Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2022 – QM vs Il-Kunsill

(Kawża T-471/22)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: QM (rappreżentant: St. Koev, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li r-rikors huwa ammissibbli u fondat fl-intier tiegħu u tiddikjara li l-motivi kollha invokati fir-rikors huma fondati;

tikkonferma li l-atti kkontestati jistgħu jiġu parzjalment annullati;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/849 tat-30 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja 1 sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/840 tat-30 ta’ Mejju 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja 1 sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż legali tar-rikorrent, għall-ispejjeż, għall-onorarji u għal spejjeż oħra marbuta mad-difiża tiegħu.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv: ksur serju tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq.

It-tieni motiv: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kunsill.

It-tielet motiv: ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Ir-raba’ motiv: żball ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kunsill.

Il-ħames motiv: ksur tad-dritt għall-proprjetà, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-libertà ekonomika.

Is-sitt motiv: ksur tad-dritt għal kundizzjonijiet ta’ għajxien normali.

Is-seba’ motiv: ksur serju tad-dritt għal reputazzjoni tajba.

____________

1     ĠU 2022, L 148, p. 52.

1     ĠU 2022, L 148, p. 8.