Rikors ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2010 - Redaelli Tecna vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-423/10)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Redaelli Tecna SpA (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: R. Zaccà, M. Todino, E. Cruellas Sada, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata l-parteċipazzjoni ta' Redaelli fl-akkordju previst fl-imsemmija deċiżjoni għall-perijodu 1984-1992 biss;
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiċħad it-talba għal klemenza ta' Redaelli u, konsegwentement, tnaqqas b'mod sinjifikattiv il-multa abbażi tal-kontribuzzjoni mogħtija minn Redaelli fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni permezz ta' din it-talba;
barra minn dan, għal raġunijiet ta' ekwità, tnaqqas il-multa imposta fuq Redaelli bħala kumpens għat-tul mhux raġonevoli tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża hija l-istess waħda inkwistjoni fil-Kawża T-385/10, Arcelormittal Wire France et vs Il-Kummissjoni.
B'mod partikolari, ir-rikorrenti targumenta:
li l-Kummissjoni wettqet ksur gravi tal-prinċipju ta' trattament ugwali billi applikat kriterji iktar stretti fir-rigward biss ta' Redaelli u billi rrifjutat fil-konfront tagħha l-benefiċċju tal-klemenza, liema benefiċċju ngħata minflok lil impriżi oħrajn li t-talbiet għal klemenza tagħhom kien fihom, f'termini ta' "valur miżjud", kontenut modest ħafna u ferm inferjuri meta mqabbel mal-valur miżjud mogħti mir-rikorrenti. B'hekk, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, peress li hija ttradiet essenzjalment l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li t-talba tagħha kienet ser tiġi evalwata fid-dawl tal-parametri elaborati fil-prattika tal-Kummissjoni fiż-żmien meta saret it-talba u stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-2002.
li l-Kummissjoni attribwiet b'mod żbaljat ir-responsabbiltà għall-akkordju għall-perijodu 1984-1992 lill-partijiet, mingħajr ma ressqet provi suffiċjenti dwar l-eżistenza ta' tali akkordju matul il-perijodu inkwistjoni;
li t-tul mhux raġonevoli tal-proċedura amministrattiva ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, billi pprekludiha milli tagħmel użu minn provi li jiskaġunaw li fil-frattemp saru indisponibbli, u bl-istess mod kellu impatt negattiv fuq l-evalwazzjoni effettiva tat-talba għal klemenza mressqa mir-rikorrenti.
____________