Language of document : ECLI:EU:T:2019:795

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla)

20 ta’ Novembru 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Qtil ta’ uffiċjal u ta’ martu – Obbligu li tiġi żgurata s-sigurtà tal-persunal fis-servizz tal-Unjoni – Responsabbiltà ta’ istituzzjoni għad-dannu morali tal-aventi kawża ta’ uffiċjal mejjet – Omm, ħu u oħt l-uffiċjal – Rikors għad-danni – Ammissibbiltà – Locus standi abbażi tal-Artikolu 270 TFUE – Persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal – Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T‑502/16,

Stefano Missir Mamachi di Lusignano, li jgħix f’Shanghai (iċ-Ċina), u r-rikorrenti l-oħrajn li isimhom jidher anness (1), irrappreżentati minn F. Di Gianni, G. Coppo u A. Scalini, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn B. Eggers, G. Gattinara u D. Martin, sussegwentement minn G. Gattinara u R. Striani, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, essenzjalment, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lill-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, lill-aventi kawża ta’ Livio Missir Mamachi di Lusignano, lil Anne Jeanne Cécile Magdalena Maria Sintobin, lil Stefano Missir Mamachi di Lusignano u lil Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano, diversi somom bħala kumpens għad-danni morali li rriżultaw mill-qtil ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano u ta’ martu, li seħħ fit-18 ta’ Settembru 2006 f’Rabat (il-Marokk), fejn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano kien jinsab għal raġunijiet ta’ servizz,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, R. Barents u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza (2)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Alessandro Missir Mamachi di Lusignano (iktar ’il quddiem “Alessandro Missir” jew l-“uffiċjal defunt”) inqatel fit-18 ta’ Settembru 2006 flimkien ma’ martu f’Rabat (il-Marokk), fejn kellu jieħu l-kariga ta’ kunsillier politiku u diplomatiku mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-qtil twettaq f’dar bl-għamara mikrija minn din id-delegazzjoni għal Alessandro Missir, martu u l-erba’ wlied tagħhom.

2        Fit-12 ta’ Mejju 2009, wara talba tal-25 ta’ Frar 2008 u lment tal-10 ta’ Settembru 2008 ippreżentati abbażi tal-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), Livio Missir Mamachi di Lusignano (iktar ’il quddiem “Livio Missir”), missier Alessandro Missir, ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża F‑50/09, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, intiż għall-kumpens, l-ewwel nett, għad-dannu materjali subit minn ulied Alessandro Missir, f’isimhom, it-tieni nett, għad-dannu morali subit minn dawn l-ulied, f’isimhom, it-tielet nett, għad-dannu morali subit minnu stess bħala missier Alessandro Missir, f’ismu, u, ir-raba’ nett, għad-dannu morali subit minn Alessandro Missir, f’isem uliedu, peress li dawn huma l-aventi kawża ta’ missierhom.

3        Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-ewwel istanza”, EU:F:2011:55), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli fir-rigward tad-danni morali (punti 87 sa 91) u infondat fir-rigward tad-danni materjali (punti 97 sa 227).

4        Fit-27 ta’ Lulju 2011, is-sentenza tal-ewwel istanza kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑401/11 P. Is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:T:2014:625), li annullat is-sentenza tal-ewwel istanza, kienet is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid u ta’ annullament parzjali mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX-II, iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ eżami mill-ġdid”, EU:C:2015:588). Fuq rinviju wara eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV-RX, iktar ’il quddiem is-“sentenza tar-rinviju”, EU:T:2017:874), li fiha din iddeċidiet dwar il-motivi li ma kinitx eżaminat fis-sentenza tal-appell.

5        Fis-16 ta’ Settembru 2011, b’mod parallel mat-tilwima kkostitwita mill-istanzi suċċessivi fil-Kawżi F‑50/09 u T‑401/11 P u wara s-sentenza tal-ewwel istanza li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors fil-Kawża F‑50/09 bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prekontenzjuża, fir-rigward tad-danni morali (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), mingħajr madankollu ma ddeċieda dwar il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jeżamina tali danni, Livio Missir u t-tfal tal-uffiċjal maqtul, li magħhom ingħaqdu l-omm, ħu u oħt dan l-uffiċjal, ippreżentaw, b’mod kawtelatorju, rikors irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑494/11 quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż għall-kumpens għad-danni morali u bbażat fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE. Madankollu, wara r-rinunzja tar-rikorrenti, dan ir-rikors tħassar, permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Novembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑494/11, mhux ippubblikat, EU:T:2015:909).

6        Fis-17 ta’ Settembru 2011, għall-istess raġunijiet relatati maċ-ċaħda permezz tas-sentenza tal-ewwel istanza tat-talbiet għal kumpens għad-danni morali għal raġunijiet proċedurali marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prekontenzjuża, Livio Missir (issostitwit wara mewtu mill-aventi kawża tiegħu) kif ukoll ulied l-uffiċjal maqtul, li magħhom ingħaqdu l-omm, ħu u oħt dan l-uffiċjal (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, ir-“rikorrenti”), ippreżentaw mill-ġdid talbiet għal kumpens għal danni morali, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hija ma setgħetx tilqa’ t-talbiet għal kumpens għad-danni morali previsti fit-talba tas-17 ta’ Settembru 2011, minħabba, minn naħa, il-lis pendens ta’ dawn it-talbiet mal-istanzi fil-Kawżi T‑401/11 P u T‑494/11 pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li dawn kienu diġà s-suġġett ta’ ċaħda mill-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) u li għalhekk dawn kienu inammissibbli fir-rigward tar-regoli tal-proċedura prekontenzjuża.

8        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 2012, ir-rikorrenti ressqu lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2012.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2012, innotifikata lir-rikorrenti fil-31 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment. Il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-lis pendens tat-talbiet għal kumpens mal-istanzi fil-Kawżi T‑494/11 u T‑401/11 P, li kien jobbligaha li tastjeni milli tieħu pożizzjoni fuq dawn it-talbiet, u dwar l-inammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet fid-dawl tar-regoli tal-proċedura prekontenzjuża. F’kull każ, it-talbiet għal kumpens ma humiex fondati.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-7 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors. Dan ġie rreġistrat bin-numru tal-Kawża F‑132/12.

11      F’dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-26 ta’ Lulju 2012;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 463 050 lil kull wieħed mill-aventi kawża tal-uffiċjal maqtul, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnhom;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 308 700 lil Livio Missir, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnu;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 308 700 lil Anne Jeanne Cécile Magdalena Maria Sintobin, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnha;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 154 350 lil Stefano Missir Mamachi di Lusignano (iktar ’il quddiem “Stefano Missir”), bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnu;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 154 350 lil Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano (iktar ’il quddiem “Maria Letizia Missir”), bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnha;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-aventi kawża tal-uffiċjal maqtul is-somma ta’ EUR 574 000 bħala kumpens għad-dannu morali li dan ġarrab matul l-agonija tiegħu;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-interessi kumpensatorji kif ukoll l-interessi moratorji li mmaturaw sadanittant;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni qajmet, permezz ta’ att separat u skont l-Artikolu 78(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-lis pendens mal-Kawżi T‑401/11 P u T‑494/11 u pproponiet is-sospensjoni tal-proċedura sakemm jiġu adottati d-deċiżjonijiet li jtemmu l-istanza f’dawn iż-żewġ kawżi.

13      Fil-21 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, fejn ikkontestaw l-eċċezzjoni ta’ lis pendens u ma opponewx għas-sospensjoni.

14      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-6 ta’ Ġunju 2013, il-proċedura ġiet sospiża sal-għoti tad-deċiżjonijiet li jtemmu l-istanza fil-Kawżi T‑401/11 P u T‑494/11.

15      Fis-sentenza tal-appell, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-talba għal kumpens inizjali tal-25 ta’ Frar 2008 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq) kienet tkopri wkoll danni morali (sentenza tal-appell, punt 111). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza ta’ reviżjoni, iddeċidiet li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-iżball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellha titqies bħala definittiva (sentenza ta’ reviżjoni, punt 63, sentenza tar-rinviju, punt 18).

16      Fil-21 ta’ Jannar 2016, il-proċedura kienet, wara r-reviżjoni u r-rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali, sospiża mill-ġdid, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża T‑401/11 P RENV RX. Fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-8 ta’ Jannar 2016 dwar is-sospensjoni, ir-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali bil-mewt ta’ Livio Missir, missier l-uffiċjal maqtul, u bil-fatt li l-werrieta tiegħu kienu ssostitwixxew ruħhom fid-drittijiet tiegħu u kellhom l-intenzjoni li jsegwu l-istanza.

17      Fit-2 ta’ Settembru 2016, konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li din kienet tinsab fid-data tal-31 ta’ Awwissu 2016. Din ġiet irreġistrata bin-numru T‑502/16 u ġiet allokata lit-Tmien Awla.

18      Fil-25 ta’ Jannar 2018, wara l-iskadenza tat-terminu għar-rieżami tas-sentenza tar-rinviju, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu f’din il-kawża wara li ngħatat din is-sentenza.

19      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 u fid-9 ta’ Frar 2018 rispettivament, il-Kummissjoni u r-rikorrenti wieġbu għal din it-talba.

20      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti qiesu li, għalkemm id-deċiżjonijiet diġà mogħtija fil-jum tal-imsemmija osservazzjonijiet kienu wasslu għall-kumpens ta’ ċerti danni, kellhom jiġu evalwati danni oħra fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jiġifieri d-danni morali subiti minn A. J. C. M. M. Sintobin, minn Stefano Missir u minn Maria Letizia Missir, rispettivament omm, ħu u oħt l-uffiċjal mejjet.

21      Fl-osservazzjonijiet tagħha tas-7 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni għamlet l-istess konstatazzjonijiet bħar-rikorrenti fir-rigward tal-kumpens, permezz tad-deċiżjonijiet diġà mogħtija, ta’ ċerti danni.

22      Fir-rigward tad-dannu morali allegat minn A. J. C. M. M. Sintobin, konjuġi ta’ Livio Missir, il-Kummissjoni oġġezzjonat li t-talba għal kumpens kienet inammissibbli, peress li hija tardiva.

23      Fir-rigward tad-danni morali allegati minn Stefano Missir u Maria Letizia Missir, ħu u oħt Alessandro Missir, il-Kummissjoni oġġezzjonat li dawn ir-rikorrenti ma setgħux jitqiesu bħala persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti Ġenerali, “qorti tas-servizz pubbliku”, ma għandhiex ġurisdizzjoni u r-rikors huwa inammissibbli fir-rigward ta’ dawn id-danni. F’kull każ, it-talbiet għal kumpens huma tardivi.

24      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2018, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ lis pendens invokata fid-19 ta’ Diċembru 2012 ġiet magħquda fil-mertu skont l-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

25      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ġunju 2018, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tindika, fir-risposta tagħha, jekk kinitx ser iżżomm din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u stiednet lir-rikorrenti jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tat-termini.

26      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Lulju 2018, il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet.

27      Fir-risposta tagħha u kif ikkonfermat waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li ma kinitx iktar qiegħda tinvoka eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors abbażi tal-lis pendens, u l-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors bħala parzjalment mingħajr skop u, għall-bqija, tiċħdu bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tal-kawża

29      Fir-rigward tal-ewwel talba msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq, intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-26 ta’ Lulju 2012, għandu jitfakkar li tali deċiżjoni, li permezz tagħha l-amministrazzjoni adottat pożizzjoni fuq it-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti, tifforma parti integrali mill-proċedura amministrattiva li tippreċedi rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u għandha biss bħala effett li tippermetti lir-rikorrenti jadixxu lill-Qorti Ġenerali b’talba għal kumpens. Konsegwentement, it-talbiet għal annullament ifformulati f’dan il-każ ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu meta mqabbla mat-talbiet għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Gill vs Il‑Kummissjoni, T‑90/95, EU:T:1997:211, punt 45, u tal-ewwel istanza, punti 71 u 72).

30      Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, hekk kif barra minn hekk il-partijiet ftehmu b’mod partikolari matul is-seduta, fis-sentenza tar-rinviju diġà ttieħdet deċiżjoni dwar it-tieni, it-tielet u s-seba’ talba magħmula fir-rikors, riprodotti fil-punt 11 iktar ’il fuq. Għalhekk, ma hemmx iktar lok li tittieħed deċiżjoni dwar dawn it-talbiet. Għandhom jibqgħu jiġu eżaminati, f’dak li jirrigwarda t-talbiet għal kumpens għal danni subiti, ir-raba’, il-ħames u s-sitt talba magħmula fir-rikors, riprodotti fil-punt 11 iktar ’il fuq.

31      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi analizzat fis-li għandu bħala suġġett, essenzjalment, il-kumpens għad-danni morali li huma s-suġġett tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt talba.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

32      Peress li dan ir-rikors ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, għandu, l-ewwel nett, jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kellhomx locus standi abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din il-kwalità hija kkontestata mill-Kummissjoni fil-każ ta’ ħu u ta’ oħt l-uffiċjal mejjet.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 270 TFUE

[omissis]

38      Fir-rigward tal-omm tal-uffiċjal mejjet, din il-kwalità, ġustament, ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni. L-omm tal-uffiċjal mejjet hija, kif jirrikjedi l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, “persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal”, b’mod partikolari fl-Artikolu 73 tiegħu li jsemmi lill-“qraba ta’ warajh [axxendenti]” tal-uffiċjal. B’hekk hija kienet tgawdi minn locus standi, f’dan il-każ, abbażi tal-Artikolu 270 TFUE.

39      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkontesta li l-aħwa ta’ uffiċjal mejjet huma persuni “li għalih[om] japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal” fis-sens tal-Artikolu 91(1) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal. Din tirrileva li l-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jsemmix lill-kollaterali tal-uffiċjal mejjet, iżda biss lill-axxendenti u lid-dixxendenti. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-aħwa jistgħu jkunu koperti minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, din ma għandhiex effett f’dan il-każ. Il-Kummissjoni żżid li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-impossibbiltà li jinkiseb kumpens għal dannu morali bħal dak invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ma hijiex kontradetta mill-punt 198 tas-sentenza tar-rinviju.

40      Għandu jitfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-għan li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali tagħhom, billi jistabbilixxu sensiela ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi u billi jirrikonoxxu, favur ċerti membri tal-familja tal-uffiċjal, drittijiet li huma jistgħu jinvokaw quddiem l-Unjoni (sentenza ta’ eżami mill-ġdid, punt 31).

41      B’hekk, l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni fil-qasam tal-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, billi jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq “kull tilwima” bejn l-Unjoni u “kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal” u dwar il-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna fis-sens tal-Artikolu 90(2) ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, “[k]ull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal” tista’ tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra att li jikkawżalha preġudizzju (sentenza ta’ eżami mill-ġdid, punt 32).

42      B’hekk, sabiex rikors ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 270 TFUE jkun ammissibbli, dan għandu jikkonċerna tilwima bejn l-Unjoni u persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1994, C vs Il‑Kummissjoni, T‑47/93, EU:T:1994:262, punt 21; digrieti tas-6 ta’ Settembru 2011, Alionescu vs EPSO, T‑282/11, EU:T:2011:425, punti 4 sa 9, u tad-9 ta’ April 2014, Colart et vs Il‑Parlament, F‑87/13, EU:F:2014:53, punt 39).

43      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u r-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni jistabbilixxu sistema ta’ garanzija, ta’ tip ta’ assigurazzjoni, tal-uffiċjali, tal-membri tal-persunal temporanju u tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, kontra r-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol kif ukoll kontra r-riskju ta’ inċident.

44      Din is-sistema ta’ garanzija, li l-uffiċjal huwa l-benefiċjarju tagħha – l-Artikolu 1 tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni jirreferi għalih bħala “l-assigurat” –, tipprevedi, fil-każ tal-mewt tal-uffiċjal assigurat, il-ħlas tal-benefiċċji ggarantiti lill-konjuġi tiegħu u lit-tfal tiegħu jekk ikunu jeżistu, fin-nuqqas lid-dixxendenti l-oħra tal-uffiċjal, fin-nuqqas lill-axxendenti tal-uffiċjal u, fin-nuqqas, lill-istituzzjoni.

45      Huwa stabbilit li l-kollaterali, jiġifieri, b’mod partikolari, l-aħwa, ma jidhrux fil-lista ta’ kaskata tal-persuni li fir-rigward tagħhom jistgħu jitħallsu l-benefiċċji ggarantiti fil-każ ta’ mewt tal-uffiċjal.

46      Madankollu, l-aħwa huma barra minn hekk imsemmija fir-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari fl-Artikoli 40, 42b u 55a. Dawn l-artikoli jippermettu lill-uffiċjal li jitpoġġa f’pożizzjoni ta’ leave għal raġunijiet personali jew ta’ leave għal raġunijiet familjari, jew li jeżerċita l-attività tiegħu fuq bażi part-time, sabiex, b’mod partikolari, jgħin lill-konjuġi tiegħu, lil axxendent, lil ħuh jew lil oħtu li jsofru minn marda serja jew b’diżabbiltà kbira.

47      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal huma irrilevanti f’dan il-każ, peress li ma humiex applikabbli għall-każ ta’ uffiċjal li jitlef ħajtu wara nuqqas tal-istituzzjoni milli teżerċita l-obbligu ta’ protezzjoni tagħha, li b’hekk jagħti lok għal benefiċċji ta’ kumpens, u tosserva li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx applikati f’dan il-każ. Din tqis li approċċ li jillimita ruħu li jfittex l-eżistenza, fir-Regolamenti tal-Persunal, ta’ dispożizzjonijiet li jsemmu lill-benefiċjarji potenzjali, anki indiretti, ta’ obbligi tal-Awtorità tal-Ħatra li l-kontenut tagħhom, madankollu, ma jkollu ebda relazzjoni mat-talba għal kumpens imressqa, huwa żbaljat.. Huwa biss it-tilwim li għandu bħala suġġett il-kumpens ta’ dannu li għalih il-Kummissjoni “tista’ tinżamm responsabbli bħala persuna li timpjega” li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal kumpens għal dannu morali abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 22 tas-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, iktar ’il quddiem is-“sentenza Leussink”, EU:C:1986:371), u b’mod kumplementari għal dak li jipprevedu r-Regolamenti tal-Persunal abbażi tal-Artikolu 73 tagħhom. Il-Kummissjoni tosserva li l-kumpens għad-dannu morali mitlub b’mod kumplementari għall-benefiċċji previsti fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax, f’kull każ, jagħti lok għal kumpens doppju, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 195 tas-sentenza tar-rinviju. Issa, jekk tintlaqa’ t-talba għall-kumpens għad-dannu morali ta’ ħu u oħt Alessandro Missir, ikun hemm tali kumpens doppju, peress li, skont it-termini tagħhom stess, l-imsemmija talba hija bbażata fuq “l-istess premessi” bħal dawk li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali tat il-kumpens għad-dannu morali lill-missier u lill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir u li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-“istess fatt dannuż”, jiġifieri l-mewt ta’ dan tal-aħħar.

48      Għandu jiġi rrilevat li l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni jħalltu l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ma’ dik tal-fondatezza tiegħu.

49      Il-kwistjoni, f’dan l-istadju tal-eżami tar-rikors, ma hijiex jekk dan huwiex fondat, iżda, fi stadju preċedenti, li jiġi ddeterminat jekk ħu u oħt Alessandro Missir kellhomx locus standi sabiex jadixxu lill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 270 TFUE jew jekk kellhomx jaġixxu għad-danni abbażi tal-Artikolu 268 TFUE.

50      F’dan ir-rigward, u hekk kif diġà ġie ddikjarat, il-kriterju li jiddetermina l-użu tal-proċedura tal-Artikolu 270 TFUE pjuttost milli ta’ dik tal-Artikolu 268 TFUE huwa dak tal-“persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal” (Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal).

51      Din il-kundizzjoni li jkunu japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal għal persuna ma tistax titqies bħala ssodisfatta mis-sempliċi fatt li r-rikorrent huwa kkonċernat, b’xi mod, mir-Regolamenti tal-Persunal. Jeħtieġ li din tkun ikkonċernata b’mod li jirrifletti kemm rabta rilevanti bejnha u l-att li hija tikkontesta, kif ukoll b’mod li jirrifletti tali rabta bejnha u l-uffiċjal li l-ħsara lill-interessi tiegħu allegatament tikkawża dannu speċifiku għaliha.

52      Issa, dan huwa preċiżament il-każ mhux biss tal-axxendenti, tad-dixxendenti u tal-konjuġi tal-uffiċjal, iżda wkoll ta’ ħutu.

53      Fil-fatt, għalkemm dawn il-persuni huma “kkonċernati mir-Regolamenti tal-Persunal”, kemm jekk taħt l-Artikolu 73 jew taħt l-Artikoli 40, 42b u 55a tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, dan huwa preċiżament għaliex il-leġiżlatur ried jieħu nota, permezz ta’ dispożizzjonijiet statutorji konkreti, tar-relazzjoni ta’ prossimità tagħhom mal-uffiċjal.

54      Il-fatt li, fiż-żmien tal-qtil ta’ Alessandro Missir, la hu u lanqas ħutu ma kienu konkretament f’waħda jew l-oħra mis-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal ma jaffettwa bl-ebda mod ir-rikonoxximent statutorju tar-rabtiet ta’ fratellanza. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex rilevanti għaliex jikkorrispondu mas-sitwazzjoni konkreta tal-partijiet fiż-żmien meta seħħew il-fatti – f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti barra minn hekk ma huma qegħdin jitolbu ebda kumpens minħabba telf ta’ appoġġ minħabba diżabbiltà –, iżda għaliex huma jesprimu r-rikonoxximent statutorju tar-rabtiet tal-familja bejn l-uffiċjali u ħuthom.

55      Dan huwa kkorroborat mill-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li “it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti ratione materiae sabiex jieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni ippreżentat minn […] kwalunkwe persuna li, għalkemm mhux uffiċjal, japplikaw għaliha l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal minħabba rabtiet ta’ familja li għandha ma’ uffiċjal, meta t-tilwima toriġina fir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad dan l-uffiċjal mal-istituzzjoni kkonċernata, minħabba l-fatt li l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], moqri flimkien mal-Artikolu 270 TFUE u mal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jagħti […] lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni ta’ ‘kull tilwima’ bejn l-Unjoni u kull ‘persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal’” (sentenza ta’ eżami mill-ġdid, punti 41 u 42).

56      Minn dan isegwi, b’mod iktar ġenerali, li, kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni l-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal differenti mill-Artikolu 73, jiġifieri dawk li jinkludu r-rikonoxximent statutorju ta’ rabta ta’ familja mal-uffiċjal mejjet, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna hijiex “ikkonċernata mir-Regolamenti tal-Persunal”.

57      Għaldaqstant, l-aħwa għandhom jitqiesu li huma “kkonċernati mir-Regolamenti tal-Persunal” sabiex jiġi ddeterminat ir-rimedju legali li għandu jingħata meta dawn ikollhom l-intenzjoni li jitolbu kumpens għad-dannu morali li jkunu sofrew minħabba l-mewt ta’ ħuhom jew oħthom uffiċjal li, fil-fehma tagħhom, l-istituzzjoni hija responsabbli għaliha.

58      Fir-rigward tar-referenza mill-Kummissjoni għall-punt 22 tas-sentenza Leussink (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), minn naħa, għandu jiġi rrilevat li din ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tar-rikors, iżda iktar il-fondatezza tagħha. Għalhekk, din ir-referenza għandha tiġi miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ eżami mill-ġdid (punt 45), din irrikonoxxiet, fis-sentenza Leussink, li rikors għad-danni ppreżentat mill-membri tal-familja ta’ uffiċjal skont l-Artikolu 178 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 268 TFUE) u intiż għall-kumpens għad-dannu immaterjali li dawn kienu ġarrbu wara inċident fuq il-post tax-xogħol li dan l-uffiċjal kien vittma tiegħu kien jaqa’ fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, hekk kif tippreċiża l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 45 tas-sentenza ta’ eżami mill-ġdid, din, fil-punt 25 tas-sentenza Leussink, li jirrigwarda l-ispejjeż, tapplika l-Artikolu 70 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fil-verżjoni applikabbli dak iż-żmien, li jipprovdi li l-ispejjeż sostnuti mill-istituzzjonijiet fil-kawżi ta’ uffiċjali jibqgħu a karigu tal-istituzzjoni inkwistjoni, peress li r-rikors inkwistjoni, għalkemm ippreżentat skont l-Artikolu 178 tat-Trattat KEE, kien joriġina mir-relazzjoni bejn l-uffiċjal ikkonċernat u l-istituzzjoni li kien jaqa’ taħtha.

59      Fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għal kumpens doppju, għandu jiġi rrilevat li dan ukoll jikkonċerna biss il-mertu tar-rikors. Qabel kollox, f’dan il-każ ma jistax ikun hemm kumpens doppju għall-istess dannu, peress li d-dannu morali allegat minn ħu u oħt Alessandro Missir huwa jikkonċerna lilhom stess u ma għandux jiġi konfuż ma’ dak tal-membri l-oħra tal-familja.

60      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa d-dispożizzjoni li, skont il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja indikata fil-punt 34 tas-sentenza ta’ eżami mill-ġdid, tiddefinixxi l-kategoriji ta’ persuni li għandhom dritt jitolbu kumpens addizzjonali “meta l-istituzzjoni tkun responsabbli u meta l-benefiċċji mħallsa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw il-kumpens sħiħ tad-dannu subit”, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li ġejjin.

61      Il-fatt li l-persuni msemmija fl-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-konjuġi u t-tfal tal-uffiċjal mejjet jew, fin-nuqqas, id-dixxendenti l-oħra tiegħu jew, fin-nuqqas, l-axxendenti tiegħu, jistgħu jitolbu, permezz tal-Artikolu 270 TFUE, kumpens addizzjonali jekk iqisu, l-ewwel nett, li l-benefiċċji mħallsa ma jikkumpensawx id-danni kollha tagħhom u, it-tieni nett, li l-amministrazzjoni hija responsabbli għad-dannu li huma sofrew, b’ebda mod ma jimplika li l-aħwa, li ma jidhrux fil-lista ta’ kaskata tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li għalhekk ma humiex benefiċjarji potenzjali tal-benefiċċji ggarantiti taħt dan l-artikolu, iżda li huma koperti minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal li jirriflettu rabta rilevanti mal-uffiċjal mejjet, għandhom jiġu mċaħħda mill-possibbiltà proċedurali li jitolbu, permezz tal-Artikolu 270 TFUE, il-kumpens għad-dannu mġarrab minnhom.

62      Kif diġà ġie espost iktar ’il fuq, l-aħwa huma “kkonċernati mir-Regolamenti tal-Persunal” preċiżament minħabba r-rabta ta’ familja tagħhom mal-uffiċjal mejjet.

63      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra r-rikors ippreżentat minn ħu u oħt Alessandro Missir minħabba li dawn ma għandhomx locus standi permezz tal-Artikolu 270 TFUE għandha għalhekk tiġi miċħuda.

64      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ressqux it-talba għal kumpens tagħhom fit-termini stabbiliti.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tat-terminu

65      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba t-tardività tat-talba għal kumpens, imressqa lil hinn minn terminu raġonevoli. Xejn ma pprekluda lil A. J. C. M. M. Sintobin u lill-aħwa ta’ Alessandro Missir milli jippreżentaw talba għall-kumpens għad-dannu morali almenu matul l-2009, is-sena tal-preżentata tar-rikors fil-Kawża F‑50/09. Iż-żmien li għadda matul il-fażi prekontenzjuża fil-Kawża F‑50/09 – kif ukoll matul il-fażijiet ġudizzjarji sussegwenti ta’ din il-proċedura kkostitwiti mis-sentenza tal-ewwel istanza u mil-preżentata tal-appell li segwa – kien jippermetti b’mod kunsiderevoli li jitressqu talbiet għall-kumpens għad-dannu morali li tressqu sussegwentement fil-kuntest ta’ din il-kawża.

66      Qabel kollox, fl-osservazzjonijiet tagħhom tal-25 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti josservaw li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba tardività kienet hija stess ġiet invokata tardivament mill-Kummissjoni, fl-14 ta’ Frar 2018, jiġifieri iktar minn ħames snin wara l-iskadenza tat-terminu previst mill-Artikolu 78(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, applikabbli fil-mument tal-preżentata ta’ din l-istanza. Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija, konsegwentement, hija stess inammissibbli. Din il-preżentazzjoni tardiva tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija saħansitra iktar inġustifikata fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni diġà qajmet, fid-19 ta’ Diċembru 2012, fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 78(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà oħra, minħabba lis pendens, filwaqt li l-informazzjoni kollha kienet diġà disponibbli. Il-preskrizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li, diversament mit-termini proċedurali, ma hijiex ta’ ordni pubbliku. Din ma tistax tiġi invokata f’kull stadju tal-proċedura. Għalhekk, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tiddikjara inammissibbli l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Frar 2018.

67      Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li t-talba għal kumpens tressqet mill-omm u mill-aħwa tal-uffiċjal mejjet f’terminu raġonevoli.

68      Fir-rigward tan-natura tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-kontenzjuż tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, li l-osservanza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex tiġi eżaminata ex officio, iżda għandha tiġi invokata mill-parti kkonċernata (sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni, 20/88, EU:C:1989:221, punt 12; tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 51, u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 94).

69      Din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika wkoll, mutatis mutandis, għall-preskrizzjoni li tiskatta mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli li fih, skont il-ġurisprudenza, għandha titressaq talba għal kumpens ibbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, peress li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tul ta’ żmien stabbilit minn qabel (ħames snin) ma huwiex ta’ ordni pubbliku minħabba l-fatt li jaffettwa d-dritt suġġettiv li jintalab kumpens għad-danni subiti u minħabba li jissodisfa funzjoni ta’ protezzjoni tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punti 52 sa 54), dan japplika, jekk mhux ukoll a fortiori, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tul ta’ żmien mhux stabbilit minn qabel (terminu raġonevoli). Fiż-żewġ każijiet, din hija l-istess preskrizzjoni ta’ dritt suġġettiv li jintalab kumpens u l-istess funzjoni ta’ protezzjoni tal-partijiet.

70      Għaldaqstant, meta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni, ibbażata fuq nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli fl-introduzzjoni tat-talba għal kumpens, ma tkunx kwistjoni ta’ ordni pubbliku li l-Qorti Ġenerali għandha teżamina ex officio, għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata l-oġġezzjoni tar-rikorrenti li tgħid li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tqajmet tardivament.

71      Insostenn tal-oġġezzjoni tagħhom ibbażata fuq it-tardività tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jinvokaw l-Artikolu 78(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl-2012, li huwa fformulat kif ġej:

“Talba minn waħda mill-partijiet li titlob lit-Tribunal jieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà, inkompetenza jew fuq kwistjoni mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-kawża għandha ssir permezz ta’ att separat. It-talba għal deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ xahar min-notifika tar-rikors.”

72      Għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni ta’ terminu ta’ żmien meħtieġa minn din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-każ partikolari li fih parti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-kawża. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma kinitx tipprojbixxix lill-konvenut quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jinvoka t-tardività tar-rikors, jekk ikun il-każ, biss fl-istadju tar-risposta.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien applikabbli meta l-Kummissjoni, pjuttost milli tippreżenta difiża, invokat, fl-2012, skont din id-dispożizzjoni, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat abbażi ta’ lis pendens, mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2016/1192 jirriżulta li l-kawżi ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali għandhom jibqgħu jiġu ttrattati minnha fl-istat li jkunu jinsabu fih fil-31 ta’ Awwissu 2016 u konformement mar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

74      F’dan il-każ, matul it-trasferiment tar-rikors fil-Kawża F‑132/12 lill-Qorti Ġenerali, il-proċedura – li, fin-nuqqas ta’ għaqda fuq il-mertu mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kienet tirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ lis pendens imqajma fl-2012 – baqgħet sospiża sakemm tinqata’ s-sentenza tar-rinviju.

75      Sussegwentement, il-fatt li fid-19 ta’ Diċembru 2012 il-Kummissjoni kienet qajmet, permezz ta’ att separat, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba lis pendens, b’ebda mod ma kien jimplika li din ma setgħetx tinvoka, quddiem il-Qorti Ġenerali, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-tardività tat-talba għal kumpens fl-istadju tad-difiża.

76      F’dan il-każ, il-Kummissjoni invokat it-tardività tat-talba għal kumpens fi Frar 2018, waqt it-tkomplija tal-proċedura. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet proċedurali tal-kawża u, b’mod partikolari, mas-sospensjonijiet suċċessivi, l-invokar fi Frar 2018 tat-tardività tat-talba għal kumpens, li saret qabel il-preżentata tad-difiża, ma huwiex tardiv. Peress li l-oġġezzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq it-tardività tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni hija infondata, għandha tiġi eżaminata din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq it-tardività tat-talba għal kumpens.

77      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li għandhom, f’terminu raġonevoli, jadixxu lill-istituzzjoni bi kwalunkwe talba intiża għall-kisba mingħand l-Unjoni ta’ kumpens għad-danni li hija responsabbli għalihom, u dan mill-mument li fih saru jafu bis-sitwazzjoni li jilmentaw biha. In-natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, skont l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet preżenti (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX-II, EU:C:2013:134, punt 28; ara, ukoll, id-digriet tal-25 ta’ Frar 2014, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑118/11, EU:F:2014:23, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Għalkemm it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fil-qasam ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma huwiex applikabbli fil-kawżi bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt ta’ paragun offert minn dan it-terminu sabiex jiġi evalwat jekk talba ġietx ippreżentata f’terminu raġonevoli (ara d-digriet tal-25 ta’ Frar 2014, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑118/11, EU:F:2014:23, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’dan il-każ, it-talba għal kumpens saret fis-17 ta’ Settembru 2011, jiġifieri ġurnata qabel il-ħames sena mill-qtil ta’ Alessandro Missir. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta kemm mill-proċedura prekontenzjuża f’din il-kawża kif ukoll mill-proċeduri li saru preċedentement sa mill-2009 u li wasslu, fl-2017, għas-sentenza tar-rinviju, l-importanza tal-kawża hija importanti, fuq il-livell uman, finanzjarju u ġuridiku, u l-kumplessità tal-kawża hija mmarkata sew, jew, għall-inqas, kienet immarkata sew meta saret it-talba għal kumpens fis-17 ta’ Settembru 2011. Finalment, u kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-kriterju sabiex tiġi evalwata t-tardività possibbli ta’ talba għal kumpens ma huwiex tant dak li jkun magħruf jekk it-talba setgħetx tiġi ppreżentata qabel, iżda li jkun magħruf jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, l-imsemmija talba saritx f’terminu raġonevoli. Issa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, relatati mal-kumplessità tal-kawża u mal-kwistjonijiet tat-tilwima, jidher li t-talba għal kumpens tissodisfa lil dan il-kriterju. Minn dan isegwi li r-rikors ma jistax jitqies bħala tardiv.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

 Fuq it-talba għall-kumpens għad-dannu morali subit minn omm Alessandro Missir

[omissis]

87      Għandu jiġi rrilevat, kif għamlu l-partijiet, li s-sitwazzjoni ta’ A. J. C. M. M. Sintobin, omm Alessandro Missir, hija identika għal dik ta’ Livio Missir, missier Alessandro Missir, li d-dannu morali subit minnu minħabba l-qtil ta’ ibnu kien is-suġġett ta’ kumpens ta’ EUR 50 000 mogħti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tar-rinviju.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-prinċipji applikati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tar-rinviju (punti 204 u 205) u permezz ta’ evalwazzjoni ex æquo et bono tad-dannu subit minn A. J. C. M. M. Sintobin, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata in solidum tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-danni morali subiti minnha minħabba l-qtil ta’ binha, u li l-kumplament tat-talba għal kumpens tagħha għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba għall-kumpens għad-dannu morali subit minn ħu u oħt Alessandro Missir

[omissis]

127    Huwa stabbilit li ħu u oħt Alessandro Missir, li ma huwiex serjament kontestabbli u lanqas barra minn hekk ma huwa kkontestat li huma setgħu jbatu moralment minħabba l-mewt ta’ ħuhom, kellhom proċeduralment jagħmlu kull talba għal kumpens f’dan ir-rigward permezz tar-Regolamenti tal-Persunal, imbagħad, jekk ikun il-każ, permezz ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, u mhux permezz tal-Artikolu 268 TFUE. Peress li din ir-rimedju proċedurali ġie identifikat, tqum il-kwistjoni dwar jekk ħu u oħt Alessandro Missir humiex effettivament fondati li jiksbu kumpens għat-tbatija morali tagħhom mingħand il-Kummissjoni.

128    Il-Kummissjoni tinvoka, fuq il-mertu, ċertu numru ta’ oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward.

129    Essenzjalment, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretat mill-ġurisprudenza, jiddelimita l-perimetru tal-persuni li jistgħu jiksbu kumpens għal dannu subit minħabba l-mewt ta’ uffiċjal. Il-konjuġi, id-dixxendenti u l-axxendenti jistgħu jiksbu dan, peress li huma koperti mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-aħwa, li ma humiex imsemmija fih, ma jistgħux.

130    Il-Kummissjoni tosserva li r-rwol tal-prinċipji ta’ dritt komuni għall-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jimtlew il-lakuni eventwali li jirriżultaw mis-silenzju tal-leġiżlatur. Issa, f’dan il-każ, ir-Regolamenti tal-Persunal, fl-Artikolu 73 tagħhom kif applikat mill-ġurisprudenza, ma jibqgħux siekta, iżda jindikaw biss lill-persuni msemmija f’din id-dispożizzjoni bħala li jistgħu jiksbu kumpens għal dannu morali fil-każ ta’ mewt ta’ uffiċjal. Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza ta’ eżami mill-ġdid (punti 33 u 34).

131    Il-Kummissjoni ssemmi, barra minn hekk, il-punti 134 sa 136 u 158 tas-sentenza tar-rinviju, li ssemmi s-sentenzi Leussink u [tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (C‑257/98 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lucaccioni”)], il-punti 191, 194, 195 u 201 tas-sentenza tar-rinviju u l-punt 22 tas-sentenza Lucaccioni.

132    Minn dawn ir-referenzi l-Kummissjoni tislet li huwa esklużivament f’dak li jikkonċerna l-kumpens għad-dannu morali “addizzjonali” li l-Awtorità tal-Ħatra diġà ħallset skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet dritt għal kumpens għad-dannu fil-każ ta’ korriment.

133    Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, peress li l-aħwa tal-uffiċjal mejjet ma humiex fost il-persuni kkonċernati minn din id-dispożizzjoni u għalhekk ma jistgħux jippretendu kumpens “addizzjonali” – peress li ma għandhomx dritt għal kumpens prinċipali –, dawn ma għandhom ebda dritt għal kumpens għad-dannu morali.

134    Fir-rigward, qabel kollox, tar-referenza magħmula fil-punti 33 u 34 tas-sentenza ta’ eżami mill-ġdid, jidher li din ma hijiex xierqa.

135    Fil-fatt, dawn il-punti jikkonċernaw il-kompetenza rationae personae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikorsi ta’ persuni kkonċernati mir-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-missier u t-tfal tal-uffiċjal kienu kkonċernati mir-Regolamenti tal-Persunal. Minn dan, din iddeduċiet il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant, din kienet kwistjoni ta’ identifikazzjoni tal-qorti kompetenti, u mhux kwistjoni dwar il-mertu, inkwistjoni f’dan il-każ, dwar min jista’ jikseb kumpens. Barra minn hekk, fil-punt 35 tas-sentenza tal-eżami mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-kwistjoni dwar il-mertu, li tikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk il-missier u t-tfal tal-uffiċjal għandhomx effettivament dritt għall-benefiċċji ggarantiti mir-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Li kieku kien mod ieħor, id-deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tkun tissupponi li tiġi eżaminata preliminarjament il-fondatezza tar-rikors. B’hekk, ir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni fil-punt 34 tas-sentenza tal-eżami mill-ġdid, insostenn tal-argument tagħha li jgħid li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jillimita lill-persuni li għandhom dritt għal kumpens eventwali, għandu jiġi miċħud.

136    Fir-rigward tar-referenzi msemmija fil-punt 131 iktar ’il fuq, dawn għandhom ukoll jiġu miċħuda, sa fejn ebda waħda mill-kawżi preċedenti (kawżi Leussink, Lucaccioni, Missir Mamachi) invokati mill-Kummissjoni ma kienet tikkonċerna l-każ tal-aħwa u lanqas ma kienet tipprevedi dan. Is-sentenzi ċċitati kienu jikkonċernaw biss lill-axxendenti u lid-dixxendenti.

137    Is-sentenza tar-rinviju (punti 131 sa 136) tistabbilixxi dan li ġej fir-rigward tas-sentenzi Leussink u Lucaccioni:

“131.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza [Leussink], il-Qorti tal-Ġustizzja kienet meħtieġa tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk [kif kienet issostni l-Kummissjoni (punt 10 ta’ din is-sentenza)] il-kopertura tar-riskji ta’ inċident prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u fil-leġiżlazzjoni kinitx tikkostitwixxi skema ta’ kumpens eżawrjenti li, fil-każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, kienet teskludi kull pretensjoni oħra fir-rigward ta’ danni bbażata fuq il-prinċipji tad-dritt komuni. Fil-fatt, is-Sur Leussink, il-konjuġi tiegħu u l-erba’ wliedhom kienu ressqu talba għal kumpens kumplementari, fejn sostnew li l-kumpens previst fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal kien ikopri biss il-konsegwenzi ekonomiċi tal-inċident u mhux id-dannu morali tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi ddeċidiet, fil-punt 11 tas-sentenza, li l-kopertura prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ibbażata fuq skema ġenerali ta’ assigurazzjoni kontributtiva kontra r-riskji ta’ inċident kemm fil-kuntest tas-servizz u kemm lil hinn minn dan il-kuntest u li d-dritt għall-benefiċċju kien indipendenti mill-awtur tal-inċident u mir-responsabbiltà tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi ddeċidiet, fil-punt 13 ta’ dik is-sentenza, li, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni espliċita fil-leġiżlazzjoni li tikkonċerna talbiet kumplementari kontra l-istituzzjoni, din il-leġiżlazzjoni ma tistax isservi ta’ bażi għal argument fis-sens li huwa eskluż id-dritt tal-uffiċjal u tal-aventi kawża tiegħu li jitolbu kumpens kumplementari meta l-istituzzjoni tkun responsabbli għall-inċident taħt id-dritt komuni u meta l-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux biżżejjed sabiex jiġi żgurat il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab. […]

133.      Fir-rigward tas-sentenza [Lucaccioni], fil-punt 23 [ta’ din is-sentenza] l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-benefiċċji rċevuti taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal sussegwentement għal inċident jew għal mard ikkaġunat mix-xogħol kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat minn uffiċjal fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni li timpjegah.

134.      B’hekk, is-sentenzi [Leussink u Lucaccioni] ikkjarifikaw ir-relazzjoni bejn il-benefiċċji rċevuti taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal sussegwentement għal inċident jew għal mard ikkaġunat mix-xogħol u l-iskema ta’ kumpens taħt id-dritt komuni.

135.        Fl-ewwel lok, l-iskema prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dik tad-dritt komuni huma kumplementari, b’tali mod li huwa possibbli li titressaq talba għal kumpens kumplementari meta l-istituzzjoni tkun responsabbli għall-inċident taħt id-dritt komuni u meta l-benefiċċji mħallsa taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab (sentenza [Leussink], punt 13).

136.      Fit-tieni lok, b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, il-ġurisprudenza kkjarifikat ukoll il-fatt li l-benefiċċji rċevuti taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, sussegwentement għal inċident jew għal mard ikkaġunat mix-xogħol, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat minn uffiċjal fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni li timpjegah. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, kien ikun hemm kumpens doppju (sentenza [Lucaccioni]).”

138    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-għan tas-sentenzi Leussink u Lucaccioni ma kienx li jagħti deċiżjoni dwar l-eżitu li għandu jkollha talba mingħand aħwa, li ma kinux ikkonċernati minn dawn il-kawżi, iżda biss li jiddeċiedi dwar l-eżitu ta’ talba għal kumpens mingħand l-uffiċjal u l-konjuġi u t-tfal tiegħu u fuq ir-relazzjoni bejn tali talba u l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa diġà żgurat mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa f’dan il-kuntest limitat li għandha tinftiehem ir-referenza magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-“kumplementarjetà” tat-talba għal kumpens meta mqabbla mal-benefiċċji ta’ assigurazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

139    Għalhekk, mis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq ma jistax jiġi dedott li l-aħwa ma jkunux fondati li jinvokaw dannu morali li jista’ jiġi kkumpensat. Bħala definizzjoni, peress li l-aħwa ma jidhrux fil-lista ta’ kaskata tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, u għalhekk ma jistgħu jirċievu xejn taħt din id-dispożizzjoni, talba għal kumpens min-naħa tagħhom ma tistax tkun kumplementari, iżda singolari. L-imsemmija sentenzi ma ddeċidewx dwar il-possibbiltà ta’ tali talba, li ma kinitx inkwistjoni f’dawn il-kawżi.

140    Jekk jitqies, kif issostni l-Kummissjoni, li l-istituzzjonijiet, billi jistabbilixxu l-lista tal-persuni li jistgħu jiksbu l-ħlas ta’ benefiċċji ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ mewt aċċidentali tal-uffiċjal, kellhom l-intenzjoni li jiddelimitaw il-persuni li fil-konfront tagħhom dawn kienu jqisu, jekk ikun il-każ, li għandhom jagħtu rendikont finanzjarjament ta’ eventwali responsabbiltà għal ħtija, dan ikun jikkostitwixxi kostruzzjoni li, bħala tali, ma tistax tiġi dedotta mis-sentenzi Leussink u Lucaccioni.

141    Sussegwentement, għandhom jiġi eżaminati l-punti 157 u 158 tas-sentenza tar-rinviju, li fihom il-Qorti Ġenerali tipprovdi dan li ġej:

“157.      [Fir-rigward tat-talbiet għal kumpens għad-dannu morali subit mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir u minn missieru], mis-sentenza tal-ewwel istanza jirriżulta li l-Kummissjoni kienet qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata, essenzjalment, fuq il-fatt li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal kien jeskludi l-possibbiltà għall-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir u għal Livio Missir li jippreżentaw talba għall-kumpens għad-dannu morali. Fil-fatt, il-Kummissjoni sostniet li, abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi ma kinux jibbenefikaw mid-dritt li jippreżentaw talba għal kumpens għad-dannu morali tagħhom u li Livio Missir Mamachi ma kienx fost l-aventi kawża kkonċernati minn dan l-artikolu.

158.      F’dak li jikkonċerna l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati kontra t-talbiet għal kumpens għad-danni morali subiti minn Livio Missir u mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir, dawn ma jistgħux jirnexxu. Fil-fatt, huwa biżżejjed, minn naħa, li jiġi kkonstatat li, fil-punt 34 tas-sentenza ta’ eżami mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal kien jirreferi espressament għad-“dixxendenti” kif ukoll għall-“axxendenti” tal-uffiċjal bħala l-persuni li jistgħu, fil-każ ta’ mewt ta’ dan tal-aħħar, jibbenefikaw minn benefiċċju u li, għaldaqstant, kemm Livio Missir kif ukoll l-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir kienu kkonċernati minn din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-iskema prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dik tad-dritt komuni huma kumplementari, b’tali mod li huwa possibbli li titressaq talba għal kumpens kumplementari meta l-istituzzjoni tkun responsabbli u meta l-benefiċċji mħallsa taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab (sentenza [Leussink], punt 13, u sentenza [Lucaccioni], punt 22). Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, il-membri tal-familja ta’ uffiċjal ikkonċernati mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom id-dritt li jippreżentaw rikors addizzjonali jekk iqisu li l-benefiċċji statutorji ma humiex suffiċjenti sabiex jiżguraw il-kumpens sħiħ tad-dannu tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

142    Hemmhekk ukoll, il-qorti tal-Unjoni kellha konkretament tikkunsidra biss lill-missier u lit-tfal tal-uffiċjal. Huwa b’riferiment għall-ġurisprudenza Leussink u Lucaccioni li din fakkret il-possibbiltà ta’ kumpens addizzjonali f’każ ta’ responsabbiltà tal-amministrazzjoni u meta l-benefiċċji assigurattivi jkunu insuffiċjenti sabiex jiżguraw il-kumpens sħiħ tad-dannu subit minn dawn il-persuni. Il-“membri tal-familja” inkwistjoni kienu “koperti mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal”. Is-sentenza tar-rinviju ma tistabbilixxi xejn dwar il-membri tal-familja li ma humiex koperti mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kwistjoni li fir-rigward tagħha l-Qorti Ġenerali ma kinitx adita, u għalhekk ma tippermettix progress fir-rigward tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 140 iktar ’il fuq.

143    Fir-rigward tal-punt 194 tas-sentenza tar-rinviju, li l-Kummissjoni tindika li fih il-Qorti Ġenerali espressament fakkret l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali li jipprevedi l-possibbiltà ta’ kumpens għal dannu morali meta dan ma jkunx totalment jew parzjalment kopert b’sistema li tiżgura l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċji, għandu jiġi rrilevat li dan il-punt ma jiddeterminax is-soluzzjoni applikabbli għall-każ ta’ persuna mhux koperta minn tali sistema, bħall-aħwa f’dan il-każ. Fil-fatt, dan il-punt jillimita ruħu li jipprovdi li “mid-drittijiet tal-Istati Membri joħroġ prinċipju ġenerali komuni fis-sens li, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-[Kawża T‑401/11 P RENV RX], il-preżenza ta’ skema li tiggarantixxi l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċji lill-aventi kawża ta’ uffiċjal mejjet ma hijiex ostakolu għall-fatt li l-imsemmija aventi kawża, jekk iqisu li d-danni mġarrba ma humiex koperti jew ma humiex kompletament koperti mill-imsemmija skema, jiksbu wkoll kumpens għad-dannu morali tagħhom permezz ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali”.

144    Fir-rigward tal-punt 195 tas-sentenza tar-rinviju, li fiha l-Qorti Ġenerali tirrileva l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri li jeskludi l-kumpens doppju għal dannu morali, għandu jiġi rrilevat, kif isostnu r-rikorrenti, li f’dan il-każ ma hemmx kwistjoni ta’ kumpens doppju għall-istess dannu, peress li d-dannu morali allegat minn ħu u minn oħt Alessandro Missir huwa tagħhom stess u peress li ma huwiex is-suġġett tal-benefiċċji stabbiliti fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

145    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex possibbli li jitqies li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretat mill-ġurisprudenza, jipprekludi li l-aħwa ta’ uffiċjal li miet bi ħtija tal-Unjoni jiksbu, jekk ikun il-każ, kumpens għad-dannu morali mġarrab minnhom minħabba din il-mewt.

146    Fin-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-istat ta’ din il-kwistjoni fid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li mid-drittijiet tal-Istati Membri jirriżulta prinċipju ġenerali komuni li jgħid li, f’ċirkustanzi simili għal dawk ta’ dan il-każ, il-qorti nazzjonali tirrikonoxxi dritt lill-aħwa ta’ ħaddiem li miet li jitolbu, jekk ikun il-każ, il-kumpens għad-dannu morali subit minnhom minħabba din il-mewt.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż mhux biss li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretat mill-ġurisprudenza, jipprekludi li aħwa ta’ uffiċjal mejjet ikunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jiksbu kumpens għad-dannu morali subit minħabba din il-mewt, iżda wkoll li mill-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri jirriżulta li l-aħwa tal-persuna li mewtha kienet ikkawżata minn terz jistgħu, jekk ikun il-każ, jiksbu mingħandu l-kumpens għad-dannu morali tagħhom.

148    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dan il-kumpens, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-konstatazzjonijiet diġà magħmula mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tar-rinviju, dwar it-tort, dwar ir-rabta kawżali u dwar id-dannu morali, jgħoddu b’mod wiesa’ fir-rigward tat-talbiet ta’ ħu u ta’ oħt l-uffiċjal mejjet u li f’dan il-każ ma hemm ebda kumpens doppju.

149    Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti. Fir-rigward tar-rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu ta’ protezzjoni tal-uffiċjal u d-dannu, huwa meħtieġ, fid-dawl tal-fatt li l-aħwa ma humiex fl-istess pożizzjoni fir-rigward tal-mejjet bħall-axxendenti u d-dixxendenti, li tiġi ppreferuta t-teorija tal-kawżalità adegwata minflok dik tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet. Madankollu, ir-rikorrenti ma wrewx kawżalità adegwata.

150    F’kull każ, anki kieku kienet applikata t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li d-dannu morali allegat huwa suffiċjentement “remot” min-nuqqas imwettaq biex jiġi eskluż kull kumpens. Dan huwa dannu medjat, li ma jistax jiġi impost fuq il-Kummissjoni bħala konsegwenza immedjata u diretta tal-ksur tal-obbligu speċifiku ta’ protezzjoni tal-uffiċjal.

151    Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li jitqies li jeżisti prinċipju ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ dannu morali fil-każ ta’ mewt ta’ aħwa.

152    Ir-rikorrenti jirribattu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, billi josservaw li l-artikolazzjoni bejn it-teoriji tal-kawżalità adegwata u tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet ma kinitx rilevanti ħlief għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-mewt ta’ Alessandro Missir, liema ħaġa ma għadhiex inkwistjoni f’dan il-każ, u bl-ebda mod għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ rabta bejn din il-mewt u d-dannu morali mġarrab minħabba dan il-fatt mill-qraba tal-uffiċjal mejjet, liema dannu morali ġie kkunsidrat li huwa in re ipsa.

153    Għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tar-raġunament tal-qorti tal-Unjoni fis-sentenza tal-ewwel istanza u fis-sentenza tar-rinviju essenzjalment jikkonferma l-pożizzjoni tar-rikorrenti.

154    Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, minħabba n-nuqqasijiet illegali tagħha fl-obbligu li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ Alessandro Missir, il-Kummissjoni kienet wettqet nuqqas ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha (sentenza tal-ewwel istanza, punt 176, u s-sentenza tar-rinviju, punt 9).

155    Fir-rigward tar-rabta kawżali bejn dan in-nuqqas u l-qtil tal-uffiċjal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li din kienet stabbilita (sentenza tal-ewwel istanza, punti 182 sa 190). Il-Kummissjoni ma appellatx mis-sentenza tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, fis-sentenza tar-rinviju (is-sitt sentenza tal-punt 63), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni ma kinitx qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f’dan ir-rigward.

156    Issa, kif jirrilevaw korrettament ir-rikorrenti, id-dibattitu dwar l-artikolazzjoni bejn it-teoriji tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet u tal-kawżalità adegwata (sentenza tal-ewwel istanza, punti 178 sa 190, u s-sentenza tar-rinviju, it-tielet sentenza tal-punt 63 u l-punti 64 sa 95) twettaq esklużivament sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni, li evidentement ma kinitx l-awtur tal-qtil, setgħetx madankollu tiġi ddikjarata responsabbli, fi kliem ieħor jekk it-tort tal-Kummissjoni setax jitqies bħala li kkawża l-mewt ta’ Alessandro Missir. F’każ ta’ risposta negattiva, il-Kummissjoni ma kinitx tkun responsabbli għal dan. Fl-affermattiv, hekk kif ġie kkonstatat mill-qorti tal-Unjoni, din kienet, għall-inqas parzjalment, responsabbli għal din il-mewt.

157    Ladarba din ir-rabta kawżali stabbilita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – abbażi tat-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet u mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, hekk kif irrilevat espressament il-Qorti Ġenerali fil-punti 79 u 80 tas-sentenza tar-rinviju –, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li kien baqalu li jiddetermina s-sehem tar-responsabbiltà tal-qattiel fit-twettiq tad-danni (sentenza tal-ewwel istanza, punt 191, u s-sentenza tar-rinviju, punt 9).

158    F’dan il-kuntest, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-Kummissjoni kellha tiġi attribwita r-responsabbiltà għal 40 % tad-danni subiti (sentenza tal-ewwel istanza, punt 197, u s-sentenza tar-rinviju, punt 10).

159    Din is-soluzzjoni ta’ kondiviżjoni tar-responsabbiltà, ikkontestata mir-rikorrenti fl-appell tagħhom, li talbu li l-Kummissjoni tiġi ddikjarata responsabbli in solidum mal-qattiel, ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali, li laqgħet l-appell fuq dan il-punt u kkonstatat ir-responsabbiltà in solidum tal-Kummissjoni (jiġifieri 100 % tad-dannu) (sentenza tar-rinviju, punti 96 sa 119).

160    Il-Qorti Ġenerali adottat din ir-responsabbiltà in solidum tal-Kummissjoni abbażi ta’ prinċipju ġenerali komuni għall-Istati Membri li jgħid li, f’ċirkustanzi simili għal dawk ta’ dan il-każ, il-qorti nazzjonali tirrikonoxxi r-responsabbiltà in solidum tal-koawturi tal-istess dannu, billi tikkunsidra li huwa ġust il-fatt li l-persuna leża ma jkollhiex, minn naħa, tiddetermina s-sehem tad-dannu li kull wieħed mill-koawturi tiegħu huwa responsabbli għalih u, min-naħa l-oħra, li tkun esposta għar-riskju li dak fosthom li din tkun qiegħda tfittex ikun insolventi (sentenza tar-rinviju, punt 118).

161    Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-qtil, li ġiet ikkonstatata f’deċiżjoni li saret res judicata, ma hijiex ikkontestata (ara l-punt 155 iktar ’il fuq) u, it-tieni nett, li l-prinċipju tar-responsabbiltà in solidum tal-Kummissjoni għad-danni li jirriżultaw minn dan il-qtil ma huwa bl-ebda mod ikkontestat u lanqas ma jista’, barra minn hekk, jiġi raġonevolment ikkontestat.

162    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni [omissis] li tgħid li l-kawżalità adegwata għandha tkun ippreferuta mill-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet għandha tiġi miċħuda, peress li l-konstatazzjoni definittiva mill-qorti tal-Unjoni tar-rabta kawżali bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u l-qtil ta’ Alessandro Missir hija kompletament trasponibbli f’dan il-każ.

163    L-unika element ta’ distinzjoni li jeżisti f’dan il-każ meta mqabbel mal-Kawża F‑50/09 ġej, wara din il-konstatazzjoni definittiva, mill-fatt li r-rikorrenti ma humiex ulied jew il-ġenituri tal-uffiċjal mejjet, iżda ħutu.

164    Issa, diġà ġie kkonstatat li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretat mill-ġurisprudenza, ma jikkostitwixxix limitu sostanzjali li jeskludi lill-aħwa mill-possibbiltà li jiksbu kumpens (ara l-punt 145 iktar ’il fuq) u li, fin-nuqqas ta’ determinazzjoni ta’ din il-kwistjoni fid-dritt tal-Unjoni, mill-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri jirriżulta dritt tal-aħwa li jitolbu, jekk ikun il-każ, kumpens għal dannu morali għat-telf ta’ ħuhom (ara l-punt 146 iktar ’il fuq).

165    Għall-istess raġunijiet, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni [omissis] li jgħidu li d-dannu morali subit minn aħwa huwa wisq imbiegħed jew li huwa biss riperkussjoni li ma tistax tiġi kkumpensata. Il-fatt li d-dannu morali tal-aħwa jikkostitwixxi, bl-istess mod bħal dak tal-ġenituri u tat-tfal tal-mejjet, dannu morali indirett – jew medjat – meta mqabbel mad-dannu dirett subit mill-uffiċjal mejjet, jiġifieri t-telf tal-ħajja, ma jneħħi xejn mill-fatt li dan id-dannu morali huwa rrikonoxxut bħala suġġett għal kumpens skont il-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri.

166    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-portata tal-punt 198 tas-sentenza tar-rinviju [omissis], dawn ma jpoġġux indiskussjoni l-konstatazzjoni preċedenti, peress li, hekk kif diġà ġie rrilevat, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tar-rinviju, ma kinitx adita mill-kwistjoni tal-kumpens għad-dannu morali tal-aħwa.

167    Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li ma huwiex possibbli li jitqies li jeżisti prinċipju ġenerali rrikonoxxut mill-Istati Membri li jistabbilixxi preżunzjoni ta’ dannu morali f’każ ta’ mewt ta’ ħu jew ta’ oħt [omissis], huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma llimitawx ruħhom li jinvokaw l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ dannu morali favur l-aħwa, iżda sostnew kunsiderazzjonijiet partikolari għall-finijiet li jiġu stabbiliti r-realtà u l-intensità tad-dannu morali fir-rigward tal-aħwa ta’ Alessandro Missir.

168    B’hekk, ir-rikorrenti evokaw iċ-ċirkustanzi partikolarment drammatiċi tal-mewt ta’ Alessandro Missir u t-tagħbijiet kbar tal-familja għall-futur tal-ulied (l-aħħar paragrafu tal-paġna 7 tat-talba tas-17 ta’ Settembru 2011, u t-tieni paragrafu tal-paġna 9 tal-ilment amministrattiv preliminari), u dawn, fl-istess sens, invokaw “l-uġigħ u t-tbatija inġusti li rriżultaw mit-telf ta’ ħuhom f’ċirkustanzi daqstant traġiċi u atroċi” u rreferew għaċ-ċirkustanzi uniċi ta’ dan il-każ u tan-natura partikolarment terribbli u traġika tal-każ.

169    Lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, li huma effettivament ta’ natura li kkawżaw lill-aħwa tal-uffiċjal mejjet tbatija morali ta’ intensità mhux tas-soltu, ir-rikorrenti ma ressqux il-prova tar-realtà ta’ rabtiet affettivi bejn dan l-uffiċjal u ħutu li jmorru lil hinn mir-rabtiet komuni bejn l-aħwa adulti li jgħixu ħajjiet awtonomi.

170    Fir-rigward tal-provi prodotti mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika, dwar trattamenti psikoloġiċi u psikjatriċi segwiti minn ħu u minn oħt Alessandro Missir, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala tardivi skont l-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

171    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu morali, għandu jitfakkar li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiffissa l-ammont ex æquo et bono (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79, EU:C:1980:145, punt 15), billi tesponi l-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il‑Kunsill vs de Nil u Impens, C‑259/96 P, EU:C:1998:224, punti 32 u 33; sentenza Lucaccioni, punt 35, u s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 51).

172    Fid-dawl tal-fatti tal-każ u, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi partikolarment drammatiċi tal-mewt ta’ Alessandro Missir deskritti fil-punt 2 tas-sentenza fl-appell, tal-elementi msemmija fil-punt 168 iktar ’il fuq, tal-eżistenza mhux ikkontestata ta’ rabtiet affettivi ta’ intensità normali bejn aħwa adulti li jwasslu jgħixu ħajjiet awtonomi, u fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-punti 146, 147 u 164 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas in solidum lil ħu u lil oħt Alessandro Missir, bħala kumpens għad-dannu morali subit minħabba l-mewt ta’ dan tal-aħħar, l-ammont, evalwat ex æquo et bono, ta’ EUR 10 000 kull wieħed.

[omissis]

 Konklużjoni

181    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas, bħala kumpens għad-dannu morali subit minnhom minħabba l-mewt ta’ Alessandro Missir, is-somma ta’ EUR 50 000 lil omm l-uffiċjal mejjet, A. J. C. M. M. Sintobin, u s-somma ta’ EUR 10 000 lil kull wieħed miż-żewġ aħwa tal-uffiċjal mejjet, Stefano Missir u Maria Letizia Missir, bl-interessi, u li tiċħad il-kumplament tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx iktar lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet għal kundanna tal-Kummissjoni Ewropea biex tħallas, bħala kumpens għad-danni morali, ammont ta’ EUR 463 050 lil kull wieħed mill-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, ammont ta’ EUR 574 000 lill-istess aventi kawża, u ammont ta’ EUR 308 700 lill-aventi kawża ta’ Livio Missir Mamachi di Lusignano.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas in solidum ammont ta’ EUR 50 000 lil Anne Jeanne Cécile Magdalena Maria Sintobin, bħala kumpens għad-danni morali mġarrba minnha.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas in solidum ammont ta’ EUR 10 000 lil Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano, bħala kumpens għad-danni morali mġarrba minnha.

4)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas in solidum ammont ta’ EUR 10 000 lil Stefano Missir Mamachi di Lusignano, bħala kumpens għad-danni morali mġarrba minnu.

5)      Il-kumpensi msemmija fil-punti 2 sa 4 ta’ dan id-dispożittiv għandhom jiżdiedu bl-interessi moratorji, mid-data tal-pronunzja ta’ din is-sentenza u sal-ħlas sħiħ, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

6)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

7)      IlKummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Collins

Barents

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Novembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħrajn hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.


2      Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.