Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2018 – H vs Il-Kunsill

(Kawża T-271/10 OST) 1

(“Proċedura –– Nuqqas li tittieħed deċiżjoni fuq l-ispejjeż”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: H (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Vitro u F. Naert, aġenti)

Suġġett

Talba intiża biex jiġi rrimedjat nuqqas li tittieħed deċiżjoni fuq l-ispejjeż fis-sentenza tal-11 ta’ April 2018, H vs Il-Kunsill (T-271/10 RENV, EU:T:2018:180).

Dispożittiv

Il-punt 174 tas-sentenza tal-11 ta’ April 2018, H vs Il-Kunsill (T-271/10 RENV, EU:T:2018:180) huwa mfassal b’dan il-mod:

“Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 219 tal-istess regolament, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż kollha relattivi għall-proċedura tal-appell u għall-proċeduri mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq l-istanza. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(3) tar-regoli msemmija, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, għandu jiġi deċiż, minn naħa, li l-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż esposti mir-rikorrenti u minnu stess sal-pronunzja tas-sentenza fl-appell, biss sa fejn dawn jikkonċernaw il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż l-oħra kollha esposti mill-Kunsill u minnha stess, kemm qabel kif ukoll wara l-pronunzja msemmija.”

Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-11 ta’ April 2018, H vs Il-Kunsill (T-271/10 RENV, EU:T:2018:180) huwa mfassal b’dan il-mod:

“Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż ta’ H sal-pronunzja tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-455/14 P, EU:C:2016:569), biss sa fejn dawn jikkonċernaw il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors. H għandha tbati l-ispejjeż l-oħra kollha esposti mill-Kunsill u minnha stess, kemm qabel kif ukoll wara l-pronunzja msemmija.”

H u Il-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mat-talba preżenti.

____________

1     ĠU C 221, 14.8.2010.