Language of document : ECLI:EU:F:2015:165

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(Imħallef uniku)

tat-18 ta’ Diċembru 2015

Kawża F‑55/13

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni 2011 – Illegalità tad-deċiżjoni tal-kumitat tal-appelli – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob, essenzjalment, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-kumitat tal-appell (iktar ’il quddiem il-“kumitat tal-appell”) tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) tat-18 ta’ Diċembru 2012 li tiċħad ir-rikors intern tiegħu intiża għall-annullament u t-tibdil tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu relattiv għas-sena 2011, fit-tieni lok, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2011, fit-tielet lok, l-annullament tal-linji gwida għall-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni 2011 tal-persunal tal-BEI, ikkomunikati lill-persunal fit-13 ta’ Diċembru 2011, fir-raba’ lok, l-annullament “tal-atti kollha konnessi, konsekuttivi u preliminari” u, fil-ħames lok, il-kundanna tal-BEI għar-riżarċiment lir-rikorrenti tad-danni u l-interessi bħala kumpens għad-danni materjali u morali li huwa jqis li ġarrab.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-kumitat tal-appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment tat-18 ta’ Diċembru 2012 hija annullata. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2011 u tal-atti kollha konnessi, konsekuttivi u preliminari. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn C. De Nicola.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Kontestazzjoni quuddiem il-kumitat tal-appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Portata tal-istħarriġ

(Regolamenti tal-Persunsal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Rikors dirett kontra deċiżjoni tal-kumitat tal-appell fil-qasam tal-evalwazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Sentenza li tannulla deċiżjoni tal-kumitat tal-appell fuq rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu tal-Bank li jissottometti mill-ġdid quddiem l-imsemmi kumitat, il-kontestazzjoni mressqa mill-appellant

(Artikolu 266 TFUE)

1.      Il-possibbiltà tal-kumitat tal-appell stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal, li jinvalida kwalunkwe dikjarazzjoni li tinsab fil-formola ta’ evalwazzjoni, jiġifieri fir-rapport ta’ evalwazzjoni, jimplika li l-imsemmi kumitat huwa awtorizzat li jerġa’ jevalwa l-fondatezza ta’ kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet qabel ma jiċċensuraha. Il-portata ta’ din il-kompetenza b’hekk taqbeż b’mod ċar dik tal-uniku setgħa ta’ stħarriġ tal-legalità u tal-annullament tad-dispożittiv ta’ att, sa fejn hija tiġbor fi ħdanha l-possibbiltà li tinvalida anki l-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-dispożittiv tagħha, tkun xi tkun l-importanza tagħhom fit-tqassim tal-motivazzjoni tal-imsemmi att.

Din is-setgħa sħiħa ta’ stħarriġ tal-kumitat tal-appell hija kkonfermata bil-kompetenza li hija espressament irrikonoxxuta lilu biex jemenda l-marki individwali u l-marka ta’ mertu li tirriżulta mill-evalwazzjoni globali tar-rendiment tal-appellant. Fil-fatt, emenda tal-marka tal-mertu tal-persuna kkonċernata timplika li dan il-kumitat jistħarreġ b’mod iddettaljat l-evalwazzjonijiet ta’ mertu kollha li jidhru fir-rapport ikkontestat f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni eventwali, ta’ fatt jew ta’ dritt, u li jista’, jekk ikun il-każ, jidħol minflok l-evalwatur sabiex jevalwa mill-ġdid dawn il-merti.

(ara l-punti 39 u 40)

Referenza:

Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 41, u tas-16 ta’ Settembru 2013, De Nicola vs BEI, T‑618/11 P, EU:T:2013:479, punt 37

2.      Il-kumitat tal-appell stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal huwa mogħti s-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ li tawtorizzah li jissosstitwixxi bl-evalwazzjonjiet tiegħu, dawk l-evalwazzjonjiet inklużi fir-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat mill-membru kkonċernat tal-Bank, setgħa li ma jistax min-naħa tiegħu jipprevalixxi ruħu minnha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, ir-rinunzja żbaljata mill-kumitat tal-appell għal dan l-istħarriġ sħiħ inaqqas għall-persuna interessata istanza ta’ stħarriġ prevista mil-leġiżlazzjoni interna tal-Bank u għaldaqstant jikkawżalha preġudizzju, b’mod li tali rinunzja trid tkun tista’ tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-ewwel istanza.

(ara l-punt 43)

Referenza:

Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 49

3.      L-annullament mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-kumitat tal-appell stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal jista’, fuq il-livell amministrattiv, jagħti benefiċċju lill-appellant quddiem l-imsemmi kumitat u li jimponi fuq il-Bank l-obbligu li jissottometti mill-ġdid, quddiem il-kumitat tal-appell, il-kontestazzjoni mressaq mill-appellant, bil-għan li l-kumitat tal-appell ikun jista’ jagħti deċiżjoni b’mod korrett u bl-użu tas-setgħat kollha tiegħu fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni inkwistjoni.

(ara l-punt 55)

Referenza:

Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet tal-21 ta’ Settembru 2015, De Nicola vs BEI, T‑848/14 P, EU:T:2015:719, punt 40