KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fit‑18 ta’ Ġunju 2020 (1)
Kawża C‑321/19
BY,
CZ
vs
Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal‑Land ta’ Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi – Direttiva 1999/62/KE – Direttiva 2006/38/KE – Kalkolu ta’ tariffi tat-triq – Artikolu 7(9) – Prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura – Spejjeż tal-pulizija tat-traffiku – Spejjeż tal-operat – Spejjeż esterni – Spejjeż relattivi għad-dħul fuq il-kapital – Artikolu 7a(1) sa (3) – Effett dirett – Qbiż żgħir tal-ispejjeż – Kalkolu a posteriori – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”
I. Introduzzjoni
1. Din il-kawża tirrigwarda d-determinazzjoni tar-rati ta’ tariffa tat-triq applikati għall-vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu tal-awtostradi Ġermaniżi.
2. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja) taqa’ fil-kuntest ta’ kawża bejn l-operaturi ta’ impriża ta’ trasport, BY u CZ (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“konvenuta fil-kawża prinċipali”) dwar ir-rimbors ta’ tariffi tat-triq.
3. Hija tirrigwarda prinċipalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62/KE (2), kif emendata mid-Direttiva 2006/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/62 kif emendata”). Din id-dispożizzjoni tipprovdi li t-tariffi tat-triq għandhom ikunu bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura u telenka l-elementi għall-kalkolu ta’ tariffi tat-triq.
4. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva għandux effett dirett u jekk il-kalkolu ta’ tariffi tat-triq jistax jinkludi elementi bħall-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk qbiż żgħir tal-ispejjeż jikkostitwixxix ksur tal-imsemmi artikolu, u fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni tippermettix kalkolu a posteriori fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.
5. Fuq il-bażi tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, li l-effett dirett tiegħu jista’ jiġi invokat minn individwu, fis-sens li ma jinkludix l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku. Ser nipproponilha wkoll li tiddeċiedi li qbiż tal-ispejjeż tal-infrastruttura, anki żgħir, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni u li hija, kif ukoll l-Artikolu 7a(1) u (2) ta’ din id-direttiva, jipprekludu kalkolu a posteriori intiż sabiex juri li, finalment, ir-rata tat-tariffa tat-triq stabbilita ma taqbiżx effettivament l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
6. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jipprovdi:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
a) ‘sistema tat-toroq trans-Ewropea’ tfisser is-sistema tat-toroq imfissra fit-Taqsima 2 ta’ l-Anness I għad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp ta’ sistema tat-toroq trans-Ewropea [(ĠU 1996, L 228, p. 1) – deċiżjoni emendata fl-aħħar lok bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 363, p. 1)] kif muri permezz ta’ mapep. Il-mapep jirriferu għas-sezzjonijiet korrispondenti msemmija fil-parti operattiva ta’ dik id-Direttiva u/jew fl-Anness II għaliha;
aa) ‘spejjeż ta’ kostruzzjoni’ tfisser l-ispejjeż relatati mal-kostruzzjoni, inkluż, fejn xieraq, l-ispejjeż ta’ finanzjament, ta’:
– infrastruttura ġdida jew titjib infrastrutturali ġdid (inkluż tiswijiet strutturali sinjifikanti); jew
– infrastruttura jew titjib infrastrutturali (inklużi tiswijiet strutturali sinifikanti) li tlestew mhux aktar minn 30 sena qabel 10 ta’ Ġunju 2008, fejn arranġamenti ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq eżistenti f’10 ta’ Ġunju 2008, jew tlestew mhux aktar tard minn 30 sena qabel l-istabbiliment ta’ kwalunkwe arranġament ġdid ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq introdott wara 10 ta’ Ġunju 2008; […] (4)
[…]
ii) […] L-ispejjeż ta’ l-infrastruttura jew titjib infrastrutturali jistgħu jinkludu kwalunkwe spiża speċifika fuq infrastruttura iddisinjata biex jitnaqqas l-inkonvenjent relatat ma’ ħsejjes jew biex titjieb is-sigurtà fit-toroq u l-pagamenti attwali magħmula mill-operatur ta’ l-infrastruttura li jikkorrispondu ma’ elementi ambjentali oġġettivi bħal protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni tal-ħamrija.
ab) ‘spejjeż ta’ finanzjament’ tfisser imgħax fuq self u/jew ritorn fuq kwalunkwe finanzjament permezz ta’ ishma kkontribwit mill-azzjoni;
[…]
b) ‘ħlas għall-użu tat-triq’ tfisser ammont speċifiku li għandu jitħallas għal vettura li tivvjaġġa distanza partikolari fuq l-infrastrutturi msemmija fl-Artikolu 7(1); l-ammont għandu jkun ibbażat fuq id-distanza tal-vjaġġ li jkun sar u t-tip tal-vettura;
ba) ‘ħlas medju ppeżat għall-użu tat-triq’ tfisser id-dħul totali miġbur minn ħlasijiet għall-użu tat-triq fuq perjodu speċifiku diviż bin-numru ta’ kilometri li jkunu saru minn vetturi f’sistema tat-toroq speċifika li tkun soġġetta għal ħlasijiet għall-użu tat-triq matul dak il-perjodu, fejn kemm id-dħul kif ukoll il-kilometri li jkunu saru minn vetturi jiġu kkalkulati għall-vetturi li għalihom japplikaw in-nollijiet għall-użu tat-triq;
[…]”
7. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi fil-paragrafi (1), (9) u (10) tiegħu:
“1. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq is-sistema tat-toroq trans-Ewropea, jew fuq partijiet ta’ dik is-sistema, biss skond il-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2 sa 12. […]
[…]
9. Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ l-irkupru ta’ l-ispejjeż ta’ infrastruttura biss. B’mod speċifiku l-ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq għandhom ikunu relatati ma’ l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni u ma’ l-ispejjeż ta’ l-operazzjoni, tal-manutenzjoni u ta’ l-iżvilupp tas-sistema infrastrutturali kkonċernata. Il-ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq jistgħu jinkludu wkoll dħul fuq il-kapital jew marġni ta’ qligħ ibbażati fuq il-kondizzjonijiet tas-suq [(5)].
10. a) Bla preġudizzju għall-ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq imsemmija fil-paragrafu 9, l-Istati Membri jistgħu jvarjaw ir-rati ta’ ħlas għall-użu tat-triq għal finijiet bħal ma huma l-ġlieda kontra l-ħsara ambjentali, it-trattament tal-konġestjoni, il-minimizzazzjoni tal-ħsara infrastrutturali, l-ottimizzazzjoni ta’ l-użu ta’ l-infrastruttura kkonċernata u l-promozzjoni tas-sigurtà fit-toroq, kemm-il darba tali varjazzjoni:
– […]
– m’hix maħsuba li tiġġenera dħul addizzjonali minn ħlasijiet għall-użu tat-triq, u kwalunkwe żieda fid-dħul li ma tkunx intenzjonata (li twassal għal ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq li m’humiex konformi mal-paragrafu 9) tkun bilanċjata b’bidliet fl-istruttura tal-varjazzjoni li għandhom jiġu implimentati fi żmien sentejn mit-tmiem tas-sena tal-kontabbiltà li fiha d-dħul addizzjonali jiġi ġenerat;
[…]”
8. L-Artikolu 7(11) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li f’każijiet eċċezzjonali ta’ infrastrutturi li jinsabu f’reġjuni muntanjużi u wara notifika lill-Kummissjoni Ewropea, tista’ tiġi imposta żieda għat-tariffi tat-triq ta’ partijiet speċifiċi ta’ toroq f’każ ta’ konġestjoni akuta li taffettwa l-moviment liberu ta’ vetturi jew ta’ ħsara ambjentali sinjifikattiva kkawżata mill-użu ta’ vetturi, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet u b’mod partikolari l-limiti tal-qbiż massimu tat-tariffi tat-triq medji meqjusa espressi f’perċentwali ta’ dawn tal-aħħar.
9. L-Artikolu 7a tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. Meta jiġu biex jiddeterminaw il-livelli ta’ ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq li għandhom jiġu mitluba fis-sistema infrastrutturali kkonċernata jew f’parti tas-sistema definita b’mod ċar, l-Istati Membri għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni d-diversi spejjeż imniżżla fl-Artikolu 7(9). L-ispejjeż li jittieħdu f’kunsiderazzjoni għandhom jirrelataw mas-sistema infrastrutturali jew parti minnha li fuqha huma mposti l-ħlasijiet għall-użu tat-triq u mal-vetturi li huma soġġetti għall-ħlasijiet għall-użu tat-triq. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jirkuprawx dawn l-ispejjeż permezz ta’ dħul minn ħlasijiet għall-użu tat-triq jew li jirkupraw biss perċentaġġ ta’ l-ispejjeż.
2. Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandhom jiġu ddeterminati skond l-Artikolu 7 u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Fir-rigward ta’ arranġamenti ġodda ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq, minbarra dawk li jinvolvu konċessjoni għall-ħlasijiet għall-użu tat-triq introdotti mill-Istati Membri wara 10 ta’ Ġunju 2008, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż bl-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq il-prinċipji ċentrali ta’ kalkolu mniżżla fl-Anness III.
[…]
Arranġamenti ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq li jkunu diġà fis-seħħ fl10 ta’ Ġunju 2008 jew li għalihom ġew riċevuti offerti jew risposti għal stediniet ta’ negozjar taħt il-proċedura nnegozjata b’segwitu għal proċedura ta’ akkwist pubbliku qabel 10 ta’ Ġunju 2008 m’għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi mniżżla f’dan il-paragrafu, sakemm dawn l-arranġamenti jibqgħu fis-seħħ u dment li ma jiġux modifikati sostanzjalment.
[…]”
10. L-Anness III ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Prinċipju ċentrali għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż u l-kalkolu tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq”, jipprovdi fil-punti 2.1, 3 u 4 tiegħu:
“2.1 Spejjeż ta’ l-investiment
– L-ispejjeż ta’ l-investiment għandhom jinkludu l-ispejjeż tal-kostruzzjoni (inkluż l-ispejjeż finanzjarji) u l-ispejjeż ta’ l-iżvilupp ta’ l-infrastruttura biż-żieda, fejn xieraq, ta’ dħul fuq l-investiment kapitali jew marġni ta’ qligħ. Għandhom ukoll ikunu inklużi l-ispejjeż ta’ l-akkwist ta’ l-art, l-ippjanar, id-disinn, is-superviżjoni ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni u l-amministrazzjoni tal-proġett, u ta’ investigazzjonijiet arkeoloġiċi u ta’ l-art, kif ukoll spejjeż inċidentali rilevanti oħra.
– […]
– L-ispejjeż kollha ta’ l-imgħoddi għandhom ikunu bbażati fuq l-ammonti mħallsa. L-ispejjeż li għad iridu jsiru jkunu bbażati fuq previżjonijiet raġonevoli ta’ l-ispejjeż.
– L-investiment tal-gvern jista’ jitqies li huwa self finanzjarju. Ir-rata ta’ imgħax li tiġi applikata lill-ispejjeż ta’ l-imgħoddi għandha tkun ir-rati li applikaw għas-self tal-gvern matul dak il-perjodu.
– […]
– Provvediment għal stima tad-dħul fuq il-kapital jew il-marġni ta’ qligħ għandu jkun raġonevoli fid-dawl tal-kondizzjonijiet tas-suq u jista’ jiġi varjat bl-iskop li jipprovdi inċentivi ta’ rendiment għal parti terza kontraenti fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi mogħtija. Id-dħul fuq il-kapital għandu jiġi stmat bl-użu ta’ indikaturi ekonomiċi bħall-IRR (rata ta’ dħul intern fuq l-investiment) jew il-WACC (spejjeż medji ppeżati tal-kapital).
[…]
3. Spejjeż operattivi, ta’ ġestjoni u ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq
Dawn l-ispejjeż għandhom jinkludi l-ispejjeż kollha li jsiru mill-operatur ta’ l-infrastruttura li m’humiex koperti taħt is-Sezzjoni 2 u li huma relatati ma’ l-implimentazzjoni, l-operazzjoni u l-ġestjoni ta’ l-infrastruttura u tas-sistema ta’ ħlas għall-użu tat-triq.
[…]
4. Is-sehem ta’ traffiku ta’ merkanzija l-fatturi ta’ ekwivalenza u l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni
– Il-kalkolu tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandu jkun ibbażat fuq kwoti reali jew imbassra f’kilometri mill-HGVs aġustati, jekk mixtieq, minn fatturi ta’ ekwivalenza, biex tittieħed f’kunsiderazzjoni ż-żieda fl-ispejjeż tal-kostruzzjoni u t-tiswija ta’ infrastruttura għall-użu ta’ vetturi għall-ġarr ta’ merkanzija tqila.
– It-tabella li ġejja tagħti sett ta’ fatturi ta’ ekwivalenza indikattivi. Fejn Stat Membru juża fatturi ta’ ekwivalenza bi proporzjonijiet li huma differenti minn dawk fit-tabella, huma għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ġustifikabbli b’mod oġġettiv u għandhom isiru pubbliċi.
– […]
– Arranġamenti ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq li huma bbażati fuq livelli ta’ traffiku mbassra għandhom jipprovdu għal mekkaniżmu ta’ korrezzjoni li permezz tiegħu ħlasijiet għall-użu tat-triq huma aġġustati perjodikament biex jitranġa kwalunkwe rkupru nieqes jew żejjed ta’ spejjeż minħabba żbalji ta’ tbassir.”
B. Id-dritt Ġermaniż
11. L-ammont tat-tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi federali Ġermaniżi għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2014 huwa stabbilit, skont il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 14(3) tal-Bundesfernstraßenmautgesetz (il-Liġi dwar it-Tariffi tat-Triq fuq it-Toroq Prinċipali Federali) tat-12 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1378), permezz tal-Anness 4 tiegħu. Din il-liġi tistabbilixxi r-rata tat-tariffa tat-triq għal kull kilometru għall-vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li għandhom iktar minn tliet axles u dawk li għandhom erba’ axles jew iktar skont l-erba’ kategoriji li jikkorrispondu għal-livell ta’ tniġġis. Ir-rati huma bejn EUR 0.141 u EUR 0.288.
12. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-rata tat-tariffa tat-triq applikabbli għall-perijodu ta’ rimbors mitlub, bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-18 ta’ Lulju 2011, kienet ikkalkolata abbażi tal-“Aktualisierung der Wegekostenrechnung für die Bundesfernstraßen in Deutschland”, imsejjaħ ukoll “Wegekostengutachten” (ir-Rapport ta’ Espert dwar l-ispejjeż tal-infrastruttura tat-toroq fil-Ġermanja) tat-30 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem il-“WKG 2007”), li jirrigwarda perijodu ta’ kalkolu għas-snin bejn l‑2007 u l‑2012. Għal dak li jirrigwarda l-istima tal-art użata għall-kostruzzjoni ta’ awtostradi, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li huma r-riżultati tal-“Wegekostenrechnung für das Bundesfernstraßennetz unter Berücksichtigung der Vorbereitung einer streckenbezogenen Autobahnbenutzungsgebühr” (ir-Rapport ta’ Espert tal‑2002 dwar l-ispejjeż tal-infrastruttura tat-toroq) ta’ Marzu 2002, li jirrigwarda perijodu ta’ kalkolu ta’ bejn l‑2003 u l‑2010, li ttieħdu bħala bażi skont informazzjoni addizzjonali miġjuba lill-WKG 2007 fit-22 ta’ Settembru 2008.
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13. Ir-rikorrenti operaw, sal-31 ta’ Awwissu 2015 rikorrenti fil-kawża prinċipali, taħt il-forma ġuridika ta’ kumpannija rregolata bid-dritt Pollakk (“Spółka cywilna”), impriża ta’ trasport bit-triq li għandha s-sede tagħha fil-Polonja u li twettaq vjaġġi b’mod partikolari fil-Ġermanja. F’dan il-kuntest ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħallsu somma bħala tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi federali Ġermaniżi għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-18 ta’ Lulju 2011.
14. Billi qisu li din is-somma kienet eċċessiva, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, għan-nom tal-kumpannija tagħhom, rikors intiż għar-rimbors tas-somma mħallsa (6) quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja). Peress li din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju, billi argumentaw essenzjalment, li l-kalkolu tal-ispejjeż tat-tariffi tat-triq applikat f’dan il-każ huwa eċċessiv u jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.
15. Sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi din il-kwistjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li preliminarjament għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata għandhomx effett dirett u jekk dawn id-dispożizzjonijiet ġewx trasposti b’mod korrett fid-dritt Ġermaniż.
16. F’dan ir-rigward, din il-qorti tfakkar, fl-ewwel lok, li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Rieser Internationale Transporte (7), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-verżjoni inizjali tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 (8) ma setgħetx tiġi invokata minn individwi fil-konfront ta’ awtorità tal-Istat f’każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni jew ta’ traspożizzjoni inkompleta ta’ din id-direttiva. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża sabiex tiġi invokata minn individwi fil-konfront ta’ awtorità tal-Istat.
17. Madankollu, wara emendi magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata għandu effett dirett. Din il-qorti tenfasizza li d-Direttiva li temenda ġabet preċiżazzjonijiet leġiżlattivi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi”. Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jinkludi, fil-fehma tagħha, projbizzjoni ta’ qbiż ta’ spejjeż li permezz tagħha r-rati tat-tariffa tat-triq eċċessivi mhux iġġustifikati mill-ispejjeż ta’ infrastruttura huma pprojbiti.
18. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, li ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-istabbiliment tar-rata tat-tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Fil-fehma tagħha, l-attivitajiet tal-pulizija ma jservux sabiex jiżguraw il-funzjonament tal-infrastrutturi, iżda pjuttost sabiex jiżguraw li l-utenti tat-triq josservaw ir-regoli tat-traffiku u sabiex jittrattaw il-konsegwenzi tal-eventwali ksur ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, filwaqt li tirrileva li r-rati tat-tariffa tat-triq stabbiliti fid-dritt Ġermaniż huma bbażati fuq żbalji ta’ kalkolu, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tad-dħul fuq l-investiment kapitali fl-akkwist tal-art li fuqha ġew ikkostruwiti l-awtostradi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ksur tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jistax jiġi kkonstatat f’każ ta’ qbiż żgħir tal-ispejjeż tal-infrastruttura.
19. Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt nazzjonali jippermetti li rata ta’ tariffa tat-triq eċċessiva tista’ tiġi ikkorreġuta a posteriori fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. B’riferiment għall-punt 138 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (9), hija tistaqsi madankollu, jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż reali u d-dħul mit-tariffa tat-triq effettivament miġbura fl-intier tagħhom sabiex tikkalkola l-ispejjeż a posteriori wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ kalkolu.
20. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Persuna suġġetta għat-tariffa tat-triq tista’ individwalment tinvoka quddiem il-qrati nazzjonali l-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ kalkolu tat-tariffi tat-triq previsti fl-Artikolu 7(9) u fl-Artikolu 7a(1) u (2) tad-[Direttiva 1999/62/KE kif emendata] (indipendentement mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7a(3) ikkunsidrati flimkien mal-Anness III li jinsab fiha) meta, fl-iffissar mil-liġi tar-rati tat-tariffi tat-triq, l-Istat Membru ma jkunx osserva dawn id-dispożizzjonijiet fl-intier tagħhom jew ikun implimentahom b’mod żbaljat għad-dannu tal-persuna suġġetta għat-tariffa tat-triq?
2) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
a) L-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni inkwantu spejjeż tal-operat tan-netwerk ta’ infrastruttura fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-[Direttiva 1999/62/KE kif emendata]?
b) Qbiż tal-ispejjeż ta’ infrastruttura li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-tariffa tat-triq medja meqjusa li tvarja
[i] sa 3.8 % b’mod partikolari meta jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż li, diġà bħala prinċipju, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni,
[ii] sa 6 % iwassal għal ksur tal-projbizzjoni ta’ qbiż tal-ispejjeż skont l-Artikolu 7(9) tad-[Direttiva 1999/62/KE kif emendata] bil-konsegwenza li d-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward ma huwiex applikabbli?
3) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt (b) tat-tieni domanda:
a) [Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (punt 138)], għandha tinftiehem fis-sens li qbiż kunsiderevoli tal-ispejjeż ma jistax iktar jiġi paċut minn kalkolu a posteriori tal-ispejjeż, prodott fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u intiż sabiex jiġi pprovat li r-rata tat-tariffa tat-triq stabbilita bħala riżultat effettivament ma taqbiżx l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni?
b) Fil-każ li tingħata risposta fin-negattv għall-punt (a) tat-tielet domanda:
Kalkolu tal-ispejjeż a posteriori tal-iskadenza tal-perijodu ta’ kalkolu għandu jsir skont l-ispejjeż reali u d-dħul minn tariffi tat-toroq li effettivament inġabru fl-intier tagħhom, jiġifieri mhux permezz ta’ ipoteżijiet li saru f’dan ir-rigward fil-kalkolu ta’ previżjoni inizjali?”
21. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni. L-istess partijiet u persuni kkonċernati kienu rrappreżentati waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fl-4 ta’ Marzu 2020.
IV. Analiżi
22. Nipproponi li d-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju jiġu analizzati billi nibda mit-tieni domanda preliminari li tirrigwarda, essenzjalment, jekk l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku jikkostitwixxux spejjeż tal-operat tan-netwerk ta’ infrastruttura fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, u jekk qbiż żgħir tal-ispejjez tal-infrastruttura jwassalx għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni (taqsima A). Dan l-approċċ jippermetti li jiġi ddeterminat sa liema punt kalkolu ta’ tariffa tat-triq, bħal dak imwettaq f’dan il-każ, iqajjem problema ta’ konformità mad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Dawn l-elementi ta’ analiżi jikkostitwixxu punt ta’ riferiment fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda preliminari dwar l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (taqsima B). Sussegwentement, ser nipproċedi bl-eżami tat-tielet u l-aħħar domanda preliminari, li tirrigwarda l-kalkolu a posteriori (taqsima C). Fl-aħħar lok, ser nittratta s-suġġett tal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (taqsima D).
A. Fuq l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku u qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura (it-tieni domanda preliminari)
23. Fl-ewwel lok ser neżamina jekk l-ispejjeż ta’ infrastruttura jinkludux l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku qabel neżamina, fit-tieni lok, jekk qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura jistax ikun konformi mad-Direttiva 1999/62 kif emendata.
1. Fuq l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku (il-paragrafu (a) tat-tieni domanda preliminari)
24. Fl-opinjoni tiegħi l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ma jikkostitwixxux spejjeż ta’ infrastruttura, b’mod partikolari spejjeż tal-operat, fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.
25. Skont metodu ta’ interpretazzjoni klassiku (10), l-analiżi tiegħi hija bbażata fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 1999/62 kif emendata u l-iskop ta’ din id-direttiva.
a) Fuq l-interpretazzjoni letterali
26. Għandu jsir riferiment għall-formulazzjoni tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, fl-intier tiegħu. Qabel kollox, nikkonstata li din id-dispożizzjoni imkien ma ssemmi l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku fil-kalkolu tal-“ħlas għall-użu tat-triq” (11). Barra minn hekk, mill-analiżi letterali tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din telenka b’mod eżawrjenti l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kalkolu.
27. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva tipprovdi għalhekk li t-tariffi tat-triq, iddefiniti bħala ħlas ta’ ammont partikolari għat-twettiq, minn vettura, ta’ vjaġġ partikolari fuq l-infrastrutturi, għandhom ikunu bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura. Dan il-prinċipju huwa espress fis-sentenzi segwenti relattivi għall-“ħlasijiet medji ppeżati”, iddefiniti b’riferiment għall-ammont tad-dħul miġbur mit-tariffi tat-triq fuq perijodu partikolari u skont in-numru ta’ kilometri magħmul minn kull vettura (12). It-tieni sentenza tispeċifika li t-tariffi tat-triq medji meqjusa għandhom ikunu relatati mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni u mal-ispejjeż tal-operat, tal-manutenzjoni u tal-iżvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat. It-tielet sentenza tispeċifika li t-tariffi tat-triq medji meqjusa jistgħu jinkludu wkoll dħul fuq il-kapital jew marġni ta’ qligħ skont il-kundizzjonijiet tas-suq.
28. Ir-rabta bejn l-ewwel sentenza, relattiva għat-tariffi tat-triq, u l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tagħhom tirriżulta mill-użu, fit-tieni sentenza, tal-kliem “b’mod speċifiku” jew minn terminoloġija komparabbli fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti (13). Din ir-rabta tirriżulta wkoll mit-tielet sentenza, li tispeċifika liema elementi oħra “jistgħu jinkludu wkoll” it-tariffi tat-triq medji meqjusa.
29. L-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jistabbilixxi għalhekk l-uniċi elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tariffi tat-triq medji meqjusa.
30. Fir-rigward tal-ispejjeż rilevanti, dawn huma limitati għall-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, tal-operat, tal-manutenzjoni u tal-iżvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat. L-ispejjeż ta’ kostruzzjoni huma ddefiniti fid-dettall fl-Artikolu 2(aa) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata u ma jinkludux l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku. Fost l-ispejjeż l-oħra, dawk relattivi għall-manutenzjoni u għall-iżvilupp tan-netwerk żgur li ma jistgħux ikopru l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, u barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament, fuq l-ispejjeż tal-operat biss.
31. Bħall-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ma humiex spejjeż tal-operat. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” jirrigwarda l-ispejjeż relatati mal-operat tal-impjant ikkonċernat. Issa, l-operat ta’ awtostrada ma jestendix għall-attivitajiet tal-pulizija.
32. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, dawn l-attivitajiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat li jaġixxi fi kwalità differenti minn dik ta’ operatur tal-infrastruttura awtostradali, jiġifieri bħala awtorità li teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika.
33. Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” hija kkonfermata mid-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, li jispeċifika li dawn jirrigwardaw l-ispejjeż li jsiru mill-operatur. Dan l-Anness III żgur li ma japplikax ratione temporis għall-kalkolu tat-tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li skont l-Artikolu 7a(3) ta’ din id-direttiva, hija ma tapplikax għas-sistemi ta’ tariffi tat-triq diġà fis-seħħ fl-10 ta’ Ġunju 2008, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda tista’ tal-inqas tkun sors ta’ interpretazzjoni tat-terminoloġija użata fil-bqija tal-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, nosserva li r-rabta bejn l-ispejjeż hekk previsti u l-operatur hija evidenti b’mod partikolari fil-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva 1999/62 kif emendata li titkellem dwar “Kosten für Betrieb” (spejjeż tal-operat) fl-Artikolu 7(9) tagħha u dwar “Kosten des Infrastrukturbetreibers” (spejjeż li għandhom jitħallsu mill-operatur tal-infrastruttura) fil-punt 3 tal-Anness III tagħha (14). Inżid li dan l-Anness III imkien ma jsemmi l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku.
34. Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni nżid li dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva huma intiżi sabiex jillimitaw l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffi tat-triq.
35. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu tariffi tat-triq fuq in-netwerk tat-toroq skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) sa (12) ta’ din id-direttiva biss. Skont l-Artikolu 7a(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi spejjeż stabbiliti fl-Artikolu 7(9) tal-istess direttiva fid-determinazzjoni tal-livelli tat-tariffi tat-triq medji meqjusa. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(10)(a) u b’mod partikolari t-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni (15) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(11)(b) (16) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jillimitaw iż-żieda tat-tariffi tat-triq medji meqjusa billi jirreferu għall-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva.
36. Għaldaqstant, inqis li ma jirriżulta la espressament u lanqas b’mod impliċitu mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, li l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku huma koperti minn din id-dispożizzjoni u b’mod partikolari mill-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” inkluż fl-imsemmija dispożizzjoni.
b) Fuq ix-xogħol preparatorju
37. Ix-xogħol preparatorju jikkonferma din l-interpretazzjoni billi jneħħi kull dubju dwar l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku fl-ispejjeż ta’ infrastruttura.
38. F’dan ir-rigward, nirrileva li sa mill-adozzjoni tal-Green Paper tal-Kummissjoni intitolata “Lejn ħlas ġust u effikaċi fit-trasport” (17), li teżamina l-possibbiltajiet ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (18), il-Kummissjoni kienet ipprevediet li tinkludi fl-ispejjez ta’ infrastruttura l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, li, bl-istess mod bħall-ispejjeż dovuti għat-tniġġis, kienu kkunsidrati li huma spejjeż esterni. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ċaħad dan l-approċċ, fl-adozzjoni kemm tad-Direttiva 1999/62 kif ukoll tad-Direttiva 2006/38 li waslet għad-Direttiva 1999/62 kif emendata.
39. Fl-ewwel lok, fir-rigward tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 1999/62, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-Direttiva tagħha (19) li l-ispejjeż esterni jinkludu l-ispejjeż tal-pulizija u tal-inċidenti (20), iżda f’dak l-istadju, ma kinitx ipprevediet li tinkludihom fit-test innifsu tad-Direttiva. Dan tal-aħħar kien jipprevedi biss li t-tariffi tat-triq jinkludu element intiż sabiex ikopri l-ispejjeż esterni, iddefiniti bħala “l-ispejjeż marbuta mal-konġestjoni tat-traffiku u mat-tniġġis atmosferika u akustiku” (21).
40. Fi ħdan il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tal-Ambjent, tas-Saħħa Pubblika u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi, min-naħa tagħha, tat opinjoni (22) li d-Direttiva għandha tirreferi għal erba’ sorsi prinċipali tal-ispejjeż esterni li jirriżultaw mit-trasport, kif stabbilit fil-Green Paper, jiġifieri, it-traffiku, it-tniġġis fl-arja, it-tniġġis akustiku u l-inċidenti. Madankollu, il-Parlament ma segwiex din l-opinjoni u saħansitra ppropona li tiġi eskluża kull dispożizzjoni intiża sabiex tinkludi spejjeż esterni, filwaqt li jistenna li jkollu iktar għarfien f’dan ir-rigward (23).
41. Peress li ma qabilx mal-perspettiva tal-Kummissjoni (24), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta pożizzjoni komuni li ssegwi l-approċċ tal-Parlament u għalhekk ma sostniex il-kunċett ta’ “spejjeż esterni”, filwaqt li osserva li għadu ma jeżistix studju dettaljat dwar dawn tal-aħħar (25). Barra minn hekk, il-Kunsill enfasizza li l-Istati Membri li japplikaw sistema ta’ tariffi tat-triq għandhom josservaw il-prinċipju bażiku li jirrigwarda r-rabta bejn l-ammont tat-tariffi tat-triq u l-ispejjeż tal-infrastruttura (26).
42. Id-Direttiva 1999/62 adottata finalment mill-Parlament u mill-Kunsill ma tipprovdix dispożizzjoni dwar l-ispejjeż esterni (27).
43. Fit-tieni lok, fir-rigward tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2006/38, mill-Proposta tad-Direttiva (28) jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ipprevediet, din id-darba, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-pulizija tat-triq bl-inklużjoni fl-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva, tal-ispejjez tal-inċidenti, sakemm dawn ma kinux meħuda inkunsiderazzjoni mill-assigurazzjonijiet (29).
44. Il-Parlament kien ippreveda wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-inċidenti filwaqt li llimita l-portata tagħhom għall-ispejjeż li jikkorrispondu għall-ħlas effettiv imwettaq mill-ġestjonarju tal-infrastruttura għall-investimenti intiżi sabiex jipprevjenu u jnaqqsu l-inċidenti (30).
45. Madankollu, il-Kunsill adotta pożizzjoni komuni li mkien ma ssemmi l-inċidenti. Għalhekk, din l-istituzzjoni ma adottatx il-proposta tal-Parlament f’dan ir-rigward, li madankollu ma wasslitx sal-punt ta’ dik tal-Kummissjoni (31). It-test tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, finalment adottat, ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar l-ispejjeż esterni.
46. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li x-xogħol preparatorju jsaħħaħ l-interpretazzjoni li t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata imkien ma tinkludi l-ispejjeż tal-pulizija tat-triq.
c) Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika
47. L-iskop tad-Direttiva 1999/62 kif emendata ma jwassalx għal konklużjoni differenti. Mill-ewwel u t-tieni premessa tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur iddeċieda li jarmonizza, fi stadji, is-sistemi ta’ ħlasijiet u li jistabbilixxi mekkaniżmi ġusti għall-imputatazzjoni tal-ispejjeż ta’ infrastruttura għat-trasportaturi sabiex jelimina d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn impriżi ta’ trasport fl-Unjoni (32).
48. Id-Direttiva 1999/62 kif emendata tipprovdi għalhekk regoli imposti fuq l-Istati Membri kollha filwaqt li tipprevedi emendi għall-ġejjieni.
49. Issa, dawn l-emendi jirrigwardaw b’mod partikolari l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u b’hekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Kif jirriżulta mill-premessi 18 u 19 (33) tad-Direttiva 2006/38, dawn l-emendi huma previsti għall-ġejjieni biss. In-natura futura ta’ dan il-proġett hija kkonfermata fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 1999/62 kif emendata li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta mudell applikabbli b’mod ġenerali, trasparenti u li jinftiehem għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha, kif ukoll analiżi tal-impatt tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.
50. Għaldaqstant, sadanittant, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u b’mod partikolari tal-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ġiet deliberatament eskluża mil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-limiti imposti mill-Artikolu 7(9) tagħha, dawn l-ispejjeż ma setgħux jiġu inklużi mill-Istati Membri fil-kalkolu tal-ispejjeż ta’ infrastruttura.
51. Għalhekk, jiena ma naqbilx mal-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż, li s-sigurtà tat-traffiku jew l-użu ta’ infrastrutturi, previsti mill-pulizija tat-traffiku, huma karatteristika tan-netwerk tat-toroq, li minnu jirriżulta li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tagħhom bħala spejjeż ta’ infrastruttura jikkontradixxi l-prinċipju ta’ “utent iħallas” jew ta’ “min iniġġes iħallas”. Lanqas naqbel mal-opinjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż fil-każ ta’ operatur pubbliku iwassal għal trattament differenti tal-operaturi pubbliċi u privati, peress li l-ispejjeż sostnuti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-infrastruttura mill-pattulji tal-awtostradi (34), mill-konċessjonarji Franċiżi jew mill-pulizija tal-awtostrada, jikkostitwixxu spejjeż li għandhom jitħallsu mill-ġestjonarju tal-infrastruttura privata, u għaldaqstant, spejjeż tal-operat fil-kuntest tal-kuntratti ta’ konċessjoni (35).
52. F’dan ir-rigward, nenfasizza, l-ewwel nett, li l-ispejjeż speċifiċi ta’ infrastruttura intiżi għat-titjib tas-sigurtà tat-toroq jifformaw parti mill-ispejjeż ta’ finanzjament tal-infrastrutturi fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu (ii) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(aa) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Barra minn hekk, naqbel mal-opinjoni espressa mill-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ma jikkostitwixxux spejjeż tal-operat għall-kuntrarju ta’ dawk ta’ missjonijiet ċivili, bħal fil-każ ta’ aġenti tat-toroq fil-Ġermanja jew pattulji tal-awtostradi fi Franza.
53. It-tieni nett, anki d-Direttiva 1999/62 kif emendata fl-aħħar lok bid-Direttiva 2013/22/UE (36), li fl-Artikolu 2(bb) tagħha tipprovdi “tariffa għall-ispejjeż esterni”, tiddefinixxi tali tariffa bħala miġbura għall-finijiet tal-irkupru tal-ispejjeż sostnuti fi Stat Membru minħabba t-tniġġis atmosferiku kkawżat mit-traffiku u/jew it-tniġġis akustiku kkawżat mit-traffiku. L-ispejjeż tal-inċidenti li jifformaw parti mill-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ma huma inklużi la f’din id-definizzjoni u lanqas f’dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.
54. It-tielet nett, inżid li l-opinjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2014 (37), invokata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali bħala prova li l-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku kienu jikkostitwixxu spejjeż ta’ infrastruttura, u b’mod partikolari spejjeż tal-operat, kif ukoll l-opinjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Jannar 2019 (38) jirreferu għar-Rapporti ta’ Espert dwar l-ispejjeż ta’ infrastrutturi tat-toroq fil-Ġermanja għas-snin 2013 sal‑2017 u għas-snin 2018 sal-2022. Għalhekk dawn ma jkoprux il-perijodu rilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, peress li opinjoni tal-Kummissjoni ma tipproduċix effetti legali vinkolanti (39), ma tistax temenda l-portata ġuridika ta’ direttiva adottata mill-Parlament u mill-Kunsill.
55. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda preliminari, fis-sens li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku bħala spejjeż ta’ infrastruttura u b’mod partikolari bħala spejjeż tal-operat.
2. Fuq il-qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura (il-paragrafu (b) tat-tieni domanda)
56. Il-qorti tar-rinviju tosserva li skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (40), qbiż ta’ iktar minn 150 % tal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, tal-operat u tal-iżvilupp ta’ awtostrada jikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89. Din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk qbiż żgħir ta’ dawn l-ispejjeż iwassalx għall-istess konsegwenzi.
a) Fuq il-qbiż tal-ispejjeż ta’ infrastruttura permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż li ma humiex koperti mid-Direttiva 1999/62 kif emendata
57. Kif esponejt preċedentement (41), l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jeskludi li t-tariffi tat-triq jinkludu elementi oħra minbarra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-qbiż tal-ispejjeż tal-infrastruttura minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi oħra jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni u l-obbligu li titħallas tariffa tat-triq ibbażata fuq tali elementi għandha tiġi kkunsidrata bħala nieqsa minn bażi legali.
58. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” jew – b’mod iktar ġenerali – ta’ spejjeż ta’ infrastruttura, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 jipprekludi qbiż ta’ 3.8 % jew kwalunkwe qbiż f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ma huwiex rilevanti li jiġi eżaminat jekk seħħx eventwali żball ta’ kalkolu fil-kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż fis-sens li ttieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku proprja, iżda wkoll l-ispejjeż marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali (42). Peress li dawn l-ispejjeż kollha ma humiex koperti mill-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, dawn għandhom jiġu esklużi fl-intier tagħhom. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġi ppreċiżat jekk l-ispejjeż ta’ madwar EUR 730 miljun għas-sena 2010 jikkostitwixxux esklużivament spejjeż relatati mal-ispiża tal-pulizija tat-traffiku, kif iddubitaw il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
59. Ser neżamina issa l-qbiż żgħir ta’ spejjeż li ma huma koperti mid-Direttiva 1999/62 kif emendata iżda previsti minnha, f’dan il-każ, l-ispejjeż relattivi mad-dħul fuq l-investimenti kapitali, imsemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 7(9) tal-imsemmija direttiva.
b) Fuq il-qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura relattivi għad-dħul fuq l-investimenti kapitali
60. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li anki qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura relattivi għad-dħul fuq l-investimenti kapitali msemmija fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.
61. F’dan il-każ, il-qbiż dovut għal żbalji ta’ kalkolu tad-dħul fuq l-investimenti kapitali huwa ta’ 2.2 % (6 % – 3.8 %).
62. Ċertament, tali qbiż ma huwiex komparabbli ma’ dak ta’ iktar minn 150 % rrilevat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija.
63. Madankollu, nirrileva li la l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata u lanqas dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva ma jinkludu regola de minimis. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li t-tariffi tat-triq għandhom ikunu bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura, li jipprekludi qbiż, żgħir kemm hu żgħir.
64. Għalhekk, anki qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura relattivi għad-dħul fuq l-investimenti kapitali għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.
65. Fir-rigward tal-punt dwar jekk kienx hemm qbiż tal-ispejjeż ta’ infrastruttura relattivi għad-dħul fuq l-investimenti kapitali, nenfasizza li ma saritx mistoqsija espliċita lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Madankollu, sussidjarjament u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser nagħmel il-preċiżazzjonijiet li ġejjin.
66. Nirrileva li l-qorti tar-rinviju tqis li twettqu żbalji peress li l-valur tal-patrimonju bażiku, jiġifieri tal-art li fuqha ġew ikkostruwiti l-awtostradi kkonċernati, użat għall-kalkolu tal-interessi ma kellux jiġi kkalkolat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-valuri attwali ta’ dan il-patrimonju. B’hekk, il-kalkolu kien ibbażat, b’mod żbaljat, fuq il-finzjoni ta’ impriża parzjalment privata u parzjalment pubblika, għaliex matul il-perijodu kkonċernat ma kienx hemm ħsieb serju għall-privatizzazzjoni tan-netwerk tal-awtostradi (43).
67. Skont din il-qorti, jekk tintuża “finzjoni” oħra, jiġifieri dik ta’ “impriża li taqa’ taħt l-amministrazzjoni pubblika”, sabiex nuża l-kliem tagħha stess, il-valur tal-art, li abbażi tiegħu jiġu kkalkolati l-interessi, jista’ jittieħed biss mill-prezz tax-xiri. Dawn il-valuri ma jistgħux jiġu aġġustati sussegwentement kif ġara f’dan il-każ, għaliex, f’dak il-każ, mhux biss jingħata dħul fuq il-kapital investit, inkluża l-inflazzjoni, iżda jiġi ġġenerat dħul addizzjonali li jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tas-sostituzzjoni tal-art u dan anki jekk din tal-aħħar ma kellhiex għalfejn tiġi ssostitwita.
68. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-possibbiltà li jitħallas dħul fuq il-kapital hija prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Din id-dispożizzjoni ssemmi espressament li t-tariffi tat-triq medji meqjusa jistgħu jinkludu dħul fuq il-kapital skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, l-Artikolu 2aa ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni jinkludu, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż ta’ finanzjament, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2ab tal-imsemmija direttiva bħala interessi fuq self u/jew rendiment fuq kwalunkwe investiment tal-azzjonisti.
69. Minkejja li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fil-kalkolu tat-tariffi tat-triq b’mod partikolari sabiex japplikaw metodu ta’ kalkolu minflok ieħor u jiddeterminaw il-livell ta’ rendiment tal-infrastrutturi, huwa importanti madankollu, li l-għażliet magħmula jkunu realistiċi u li l-ispejjeż ikunu jikkorrispondu għar-realtà ekonomika eżistenti jew prevista. Fin-nuqqas, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jkun imċaħħad minn kull effett utli.
70. Issa, minkejja li ma kienet prevista ebda privatizzazzjoni u ebda sostituzzjoni tal-awtostradi u tal-art li fuqha ġew ikkostruwiti, u fl-assenza ta’ argumenti ekonomiċi oħra rilevanti, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jidher li din tal-aħħar tista’ b’mod leġittimu tikkunsidra li ma kienx realistiku li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur attwali ta’ din l-art għall-kalkolu tat-tariffi tat-triq.
71. Għaldaqstant, jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju li l-kontroll tal-osservanza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jeħtieġ li jiġi vverifikat li l-evalwazzjoni tad-dħul fuq l-investimenti kapitali ma hijiex ibbażata fuq premessi żbaljati li jibdlu r-realtà ekonomika eżistenti jew prevista.
72. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fil-fehma tiegħi r-risposta għall-paragrafu (b) tat-tieni domanda preliminari għandha tkun li anki qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura, bħal dawk previsti fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.
73. Sussidjarjament, nirrileva li l-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kalkolu li jirrigwarda d-dħul fuq il-kapital, ibbażat fuq valuri li ma jieħdux inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika.
B. Fuq l-effett dirett (l-ewwel domanda preliminari)
74. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett dirett tal-Artikolu 7(9) u tal-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.
75. Infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, huwa possibbli li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni adottati fit-termini previsti, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mad-direttiva, jew ukoll sa fejn huma jistgħu jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat (44).
76. Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, fl-10 ta’ Ġunju 2008 (45), l-unika kwistjoni li tqum hija jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija jistgħux jiġu kkunsidrati bħala suffiċjentement preċiżi.
77. Kif esponejt fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jipprevedi marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-kalkolu tat-tariffi tat-triq medji meqjusa. Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-fatt ma jaffettwax in-natura preċiża u inkundizzjonata ta’ dispożizzjoni, sa fejn huwa possibbli li tiġi ddeterminata l-protezzjoni minima li għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri u li stħarriġ ġudizzjarju jippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza ta’ dan il-kontenut minimu (46).
78. Barra minn hekk, marġni ta’ diskrezzjoni ma jeskludix li jista’ jsir stħarriġ ġudizzjarju sabiex jiġi vverifikat jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunux qabżu l-limiti tiegħu (47), u għalhekk, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti stabbiliti mid-dispożizzjoni Ewropea inkwistjoni (48).
79. Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 1999/62, fis-sentenza Rieser International Transporte, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikun invokat minn individwi kontra awtorità tal-Istat, għaliex din id-dispożizzjoni hija inqas preċiża mill-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89. Minn din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 jimponi fuq l-Istati Membri linja gwida ġenerali għall-kalkolu tat-tariffi tat-triq, iżda ma jindika ebda metodu konkret u jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna f’dan ir-rigward (49). B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 huwa fformulat f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89 bl-eċċezzjoni tal-fatt li ma jsemmux “ir-rati ta’ tariffi tat-triq”, iżda “ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq”, mingħajr madankollu ma jiddefinixxu dan il-kunċett (50).
80. L-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89 kien jistabbilixxi li r-rati tat-tariffi tat-triq huma relatati mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, ta’ operat u ta’ żvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu ma jispeċifikax in-natura ta’ din ir-rabta u ma jagħti ebda definizzjoni tat-tliet tipi ta’ spejjeż ikkonċernati, jiġifieri l-kostruzzjoni, l-operat u l-iżvilupp, jew tal-kunċett ta’ “netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat” (51).
81. Nirrileva li t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata tipprovdi wkoll fil-formulazzjoni tagħha li t-tariffi tat-triq medji meqjusa huma relatati mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni u mal-ispejjeż tal-operat, tal-manutenzjoni u tal-iżvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernata. Madankollu, kif esponejt preċedentement (52), dan l-Artikolu 7(9) issa jispeċifika b’mod ċar li t-tariffi tat-triq għandhom ikunu bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura, li huma elenkati b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni, li b’hekk jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.
82. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-verżjonijiet preċedenti, id-Direttiva 1999/62 kif emendata tiddefinixxi fl-Artikolu 2 tagħha n-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat, jiġifieri s-“sistema tat-toroq trans‑Ewropea”, kif ukoll il-kunċett ta’ “ħlas medju ppeżat għall-użu tat-triq”, ta’ “spejjeż ta’ kostruzzjoni” u ta’ “spejjeż ta’ finanzjament”, u dawn tal-aħħar jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu inklużi fl-ispejjeż ta’ kostruzzjoni.
83. Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li d-difetti prinċipali enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rieser Internationale Transporte u li kienu jipprekludu li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 jkollu effett dirett ġew issodisfatti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 1999/62 kif emendata. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 7(9) ta’ din tal-aħħar jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ċar li jiddeterminaw it-tariffi tat-triq billi jibbażaw ruħhom biss fuq l-ispejjeż elenkati f’din id-dispożizzjoni. L-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni u n-nuqqas ta’ applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Anness III tad-Direttiva 1999/62 kif emendata (53) ma jipprekludux stħarriġ mill-qorti nazzjonali, fuq talba ta’ individwu, tal-osservanza ta’ dan l-obbligu li jikkonsisti fil-verifika, tal-inqas, li l-ispejjeż li ma humiex previsti minn din id-direttiva, bħall-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, ma jkunux ġew inklużi fil-kalkolu tat-tariffi tat-triq (54).
84. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li individwu jista’ jinvoka quddiem qorti nazzjonali l-effett dirett tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata sabiex jivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni prevista mill-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva, meta kkunsidraw l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku fid-determinazzjoni tat-tariffi tat-triq.
C. Fuq il-kalkolu a posteriori (it-tielet domanda preliminari)
85. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata li minnha jirriżulta, kif nipproponi, li l-kalkolu tat-tariffi tat-triq eżaminat fil-kuntest tal-kawża prinċipali huwa żbaljat. Din il-qorti tistaqsi jekk huwiex possibbli li jsir kalkolu a posteriori tal-ispejjeż tal-infrastruttura bbażat fuq l-ispejjeż reali u t-tariffi effettivament miġbura bħala tariffi tat-triq. Skont il-qorti tar-rinviju, tali kalkolu huwa permess mid-dritt Ġermaniż f’ċerti ċirkustanzi, iżda jista’ jirriżulta fl-assenza ta’ rimbors tal-ammonti mitluba mir-rikorrenti.
86. Fil-fatt, meta dawn l-ispejjeż ikunu ogħla mit-tariffi miġbura (55), huma jistgħu jiġu paċuti mar-rati ta’ tariffa tat-triq meqjusa eċċessivi fir-rigward tad-Direttiva 1999/62. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li tali tpaċija, magħmula sussegwentement għal kalkolu a posteriori, hija permessa fid-dritt Ġermaniż, sakemm l-iżball ma jkunx serju u manifest. Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk din it-tpaċija hijiex konformi mad-Direttiva 1999/62 kif emendata, eżaminata fid-dawl tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija u b’mod iktar partikolari tal-punt 138 tagħha.
87. Infakkar li f’dan il-punt il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-ġustifikazzjoni taż-żieda tar-rata tat-tariffi tat-triq tal-awtostrada ta’ Brenner (l-Awstrija), ibbażata fuq metodu ġdid ta’ kalkolu tal-ispejjeż ippreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija matul il-proċedura ġudizzjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan l-Istat Membru ma kienx spjega kif dan il-metodu ta’ kalkolu ġdid kien iktar xieraq għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-awtostrada kkonċernata.
88. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89 jimplika li l-aġġustament tar-rati ta’ tariffi tat-triq ikun konsekuttiv għall-kalkolu li jiġġustifikah u li għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika żieda ta’ dawn ir-rati permezz ta’ kalkolu magħmul a posteriori.
89. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 1999/62 kif emendata, b’mod partikolari l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tagħha, eżaminati fid-dawl ta’ din is-sentenza, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi kalkolu a posteriori mwettaq fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u intiż sabiex juri li, finalment, ir-rata ta’ tariffa tat-triq stabbilita ma taqbiżx effettivament, l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.
90. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, infakkar li qorti għandha tieħu l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’konformità mal-Artikolu 260(1) TFUE. Għaldaqstant, minkejja li mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kalkolu tal-ispejjeż għad-determinazzjoni tat-tariffi tat-triq huwa żbaljat fir-rigward tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, il-qorti nazzjonali msejħa tagħti deċiżjoni fil-kawża prinċipali għandha, jekk issir talba f’dan is-sens, teħtieġ ir-rimbors tal-ammonti żejda miġbura.
91. Din il-qorti ma tistax, mingħajr ma tikser dan l-Artikolu 260(1) TFUE u mingħajr ma tippreġudika l-effettività tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tieħu inkunsiderazzjoni kalkoli a posteriori sabiex tiddeċiedi li rimbors taż-żejjed miġbur abbażi ta’ kalkoli żbaljati ma huwiex neċessarju.
92. Fit-tieni lok, inżid li l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata imkien ma jsemmu l-possibbiltà ta’ kalkolu a posteriori. Infakkar ukoll li l-Artikolu 7(9) ta’ din id-Direttiva jelenka l-elementi li jistgħu jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tariffi tat-triq b’mod eżawrjenti.
93. Finalment u fit-tielet lok, nenfasizza li d-Direttiva 1999/62 kif emendata ma teskludix aġġustament tat-tariffi tat-triq ibbażat fuq l-ispejjeż reali, sakemm is-sistema ta’ kalkolu tkun stabbilita qabel dan l-aġġustament u kkomunikata lill-pubbliku. Nosserva li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ewwel u t-tielet inċiż tal-punt 4 tal-Anness III ta’ din id-Direttiva, li jipprovdi li t-tariffi tat-triq jistgħu jiġu aġġustati u kkorreġuti f’intervalli regolari sabiex jiġi rrettifikat kwalunkwe rkupru insuffiċjenti jew eċċessiv tal-ispejjeż minħabba żbalji ta’ stima. Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 138 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija li tipprovdi li l-aġġustament tar-rati ta’ tariffa tat-triq għandu jkun konsekuttiv għall-kalkolu li jiġġustifikah.
94. Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 1999/62 kif emendata, b’mod partikolari l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi kalkolu a posteriori mwettaq fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u intiż sabiex juri li, finalment, ir-rata ta’ tariffa tat-triq stabbilita ma taqbiżx effettivament l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.
D. Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza
95. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lit-tielet domanda preliminari r-risposta li jiena nipproponi, il-konvenuta fil-kawża prinċipali titlob li l-effetti tas-sentenza li ser tingħata jiġu limitati ratione temporis. Nenfasizza li din it-talba saret tard, jiġifieri fl-istadju tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
96. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta permezz ta’ deċiżjoni preliminari dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tikkostitwixxi miżura eċċezzjonali li tippreżupponi s-sodisfazzjoni ta’ żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (56).
97. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti, b’mod partikolari, għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet legali kkostitwiti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li eventwalment ikkontribwixxa għaliha l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (57).
98. F’dan il-każ, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ma pproduċietx elementi ta’ natura li jissodisfaw dawn iż-żewġ kriterji kumulattivi.
99. Minn naħa, hija ma ġġustifikatx il-bona fide tal-persuni kkonċernati. B’mod iktar preċiż, hija ma indikatx kif l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni tal-2014 u tal-2019 (58), li permezz tagħhom il-Kummissjoni tat opinjoni favorevoli għal sistemi ġodda ta’ tariffi tat-triq li jinkludu spejjeż ta’ infrastruttura relatati mal-pulizija tat-traffiku, kienu kkontribwixxew sabiex iġibu inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva dwar il-portata tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Fil-fatt, ir-rata ta’ tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relattiva għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-18 ta’ Lulju 2011, kienet ikkalkolata abbażi tal-WKG 2007, li jirrigwarda perijodu ta’ kalkolu għas-snin 2007 sal‑2012 (59).
100. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li dawn l-opinjonijiet ġew wara il-perijodu kkonċernat u għalhekk ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tat-tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
101. Min-naħa l-oħra, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, li matul is-seduta talbet limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis, ma pprovdietx preċiżazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ diffikultajiet ekonomiċi serji. Jiena konxju mill-importanza ekonomika potenzjali ta’ din il-kawża. Madankollu, l-ammont ta’ EUR 200 miljun fis-sena bħala spiża tal-pulizija tat-traffiku imputabbli għall-vetturi ta’ merkanzija tqila, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju u mfakkra mill-konvenuta fil-kawża prinċipali waqt is-seduta, ma huwiex suffiċjenti waħdu u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni previsti mid-dritt nazzjonali sabiex jiġi stabbilit riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji.
102. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li t-talba għal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza li ser tingħata għandha tiġi miċħuda.
V. Konklużjoni
103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) kif ġej:
1) Individwu jista’ jinvoka quddiem qorti nazzjonali l-effett dirett tal-Artikolu 7(9) u tal-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, kif emendata permezz tad-Direttiva 2006/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006, sabiex jivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni previst fl-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva meta kkunsidraw l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku fid-determinazzjoni tat-tariffi tat-triq.
2) L-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata bid-Direttiva 2006/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku bħala spejjeż ta’ infrastruttura u b’mod partikolari bħala spejjeż tal-operat.
Anki qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura, kif previsti fl-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.
3) Id-Direttiva 1999/62 kif emendata mid-Direttiva 2006/38, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi kalkolu a posteriori magħmul fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u intiż sabiex juri li, finalment, ir-rata ta’ tariffa tat-triq stabbilita ma taqbiżx effettivament l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.