Language of document : ECLI:EU:C:2018:94

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Frar 2018 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2008/50/KE – Kwalità tal-arja ċirkostanti – Artikolu 13(1) – Artikolu 22(3) – Anness XI – Konċentrazzjonijiet ta’ partiċelli PM10 fl-arja ċirkostanti – Qbiż ta’ valuri limitu f’ċerti żoni u agglomerazzjonijiet – Artikolu 23(1) – Pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja – Perijodu ta’ qbiż “l-iqsar possibbli” – Nuqqas ta’ azzjonijiet xierqa fil-programmi ta’ protezzjoni tal-kwalità tal-arja ċirkostanti – Traspożizzjoni mhux korretta”

Fil-Kawża C‑336/16,

li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-15 ta’ Ġunju 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u K. Petersen kif ukoll E. Manhaeve, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u D. Krawczyk kif ukoll K. Majcher, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2017,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja:

–        meta qabżet, bejn l-2007 u mill-inqas l-2013, il-valuri limitu ta’ kuljum ta’ PM10 f’35 żona ta’ evalwazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-arja u l-valuri limitu annwali ta’ M10 f’9 żoni ta’ evalwazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-arja u meta ma tat l-ebda informazzjoni li tindika li din is-s-sitwazzjoni tjiebet;

–        meta ma addottatx, fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, miżuri xierqa sabiex dan il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu ta’ PM10 fl-arja jkun l-iqsar possibbli;

–        meta qabżet il-valuri limitu ta’ kuljum miżjuda bil-marġni ta’ tolleranza mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żoni 14.17 – Radom, 14.18 – Pruszków-Żyrardów u 16.5 – Kędzierzyn-Koźle, kif ukoll mill-1 ta’ Jannar sal-10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żona 30.3 – Ostrów-Kępno; u

–        meta ma ttrasponietx korrettement it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent [ċirkostanti] u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1),

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha previsti rispettivament mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva u tal-Anness XI tagħha, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva u mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/50 u l-Anness XI ta’ din id-direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 96/62/KE

2        Id-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 95), stabbilixxiet, fl-Artikolu 7 tagħha, intitolat “Titjib fil-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti – Rekwiżiti ġenerali”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex [jiżguraw l-osservanza tal-valuri limitu].

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li sa jittieħdu fuq medda qasira meta jkun hemm riskju li l-għetiebi limitu u/jew ta’ twissija jkunu sa jinqabżu, biex jitnaqqas dak ir-riskju u biex jiġi limitat it-tul ta’ żmien ta’ dik l-okkorrenza. Dawn il-pjani jistgħu, filwaqt li jiddependi fuq il-każi individwali, jipprovdu għal miżuri biex jikkontrollaw, u fejn ikun meħtieġ, jissospendu attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu biex il-valuri limiti jinqabżu.”

3        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva kien jipprevedi li l-Istati Membri jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni dwar l-osservanza tal-valuri ta’ kuljum u annwali li għandhom jiġu osservati għas-sustanza li jniġġsu fl-arja, b’mod partikolari l-partiċelli PM10 (iktar ’il quddiem il-“ PM10”).

 Id-Direttiva 1999/30/KE

4        Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat-22 ta’ April 1999 dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 164):

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM 10 fl-arja ambjentali [ċirkostanti] kif stmata skond l-Artikolu 7, ma teċċedix il-valuri tal-limitu [valuri limitu] stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III mid-dati speċifikati hemmhekk.

[…]”

5        Fir-rigward tal-PM10, id-data li fiha dawn il-valuri limitu kellhom jiġu osservati kienet l-1 ta’ Jannar 2005.

6        L-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“Fejn il-valuri ta’ limitu għall- PM10 stabbiliti f-Sezzjoni I ta’ l-Anness III huma maqbuża minħabba konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali minħabba avvenimenti naturali li jirriżultaw f’konċentrazzjonijiet notevolment b’eċċess tal-livelli normali minn sorsi naturali, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva [96/62], li tipprovdi għall-ġustifikazzjoni neċessarja biex turi li dawn l-eċċessi huma minħabba avvenimenti naturali. F’dawn il-każijiet l-Istati Membri jkunu obbligati li jimplimentaw pjan t’azzjoni skond l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [96/62], biss, fejn il-valuri tal-limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III huma maqbuża minħabba raġunijiet barra dawk ta’ l-avvenimenti naturali.“

7        Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 1999/30, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha mhux iktar tard mid-19 ta’ Lulju 2001.

 Id-Direttiva 2008/50

8        Id-Direttiva 2008/50, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2008, hija kodifikazzjoni ta’ ħames atti leġiżlattivi fil-qasam tal-evalwazzjoni u tal-ġestjoni tal-kwalità tal-arja ambjentali, b’mod partikolari tad-Direttivi 96/62 u 1999/30.

9        Dawn id-direttivi ġew abrogati permezz tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2008/50, b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2010, mingħajr ħsara għall-obbligi imposti fuq l-Istati Membri fir-rigward tat-termini ta’ traspożizzjoni u tal-applikazzjoni ta’ dawn l-istess direttivi.

10      Skont l-Artikolu 2(5), (8)u (16) sa (18) tad-Direttiva 2008/50:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

5)      ‘valur ta’ limitu’ tfisser livell fiss fuq il-bażi tal-konoxxenza xjentifika, bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq f’perijodu partikolari u li ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq;

[…]

8)      ‘pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja’ tfisser pjanijiet li jistabbilixxu miżuri sabiex jintlaħqu l-valuri ta’ limitu jew il-valuri mmirati;

[…]

16)      ‘żona’ tfisser parti mit-territorju ta’ Stat Membru, delimitata minn dak l-Istat Membru għall-finijiet tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità ta’ l-arja;

17)      ‘agglomerazzjoni’ tfisser żona li tkun konurbazzjoni b’popolazzjoni li taqbeż il-250 000 abitant, jew, meta l-popolazzjoni tkun ta’ 250 000 abitant jew inqas, b’densità ta’ popolazzjoni kull km2 li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri;

18)      ‘PM10’ tfisser il-materja partikulata li tgħaddi minn daħla selettiva skond id-daqs kif definit fil-metodu ta’ referenza għall-kampjunament u għall-kejl tal-PM10, EN 12 341, b’50 % efficiency cut-off f’dijametru aerodinamiku ta’ 10 μm”. ” tfisser il-materja partikulata li tgħaddi minn daħla selettiva skont id-daqs kif definit fil-metodu ta’ referenza għall-kampjunament u għall-kejl tal-PM10, EN 12341, b’50 % efficiency cut-off f’dijametru aerodinamiku ta’ 10 μm”.

11      L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, de PM 10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

[…]

Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi vvalutata skond l-Anness III.

Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti fl-Anness XI għandhom japplikaw skont l-Artikolu 22(3) u l-Arikolu 23(1).”

12      L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Posponiment tat-termini perentorji għall-kisba ta’ l-objettiv u l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ l-applikazzjoni ta’ ċerti valuri ta’ limitu”, jipprevedi:

“1.      Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżina ma jistgħux jinkisbu sat-termini perentorji speċifikati fl-Anness XI, Stat Membru jista’ jipposponi dawk it-termini perentorji sa massimu ta’ ħames snin għal dik iż-żona jew agglomerazzjoni partikolari, sakemm ikun ġie stabbilit pjan dwar il-kwalità tal-arja skont l-Artikolu 23 għaż-żona jew agglomerazzjoni li għalihom japplika l-posponiment; tali pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja għandu jiġi supplimentat mill-informazzjoni esposta fit-Taqsima B ta’ l-Anness XV dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-konformità mal-valuri ta’ limitu għandha tintlaħaq qabel it-terminu perentorju l-ġdid.

2.      Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal- 11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu osservati, u sakemm dak l-Istai Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ilaħħaq ma l-iskadenzi.

3.      Fejn Stat Membru japplika l-paragrafi 1 jew 2, hu għandu jiżgura li l-valur ta’ limitu għal kull sustanza li tniġġes ma jinqabiżx b’aktar mill-marġni massimu tat-tolleranza speċifikat fl-Anness XI għal kull sustanza li tniġġes konċernata.

[…]”

13      L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. Il-pjan għall-kwalità ta’ l-arja jista’ jinkludi wkoll miżuri speċifiċi li jkollhom il-ħsieb li jipproteġu gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal.

Dawk il-pjanijiet għall-kwalità ta’ l-arja għandhom jinkorporaw ta’ l-anqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A ta’ l-Anness XV u jistgħu jinkludu miżuri skond l-Artikolu 24. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża.

Fejn għandhom jiġu preparati jew implimentati pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja fir-rigward ta’ diversi sustanzi li jniġġsu, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jippreparaw u jimplimentaw pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja integrati li jkopru l-s-sustanzi li jniġġsu kollha kkonċernati.”

14      Skont l-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Valuri ta’ Limitu għall-Protezzjoni tas-Saħħa tal-Bniedem”, fir-rigward ta’ PM10, il-valur limitu ta’ kuljum huwa ta’ 50 μg/m³, li ma għandux jinqabeż iktar minn 35 darba kull sena kalendarja, u l-valur limitu annwali huwa ta’ 40 μg/m³, li ma jistax jinqabeż.

 Id-dritt Pollakk

15      Fid-dritt Pollakk, id-Direttiva 2008/50 ġiet ittrasposta mill-Prawo Ochrony Środowiska (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent), tas-27 ta’ April 2001 (Dz.U. tal-2001, Nru. 62, pożizzjoni 627), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem il-“Liġi POŚ”). Skont l-Artikolu 91(1) ta’ din il-liġi:

“Għaż-żoni msemmija fl-Artikolu 89(1)(1) [fejn il-livell ta’ sustanzi fl-arja jaqbeż il-livell limitu], l-amministrazzjoni tal-voïvodie għandha, f’terminu ta’ 15-il xahar mill-jum tal-ksib tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-livelli ta’ sustanzi fl-arja u l-klassifikazzjoni taż-żoni msemmija fl-Artikolu 89(1), tirrediġi u tippreżenta, bħala avviż, lis-sindki tal-bliet u l-irħula, lill-kapijiet tal-amministrazzjonijiet urbani u lill-istarostes kompetenti, abbozz ta’ riżoluzzjoni ntiż li jirrediġi pjan dwar il-kwalità tal-arja bl-għan li jilħaq il-livelli limitu ta’ sustanzi fl-arja u jiddetermina l-obbligu dwar konċentrazzjoni dwar l-espożizzjoni.”

16      L-Artikolu 91(3a) tal-imsemmija liġi jistabbilixxi:

“Għaż-żoni fejn jinqabżu l-livelli limitu tas-sustanzi, l-amministrazzjoni tal-voïvodie għandha tħejji abbozz ta’ riżoluzzjoni sabiex tirrediġi jew taġġorna l-pjan dwar il-kwalità tal-arja li jikkostitwixxi fl-intier tiegħu l-pjan ta’ azzjoni għal żmien qasir imsemmi fl-Artikolu 92.”

17      L-Artikolu 92(1) tal-liġi POŚ jipprevedi li:

“Jekk ikun hemm riskju ta’ qbiż, f’żona partikolari, tal-livell ta’ twissija dwar il-valur limitu jew valur determinat ta’ sustanza fl-arja, l-amministrazzjoni tal-voiïvodie, f’terminu ta’ 15-il xahar mill-jum li fih kisbet l-informazzjoni dwar dan ir-riskju mill-Ispettorat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-voïvodie tħejji u tippreżenta, bħala avviż, lis-sindki ta’ bliet u rħula, lil kapijiet ta’ amministrazzjonijiet urbani u lill-istarostes kompetenti abbozz tar-riżoluzzjoni bl-għan li tirrediġi pjan ta’ azzjoni għal żmien qasir, bil-għan li:

1) tnaqqas ir-riskju li jikkawża tali qbiż;

2) tillimitaw l-effetti u t-tul tal-qabżiet eżistenti.”

18      Fil-11 ta’ Settembru 2012, il-Ministru għall-Ambjent adotta r-regolament rigward il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u l-pjanijiet ta’ azzjoni għal żmien qasir. Dan ir-regolament jistabbilixxi fid-dettall ir-rekwiżiti li għandhom jintlaħqu mill-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u l-pjanijiet ta’ azzjoni għal żmien qasir, il-forma tagħhom u l-elementi li għandhom jinsabu fihom.

 Il-proċedura prekontenzjuża

19      Il-partiċella PM10 tikkonsisti minn taħlita ta’ sustanzi organiċi u inorganiċi li jinsabu fl-arja. Hija jista’ jkun fiha sustanzi tossiċi bħal idrokarburi aromatiċi poliċikliċi, metalli tqal, id-dijossina u l-furan. Fiha elementi ta’ inqas minn 10 mikrometri fid-dijametru li jistgħu jidħlu fil-partijiet respiratorji ta’ fuq u l-pulmuni.

20      Fit-12 ta’ Novembru 2008, ir-Repubblika tal-Polonja għaddiet lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50, notifika sabiex ikun hemm posponiment tat-terminu mogħti għall-osservanza tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti.

21      Fit-2 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni fejn talbitha sabiex ittemm il-ksur tal-obbligu li ma taqbiżx il-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti li jirriżultaw mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30. Barra minn hekk, f’din l-ittra, il-Kummissjoni identifikat disa’ żoni fejn, għall-2006 u 2007, kienet osservat li l-valuri limitu għal dawn il-partiċelli nqabżu u li għalihom ir-Repubblika tal-Polonja ma kinitx talbet posponiment tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ dawn il-valuri.

22      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2009, l-awtoritajiet Pollakki, bi tweġiba għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jibagħtu notifika supplimentari dwar l-applikazzjoni tal-posponiment u serje ta’ azzjonijiet immirati li jipprovdi soluzzjoni globali għall-problema tal-kwalità tal-arja.

23      Ir-Repubblika tal-Polonja b’hekk sussegwentement għamlet notifika, billi qieset li setgħet tibbenefika minn eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fi 83 żona. Fil-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li ma toġġezzjonax għall-applikazzjoni ta’ tali eżenzjoni għal tliet żoni, jiġifieri Radom, Pruszków-Żyrardów u Ostrów-Kępno, u qieset li l-eżenzjoni setgħet tapplika wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal żewġ żoni oħra, jiġifieri Oleski u Kędzierzyn-Koźle.

24      Fl-4 u t-12 ta’ Jannar 2010, ir-Repubblika tal-Polonja bagħtet it-tieni notifika lill-Kummissjoni sabiex tikseb eżenzjoni skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50. B’deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni oġġezzjonat għal din l-eżenzjoni.

25      Fil-15 ta’ Ġunju 2010, ir-Repubblika tal-Polonja bagħtet it-tielet notifika lill-Kummissjoni sabiex tikseb eżenzjoni skont l-imsemmija dispożizzjoni. B’deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni oġġezzjonat ukoll għal din l-eżenzjoni.

26      Fl-1 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn ikkonkludiet li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’diversi żoni u agglomerazzjonijiet.

27      Fit-30 ta’ Novembru 2010, l-awtoritajiet Pollakki wieġbu għal din l-opinjoni motivata li kien diffiċli li ma jinqabżux l-imsemmija valuri limitu minħabba kundizzjonijiet klimatiċi partikolari, sorsi kbar ta’ tniġġis tal-arja, is-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-pajjiż kif ukoll il-kuntest storiku u kulturali tagħha.

28      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ April 2013, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Bulgarija ittra ta’ intimazzjoni komplementari, billi qieset li dan l-Istat Membru kien kiser l-Artikolu 13(1) u l-Anness IX tad-Direttiva 2008/50, kif ukoll l-Artikolu 22(3)u l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.

29      Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li terġa’ tibda l-proċedura għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li d-delimitazzjoni tat-territorju Pollakk f’żoni fis-sens tal-Artikolu 2(16) tad-Direttiva 2008/50 kienet ġiet modifikata matul l-2010.

30      B’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2013, l-awtoritajiet Pollakki wieġbu l-ittra ta’ intimazzjoni komplimentari tal-Kummissjoni.

31      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Polonja t-tieni ittra ta’ intimazzjoni komplementari, billi qieset li dan l-Istat Membru kien kiser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qajmet ilment ġdid, ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta fid-dritt Pollakk tal-obbligi li jinsabu f’din id-dispożizzjoni.

32      Fil- 5 ta’ Mejju 2014, l-awtoritajiet Pollakki wieġbu għal din it-tieni ittra ta’ intimazzjoni komplimentari tal-Kummissjoni.

33      Fis-27 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata supplimentari fejn ikkonkludiet li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness XI u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/50, minn naħa, parzjalment, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza bejn l-2007 u l-2013, u wkoll wara, tal-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’35 żona; valuri limitu annwali għal konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’9 żoni u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija valuri limitu ta’ kuljum miżjuda bil-marġni ta’ tolleranza fi 3 żoni, bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-10 ta’ Ġunju 2011, u f’żona, bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u 10 ta’ Ġunju 2011. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li r-Repubblika tal-Polonja kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) u l-Anness XV, A, ta’ din id-direttiva billi naqset milli tieħu miżuri biex tippermetti li l-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti jinżamm l-iqsar possibbli u minħabba t-traspożizzjoni inkorretta fid-dritt Pollakk tal-obbligi li jinsabu fih.

34      Fis-27 ta’ April 2015, bi tweġiba għal din l-opinjoni motivata komplimentari, ir-Repubblika tal-Polonja wriet titjib sistematiku tal-kwalità tal-arja fil-Polonja, skont tendenza ’l isfel fil-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti. Filwaqt li rrikonoxxew li l-kriterji tal-kwalità tal-arja għadhom ma humiex osservati, l-awtoritajiet Pollakki ddikjaraw li kienu qed ifittxu li jtejbu din is-sitwazzjoni u li kienu qed jiġu adottati serje ta’ abbozzi ta’ liġijiet għal dan il-għan.

35      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha

 Fuq l-ammissibbiltà

–       L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel ilment sa fejn ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Fil-fatt, l-ewwel ilment jallega li hemm qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni indikati, mhux biss għall-2007 sal-2013, iżda wkoll għall-perijodu wara l-2013, kif tikkonferma l-formulazzjoni “u mill-inqas l-2013” adottata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, peress li l-argumentazzjoni li ssostni l-ewwel ilment użat l-espressjoni “issa hemm qbiż”, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li hemm inċertezza dwar jekk l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi jirrigwardax ukoll qbiż possibbli matul l-2014, 2015 jew 2016.

38      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li kuntest ta’ żmien stabbilit fir-rikors huwa ċar biżżejjed, speċjalment peress li huwa intiż li jenfasizza ksur ġenerali u sistematiku. Issa, tali tip ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ direttivi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent kien ġie rrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39      Hija tirrileva li, barra minn hekk, il-kliem “u għall-inqas 2013” għandu jinftiehem bħala li jinkludu l-qbiż ġenerali u persistenti l-valuri ta’ kuljum u annwali għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 li kienu rrapportati kemm fuq il-bażi ta’ data tal-2014, li huma stess huma indikati fil-motivazzjoni tal-ewwel ilment għall-punti 50 sa 53 tar-rikors, kif ukoll tal-2015 meħuda fl-intier tagħha, imsemmija fir-replika, li turi li dan il-qbiż ma waqafx u baqa’ jippersisti fi tmiem it-terminu prefiss fl-opinjoni motivata, f’dan il-każ fis-27 ta’ April 2015.

40      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma wrietx li l-awtoritajiet Pollakki ma adottawx miżuri sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/50, u dan jikkostitwixxi premessa għall-konstatazzjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ twettiq ġenerali u persistenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet tat-territorju tagħhom kollha, il-livelli, b’mod partikolari ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, ma’ jaqbżux il-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI ta’ din id-direttiva.

42      Qabel kollox, qabel ma tingħata tweġiba għall-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja, hemm lok li jiġi eżaminat ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 TFUE humiex issodisfatti, u għaldaqstant, li jiġi vverifikat jekk l-ewwel ilment huwiex ammissibbli sa fejn huwa intiż li jikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha mill-2007.

43      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 34 tagħha, id-Direttiva 2008/50, l-unika waħda msemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2008, u skont l-Artikolu 33(1) tagħha, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw magħhom qabel il-11 ta’ Ġunju 2010. Minħabba dan, din id-direttiva ssostitwixxiet, skont il-premessa 3 tagħha, ħames atti tad-dritt tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 1999/30, li speċifikat valuri limitu li kellhom jiġu osservati mill-1 ta’ Jannar 2005.

44      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha dritt li titlob li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jsibu l-oriġini tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni, sussegwentement emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ att ġdid tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tat-tilwima ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċeduri li jikkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/30 u li l-Anness III tagħha, li koprew il-perijodu qabel l-implementazzjoni tad-Direttiva 2008/50, inżammu mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) u l-Anness XI ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punti 53 u 54).

46      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-ewwel ilment għandu jitqies bħala ammissibbli, sa fejn huwa intiż li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha mill-2007.

47      Fir-rigward tal-argument imqajjem mir-Repubblika tal-Polonja, kif speċifikat mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bidliet li jkunu seħħew wara (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C ‑200/88, EU:C:1990:422, punt 13).

48      Fid-dawl ta’ dan, fil-każ li, bħal f’dan il-każ, fejn rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa intiż li jikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi sistematiku u persistenti tad-dispożizzjonijiet imsemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti l-produzzjoni ta’ elementi kumplimentari addizzjonali sabiex, fl-istadju tal-proċeduri quddiemha, tivverifika l-ġeneralità u l-kostanza tal-allegat ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, diġà kellha l-opportunità li tispeċifika li, f’dan il-każ, is-suġġett ta’ allegat rikors għal nuqqas preżunt persistenti ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jestendi għal fatti sussegwenti għall-opinjoni motivata sakemm dawn huma tal-istess natura u jikkostitwixxu l-istess aġir bħall-fatti msemmija f’din l-opinjoni (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 43).

50      F’din il-kawża, it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata supplimentari, li hija l-unika waħda rilevanti, skada fis-27 ta’ April 2015.

51      Issa, għalkemm, fir-rigward tal-2015, id-data dwar il-kwalità tal-arja ġiet trażmessa mill-awtoritajiet Pollakki f’Settembru 2016, tikkostitwixxi parzjalment fatti li seħħew wara l-imsemmmija opinjoni motivata komplimentari, dawn il-fatti għandhom jitqiesu bħala li għandhom l-istess natura bħall-fatti li kienu s-suġġett tal-istess opinjoni motivata u huma, għalhekk, jikkostitwixxu l-istess aġir tal-Istat Membru inkwistjoni.

52      Konsegwentement, din id-data, li l-Kummissjoni saret taf biha wara l-ħruġ tal-opinjoni motivata komplimentari, setgħet validament tissemma minnha sabiex tikkunsidra li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq b’mod sistematiku u persistenti d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li l-Kummissjoni ma tindikax id-data sa meta l-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet magħquda ma huwiex tali li jimplika l-ammissibbiltà tal-ewwel ilment.

53      Fir-rigward l-argument tar-Repubblika tal-Polonja speċifikat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kopert mill-ewwel ilment jirrigwarda l-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, bi ksur tal-Artikolu 13(1) u l-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, mingħajr ma hemm kwistjoni ta’ miżuri eventwali meħuda sabiex tikkonforma ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

54      B’hekk, l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha, peress li huwa suffiċjentement ċar u preċiż, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli għall-perijodu mill-2007 sal-2015 inkluża.

 Fuq il-fondatezza

–       L-argumenti tal-partijiet

55      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha, billi ġie speċifikat li dawn l-obbligi daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30 u l-Anness III tagħha, u ma ġewx emendati mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50.

56      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq qbiż, minn naħa, tal-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti u, min-naħa l-oħra, il-valuri limitu annwali applikabbli għal dawn il-konċentrazzjonijiet.

57      Fil-fatt, fil-Polonja, fl-aħħar tal-2014, kien baqa’ hemm qbiż tal-limiti ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fi 42 żona u agglomerazzjoni, kif ukoll qbiż tal-valuri limitu annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’16-il żona u agglomerazzjoni. Fir-risposta għall-opinjoni motivata kumplimentari, ir-Repubblika tal-Polonja ma kkontestatx, barra minn hekk, din id-data mressqa mill-Kummissjoni.

58      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-ewwel ilment huwa infondat. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja ġew adottati fil-kontinwità tal-emendi leġiżlattivi introdotti sabiex jittrasponu fid-dritt Pollakk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/50, u skonthom ir-riżultati tal-aħħar evalwazzjonijiet globali tal-kwalità tal-arja mwettqa mis-sorvejanza nazzjonali tal-ambjent juru tendenza ta’ tnaqqis tal-valuri ta’ tniġġis bejn l-2010 u 2015, murija b’mod partikolari bil-paragun tad-data miġbura għall-2014 u l-2015.

59      Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fir-replika, din it-tendenza ’l isfel bejn l-2014 u l-2015. Madankollu, hija tosserva li din it-tendenza hija dovuta għar-rati ta’ qbiż partikolarment għolja, irreġistrati matul l-2014. Barra minn hekk, hija ssostni li l-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti li jaqbżu l-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 ikomplu jintwerew mhux biss f’żoni identiċi iżda wkoll f’ċertu numru ta’ żoni supplimentari meta mqabbla ma’ dawk identifikati fl-opinjoni motivata komplementari, abbażi ta’ data tal-2013.

60      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja twieġeb li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi li juru li kien jippersisti l-qbiż tal-valuri awtorizzati applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61      L-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 għandu jiġi evalwat billi titqies il-ġurisprudenza kostanti li tgħid li l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru mal-obbligi tiegħu skont it-Trattat FUE jew att ta’ dritt sekondarju (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-fatt li nqabżu l-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti huwa biżżejjed fih innifsu sabiex tikkonstata nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u l-Anness XI tagħha (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 69).

63      Issa, f’dan il-każ, id-data li tirriżulta mir-rapporti annwali tal-kwalità tal-arja ppreżentati mir-Repubblika tal-Polonja, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50, turi li bejn l-2007 u l-2015 inkluża, dan l-Istat Membru qabeż regolarment, minn naħa, il-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’35 żona u, min-naħa l-oħra, il-valuri limitu annwali ta’ tali konċentrazzjonijiet f’9 żoni.

64      Minn dan isegwi li l-qbiż b’hekk ikkonstatat għandu jitqies bħala persistenti mingħajr ma l-Kummissjoni jkollha tipproduċi provi supplimentari.

65      Kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, tendenza eventwali parzjali għal tnaqqis muri mid-data miġbura, li madankollu ma tirriżultax f’li dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-valuri limitu li għalihom huwa marbut, ma tistax tinvalida l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbigu attribwibbli lilha għal dan il-għan.

66      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel ilment għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50

 Fuq l-ammissibbiltà

–       L-argumenti tal-partijiet

67      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni lment għall-motiv li l-formulazzjoni tiegħu hija inkonsistenti, vaga u impreċiża u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx, mingħajr ma tiddeċiedi ultra petita, tippronunzja ruħha fuq il-fondatezza tiegħu.

68      B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-miżuri meħuda fil-pjanijiet li għalihom l-imsemmi lment jirreferi ma kinux xierqa, iżda llimitat ruħha li tikkunsidra li l-okkorrenza ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’żona jew agglomerazzjoni partikolari timplika li l-miżuri previsti f’dawn il-pjanijiet huma ineffikaċi.

69      Min-naħa l-oħra, skont ir-Repubblika tal-Polonja, it-tieni lment jirrigwarda perijodu mhux kopert mid-Direttiva 2008/50, peress li l-obbligu li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) kien stabbilit għall-ewwel darba minn din id-direttiva u la huwa rifless fid-Direttiva 1999/30 u lanqas fid-Direttiva 96/62, li ġew abrogati bid-Direttiva 2008/50.

70      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 ma jistax jiġi applikat retroattivament għal sitwazzjonijiet preċedenti għall-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri qabel il-11 ta’ Ġunju 2010.

71      Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma infondati.

72      Fil-fatt, qabel kollox, mill-proċedura prekontenzjuża u mill-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki jirriżulta li, minħabba l-assenza ta’ dispożizzjonijiet legali adottati fil-livell nazzjonali, il-pjanijiet adottati fil-livell reġjonali adottati kienu nieqsa minn effikaċità.

73      Il-Kummissjoni ssostni, insegwitu, li n-nuqqas ġenerali u persistenti ta’ twettiq ta’ obbligi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha jikkostitwixxi indizju, jew element li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva. It-tieni lment tagħha jirrigwarda konsegwentement l-assenza ta’ azzjonijiet xierqa u l-ineffikaċja tal-programmi kollha stabbiliti għal żoni b’valuri limitu eċċessi fit-tul għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 ċirkostanti.

74      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument dwar l-applikazzjoni allegatament retroattiva tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, il-Kummissjoni tikkunsidra li, effettivament, tista’ tiġi kkritikata, għall-ewwel darba, bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu previst f’din id-dispożizzjoni biss wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/50. Hija ssostni barra minn hekk li l-obbligi imposti mill-imsemmija dispożizzjoni ma humiex suġġetti għal evalwazzjoni annwali u li, konsegwentement, it-tieni lment ma jirrigwardax ċerti snin li matulhom seħħ il-ksur, iżda nuqqas ġenerali ta’ twettiq ta’ obbligu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jipprevedi li, f’każ ta’ qbiż tal-valuri limitu wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tagħhom, il-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja jipprevedu miżuri adegwati sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli.

76      Għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi rabta diretta bejn, minn naħa, il-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 kif previsti mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ tali pjanijiet.

77      Ir-Repubblika tal-Polonja essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli kkonkludiet, abbażi tas-sempliċi konstatazzjoni ta’ qbiż ta’ valuri limitu, li hemm l-assenza ta’ miżuri xierqa li hemm riferiment għalihom fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

78      Madankollu, anki jekk jitqies li din iċ-ċirkustanza hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tat-tieni lment, jidher fi kwalunkwe każ li l-Kummissjoni ma tillimitax ruħha li tistabbilixxi tali kawżalità skematika. Hija tressaq diversi elementi konkreti li huma l-bażi tal-konklużjoni tagħha.

79      Fir-rigward tal-applikazzjoni allegatament retroattiva tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma indikat l-ebda data tat-tluq fit-tieni lment tagħha kif espost fl-punt 1 ta’ din is-sentenza. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ressqet dan l-ilment fil-perijodu qabel id-data li fiha l-Istati Membri kellhom jikkonformaw mal-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, hija eskludiet tali estensjoni tal-ilment tagħha, kif indikat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, huwa ammissibbli.

 Fuq il-fondatezza

–       L-argumenti tal-partijiet

81      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

82      Fil-fatt, għalkemm, bħala parti mill-implementazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-Istat Membru kkonċernat jibbenefika, fil-pjanijiet tiegħu għall-kwalità tal-arja, minn ċerta marġni ta’ manuvra fl-għażla tal-miżuri li għandu jieħu, dan il-marġni ta’ manuvra jkun madankollu limitat bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu xierqa u effikaċi sabiex isolvu malajr kemm jista’ jkun il-problema ta’ emissjonijiet ta’ PM10 f’żona partikolari u sabiex b’hekk itemmu l-ksur tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50.

83      Issa, minn naħa, il-miżuri adottati mir-Repubblika tal-Polonja huma ineffikaċi, kif juri l-qbiż sistematiku u persistenti tal-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fi 35 żona, u l-valuri limitu annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’9 żoni.

84      Min-naħa l-oħra, mill-analiżi tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja ppreżentati mir-Repubblika tal-Polonja jirriżulta li dawn ma għandhomx il-miżuri xierqa li jippermettu li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli.

85      B’mod partikolari, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jistabbilixxu termini li l-iskadenza tagħhom tvarja, skont iż-żoni differenti, bejn l-2020 u l-2024, sabiex ittemm il-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, li b’hekk jaqbżu b’mod viżibbli l-marġni ta’ manuvra disponibbli għar-Repubblika tal-Polonja.

86      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, minkejja li t-tisħin individwali tal-bini kien is-sors ewlieni tat-tniġġis tal-arja mill-PM10 f’numru kbir ta’ żoni, il-pjan ta’ sostituzzjoni tal-bojlers seta’ jkollu biss effikaċja inċerta, fin-nuqqas ta’ kriterji ta’ kwalità imposti fuq il-bojlers installati sabiex jissostitwixxu l-qodma.

87      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkritika l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja li jikkonċernaw ċerti żoni speċifiċi. Bħala eżempju, hija tirrileva li fl-agglomerazzjoni ta’ Varsavja, li t-trasport jikkostitwixxi s-sors ewlieni ta’ emissjonijiet, il-pjan dwar il-kwalità tal-arja ma jagħti l-ebda informazzjoni la dwar l-eżistenza u lanqas dwar in-natura tal-miżuri implementati fil-qasam tat-trasport.

88      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, fl-ewwel lok, jekk wieħed jassumi li r-rimedji nazzjonali ma humiex effikaċi minħabba l-allegati nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XI tagħha, il-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, jekk dan kien il-każ, il-miżuri li jwasslu għall-waqfien immedjat ta’ qbiż biss ikunu effikaċi.

89      Fit-tieni lok, il-miżuri korrettivi li għandhom jiġu adottati jkollhom konsegwenzi soċjoekonomiċi kbar, b’mod partikolari billi jġiegħlu lin-nies jużaw fjuwils iktar għoljin, li jkollu impatt, b’mod partikolari, fuq is-saħħa tagħhom. Bl-istess mod, il-prekarjetà tas-soċjetà Pollakka tostakola użu wiesa’ ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

90      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li, minħabba r-riżorsi finanzjarji kbar u neċessarji li għandhom jintużaw għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li jniġġsu, l-awtoritajiet lokali kkunsidraw korrettament li t-termini previsti għall-pjanijiet inkwistjoni, li jiskadu bejn l-2020 u l-2024, huma wkoll l-iqsar possibbli.

91      Barra minn hekk, għalkemm fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja kienet intitolata li tieħu inkunsiderazzjoni xi wħud minn dawn il-parametri, il-Kummissjoni sempliċement tat prijorità ġenerali lill-protezzjoni tas-saħħa pubblika mingħajr ma għamlet, kif kellha tagħmel, evalwazzjoni in concreto tal-miżuri korrettivi mazzjonali.

92      Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-programm ta’ sostituzzjoni tal-bojlers ma jimponix kriterji ta’ kwalità. Fil-fatt, il-finanzjament tax-xiri ta’ installazzjonijiet ta’ tisħin diġà huwa parzjalment suġġett għal kriterji ta’ għażla ta’ bojlers li ssodisfaw ċerti standards ta’ emissjonijiet.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja ma jistgħux jiġu stabbiliti ħlief abbażi tal-ekwilibriju bejn l-għan ta’ tnaqqis tar-riskju ta’ tniġġis u l-interessi pubbliċi u privati differenti preżenti (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 106).

94      Għalhekk, il-fatt li Stat Membru jaqbeż il-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jitqies li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 107).

95      F’dan ir-rigward, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra sabiex jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jadottaw, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu li matulu jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat permezz ta’ analiżi għal kull każ, jekk il-pjanijiet stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat humiex f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 108).

97      F’dan il-każ, qabel kollox, l-obbligu li jiġu stabbiliti, fil-każ ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għal konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja huwa impost fuq l-Istat Membru kkonċernat mill-11 ta’ Ġunju 2010.

98      Kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, qbiż tal-valuri limitu kien diġà kkonstatat fil-Polonja f’din id-data.

99      Madankollu, huwa paċifiku li l-pjanijiet iktar tard adottati mir-Repubblika tal-Polonja stabbilixxew l-iskadenza tat-termini previsti sabiex itemmu dan il-qbiż, għal żoni differenti bejn l-2020 u l-2024, u dan jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat sabiex itemm dan il-qbiż wara għaxar snin biss, jew saħansitra erbatax-il sena, wara d-data li fiha ġie kkonstatat l-imsemmi qbiż.

100    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-termini li hija stabbilixxiet huma adattati kompletament għall-firxa tal-bidliet strutturali meħtieġa sabiex jintemm il-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, u tenfasizza diffikultajiet relatati mal-isfida soċjoekonomika u baġitarja ta’ investimenti tekniċi kbar li għadhom iridu jsiru.

101    Madankollu, għalkemm tali elementi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-bilanċ imsemmi fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, jibqa’ l-fatt li ma huwiex stabbilit li d-diffikultajiet imsemmija mir-Repubblika tal-Polonja, li ma humiex ta’ natura eċċezzjonali, jistgħu jeskludu li termini iqsar jistgħu jiġu stabbiliti u dan iktar u iktar meta ħafna mill-miżuri proposti jirrigwardaw l-bdil tal-bojlers individwali u kollettivi b’faċilitajiet iktar effikaċi.

102    Minn dan isegwi li l-imsemmi argument tar-Repubblika tal-Polonja ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika termini tant twal sabiex jintemm l-imsemmi qbiż fid-dawl tar-rekwiżit li jiġi żgurat li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli.

103    F’dan il-kuntest, l-adozzjoni ta’ miżuri supplimentari invokata mir-Repubblika tal-Polonja, li ma huwiex ikkontestat li dawn, fihom infushom, ma jistgħux effettivament itemmu l-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, ma hijiex biżżejjed sabiex tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

104    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha

 L-argumenti tal-partijiet

105    Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XI tagħhha, meta qabżet il-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 miżjuda bil-marġni ta’ tolleranza mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-10 ta’ Ġunju 2011 fi tliet żoni, jiġifieri Radom, Pruszków-Żyrardów u Kędzierzyn-Koźle, kif ukoll mill-1 ta’ Jannar sat 10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żona ta’ Ostrów-Kępno.

106    Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja kienet obbligata, matul il-perijodu li fih l-eżenzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, kif speċifikat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, kienet fis-seħħ, għal dawn l-erba’ żoni, skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/50, li ma taqbiżx il-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, miżjuda bil-marġni ta’ tolleranza sa 50 %, skont l-Anness XI ta’ din id-direttiva. Issa, miċ-ċifri pprovduti minn dan l-Istat Membru jirriżulta li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 nqabżu fl-erba’ żoni inkwistjoni, u sa tmiem din l-eżenzjoni, il-limiti applikabbli miżjuda bil-marġni ta’ tolleranza.

107    Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja twieġeb li t-tielet ilment huwa infondat, u ssostni li d-data prodotta mill-Kummissjoni hija nieqsa minn preċiżjoni u tirreferi għal data differenti, li tirrigwarda mhux il-valuri limitu ta’ kuljum, iżda dawk annwali.

108    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-argumentazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja hija ineffettiva sa fejn id-data prodotta minn din tal-aħħar tirrigwarda l-valuri annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, u mhux dik ta’ kuljum, peress li dawn l-aħħar valuri huma l-uniċi koperti mit-tielet ilment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109    Għandu, qabel xejn, jitfakkar li, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50, fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-valuri limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI ta’ din id-direttiva, ma jistgħux ikunu osservati minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid tas-sit, kundizzjonijiet tal-klima ħżiena jew kontribuzzjonijiet transkonfinali, Stat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri limitu sal-11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 22(1) jiġu osservati, u sakemm dak l-Istat Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex josserva t-termini.

110    L-Artikolu 22(3) tal-imsemmija dirtettiva jipprevedi f’dan ir-rigward li, meta japplika l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-valur limitu għal kull sustanza li tniġġes ma jinqabiżx b’iktar mill-marġni massimu ta’ tolleranza speċifikat fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 għal kull sustanza li tniġġes ikkonċernata. Għall-PM10, l-imsemmi l-marġni ta’ qbiż huwa ffissat għal 50 % tal-valuri limitu.

111    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja, imsemmi fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, huwa ineffettiv peress li jikkonċerna d-data dwar il-qbiż tal-valuri limitu annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, filwaqt li l-Kummissjoni fit-tielet ilment tagħha tirreferi biss effettivament għall-qbiż tal-limiti ta’ kuljum. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ser tiddeċiedi fuq l-unika allegazzjoni tal-qbiż tal-limiti ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti.

112    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fl-2008, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet talba skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50 dwar il-valuri limitu għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fi 83 żona. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni għall-applikazzjoni, sal-11 ta’ Ġunju 2011, tal-eżenzjoni dwar l-obbligu li jkunu osservati l-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’erba’ żoni, jiġifieri Radom, Pruszków, Żyrardów, Kędzierzyn-Koźle u Ostrow-Kępno.

113    Għal dawn l-erba’ żoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kellha l-effett li r-Repubblika tal-Polonja kienet marbuta li tiżgura, sal-11 ta’ Ġunju 2011, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50, in-nuqqas ta’ qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti ta 50 %, skont l-Anness XI ta’ din id-direttiva.

114    Issa, mid-data pprovduta fis-26 ta’ Ġunju 2013 mir-Repubblika tal-Polonja lill-Kummissjoni, bi tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari tas-26 ta’ April 2013, li l-qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, miżjuda bil-marġni ta’ 50% ta’ tolleranza, kienu ġew ikkonstatati bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żoni ta’ Radom, ta’ Pruszków, Żyrardów u ta’ Kędzierzyn-Koźle u li qbiż simili kien ikkonstatat bejn l-1 ta’ Jannar u l-10 ta’ Ġunju 2011, fiż-żona ta’ Ostrów-Kępno.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq li, f’dan il-kuntest, għandha tiġi applikata b’analoġija, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/50 u l-Anness XI tagħha.

116    Konsegwentement, it-tielet ilment għandu jintlaqa’.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 minħabba traspożizzjoni mhux korretta ta’ din id-dispożizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

117    Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni tallega li, minkejja t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, li jirrikjedi li, jekk il-valuri limitu jinqabżu, il-pjanijiet ikkonċernati jipprevedu miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli, la l-Artikoli 91 u 92 tal-Liġi POŚ u lanqas ir-regolamenti dwar il-pjanijiet għall-kwalità tal-arja u l-pjanijiet ta’ azzjoni għal żmien qasir ma fihom espliċitament tali rekwiżit.

118    Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li n-nuqqas ta’ inklużjoni tal-kundizzjoni espressa li l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jinkludu miżuri sabiex jitqassar għall-massimu l-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’żona partikolari jostakola li r-rekwiżit li jiġu adottati, f’dawn il-pjanijiet, miżuri sabiex tintemm kemm jista’ jkun malajr is-sitwazzjoni ta’ qbiż jiġi osservat.

119    Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta r-raba’ lment u għandha l-intenzjoni li turi li, minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni espressa li tistabbilixxi din il-kundizzjoni, in-natura tal-miżuri effettivament previsti fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u fil-pjanijiet ta’ azzjoni għal żmien qasir tissodisfa r-rekwiżiti ta’ traspożizzjoni korretta tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120    Minn ġurisprduenza stabbilita jirriżulta li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ direttiva ma tirrikjedix neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli f’dispożizzjoni legali jew leġiżlazzjoni espressa u speċifika, u li kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun biżżejjed għal dan il-għan sakemm jiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva, b’mod li huwa suffiċjentement ċar u preċiż (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑648/13, EU:C:2016:490, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    F’dan ir-rigward, qabel kollox, peress li l-ewwel tliet ilmenti tal-Kummissjoni ntlaqgħu, għandu jitqies li r-Repubblika tal-Polonja ma hijiex qed tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2008/50. Għalkemm dan l-Istat Membru jinvoka elementi tal-kuntest ġuridiku nazzjonali sabiex jiddikjara li dan tal-aħħar jiżgura applikazzjoni korretta fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, madankollu ma jipproduċi l-ebda prova insostenn ta’ din l-argumentazzjoni.

122    Insegwitu, l-ebda wieħed mill-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja adottati mill-Istat Membru inkwistjoni, f’livell nazzjonali jew reġjonali, ma kien jinkludi riferiment espliċitu għar-rekwiżit li dawn il-pjanijiet għandhom ikunu jistgħu jillimitaw il-qbiż tal-valuri limitu fl-iqsar żmien possibbli.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/50 fid-dritt intern mir-Repubblika tal-Polonja ma tistax, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku ġenerali tagħha, tiżgura b’mod effettiv l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva.

124    B’hekk, ir-raba’ lment invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

125    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja:

–        meta qabżet, bejn l-2007 u sal-2015 inkluża, il-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’35 żona ta’ evalwazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-arja u l-valuri limitu annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’9 żoni ta’ evalwazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-arja;

–        meta ma adottatx, fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti jkun l-iqsar possibbli;

–        meta qabżet il-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti miżjuda bil-marġni ta’ tolleranza mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żoni ta’ Radom, ta’ Pruszków-Żyrardów u ta’ Kędzierzyn-Koźle, kif ukoll mill-1 ta’ Jannar sal-10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żona ta’ Ostrów-Kępno; u

–        meta ma ttrasponietx korrettement it-tieni inċiż tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha stabbiliti, rispettivament, taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva u tal-Anness XI tagħha, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva u d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/50 u l-Anness XI ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet l-essenza tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika tal-Polonja:

–        meta qabżet, bejn l-2007 u sal-2015 inkluża, il-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ f’35 żona ta’ evalwazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-arja u l-valuri limitu annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’9 żoni ta’ evalwazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-arja;

–        meta ma adottatx, fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti jkun l-iqsar possibbli;

–        meta qabżet il-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkustanti miżjuda bil-marġni ta’ tolleranza mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żoni ta’ Radom, ta’ Pruszków-Żyrardów u ta’ Kędzierzyn-Koźle, kif ukoll mill-1 ta’ Jannar sal-10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żona ta’ Ostrów-Kępno; u

–        meta ma ttrasponietx korrettement it-tieni inċiż tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent [ċirkostanti] u arja iktar nadifa għall-Ewropa,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha stabbiliti, rispettivament, taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva u tal-Anness XI tagħha, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva u d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/50 u l-Anness XI ta’ din id-direttiva.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.