Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' April 2010 - Egan and Hackett vs Il-Parlament

(Kawża T-190/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Kathleen Egan (Athboy, l-Irlanda) u Margaret Hackett (Borris-in-Ossory, l-Irlanda) (rappreżentanti: C. MacEochaidh SC u J. Goode, Barristers, u K. Neary, Solicitor)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla, skont l-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat-12 ta' Frar 2010 (A(2010)579), li tiċħad l-aċċess għall-informazzjoni mitlub mir-rikorrenti permezz tal-applikazzjoni inizjali tas-16 ta' Diċembru 2009 u sussegwentement permezz tal-applikazzjoni konfermatorja tat-28 ta' Jannar 2010; u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat-12 ta' Frar 2010 (A(2010)579), li tiċħad l-aċċess għal dokumenti, li jikkonsistu fir-reġistri pubbliċi ta' assistenti ta' membri tal-Parlament Ewropew, akkreditati jew le, li jinkludi l-ismijiet ta' dawn l-assistenti u/jew l-interessi finanzjarji ta' dawn l-assistenti.

Ir-rikorrenti jsostnu, insostenn tar-rikors tagħhom, li l-Parlament kien żbaljat meta uża r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1 u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 2 bħala bażi legali sabiex jiċħad l-aċċess għal dokumenti li huma diġà fl-isfera pubblika. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jressqu bosta motivi:

L-ewwel nett, il-Parlament naqas milli jimmotiva b'mod xieraq id-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk kiser l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi żbalji ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-eċċezzjoni stabbilita mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sa fejn tiddikjara li l-iżvelar tad-dokumenti rilevanti jikser l-interessi ta' privatezza tal-individwi kkonċernati u/jew tonqos milli tevalwa n-natura vera tal-Artikolu 4(1)(b), u/jew issostni li l-interess pubbliku għall-aċċess għar-reġistri pubbliku tal-assistenti tal-membri tal-Parlament Ewropew jispiċċa ladarba l-persuna ma tibqax tokkupa dik il-kariga.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tikser forom proċedurali sostanzjali billi tonqos milli tinforma lir-rikorrenti bir-rimedji disponibbli għalihom ladarba applikazzjoni konfermatorja tiġi miċħuda, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta' demokrazija, ta' trasparenza, ta' proporzjonalità, ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni billi tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti pubbliċi meta dawn id-dokumenti kienu preċedentement disponibbli għal applikanti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3,p. 331)

2 - Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26,p. 102)