Language of document : ECLI:EU:T:2006:82


SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

15 ta' Marzu 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja  – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Trade mark verbali preċedenti FERRERO – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li fiha l-element verbali ‘FERRÓ’ – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru  40/94"

Fil-kawża T‑35/04

Athinaiki Oikogeniaki Artopoiia AVEE, stabbilita f'Pikermi (Il-Greċja), irrappreżentata minn C. Chrissanthis, Avukat,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Novais Gonçalves, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Ferrero OHG mbH, stabbilita fi Stadtallendorf (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Schaeffer, Avukat,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-1 ta' Diċembru 2003 (kawża R 460/2002‑1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Athinaiki Oikogeniaki Artopoiia AVEE u Ferrero OHG mbH,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u E. Cremona, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Jannar 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Mejju 2004,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti ta' Prim'Istanza fl-4 ta' Mejju 2005,

wara s-seduta tat-2 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-26 ta' Frar 1999, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja, ta' sinjal figurattiv u verbali magħmul minn stendard ta' kulur indeterminat b'bordura bajda, li fuqu hemm miktuba l-kelma "ferró" b'ittri kbar, lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat. L-ewwel u l-aħħar ittra, din ta' l-aħħar għandha aċċent, hija ta' qies ikbar. Is-sinjal huwa ppreżentat kif ġej:

Image not foundImage not found

2       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għall kull waħda mill-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–       klassi 29 : "Laħam, ħut, tjur u selvaġġina, estratti tal-laħam, frott u ħaxix ippreservat, imnixxef u msajjar, ġèli, ġammijiet, bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib, żejt, u xaħam li jittiekel, ikel tal-bottijiet, ħass ippreservat fil-ħall, pikles";

–       klassi 30 : "Kafé, té, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sago, kafé artifiċjali, dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, gallettini, għaġina u ħlewwiet, ġelati, għasel, ġulepp, ħmira, trab tal-ħami, melħ, mustarda, preparazzjonijiet ta' kull xorta magħmulin mill-ħobż, bżar, ħall, zlazi (kondimenti), silġ, għasel iswed";

–       klassi 42, : " Provvista (ta' ikel u xorb), akkomodozzjoni temporanja, kura medika, iġjene personali u kura kożmetika, istituti ta' l-iġjene, tat-tnaqqis fil-ħxuna, tad-dieta u tas-saħħa, servizzi veterinarji, u agrikoli, riċerka xjentifika, u industriali, servizzi legali, programmi għal kompjuters, "

3       L-applikazjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-Trade marks Komunitarji tas-27 ta' Marzu 2000.

4       Fis-26 ta' Ġunju 2000, l-intervenjenti ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1), tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali FERRERO (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti"), li kienet is-suġġett tar-reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 956 671 għal ċerti prodotti tal-klassijiet 5, 29, 30, 32 u 33 fosthom il-prodotti li ġejjin: : "Ċikkulata, inklużi l-prodotti mimlija abbażi taċ-ċikkulata, ċikkulatini inklużi dawk mimilja abbażi ta' frott, ta' kafé, ta' xorb mhux alkoħoliku, ta' inbid u/jew spirti, jew mimlija abbażi ta' ħalib, jew ta' prodotti tal-ħalib, speċjalment il-jogurt, għaġina li żomm fit-tul u għaġina fina, b'mod partikulari waffles u kejkijiet lesti, ħlewwiet, pejst tas-sandwiċ li fih iz-zokkor, il-kawkaw, iċ-ċikkulata, il-ħalib u/jew xaħam, xorb abbażi ta' kafe, jew te, inklużi dawk miżjuda bl-alkoħol, xorb mhux alkoħoliku, dawk l-oġġetti kollha għall-użu tad-dieta għat-tfal u/jew morda jew għal finijiet mediċi."

5       L-oppożizzjoni kienet tirrigwarda l-prodotti kollha msemmija hawn fuq u ġiet imressqa kontra ċerti prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkontestata, jiġifieri dawk inklużi fil-klassijiet 29, 30, kif msemmija iktar 'il fuq, u, għal dawk tal-klassi 42, "il-provvista (ta' ikel u xorb)". Ir-raġuni invokata in sostenn ta' l-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94.

6       Permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Marzu 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet in parti l-oppożizzjoni għal ċerti prodotti inklużi fil-klassi 30, minħabba x-xebh viżiv u fonetiku li jeżisti bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u trade mark preċedenti kif ukoll minħabba x-xebh jew l-identiċità tal-prodotti koperti minnhom. Il-prodotti li għalihom l-oppożizzjoni intlaqgħet huma s-segwenti: "Kafé, té, kawkaw, zokkor, kafé artifiċjali, dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, gallettini, għaġina u ħlewwiet, ġelati, ġulepp, ħmira, trab tal-ħami, preparazzjonijiet ta' kull xorta magħmulin mill-ħobż, għasel u għasel iswed."

7       Fl-24 ta' Mejju 2002, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI.

8       Permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Diċembru 2003 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni billi kkunsidra li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, inkluża l-probabbiltà ta' assoċjazzjoni, bejn it-trade marks in kwistjoni. Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell osserva li kien kostanti li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni kienu in parti identiċi u in parti jixxiebhu. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li s-sinjali in kwistjoni kienu jixxiebhu kemm mil-lat fonetiku kif ukoll mil-lat viżiv.

 It-talbiet tal-partijiet

9       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti ta' Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata u/jew tirriformha b'mod li tiċħad l-oppożizzjoni tal-parti intervenjenti u taċċetta r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni;

–       tiċħad għal kollox l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni għall-klassijiet kollha li fir-rigward tagħhom l-oppożizzjoni ġiet milqugħa;

–       tadotta kull miżura oħra neċessarja li tista' twassal għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni;

–       tordna lill-UASI jirreġistra t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni;

–       tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż, inklużi dawk imressqa waqt il-proċedimenti ta' oppożizzjoni u quddiem il-Bord ta' l-Appell.

10     L-UASI jitlob lill-Qorti ta' Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

11     L-intervenjenti titlob lill-Qorti ta' Prim'Istanza tiċħad ir-rikors.

12     Fid-19 ta' April 2005, ir-rikorrenti ppreċiżat, bi tweġiba għad-domanda bil-miktuba li saritilha mill-Qorti ta' Prim'Istanza fl-14 ta' April 2005, li hija titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u min-naħa l-oħra li l-UASI jiġi ordnat jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà ta' ċerti talbiet tar-rikorrenti

13     Permezz ta' l-ewwel u tar-raba kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-UASI jiġi ordnat jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti in kwistjoni. Barra minn hekk, permezz tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti ta' Prim'Istanza tadotta l-miżuri kollha neċessarji li jistgħu jwasslu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

14     Skond l-UASI, dawn it-talbiet mhumiex ammissibbli.

15     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' rikors imressaq quddiem il-qorti Komunitarja kontra d-deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, dan ta' l-aħħar huwa obbligat, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni. Barra dan, mhijiex il-kompetenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza li tagħti ordnijiet lill-UASI. Fil-fatt, huwa dan ta' l-aħħar li għandu joħroġ il-konsegwenzi tad-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza [sentenzi tal-Qorti ta' Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T‑331/99, Ġabra p. II‑433, punt 33; tas- 27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra p. II‑683, punt 12, u tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs L-UASI – Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 19].

16     Minn dan isegwi li l-ewwel u r-raba kap tat-talbiet tar-rikorrenti, safejn dawn jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-UASI jirreġistra t-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

17     Huwa wkoll inammissibbli t-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex it-trade mark Komunitarja in kwistjoni tiġi aċċettata.

18     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi, skond l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti ta' Prim'Istanza, kull rikors għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa u din l-indikazzjoni għandha tkun ċara biżżejjed u preċiża sabiex tippermetti lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti ta' Prim'Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors. Dan jgħodd ukoll għal kull kap tat-talbiet, li għandu jinkludi raġunijiet u argumenti li jippermettu, kemm lill-parti konvenuta kif ukoll lill-qorti, jivvalutaw il-fondatezza tiegħu.  

19     Bil-għan li tiġi garantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa neċessarju li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom dan huwa bbażat jirriżultaw, almenu b'mod sommarju, iżda b'mod koerenti u li jinftiehem, mit-test ta' l-istess rikors [ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T‑56/92, Ġabra p. II‑1267, punt 21, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punt 106].

20     F'dan ir-rigward, ir-rikors għandu jispjega f'hiex tikkonsisti r-raġuni li fuqha ir-rikors huwa bbażat. Għaldaqstant, dikjarazzjoni astratta ma tissodisfax l-eżiġenzi tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Marzu 2000, T. Port vs Il-Kummissjoni, T‑251/97, Ġabra p. II‑1775, punt 90 ; tal- 5 ta' Lulju 2000, Samper vs Il-Parlament, T‑111/99, ĠabraFP p. I‑A‑135 u II‑611, punt 27, et tat-12 ta' Diċembru 2002, eCopy vs L-UASI (ECOPY), T‑247/01, Ġabra p. II‑5301, punt 15].

21     F'din il-kawża, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element in sostenn ta' dan it-tielet kap tat-talbiet. Jirriżulta mill-ġurisprudenza iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 20, li talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tadotta xi miżuri sabiex l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tiġi aċċettata m'għandhiex il-preċiżjoni neċessarja u għandha, konsegwentement, tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

22     F'kull każ, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa l-UASI li għandu jinvestiga l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja u li jieħu deċiżjoni fuqha. Hija mbagħad il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha twettaq, jekk ikun il-każ, stħarriġ ġudizzjarju ta' l-evalwazzjoni li l-Bord ta' l-Appell ikun wettaq fid-deċiżjoni adottata mill-UASI. Għall-kuntrarju, mhijiex il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tissostitwixxi lill-UASI fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lil dan ta' l-aħħar permezz tar-Regolament Nru 40/94.

  Fuq il-mertu

23     Ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 8 (1)(b), tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

24     Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, jiġifieri t-trade mark figurattiva li fiha l-element verbali "FERRÓ ", li għaliha saret l-applikazzjoni, u t-trade mark preċedenti.

25     Rigward ix-xebh bejn it-trade marks in kwistjoni fuq il-pjan viżiv, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-Bord ta' l-Appell ikkonstata fid-deċiżjoni kkontestata, diversi elementi jippermettu li jiġi nnewtralizzat ċertu livell ta' xebh li jista' joħloq probabbiltà ta' konfużjoni.

26     F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tirreleva l-karattru distintiv qawwi ta' l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-istendard ta' kulur indeterminat b'bordura bajda. Dan jikkostitwixxi logo oriġinali u immaġinattiv, li, għalkemm nieqes mill-element verbali " FERRÓ ", jista' jiġi meqjus mill-konsumatur sabiex jindika l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba s-sempliċità tiegħu u l-konfigurazzjoni simmetrika tiegħu.

27     It-tieni nett, f'dak li jikkonċerna l-konfigurazzjoni ta' l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li t-tipografija kkurvata, tal-kelma " ferró " għandha, ukoll, karattru distintiv qawwi [ara, b'analoġija, u għal dak li jikonċerna t-tipografija bil-korsiv, is-sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza, tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert Réné vs L-UASI – Trucco (Starix), T‑311/01, Ġabra p. II‑4625, punt 54].

28     It-tielet nett, għalkemm l-ewwel tliet ittri taż-żewġ trade marks in kwistjoni huma ċertament identiċi, jiġifieri "f", "e" et " r", din l-identiċità hija nnewtralizzata, minn naħa, bid-daqs ikbar ta' l-ittri "f" u "o" ta' l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u min-naħa l-oħra bit-tul differenti, minħabba n-numru differenti ta' ittri u ta' sillabi, tat-trade marks in kwistjoni. Ir-rikorrenti tosserva li l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni "ferró" huwa, effettivament, iqsar mill-element verbali "ferrero", li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti.

29     Rigward il-paragun tat-trade marks in kwistjoni fuq il-livell fonetiku, ir-rikorrenti ma taqbilx ma' l-analiżi mwettqa mill-Bord ta' l-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata.

30     F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li t-tul tal-ħoss tat-trade marks in kwistjoni ma jixxibahx minħabba n-numru differenti ta' sillabli li jikkomponu t-trade marks in kwistjoni, jiġifieri tliet sillabi, għall-element verbali tat-trade mark preċedenti "ferrero", u żewġ sillabli għall-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni "ferró".

31     It-tieni nett, l-effett tar-ripetizzjoni tal-fonema "er" preżenti fl-element verbali "ferrero", li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti, huwa nieqes mill-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni "ferró", li jippermetti, skond ir-rikorrenti, li tiġi ddifferenzjata l-preċezzjoni bis-smigħ taż-żewġ trade marks in kwistjoni. Fil-fatt, dan il-fenomenu ta' ripetizzjoni jikkostitwixxi, skond ir-rikorrenti, il-karatteristika essenzjali tat-trade mark preċedenti.

32     It-tielet nett, filwaqt li hija t-tieni sillaba ta' l-element verbali li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti "ferrero" li għandha l-aċċent toniku, fil-pronunzja tal-kelma "ferró " mill-konsumatur medju Ġermaniż, l-aċċent toniku jaqa' fuq l-aħħar sillaba.

33     Barra dan, għal dik li jikkonċerna l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, ir-rikorrenti tirrileva li l-konsumatur għandu, f'dan il-każ, il-possibbiltà li jagħmel paragun viżiv dirett bejn it-trade marks differenti li jindikaw il-prodotti in kwistjoni, peress illi dawn jikkostitwixxu prodotti ta' użu ta' kuljum impoġġija fl-istess ringiela tas-supermarkets.

34     Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fil-każ ta' livell baxx ta' xebh bejn it-trade marks, bħal dak fil-każ preżenti, huwa biss il-karattru distintiv qawwi tat-trade mark preċedenti li jista' jiġġustifika protezzjoni maġġuri tagħha. Issa, dan ma jistax ikun il-każ, f'din il-kawża.

35     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li l-qrati Griegi eskludew l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni fil-kawża preżenti fis-suq Grieg. Barra minn hekk, l-UASI ddeċieda f'kawża simili għal din in kwistjoni li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark verbali FERRERO u FERRO, minkejja r-rabta mill-qrib li teżisti bejn il-prodotti in kwistjoni, jiġifieri, minn naħa, il-gallettini mielħa, u min-naħa l-oħra, il-gallettini ħelwin, minħabba n-nuqqas ta' xebh eżistenti bejn it-trade marks in kwistjoni fuq il-livell kemm viżiv u kif ukoll fonetiku.

36     L-UASI u l-parti intervenjenti jsostnu li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 billi kkonkluda li s-sinjali in kwistjoni kienu jixxiebhu kemm mil-lat fonetiku kif ukoll mil-lat viżiv u li, għaldaqstant, u minħabba x-xebh jew l-identiċità bejn il-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni, kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

37     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar l-oppożizzjoni ta' proprjetarju ta' trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark m'għandiex tiġi milqugħa " jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pub[b]liku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probab[b]iltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probab[b]iltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti".

38      Barra dan, skond l-Artikolu 8(2)(a)(i) u (ii), tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks Komunitarji, kif ukoll it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, b'data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

39     Skond ġurisprudenza kostanti, ir-riskju li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża, jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, jikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni.

40     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u b'kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti fil-kawża, b'mod partikulari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

41     F'din il-kawża, it-trade mark verbali preċedenti FERRERO, li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, hija rreġistrata u protetta fil-Ġermanja. Għalhekk sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, għandha tiġi kkunsidrata l-perspettiva tal-pubbliku rilevanti f'dan l-Istat.

42     Peress illi l-prodotti indikati mit-trade marks in kwistjoni huma prodotti ta' konsum ta' kuljum, il-pubbliku mmirat huwa l-konsumatur medju, li huwa meqjus bħala infurmat normalment u ragjonevolment attent u prudenti.

43     Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell kien korrett meta kkunsidra li l-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata b'relazzjoni mal-konsumatur medju Ġermaniż, dak li l-partijiet, wara kollox, ma jikkontestawx.

44     Lanqas mhuwa kkontestat mill-partijiet li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti li fir-rigward tagħhom it-trade mark preċedenti hija protetta huma in parti identiċi u in parti jixxiebhu. F'dawn il-kundizzjonijiet, ir-riżultat tar-rikors jiddependi mill-livell ta' xebh bejn is-sinjali in kwistjoni. Għaldaqstant, huma kkonċernati, mill-eżami tax-xebh tas-sinjali, il-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li jaqaw taħt il-klassi 30 tal-Ftehim ta' Nizza, kif imsemmija iktar 'il fuq (ara l-punt 6 iktar 'il fuq), peress illi dawn il-prodotti kienu dawk li fir-rigward tagħhom il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-oppożizzjoni għandha tiġi milqugħa.

45     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tiġi bbażata fuq l-impressjoni totali li dawn jagħtu, b'kunsiderazzjoni, b'mod partikulari, ta' l-elementi distinti u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

46     Għalhekk, għandha tiġi vverifikata l-analiżi li saret mill-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata fejn huwa pparaguna s-sinjali in kwistjoni f'din il-kawża fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali sabiex jeżamina jekk il-livell ta' xebh eżistenti bejn l-imsemmija sinjali kienx suffiċjentement għoli sabiex, b'rigward għall-livell għoli ta' xebh li jeżisti bejn il-prodotti, ikun jista' jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-konsumatur medju Ġermaniż.

47     Fl-ewwel lok, f'dak li għandu x'jaqsam mal-paragun viżiv tat-trade marks konfliġġenti, għandu jiġi mfakkar qabel kollox, li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ppreċiżat li xejn ma jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta' xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva, peress illi dawn iż-żewġ tipi ta' trade marks għandhom konfigurazzjoni li tista' tagħti lok għal impressjoni viżiva [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs L-UASI – France Distribution (HUBERT), T‑110/01, Ġabra p. II‑5275, punt 51].

48     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li trade mark kumplessa, verbali u figurattiva, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tixbah trade mark oħra, identika jew li tixbah wieħed mill-komponenti ta' trade mark kumplessa, sakemm dan il-komponent ma jikkostitwixxix l-element dominanti fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark kumplesssa. Dan hu l-każ meta dan il-komponent jista' jiddomina, waħdu, l-immaġini ta' din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm f'moħħu, b'tali mod li l-komponenti l-oħra ta' din it-trade mark huma ta' importanza żgħira fl-impressjoni globali prodotta minnha [sentenzi tat-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 33, u tal-11 ta' Mejju 2005, CM Capital Markets vs UASI – Caja de Ahorros de Murcia (CM), T‑390/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46].

49     Il-ġurisprudenza ppreċiżat illi dan l-approċ ma jammontax għat-teħid in kunsiderazzjoni ta' komponent wieħed biss ta' trade mark kumplessa u għall-ipparagunar ta' dan ma' trade mark oħra. Hemm lok, għall-kuntrarju, li tali paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha. Madankollu, dan ma jeskludix li l-impressjoni totali maħluqa f'moħħ il-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa, tista', f'ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Mejju 2005, Grupo Sada vs L-UASI – Sadia (GRUPO SADA), T‑31/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49].

50     F'din il-kawża, il-Bord ta' l-Appell ikkonferma l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li l-element verbali "ferro" jikkostitwixxi l-element dominanti. Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fil-fatt, li l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret aplikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jiġifieri l-istendard li fuqu hemm miktuba l-kelma "ferró", kien jikkostitwixxi element sekondarju (punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

51     Din l-evalwazzjoni tista' biss tiġi approvata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, b'rigward għall-impressjoni viżiva totali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-istendard mhuwiex element fugurativ importanti biżżejjed sabiex jagħmel impressjoni ikbar fuq il-konsumatur mill-element verbali tagħha. Għall-kuntrarju, kif ukoll irrileva l-UASI, l-element figurattiv f'din il-kawża, jiġifieri l-istendard, ma jikkostitwix rappreżentazzjoni partikolarment oriġinali jew immaġinattiva li tista' tiġbed l-atttenzjoni tal-konsumatur. Fi kwalunkwe każ, la l-forma tonda ta' l-istendard, la d-daqs tiegħu u lanqas il-kuluri tiegħu mhuma tant karatteristiċi li jippermettulu jkollu karattru predominanti fir-rigward ta' l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

52     Il-Qorti tal-Prim'Istanza hija tal-fehma li l-kelma "ferró" tipprevali fuq l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u timponi ruħha, effettivament, fil-perċezzjoni tagħha, minħabba d-daqs kbir tagħha u s-soprapożizzjoni tagħha fuq l-istendard, li, peress illi għandu biss funzjoni ta' dekorazzjoni fuq l-isfond, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ma wettaq ebda żball ta' evalwazzjoni billi kkonstata li "ferró" tikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li l-istendard kien ta' importanza sekondarja. F'dawn iċ-ċirkustanzi l-paragun tas-sinjali jista' jsir billi jintużaw biss l-elementi verbali, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, f'dak li jikkonċerna x-xebh tas-sinjali, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni totali li huma jagħtu [ara, f'dan ir-rigward, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Diċembru 2004, Euro Style vs L-UASI – RCN‑Companhia de Importaçao e Exportaçao de Texteis (GLOVE), T‑261/03, li għadu ma ġiex ipubblikat fil-Ġabra, punt 38].

53     Issa, il-paragun bejn l-element verbali dominanti tat-trade li għaliha saret l-applikazzjoni, "ferró", u dak li jikkostitwixxi t-trade mark verbali preċedenti, "ferrero", jirrivela ċertu livell ta' xebh viżiv bejniethom.

54     Fil-fatt, kif isotni ukoll l-UASI, hemm lok li jiġi kkonstatat li n-numru differenti ta' sillabi – a fortiori, ta' l-ittri – taż-żewġ sinjali in kwistjoni, mhuwiex ta' natura li jpoġġi serjament in kwistjoni x-xebh viżiv eżistenti bejn iż-żewġ trade marks. Għaldaqstant, anki jekk it-trade mark verbali preċedenti hija komposta minn seba' ittri u tliet sillabi, filwaqt illi l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu biss ħames ittri u żewġ sillabi, jibqa' xorta waħda l-fatt li ż-żewġ sinjali jużaw l-istess ittri, jiġifieri "f", "e", "r" u "o". Barra dan, dawn l-ittri qegħdin fl-istess ordni. Għaldaqstant, kemm l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, "ferró", kif ukoll l-element verbali li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti, "ferrero"  jibda u jispiċċa bl-istess ittri, jiġifieri l-"f" u l-"o". Barra minn hekk, iż-żewġ sinjali għandhom komuni l-ewwel tliet ittri, jiġifieri "fer". F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-prinċipju, l-attenzjoni tal-konsumatur tmur fuq kollox fuq il-bidu tal-kelma [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Marzu 2004, El Corte Inglés vs L-UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T‑183/02 et T‑184/02, għadha ma ġietx ipubblikata fil-Ġabra, punt 83]. Dawn l-elementi ta' xebh viżiv jipprevalu fuq it-tul differenti tas-sinjali in kwistjoni, li ma jistax, għaldaqstant, joħloq differenza viżiva importanti bejniethom.

55     Barra dan, id-differenza biss fl-istruttura sillabika taż-żewġ sinjali in kwistjoni hija dovuta għar-ripetizzjoni, fis-sinjal li jikkostitwixxi it-trade mark preċedenti "ferrero", tal-fonema "er", ripetizzjoni li hija nieqsa mill-element verbali tat- trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, "ferró". Issa, din id-differenza fl-istruttura sillabika tas-sinjali in kwistjoni ma tistax tipprevali fuq ix-xebh eżistenti bejniethom, safejn l-ittri li jiffurmaw is-sillaba addizzjonali ta' l-element verbali li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti, jiġifieri "e" u "r", huma kollha preżenti fl-element verbali dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u b'mod iktar preċiż fl-ewwel sillaba tagħha. Għalhekk, is-sillaba supplementari tat-trade mark preċedenti ma tistax tbiddel il-perċezzjoni viżiva totali tat-trade marks in kwistjoni mill-konsumatur medju.

56     Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna l-elementi figurattivi ta' l-element verbali li jiddomina t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bħall-kitba ftit ikkurvata tal-kelma "ferró", il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li din bil-kemm tista' tiġi pperċepita u, għalhekk, f'din il-kawża, m'għandha ebda karattru distintiv. Dan jgħodd ukoll għal dak li jikkonċerna l-użu ta' karattri ta' daqs ikbar għall-ewwel u l-aħħar ittra ta' din il-kelma. Fil-fatt, l-użu ta' ittri ta' daqs ikbar mhuwiex biżżejjed sabiex joħloq differenza notevoli fir-rigward ta' l-ittri l-oħra li jinsabu fil-parti tan-nofs ta' l-imsemmija kelma, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti. Fl-aħħar nett, l-aċċent mqiegħed fuq l-aħħar ittra "o" tal-kelma "ferró" ma tantx jidher u mhuwiex barra minn hekk sinjal viżiv magħruf mill-konsumatur medju Ġermaniż. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-konsumatur normalment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma jeżaminax id-dettalji differenti tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 25).

57     Fil-fatt, l-elementi figurattivi li għandhom jiġu eżaminati huma żgħar u ma jistgħux jiġu meqjusa mill-konsumatur medju bħala differenzi effettivi. Minn dan jirriżulta li l-imsemmija elementi figurattivi ta' l-element verbali dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, "ferró ", mhumiex importanti biżżejjed sabiex ineħħu, f'din il-kawża, ix-xebh viżiv eżistenti bejnha u t-trademark preċedenti FERRERO, b'kunsiderazzjoni għall-livell għoli ta' xebh li jeżisti bejn il-prodotti koperti minn dawn iż-żewġ trade marks.

58     B'rigward għal dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord ta' l-Appell ma kkomettiex żball billi kkonstata l-eżistenza ta' xebh viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni.

59     Fit-tieni lok, f'dak li jikkonċerna l-paragun fuq livell fonetiku, għandu jiġi rrilevat, kif irrileva l-Bord ta' l-Appell (ara l-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata), li s-sinjali in kwistjoni jixxiebhu mil-lat fonetiku. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-ittri kollha ta' l-element verbali li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti, " ferrero", huma inklużi fl-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-element verbali "ferró", u, min-naħa l-oħra, li dan ma jinkludix ittri oħra ħlief dawn li jinsabu fit-trade mark preċedenti, jiġifieri "f", "e", "r" u "o". Għandu jiġi notat, ukoll, li dawn l-ittri qegħdin fl-istess ordni fiż-żewġ sinjali in kwistjoni, li, barra minn hekk, għandhom l-istess tliet ittri inizjali, jiġifieri "f", "e" u "r", u jispiċċaw bl-istess ittra "o". Minn dan isegwi li, mil-lat fonetiku, iż-żewġ sinjali in kwistjoni jippreżentaw ċertu livell ta' xebh.

60     Ċertament, l-istruttura sillabika tas-sinjali in kwistjoni hija differenti, peress illi t-trade mark preċedenti għandha tliet sillabi ("fer", "re" u "ro"), u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tnejn biss ("fer" u "ró"). Madankollu, ir-ripetizzjoni tal-fonema "er" fil-qalba tat-trade mark preċedenti, safejn din tirrigwarda ħoss li diġa huwa preżenti fil-pronunzja ta' l-element verbali dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma tistax tagħti lit-trade mark preċedenti karattru suffiċjentement distint mil-lat fonetiku, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti. Għalhekk, l-interpożizzjoni tal-fonema "er" bejn l-ewwel u t-tielet sillaba tat-trade mark preċedenti mhijiex suffiċjenti sabiex tneħħi x-xebh eżistenti bejn l-element verbali li jikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti.

61     Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna l-aċċent grafiku li għandu l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, "ferró ", għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li mhuwiex ċert li dan jista' jbiddel l-impressjoni fonetika totali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-konsumatur medju Ġermaniż. Din il-konstatazzjoni hija korraborata mill-fatt li l-ortografija Ġermaniża ma tgħarafx l-aċċent bħala element tipografiku. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li huwa iktar probabbli li l-konsumatur medju Ġermaniż, huwa u jippronunzja l-kelma "ferró", ipoġġi l-aċċent fuq l-ewwel sillaba u mhux fuq l-aħħar waħda. Konsegwentement, ix-xebh fonetiku mat-trade mark preċedenti, li l-aċċent tagħha jista' jaqa' kemm fuq it-tieni, kif ukoll fuq l-ewwel sillaba, ma jistax jiġi eskluż.

62     Minn dan jirriżulta illi, fil-kuntest ta' evalwazzjoni globali, mil-lat fonetiku, is-sinjali in kwistjoni jippreżentaw ċertu livell ta' xebh għall-pubbliku rilevanti.

63     Fit-tielet lok, f'dak li jikkonċerna l-paragun kunċettwali, huwa kostanti li tali paragun mhuwiex rilevanti, peress illi la l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u lanqas it-trade mark preċedenti m'għandhom tifsira fil-lingwa Ġermaniża.

64     Konsegwentement, ikkunsidrati b'mod globali, il-livell ta' xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni u l-livell ta' xebh fuq livell viżiv u fonetiku bejniethom huwa suffiċjentement għoli sabiex jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni għall-konsumatur medju Ġermaniż.

65     Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell kien korrett meta laqa' l-oppożizzjoni tal-parti intervenjenti u ċaħad parzjalment l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minħabba l-probabbiltà ta' konfużjoni eżistenti bejnha u t-trade mark preċedenti.

66     Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mdgħajjfa mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti u li jirreferu, minn naħa, għal deċiżjoni tal-qrati Griegi u, min-naħa l-oħra, għal deċiżjoni ta' l-UASI mogħtija f'kawża li tixbah lil din il-kawża.

67     Fl-ewwel lok, f'dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-qrati Griegi, li fiha kien ġie konkluż li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks in kwistjoni f'dan ir-rikors fis-suq Grieg, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal- 5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs L-UASI (electronica), T‑32/00, Ġabra p. II‑3829, punt 47]. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, b'tali mod li l-UASI u, jekk ikun il-każ, il-qorti Komunitarja mhumiex marbuta b'deċiżjonijiet mogħtija f'ċerti Stati Membri, li jirrikonoxxu l-karattru reġistrabbli ta' dan is-sinjal bħala trade mark [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Ottubru 2002, Glaverbe vs LASI (wiċċ ta' folja ħġieġ), T‑36/01, Rec. p. II‑3887, point 34]. Fil-fatt, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti ta' qorti nazzjonali ta' Stat Membru [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs L-UASI –Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T‑117/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata].

68     Fit-tieni lok, f'dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mll-qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti ta' l-UASI [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Marzu 2005, Osotspa vs L-UASI – Distribution & Marketing (Hai), T‑33/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata]. F'kull każ, għandha tiġi ddubitata r-rilevanza ta' dan l-argument f'din il-kawża, peress illi la t-trade marks in kwistjoni u lanqas il-prodotti indikati ma kienu l-istess bħal dawk in kwistjoni f'din il-kawża. Barra minn hekk, kif irrimarkat ukoll il-parti intervenjenti, din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermata mir-Raba' Bord ta' l-Appell ta l-UASI (kawża R 540/2002‑4). Issa, id-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell hija s-suġġett ta' rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

69     Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li, f'każ ta' livell baxx ta' xebh bejn it-trade marks in kwistjoni, il-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti biss jista' jiġġustifika livell ta' protezzjoni għoli tagħha ma tistax tiġi milqugħa. Fil-fatt, minn naħa, anki fil-każ ta' trade mark li għandha karattru distintiv baxx, tista' teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, speċjalment minħabba x-xebh tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Barra dan, min-naħa l-oħra, il-livell ta' xebh bejn il-prodotti indikati mit-trade marks in kwistjoni f'din il-kawża kif ukoll il-livell ta' xebh bejnithom, ikkunsidrati flimkien, huma għolja biżżejjed sabiex jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni u dan huwa l-każ irrispettivament mill-livell tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti.

70     Barra minn hekk, għalkemm il-karattru distintiv qawwi tat-trade mark preċedenti jista' jiġi kkunsidrat sabiex jiġi evalwat jekk, minn naħa, ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, ix-xebh bejn is-sinjali humiex biżżejjed sabiex jagħtu lok għal probabbiltà ta' konfużjoni, l-eżistenza tiegħu mhijiex kundizzjoni meħtieġa minn qabel għall-protezzjoni tad-dritt preċedenti [ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Marzu 2005, Fusco vs L-UASI – Fusco International (ENZO FUSCO), T‑185/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 60].

71     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi miċħud l-uniku argument tar-rikorrenti u r-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

72     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI. Peress illi l-intervenjenti m'għamlet ebda talba f'dan ir-rigward, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill- Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni).

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Jaeger

Azizi

Cremona

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta' Marzu 2006.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.