Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Settembru 2007 - Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-125/03 u T-253/03)1

"Kompetizzjoni - Proċedura amministrattiva - Setgħat ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni - Dokumenti maqbuda matul investigazzjoni - Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti - Ammissibbiltà"

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Akzo Nobel Chemicals Ltd (Hersham, Walton on Thames, Surrey, ir-Renju Unit) u Akcros Chemicals Ltd (Hersham) (rappreżentanti: C. Swaak, M. Mollica, M. van der Woude, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: inizjalment R. Wainwright u C. Ingen-Housz, wara F. Castillo de la Torre u X. Lewis, aġenti)

Partijiet intervenjenti in sostenn tar-rikorrenti: Conseil des barreaux européens (CCBE) (Brussel, il-Belġju) (rappreżentanti: J. Flynn, QC); Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten (The Hague, l-Olanda) (rappreżentanti: O. Brouwer u C. Schillemans, avukati); European Company Lawyers Association (ECLA) (Brussel) (rappreżentanti: M. Dolmans, K. Nordlander, avukati, u J. Temple Lang, solicitor); American Corporate Counsel Association (ACCA) - European Chapter (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: G. Berrisch, avukat, u D. Hull, solicitor); u International Bar Association (IBA) (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: J. Buhart, avukat)

Suġġett tal-Kawża

Fl-ewwel lok, talba intiża, min-naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 559/4, ta' l-10 ta' Frar 2003, u, jekk ikun hemm bżonn, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 85/4, tat-30 ta' Jannar 2003, li jordnaw lil Akzo Nobel Chemicals Ltd, lil Akcros Chemicals Ltd u lil Akcros Chemicals u lis-sussidjarji rispettivi tagħhom li jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204) (każ COMP/E-1/38.589), u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata trodd lura ċerti dokumenti maqbuda fil-kuntest ta' l-investigazzjoni in kwistjoni kif ukoll titwaqqaf milli tuża l-kontenut tagħhom (kawża T-125/03) u, fit-tieni lok, talba intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 1533 finali, tat-8 ta' Mejju 2003, li tiċħad talba għall-protezzjoni tad-dokumenti msemmija abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti (kawża T-253/03),

Dispożittiv tas-sentenza

1)    Ir-rikors fil-kawża T-125/03 huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)    Ir-rikors fil-kawża T-253/03 huwa miċħud bħala infondat.

3)    Akzo Nobel Chemicals Ltd u Akcros Chemicals Ltd jbatu tliet partijiet minn ħamsa ta' l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja. Huma jbatu wkoll tliet partijiet minn ħamsa ta' l-ispejjeż tal-Kummissjoni, relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja.

4)    Il-Kummissjoni tbati żewġ partijiet minn ħamsa ta' l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja. Hija tbati wkoll żewġ partijiet minn ħamsa ta' l-ispejjeż ta' Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals, relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja.

5)    L-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċedura sommarja.

____________

1 - ĠU C 146, 21.06.2003.