Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta’ April 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fis-27 ta’ Jannar 2021 fil-Kawża T-699/17, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-207/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Tricot, Ł. Habiak, K. Herrmann u C. Valero, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Jannar 2021 fil-Kawża T-699/17, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea fl-intier tagħha;

tiċħad l-ewwel motiv tar-Repubblika tal-Polonja fil-Kawża T-699/17;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-motivi 2 sa 5, li ma ġewx eżaminati fl-ewwel istanza;

u

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u ta’ dan l-appell għad-deċiżjoni finali dwar din il-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Skont il-Kummissjoni, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-699/17 għandha tiġi annullata għaliex hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi li jwasslu għall-ksur tal-Artikolu 16(4) u (5) TUE.

L-ewwel nett, billi fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali aċċettat il-premessa bażika li d-dritt mogħti lill-Istati Membri fl-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 sabiex jitolbu l-votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata skont ir-regoli ddefiniti fl-Artikolu 3(3) ta’ dak il-protokoll (regoli skont it-Trattat ta’ Nice) għandu jżomm l-effettività tiegħu anki wara li jkun iddekorra t-terminu tranżitorju fil-31 ta’ Marzu 2017, hija kisret it-terminu tranżitorju manifestament iddefinit previst fl-Artikolu 16(5) TUE. Barra minn hekk, hija kisret id-definizzjoni ġenerali ta’ maġġoranza kkwalifikata, introdotta permezz tat-Trattat ta’ Lisbona fl-Artikolu 16(4) TUE u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2014, li żżid il-leġittimità demokratika f’votazzjonijiet fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u fil-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 75 tad-Direttiva 2010/75/UE 1 . B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali limitat l-effettività sħiħa ta’ dik id-definizzjoni ġenerali.

It-tieni, billi fil-punti 48 u 50 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni wiesgħa tal-portata ratione temporis tad-dispożizzjoni tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 16(5) TUE u fl-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, hija kisret il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tranżitorji.

It-tielet, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 53, 54 u 55 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 36(2) tal-Protokoll Nru 36 kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li din twassal għall-applikazzjoni imprevedibbli u indefinita ratione temporis tal-maġġoranza kkwalifikata prevista fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll 36 tat-Trattat ta’ Nice.

____________

1 Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).