejn l-indipendenza tal-membri tas-servizz legali tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din l-istituzzjoni u dik ta’ avukat ta’ kumpannija msieħeb fil-Kamra ta’ l-Avukati fir-rigward ta’ min jimpjegah.

161    Il-Kummissjoni tikkonesta din l-analoġija. Il-protezzjoni mogħtija fis-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1999 u tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar’il fuq, lill-komunikazzjonijiet maħruġa mill-membri tas-servizz legali tagħha tirriżulta mill-fatt li l-interess pubbliku jipprojbixxi l-iżvelar tad-dokumenti ppreparati bl-iskop waħdieni ta’ proċedura legali partikolari.

162    Fl-aħħar, fil-ħames lok, ir-rikorrenti josservaw li l-komunikazzjonijiet bejn is-Sur S u d-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals jikkostitwixxu korrispondenza bejn żewġ persuni stabbiliti rispettivament fl-Olanda u fir-Renju Unit. Issa, skond id-dritt Olandiż, il-korrispondenza tas-Sur S tgawdi mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 51 tal-liġi tal-kompetizzjoni Olandiża. Din il-protezzjoni hija rrikonoxxuta wkoll fir-Renju Unit. Issa, id-dritt Komunitarju m’għandux ikun iktar restrittiv minn dawn iż-żewġ drittijiet nazzjonali.

163    Il-CCBE jqis li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja tar-regoli ta’ organizzazzjoni tal-professjoni ta’ l-avukati, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-kunċett Komunitarju tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti għandu jkun irregolat mid-dritt nazzjonali. L-ECLA ssostni li, peress li l-istatus, id-drittijiet u l-obbligi ta’ avukat joħorġu mid-dritt nazzjonali, il-Kummissjoni m'għandhiex dritt tinjora l-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt, skond il-prinċipju ta’ awtonomija tal-proċedura nazzjonali. Fl-aħħar, l-Ordni Olandiż ta’ l-Avukati jsostni din it-teżi u jikkonferma li l-protezzjoni msemmija tapplika fid-dritt tal-kompetizzjoni Olandiż, f’dak li jirrigwarda l-investigazzjonijiet, għall-avukati kollha msieħba fil-Kamra ta’ l-Avukati, kemm jekk ikunu impjegat u kemm jekk le.

164    Il-Kummissjoni tikkontesta li hija għandha tkun marbuta bir-regoli nazzjonali relattivi għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Dan imur kontra s-supremazija tar-Regolament Nru 1/2003 – u tar-Regolament Nru 17 qablu –, kif ukoll is-sentenza AM & S, li ħadet ħsieb tiżviluppa kunċett Komunitarju dwar is-suġġett. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-poteri ta’ investigazzjoni tagħha jestendu għall-Unjoni Ewropea kollha, u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni ma jistax jiġi ddeterminat abbażi tal-liġi u tar-regoli ta’ Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Istati Membri. Fil-fatt, dan ikun joħloq diffikultajiet kbar ħafna ta’ ordni legali u fil-prattika. F’kull każ, il-Kummissjoni ssostni li, fl-Olanda, id-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità hija ħafna iktar limitata milli jsostnu r-rikorrenti u l-intervenjenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

165    Id-dokumenti tas-serje B jinkludu, minbarra n-noti miktuba bl-idejn li diġà ġew evalwati, korrispondenza skambjata permezz ta’ posta elettronika, f’Mejju u f’Ġunju 2000, bejn id-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals u s-Sur S, avukat imsieħeb fil-Kamra ta’ l-Avukati Olandiża li, fil-mument meta seħħew il-fatti, kien membru tas-servizz legali ta’ Akzo Nobel, fejn b’mod partikolari kien jeżerċita r-rwol ta’ koordinatur għad-dritt tal-kompetizzjoni.

166    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-teżi invokata b’mod prinċipali mir-rikorrenti, għandu jingħad li, fis-sentenza tagħha AM & S, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet espressament li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt Komunitarju, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17, minħabba l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tapplika biss safejn dawn l-avukati jkunu indipendenti, jiġifieri mhux marbuta mal-klijent tagħhom b’relazzjoni ta’ impjieg (punti 21, 22 u 27 tas-sentenza). Din il-ħtieġa relattiva għall-pożizzjoni u għall-kwalità ta’ avukat indipendenti li għandu jkollu l-konsulent li mingħandu toriġina l-korrispondenza li tista’ tkun protetta tirriżulta mill-kunċett tar-rwol ta’ l-avukat, meqjus bħala kollaboratur tal-ġustizzja u msejjaħ sabiex jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tal-ġustizzja, l-assistenza legali li l-klijent għandu bżonn (sentenza AM & S, punt 24).

167    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet espressament il-komunikazzjonijiet ma’ l-avukati tal-kumpanniji, jiġifieri l-konsulenti marbuta mal-klijenti tagħhom b’relazzjoni ta’ impjieg, mill-protezzjoni tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità. Barra minn hekk, huwa importanti li jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konxju dwar din l-esklużjoni, peress li l-kwistjoni kienet diskussa fit-tul matul il-proċedura legali u peress li fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik is-sentenza, l-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn kien ippropona espressament li l-avukat marbut b’kuntratt ta’ impjieg iżda li kien għadu membru tal-professjoni u kien għadu suġġett għar-regoli ta’ dixxiplina u ta’ deontoloġija tal-professjoni jibqa’ trattat bl-istess mod bħall-avukati indipendenti (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn fis-sentenza AM & S imsemmija iktar’il fuq, Ġabra p. 1655).

168    Għaldqstant, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti u xi wħud mill-intervenjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza AM & S, iddefiniet il-kunċett ta’ avukat indipendenti b’mod negattiv, safejn eżiġiet li dan l-avukat ma jkunx marbut mal-klijent tiegħu b’relazzjoni ta’ impjieg (ara l-punt 166 iktar’il fuq), u mhux b’mod pożittiv, abbażi tas-sħubija f’Kamra ta’ l-Avukati jew tas-subordinazzjoni għar-regoli ta’ dixxiplina u ta’ deontoloġija professjonali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-kriterju ta’ assistenza legali pprovduta “b’indipendenza sħiħa” (sentenza AM & S, punt 24), li hija tidentifika ma’ dik ipprovduta minn avukat li huwa, strutturalment, ġerarkikament u funzjonalment, terza persuna fil-konfront ta’ l-impriża li tibbenifika minn din l-assistenza.

169    Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda t-teżi invokata b’mod prinċipali mir-rikorrenti u għandha jiġi konkluż li l-korrispondenza skambjata bejn avukat marbut ma’ Akzo Nobel b’relazzjoni ta’ impjieg u direttur ta’ kumpannija li tagħmel parti minn dan il-grupp mhijiex koperta mill-kunfidenzjalità, kif definita mis-sentenza AM & S.

170    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-teżi invokata mir-rikorrenti b’mod sussidjarju, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-kunfidenzjalità lil hinn mil-limiti stabbiliti mil-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AM & S, għandu jiġi kkonstatat, primarjament, li l-evalwazzjoni tad-dritt ta’ l-Istati Membri turi li, għalkemm huwa minnu li, kif isostnu r-rikorrenti u xi wħud mill-intervenjenti, ir-rikonoxximent speċifiku tar-rwol ta’ avukat tal-kumpannija u l-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet miegħu minħabba l-kunfidenzjalità jinsab relattivament iktar mifrux illum milli kien meta ġiet adottata s-sentenza AM & S, mhuwiex possibbli, madankollu, li jiġu identifikati tendenzi uniformi jew kjarament maġġoritarji f’dan ir-rigward fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.

171    B’mod partikolari, minn naħa, l-evalwazzjoni tad-dritt komparattiv turi li għadu jeżisti numru kbir ta’ Stati Membri li jeskludu lill-avukati tal-kumpanniji mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, din il-kwistjoni ma tidhirx li ġiet deċiża b’mod ċar u definittiv. Fl-aħħar, diversi Stati Membri bbażaw is-sistemi tagħhom fuq is-sistema Komunitarja, kif tirriżulta mis-sentenza AM & S. Min-naħa l-oħra, tali evalwazzjoni turi li numru kunsiderevoli ta’ Stati Membri ma jippermettux li l-avukati tal-kumpanniji jissieħbu fil-Kamra ta’ l-Avukati u, b’hekk, ma jagħtuhomx l-istatus ta’ avukat. Fil-fatt, f’diversi pajjiżi, l-istatus ta’ ġurist impjegat li mhuwiex avukat u l-kwalità ta’ avukat għadhom mhux kumpatibbli. Barra minn hekk, anki fil-pajjiżi fejn teżisti din il-possibbiltà, is-sħubija ta’ l-avukati tal-kumpanniji fil-Kamra ta’ l-Avukati u l-issuġġettar tagħhom għar-regoli deontoloġiċi professjonali mhux dejjem jimplikaw li l-komunikazzjonijiet magħhom huma protetti minħabba l-kunfidenzjalità.

172    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda t-teżi tar-rikorrenti li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għadda minn evoluzzjoni li teħtieġ li tiġi kkunsidrata mill-ġdid is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AM & S, għandu jiġi mfakkar li l-protezzjoni l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tikkostitwixxi limitazzjoni għall-eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-poteri investigattivi tagħha u li dawn il-poteri jiġu eżerċitati prinċipalment fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-iktar ksur gravi ta’ l-Artikolu 81(1) KE, fosthom, b’mod partikolari, l-akkordji fuq prezzijiet jew it-tqassim tas-swieq, kif ukoll kontra l-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-tneħħija, fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju, tas-sistema ta’ notifika u, konsegwentement, l-attribuzzjoni lill-impriżi, mir-Regolament Nru 1/2003, ta’ responsabbilitajiet iktar wesgħin fl-evalwazzjoni tal-konformità ta’ l-aġir tagħhom fir-rigward ta’ l-Artikolu 81(3) KE, m’għandhomx effett dirett fuq din il-problema.

173    Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll dik tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell setgħu żiedu l-bżonn li l-impriżi jevalwaw l-aġir tagħhom u li jistabbilixxu l-istrateġiji legali tagħhom fil-konfront tad-dritt tal-kompetizzjoni bl-assistenza ta’ avukat li għandu għarfien tajjeb ta’ l-impriża u tas-suq in kwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-eżerċizzji ta’ evalwazzjoni u ta’ orjentazzjoni strateġika jistgħu jsiru minn avukat estern bil-kooperazzjoni sħiħa tas-servizzi ta’ l-impriża, inklużi s-servizzi legali interni. Issa, f’dan il-kuntest, il-komunikazzjonijiet bejn l-avukati ta’ l-impriża u l-avukat estern huma bħala prinċipju protetti mill-kunfidenzjalità, safejn dawn jidħlu fil-kuntest u għall-finijiet tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriża. Għaldaqstant għandu jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-protezzjoni msemmija, kif stabbilit mis-sentenza AM & S, ma jikkostitwixxix ostakolu reali sabiex l-impriżi jkunu jistgħu jiksbu l-parir legali li jeħtieġu u ma jwaqqafx lill-avukati interni tagħhom milli jipparteċipaw f’dawn l-eżerċizzji ta’ evalwazzjoni u ta’ orjentazzjoni strateġika. Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li l-modernizzazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jfissirx neċessarjament li r-rwoli rispettivi ta’ l-avukati esterni u ta’ l-avukati interni f’dan ir-rigward inbidlu b’mod sostanzjali wara s-sentenza AM & S. F’kull każ, peress li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa mmirat lejn l-impriżi, ma jistax jingħad, bħala prinċipju, li komunikazzjonijiet purament interni fi ħdan impriża jistgħu jaħarbu mill-poter ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni, kif diġà ntqal, tan-noti li sempliċement jirripproduċu t-test jew il-kontenut tal-komunikazzjoniiet ma’ l-avukati esterni li jkun fihom pariri legali u tad-dokumenti preparatorji ppreparati esklużivament għall-finijiet li jintalab parir legali mingħand avukat estern, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

174    Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-argumenti tar-rikorrenti u ta’ xi wħud mill-intervenjenti li t-trattament differenti ta’ l-avukati tal-kumpanniji fis-sentenza AM & S imur kontra l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament u joħloq problemi fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ l-istabbiliment, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jinkiser biss meta sitwazzjonijiet li huma simili jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C‑174/89, Ġabra p. I-2681, punt 25; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309 u ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 96). Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-avukati tal-kumpanniji u l-avukati esterni jinsabu manifestament f’sitwazzjonijiet differenti, b’mod partikolari minħabba l-integrazzjoni funzjonali, strutturali u ġerarkika ta’ l-avukati tal-kumpanniji fi ħdan il-kumpanniji li jimpjegawhom. Għaldaqstant, ma jirriżulta ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mill-fatt li dawn il-professjonisti jiġu trattati b’mod differenti fir-rigward tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar l-eventwali preġudizzju li toħloq ir-restrizzjoni lill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-protezzjoni msemmija lill-libertà li jiġu pprovduti servizzi u lill-libertà ta’ l-istabbiliment, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din ma ġiet sostnuta bl-ebda mod. Fl-aħħar, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-argumenti invokati mill-ACCA dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ l-avukati mhux imsieħba f’Kamra ta’ l-Avukati ta’ Stat Membru bl-ebda mod ma huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

175    Fir-raba’ lok, f’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza Interporc vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar’il fuq, għandu jingħad li din il-ġurisprudenza ma tirrigwardax il-limiti tal-poteri investigattivi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda l-aċċess ta’ l-individwi għad-dokumenti tal-Kummissjoni. F’kull każ, għandu jingħad li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, ma stabbilietx li l-korrispondenza bejn il-membri tas-servizz legali tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni stess kienet protetta mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat l-eċċezzjoni ta’ żvelar ibbażata fuq il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti unikament għall-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-avukati esterni tagħha; min-naħa l-oħra, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-membri tas-servizz legali tagħha ma ġewx żvelati abbażi ta’ l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tax-xogħol intern tal-Kummissjoni (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 41).

176    Fl-aħħar, fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-komunikazzjonijiet bejn is-Sur S u d-Direttur Ġenerali ta’ Akcros Chemicals kienu protetti mil-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, id-dritt Komunitarju għandu jagħtihom ukoll din il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità. B’mod iktar ġenerali, il-CCBE, u, b’mod inqas espliċitu, l-ECLA u l-Ordni Olandiż ta’ l-Avukati jsostnu li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-kunċett Komunitarju ta’ kunfidenzjalità għandu jkun irregolat mid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-poteri investigattivi tal-Kummissjoni. Minħabba f’hekk, din il-protezzjoni għandha influwenza diretta fuq il-kundizzjonijiet ta’ l-aġir ta’ din l-istituzzjoni f’qasam daqstant essenzjali għat-tħaddim tas-suq komuni bħal dak tar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza AM & S, punt 30). Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadu ħsieb li jiżviluppaw kunċett Komunitarju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. It-teżi tar-rikorrenti u ta’ l-intervenjenti tinsab f’kontradizzjoni kemm ma’ l-istabbiliment ta’ dan il-kunċett Komunitarju kif ukoll ma’ l-applikazzjoni uniformi tal-poteri tal-Kummissjoni fuq is-suq komuni u għaldaqstant għandha tiġi miċħuda.

177    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tiġi miċħuda t-teżi invokata sussidjarjament mir-rikorrenti dwar it-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti lil hinn mil-limiti stabbiliti mil-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AM & S.

178    Barra minn hekk, għandu jingħad li r-rikorrenti jidhru li qed jindikaw ukoll li l-posta elettronika in kwistjoni ssemmi, fost informazzjoni oħra, il-parir mogħti mill-avukat estern (ara l-punt 145 iktar’il fuq). Madankollu, l-evalwazzjoni tad-dokumenti in kwistjoni bl-ebda mod ma tippermetti li din l-allegazzjoni tiġi sostnuta.

179    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta qieset li l-korrispondenza skambjata bejn id-Direttur Ġenerali ta’ Ackros Chemicals u l-membru tas-servizz legali ta’ Akzo Nobel, li tikkostitwixxi parti mid-dokumenti tas-serje B, ma kellhomx ikunu protetti mil-kunfidenzjalità.

180    Għaldaqstant, dan it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet fundamentali li huma l-bażi tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti

181    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, meta kisret il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, kisret ukoll id-drittijiet fundamentali li huma l-bażi ta’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, huma jqisu li din il-protezzjoni hija bbażata fuq diversi drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-liġijiet tad-diversi Stati Membri u introdotti fid-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża u r-rispett tal-ħajja privata u tal-libertà ta’ l-espressjoni. Madankollu, huma jiżviluppaw dan it-tielet motiv fil-qosor ħafna, mingħajr ma jsostnu t-teżi tagħhom b’argumenti konkreti.

182    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan it-tielet motiv m’għandux karattru awtonomu fil-konfront taż-żewġ motivi evalwati iktar’il fuq. Fil-fatt, dan l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti huwa bbażat biss fuq l-ilmenti li huma invokaw sabiex jistabbilixxu l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità. Issa, dawn l-ilmenti diġà ġew evalwati fil-kuntest ta’ l-ewwel u tat-tieni motivi ta’ din il-kawża.

183    Konsegwentement, m’għadx hemmx lok għalfejn jiġi evalwat it-tielet motiv.

184    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur min-naħa tal-Kummissjoni kkonstatat matul il-proċedura ta’ kontroll tad-dokumenti li fil-konfront tagħhom ir-rikorrenti kienu invokaw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ma kellhomx il-konsegwenza li jċaħħdu b’mod illegali lir-rikorrenti minn din il-protezzjoni fir-rigward tad-dokumenti in kwistjoni, peress li, kif ġie deċiż, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta ddeċidiet li l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma kien materjalment protett minn din il-protezzjoni.

185    Għaldaqstant, ir-rikors fil-kawża T-253/03 għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

186    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 87(3), il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

187    F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrenti tilfu fit-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-Kummissjoni kienet, f’kull każ, wettqet diversi irregolaritajiet fil-proċedura amministrattiva li hija l-bażi tal-kawżi preżenti. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li tkun evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ li tiddeċiedi li r-rikorrenti jbatu tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħhom u tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, kemm fir-rigward tal-proċedura prinċipali kif ukoll tal-proċedura sommarja. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tbati żewġ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha u żewġ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti, kemm fir-rigward tal-proċedura prinċipali kif ukoll tal-proċedura sommarja.

188    Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tordna li parti intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha stess. F’dan il-każ, il-partijiet intervenjenti in sostenn tar-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, kemm fir-rigward tal-proċedura prinċipali kif ukoll tal-proċedura sommarja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors fil-kawża T-125/03 huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ir-rikors fil-kawża T-253/03 huwa miċħud bħala infondat.

3)      Akzo Nobel Chemicals Ltd u Akcros Chemicals Ltd għandhom ibatu tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja. Huma għandhom ibatu wkoll tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati żewġ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja. Hija għandha tbati wkoll żewġ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż ta’ Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals, relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja.

5)      L-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Prek

 

      Ciucă

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-17 ta’ Settembru 2007.

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President

Werrej


Fatti u proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża T-125/03

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq il-mertu fil-kawża T-253/03

Fuq l-ewwel motiv, li jirrigwarda l-ksur tal-proċeduri relattivi għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tieni motiv, li jirrigwarda ċ-ċaħda inġustifikata tat-talba għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti fir-rigward tad-dokumenti in kwistjoni

F’dak li jirrigwarda ż-żewġ kopji tal-memorandum ittajpjat tas-serje A

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

F’dak li jirrigwarda n-noti miktuba bl-idejn tas-serje B

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

F’dak li jirrigwarda l-posta elettronika, tas-serje B, skambjata ma’ membru tas-servizz legali tar-rikorrenti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tielet motiv, li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet fundamentali li huma l-bażi tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalitŕ tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.