Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Awissu 2012 - Klizli vs Il-Kunsill

(Kawża T-336/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Yousef Klizli (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: Z. Garkova-Lyutskanova, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/256/PESK, tal-14 ta' Mejju 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 126, p. 9) sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 410/2012, tal-14 ta' Mejju 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 126, p. 3), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq

li l-applikant tniżżel fil-lista b'mod żbaljat bħala persuna li tipprovdi sostenn finanzjarju lir-reġim.

It-tieni motiv ibbażat fuq

li l-atti kkuntestati tal-Kunsill nħarġu fl-assenza ta' kull bażi legali u jiksru l-obbligu ta' motivazzjoni, id-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għall-proprjetà; barra minn hekk huma jiksru l-prinċipju ta' proporzjonalità u jippreġudikaw ir-reputazzjoni tar-rikorrent.

____________