Language of document : ECLI:EU:T:2008:414

Kawża T-68/04

SGL Carbon AG

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi — Gravità u tul tal-ksur — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ trattament ugwali — Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ — Interessi moratorji”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Artikoli 81(1) KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji li għandhom punt inizjali speċifiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Iffissar ta’ ammont inizjali assolut skont in-natura tal-ksur, aġġustat sussegwentement għal kull impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Ksur fuq żmien twil

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 B)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Limitu stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

8.      Kompetizzjoni — Multi — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Portata — Setgħa li tistabbilixxi l-metodi tal-ħlas tal-multi

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 86)

1.      Għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma tkun obbligata tipprovdi, fid-deċiżjoni, spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa. L-indikazzjoni taċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multi, utli kemm hija utli tali informazzjoni, mhijiex indispensabbli sabiex ikun sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni.

Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-ammonti inizjali f’termini assoluti, il-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li għandha jkollha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-imġiba tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi evitat li l-multi jkunu faċilment previdibbli mill-operaturi ekonomiċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tintalab tagħti biss, f’dan ir-rigward, dawk l-elementi ta’ motivazzjoni relatati mal-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 31, 32)

2.      Is-setgħa li l-Kummissjoni għandha li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE jew tal-Artikolu 82 KE jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-missjoni ta’ sorveljanza li jagħtiha d-dritt Komunitarju. Din il-missjoni tinkludi ċertament id-dmir li tinvestiga u li tikkastiga l-ksur individwali, iżda tinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u sabiex torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddeċiedi l-livell tal-ammont tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom meta ksur ta’ tip speċifiku ikun għadu relattivament frekwenti, minkejja li l-illegalità tiegħu tkun ġiet stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni, minħabba l-profitt li ċerti impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jiksbu minn dan il-ksur.

F’sitwazzjoni fejn impriża tkun ħadet sehem fl-istess ħin f’diversi każijiet distinti ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE, li jikkorrispondu għal tip ta’ ksur klassiku tad-dritt tal-kompetizzjoni u għal aġir li l-illegalità tiegħu ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni diversi drabi, ikun mixtieq li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li huwa meħtieġ li tiffissa l-ammont tal-multa għal livell suffiċjentement dissważiv fil-limiti ffissati mir-Regolament Nru 17.

(ara l-punti 52-54, 56)

3.      Il-metodu li jikkonsisti f’li l-membri li ħadu sehem fl-akkordju jitqassmu f’kategoriji sabiex, fl-istadju tal-iffissar tal-ammonti inizjali tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat, li l-prinċipju tiegħu ġie kkonvalidat mill-Qorti tal-Prim’Istanza anki minkejja li jinjora d-differenzi ta’ daqs bejn l-impriżi tal-istess kategorija, jinvolvi l-adozzjoni ta’ rata fissa tal-ammont inizjali ffissat għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ tqassam lill-impriżi kkonċernati f’diversi kategoriji billi taqsam l-ishma tas-suq f’partijiet ta’ 5 %, liema metodu ta’ tqassim mhuwiex l-uniku wieħed li jippermetti li tiġi riflessa l-proporzjonalità tad-diversi ishma tas-suq mingħajr żball ta’ evalwazzjoni f’kull proċedura ta’ sanzjoni ta’ kartell mibdija mill-Kummissjoni. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, il-Kummissjoni tista’ wkoll toħloq kategoriji billi taqsam l-ishma tas-suq f’partijiet ta’ 10 %.

Madankollu, tali tqassim għandu jirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali u l-ammont tal-multi għandu, minn tal-anqas, ikun proporzjonali meta mqabbel mal-elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, filwaqt li l-Qorti Komunitarja tillimita ruħha li tistħarreġ li dan it-tqassim huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

F’dan ir-rigward, tqassim tal-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, l-operaturi l-kbar, il-medji u ż-żgħar, huwa mod raġonevoli ta’ kif tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva tagħhom fis-suq sabiex jiġi stabbilit l-ammont inizjali tal-multi, sakemm dan ma jwassalx għal rappreżentazzjoni distorta ħafna tas-suq inkwistjoni. Barra minn hekk, il-metodu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-iffissar tal-livelli tal-kategoriji għal 10 u 20 % ma jistax, a priori, jitqies li huwa nieqes minn koerenza interna.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ tqassim tal-membri tal-akkordju f’kategoriji, xejn ma jobbliga lill-Kummissjoni milli tiddetermina r-relazzjoni bejn l-ammonti inizjali tal-multi stabbiliti skont ir-relazzjoni li teżisti bejn is-sehem tas-suq “tal-ikbar” impriża fl-ikbar kategorija u dak “tal-iżgħar” impriża fl-iżgħar kategorija.

Fl-aħħar, anki jekk, minħabba t-tqassim f’kategoriji, uħud mill-impriżi jiġu suġġetti għall-applikazzjoni ta’ ammont inizjali identiku minkejja li huma ta’ daqs differenti, din id-differenza fit-trattament hija oġġettivament iġġustifikata mill-importanza mogħtija lin-natura tal-ksur meta mqabbla mad-daqs tal-impriżi waqt id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 62, 65, 66, 68-70, 79, 92)

4.      F’dak li jirrigwarda l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li għandu jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”, il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jindikaw biss li l-ammonti ta’ multi li jistgħu jiġu imposti huma ta’ “aktar minn [EUR] 20 miljun”. L-uniċi limiti massimi msemmija fil-linji gwida applikabbli fir-rigward ta’ ksur ta’ dan it-tip huma l-limitu ġenerali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u l-limiti massimi relatati mal-ammont addizzjonali li jista’ jingħata fuq il-bażi tat-tul tal-ksur. B’hekk, xejn fil-linji gwida ma jipprekludi, fil-każ ta’ ksur “serju ħafna”, żieda qawwija fil-livell tal-valur assolut tal-ammont inizjali tal-multa.

(ara l-punt 73)

5.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti minħabba ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, il-parti mid-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur hija tali li tagħti indikazzjoni tajba tal-portata tal-ksur fis-suq ikkonċernat. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti idea tajba tan-natura dannuża ta’ din il-prattika fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni.

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata tal-ksur fis-suq u tas-sehem mir-responsabbiltà ta’ kull parteċipant f’akkordju, il-Kummissjoni hija għalhekk iġġustifikata li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti inkwistjoni u s-sehem tas-suq ta’ kull waħda mill-impriżi preżenti fis-suq ikkonċernat, matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, u mhux is-sitwazzjoni li l-impriżi msemmija kienu jinsabu fiha fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 99, 100)

6.      Anki jekk jitqies li l-akkordji fuq il-prezzijiet huma intrinsikament maħsuba sabiex idumu, il-Kummissjoni ma tistax tiġi pprojbita milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tul effettiv tagħhom f’kull każ separat. Fil-fatt, ċerti akkordji, minkejja li jiġu proġettati sabiex idumu, jiġu identifikati mill-Kummissjoni jew irrapportati minn parteċipant wara żmien qasir ta’ funzjonament effettiv. L-effett dannuż tagħhom huwa neċessarjament iżgħar milli fil-każ fejn dawn ikunu effettivament ġew implementati għal żmien twil. Konsegwentement, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għandha dejjem issir distinzjoni, bejn it-tul effettiv tal-ksur u l-gravità tiegħu hekk kif tirriżulta min-natura tiegħu stess.

Barra minn hekk, it-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprevedix żieda awtomatika ta’ 10 % fis-sena għall-ksur fuq żmien twil, iżda f’dan ir-rigward jagħti setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni. B’hekk, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li żżid l-ammonti inizjali tal-multi b’10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur fuq żmien twil u b’5 % supplimentari għal kull perijodu supplimentari ta’ mhux inqas minn sitt xhur iżda mhux iktar minn sena, u dan fid-dawl tal-kobor tal-perijodu tal-ksur. Il-fatt li l-Kummissjoni tadotta l-prinċipju ta’ żieda ta’ 10 % għal kull sena għall-impriżi kollha li ħadu sehem fi ksur ikkwalifikat bħala ksur fuq żmien twil, għalhekk, bl-ebda mod ma jmur kontra l-linji gwida. Barra minn hekk, ma ġiex ipprovat li fid-dritt Komunitarju jeżisti “prinċipju ta’ żieda digressiva tal-multi” fil-każ ta’ ksur fuq żmien twil.

Fl-aħħar nett, mid-dispożizzjonijiet tal-punt 1 B tal-linji gwida ma jirriżultax li l-ewwel sena tal-ksur m’għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa biss previst li għal ksur ta’ dewmien qasir, ġeneralment ta’ dewmien ta’ mhux iktar minn sena, ma tiġi applikata l-ebda żieda. Min-naħa l-oħra, tiġi applikata żieda għall-ksur ta’ dewmien superjuri, liema żieda tista’ tiġi ffissata għal 10 % għal kull sena tal-ammont inizjali meta l-ksur ikun dam għal iktar minn ħames snin.

(ara l-punti 109, 111, 112, 120)

7.      Għalkemm il-Kummissjoni hija ħielsa li tevalwa, bla ħsara għall-istħarriġ tal-Qorti Komunitarja, l-għoti ta’ tnaqqis tal-multi skont l-Avviż dwar in-non-impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi fil-każijiet ta’ kartell fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, madankollu, hija għandha, min-naħa l-oħra, l-obbligu li tirrispetta l-limitu massimu ta’ 10 % msemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni m’għandhiex setgħa diskrezzjonali fl-implementazzjoni ta’ dan il-limitu massimu, li huwa marbut biss mad-daqs tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

Fir-rigward tar-riferiment espress għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża, il-limitu massimu ta’ 10 % huwa intiż sabiex jevita li l-multi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-impriżi u, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ globali li jista’ effettivament jagħti indikazzjoni approssimattiva f’dan ir-rigward, din il-perċentwali għandha tinftiehem bħala li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali. Din id-definizzjoni tal-iskop tal-limitu massimu ta’ 10 % ma tistax tiġi distinta mill-kliem u mill-portata tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, peress li dan l-iskop mhuwiex tali li jagħti lok għal interpretazzjoni tal-artikolu msemmi iktar ’il fuq li tmur kontra l-kliem tiegħu.

Il-Kummissjoni timponi fuq impriża diversi multi distinti, fejn kull waħda minnhom tirrispetta l-limiti ffissati mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, bil-kundizzjoni li din l-impriża tkun wettqet daqstant każijiet ta’ ksur distinti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni tista’ tagħti bidu għal proċedura waħda biss li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni unika li tikkonstata l-eżistenza ta’ diversi każijiet ta’ ksur distinti, u timponi fuq l-impriża diversi multi distinti jew diversi proċeduri, ħaġa li ma tikkostitwixxix “evitar illegali” tal-limitu massimu previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, fl-applikazzjoni tal-limitu massimu msemmi, huwa irrilevanti jekk każijiet ta’ ksur differenti tar-regoli tal-kompetizzjoni jkunu sanzjonati fi proċedura unika jew fi proċeduri separati, fi żminijiet differenti, peress li l-limitu massimu ta’ 10 % japplika b’mod separat għal kull ċirkustanza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE issanzjonata mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 124, 127, 131, 132)

8.      Is-setgħa li għandha l-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tinkludi l-possibbiltà li tiddetermina d-data ta’ meta huma dovuti l-multi u dik ta’ meta jibdew jiddekorru l-interessi moratorji, li tiffissa r-rata ta’ dawn l-interessi u li tistabbilixxi l-metodi ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha billi teżiġi, jekk ikun il-każ, il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkopri l-ammont prinċipali u l-interessi fuq il-multi imposti. Fin-nuqqas ta’ tali setgħa, il-vantaġġ li l-impriżi jkunu jistgħu jieħdu mill-ħlas tardiv tal-multi jkollu l-effett li jdgħajjef is-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-missjoni tagħha li tħares l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ interessi moratorji tal-multi hija ġġustifikata sabiex jiġi evitat li l-effett utli tat-Trattat ma jiġix imxejjen minn prattiki implementati unilateralment minn impriżi li jdumu ma jħallsu l-multi li ġew imposti fuqhom u sabiex jiġi eskluż li dawn l-impriżi jkunu vvantaġġjati meta mqabbla ma’ dawk li jħallsu l-multi tagħhom fit-terminu li jkun ingħatalhom.

Il-Kummissjoni għandha d-dritt li tiffissa l-interessi moratorji għar-rata tas-suq miżjuda bi 3.5 punti perċentwali u, fil-każ tal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja, għar-rata tas-suq miżjuda b’1.5 punti perċentwali.

Hija awtorizzata li tieħu punt ta’ riferiment li jkun jinsab f’livell ogħla mir-rata proposta lill-persuna medja li tissellef, applikabbli fis-suq, sa fejn dan huwa neċessarju sabiex jiġi dissważ l-aġir dilatorju, mingħajr ma tinjora d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġu evitati konsegwenzi fuq l-ammont tal-interessi minħabba t-tul tal-proċedura ġudizzjarja, impriża għandha l-possibbiltà li titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuqha multa jew li tikkostitwixxi garanzija bankarja li tippermetti li r-rata tal-interessi titniżżel minn 5.5 għal 3.5 %.

Barra minn hekk, billi tagħti, permezz ta’ interessi, superjuri b’0.1 % għar-rata tal-interessi minima offruta għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-ħlasijiet provviżorji magħmula mill-impriżi bil-għan li jħallsu l-multi tagħhom, il-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-benefiċċju ta’ privileġġ li ma jirriżulta la mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, la minn dawk tar-Regolament Nru 17 u lanqas minn dawk tar-Regolament Nru 2342/2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Ir-rata tal-interessi applikata mill-Kummissjoni għall-multi li sussegwentement jirriżultaw li definittivament tħallsu bi żball, għandha skop totalment differenti minn dak tal-interessi moratorji: l-ewwel rata ta’ interessi għandha l-iskop li tipprekludi l-arrikkiment indebitu tal-Komunitajiet bi ħsara għal impriża li rebħet rikors intiż għall-annullament tal-multa tagħha, filwaqt li t-tieni rata ta’ interessi għandha l-iskop li tipprekludi d-dewmien b’mod abbużiv fil-ħlas ta’ multa.

(ara l-punti 143, 144, 146, 148, 149, 152)