Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Novembru 2011 - Inaporc vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-575/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Interprofession nationale porcine (Inaporc) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: H. Calvet, Y. Trifounovitch u C. Rexha, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tad-29 ta' Ġunju 2011, għajnuna mill-Istat NN 10/2010 - Franza - Taxxa ddestinata għall-finanzjament ta' kumitat interprofessjonali nazzjonali dwar il-ħnieżer, C (2011) 4376 finali, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea peress li hija tikklassifika bħala (i) għajnuna mill-Istat l-azzjonijiet imwettqa mill-INAPORC bejn is-sena 2004 u s-sena 2008 fil-qasam ta' assistenza teknika, ta' għajnuna għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ta' kwalità, ta' riċerka u ta' żvilupp kif ukoll ta' reklamar u (ii) il-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji li jservu sabiex jiffinanzjaw dawn l-azzjonijiet ta' riżorsi tal-Istat li jagħmlu parti sħiħa mill-miżuri ta' għajnuna mill-Istat iċċitati iktar 'il fuq.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, prinċipalment, żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom sostanzjali, sa fejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti fir-rigward tal-Artikolu 296 TFUE peress li hija ma tippermettix lir-rikorrenti li tifhem ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat huma sodisfatti f'dan il-każ.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet:

ikklassifikat il-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji miġbura mill-Inaport bħala riżorsi mill-Istat u l-azzjonijiet li din l-organizzazzjoni tieħu u tiffinanzja permezz ta' dawn il-kontribuzzjonijiet imputabbli lill-Istat;

ikkonkludiet li kien jeżisti vantaġġ ekonomiku selettiv li jirriżulta mill-azzjonijiet imwettqa mill-Inaport favur impriżi attivi fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u d-distribuzzjoni fis-settur tal-laħam tal-majjal;

tikkunsidra li l-azzjonijiet meħuda mill-Inaporc jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni imputabbli għall-għajnuna mill-Istat.

____________