Kawżi magħquda C‑148/21 u C‑184/21
Christian Louboutin
vs
Amazon Europe Core Sàrl (C‑148/21)
u
Amazon EU Sàrl (C‑148/21),
u
Amazon Services Europe Sàrl (C‑148/21)
u
Amazon.com Inc. (C‑184/21)
u
Amazon Services LLC (C‑184/21)
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑22 ta’ Diċembru 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 9(2)(a) – Drittijiet mogħtija mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘użu’ – Operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online – Reklami ppubblikati f’dan is-suq minn bejjiegħa terzi li jużaw, f’dawn ir-reklami, sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din hija rreġistrata – Perċezzjoni ta’ dan is-sinjal bħala li jagħmel parti integrali mill-kommunikazzjoni kummerċjali ta’ dan l-operatur – Mod ta’ preżentazzjoni tar-reklami li ma jippermettix li ssir distinzjoni ċara bejn l-offerti tal-imsemmi operatur u dawk ta’ dawn il-bejjiegħa terzi”
1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet mogħtija mit-trade mark – Dritt li jiġi pprojbit l-użu tat-trade mark – Kunċett ta’ użu
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 9(2))
(ara l-punti 25 sa 31)
2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet mogħtija mit-trade mark – Dritt li jiġi pprojbit l-użu tat-trade mark – Kunċett ta’ użu – Operazzjoni ta’ suq online – Eżistenza ta’ rabta bejn is-servizzi tal-operatur u s-sinjal kunfliġġenti – Inklużjoni – Mod ta’ preżentazzjoni tar-reklami – Natura u portata tas-servizzi pprovduti mill-operatur – Effett
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 9(2))
(ara l-punti 38 sa 43, 48 sa 54 u d-dispożittiv)
Sunt
Mill‑2016, C. Louboutin, disinjatur Franċiż ta’ żraben u ta’ basktijiet tal-idejn ta’ lussu, irreġistra l-kulur aħmar, applikat fuq il-pett estern ta’ żarbun b’takkuna għolja, bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.
Amazon topera siti internet ta’ bejgħ online ta’ prodotti varji li hija tipproponi kemm direttament, f’isimha u għan-nom tagħha stess, kif ukoll indirettament, billi tipprovdi suq online lil bejjiegħa terzi. Dan l-operatur joffri wkoll lill-bejjiegħa terzi servizzi addizzjonali ta’ ħażna u ta’ spedizzjoni tal-prodotti tagħhom.
C. Louboutin ikkonstata li, fuq dawn is-siti internet, jidhru regolarment reklami ta’ bejgħ relatati ma’ żraben b’pettijiet ħomor li, fil-fehma tiegħu, jirrigwardaw prodotti li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom ma sarx bil-kunsens tiegħu. Filwaqt li invoka ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija mit-trade mark inkwistjoni, huwa għalhekk ressaq żewġ azzjonijiet għall-kontrafazzjoni kontra Amazon quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu) (1) u quddiem it-Tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi bil-Lingwa Franċiża ta’ Brussell, il-Belġju) (2).
Dawn il-qrati għalhekk iddeċidew, kull waħda minnhom, li jagħmlu diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Essenzjalment, huma staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk ir-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (3) għandux jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra, minbarra l-offerti ta’ bejgħ tiegħu stess, suq online jistax jitqies bħala li jagħmel huwa stess użu minn sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, meta bejjiegħa terzi jipproponu għall-bejgħ, f’dan is-suq, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, tali prodotti li jkollhom dan is-sinjal.
Huma jistaqsu, b’mod partikolari, jekk humiex rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li dan l-operatur jirrikorri għal mod ta’ preżentazzjoni uniformi tal-offerti ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu, filwaqt li juri fl-istess ħin ir-reklami relatati mal-prodotti li huwa jbigħ f’ismu u għan-nom tiegħu stess u dawk relatati ma’ prodotti proposti minn bejjiegħa terzi fl-imsemmi suq, il-fatt li huwa juri l-logo tiegħu stess ta’ distributur li għandu reputazzjoni fuq dawn ir-reklami kollha u l-fatt li huwa joffri lill-bejjiegħa terzi, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, servizzi addizzjonali li jikkonsistu f’li jipprovdilhom assistenza fil-preżentazzjoni tar-reklami tagħhom, kif ukoll fil-ħażna u fl-ispedizzjoni tal-prodotti proposti f’dan l-istess suq. F’dan il-kuntest, il-qrati tar-rinviju jistaqsu wkoll dwar jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-perċezzjoni tal-utenti tas-sit internet inkwistjoni.
Bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tagħmel preċiżazzjonijiet importanti dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà diretta tal-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online għal ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw mill-fatt li sinjal identiku għal din it-trade mark jidher f’reklami ta’ bejjiegħa terzi f’dan is-suq.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
Bħala tfakkira, skont ir-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni (4), ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tagħti lill-proprjetarju tagħha d-dritt li jipprojbixxi lil kull terz milli juża, fil-kummerċ, sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti jew għal servizzi identiċi għal dawk li għalihom din hija rreġistrata.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva qabelxejn li l-kunċett ta’ “użu” ma huwiex iddefinit mir-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni. Madankollu, din l-espressjoni timplika, minn naħa, aġir attiv u kontroll, dirett jew indirett, tal-att li jikkostitwixxi l-użu. Fil-fatt, huwa biss terz li jkollu tali kontroll li effettivament ikun jista’ jwaqqaf l-użu ta’ trade mark magħmul mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tagħha.
L-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark tal-proprjetarju minn terz jippresupponi, min-naħa l-oħra, tal-inqas, li dan tal-aħħar jagħmel użu mis-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess. Persuna tista’ għalhekk tippermetti lill-klijenti tagħha jużaw sinjali identiċi jew simili għal trade marks, mingħajr ma hija stess tuża l-imsemmija sinjali. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-operatur ta’ suq online, li l-użu ta’ sinjali identiċi jew simili għal trade marks, f’offerti ta’ bejgħ murija f’dan is-suq, isir biss mill-klijenti bejjiegħa ta’ dan l-operatur u mhux minnu, peress li dan tal-aħħar ma jużax dan is-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li, fil-kuntest tal-ġurisprudenza preċedenti tagħha, hija ma ġietx mistoqsija dwar l-effett tal-fatt li s-sit internet ta’ bejgħ online inkwistjoni jintegra, minbarra s-suq online, offerti ta’ bejgħ tal-operatur ta’ dan is-sit stess, filwaqt li dawn il-kawżi jirrigwardaw preċiżament dan l-effett. Għalhekk, f’dan il-każ, il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk, minbarra l-bejjiegħ terz, l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online, bħal Amazon, jagħmilx użu wkoll, fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess, minn sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, b’tali mod li huwa jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, meta dan il-bejjiegħ terz jipproponi għall-bejgħ f’dan is-suq tali prodotti li jkollhom dan is-sinjal.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li din id-domanda tqum indipendentement mill-fatt li r-rwol ta’ tali operatur jista’, jekk ikun il-każ, jiġi eżaminat ukoll mill-perspettiva ta’ regoli oħra tad-dritt, u li għalkemm, finalment, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa tali użu mill-operatur, hija tista’ tipprovdi elementi ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli f’dan ir-rigward.
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-komunikazzjoni kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark ta’ persuna oħra mill-operatur ta’ sit internet li jintegra suq online fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess jippreżupponi li dan is-sinjal jidher, f’għajnejn terzi, bħala li jagħmel parti integrali minnha u, għaldaqstant, bħala li jaqa’ taħt l-attività tiegħu.
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, f’sitwazzjoni fejn il-fornitur ta’ servizz juża sinjal identiku jew simili għal trade mark ta’ persuna oħra sabiex jippromwovi prodotti li wieħed mill-klijenti tiegħu jkun jikkummerċjalizza bl-għajnuna ta’ dan is-servizz, dan il-fornitur ikun jagħmel użu huwa stess minn dan is-sinjal meta huwa jużah b’tali mod li jistabbilixxi rabta bejn l-imsemmi sinjal u s-servizzi pprovduti mill-imsemmi fornitur.
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li tali fornitur ma jagħmilx użu huwa stess minn sinjal identiku jew simili għal trade mark ta’ persuna oħra meta s-servizz pprovdut minnu ma jkunx paragunabbli ma’ servizz intiż li jippromwovi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jkollhom dan is-sinjal u ma jkunx jimplika l-ħolqien ta’ rabta bejn dan is-servizz u l-imsemmi sinjal, peress li l-fornitur inkwistjoni ma jkunx apparenti għall-konsumatur, fatt li jeskludi kull assoċjazzjoni bejn is-servizzi tiegħu u s-sinjal inkwistjoni.
Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali rabta tkun teżisti meta l-operatur ta’ suq online jagħmel, bl-għajnuna ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet u abbażi ta’ kelma prinċipali identika għal trade mark ta’ persuna oħra, reklamar għal prodotti ta’ dik it-trade mark offruti għall-bejgħ mill-klijenti tiegħu fis-suq online tiegħu. Fil-fatt, tali reklamar ikun joħloq, għall-utenti tal-internet li jwettqu tfittxija abbażi ta’ din il-kelma prinċipali, assoċjazzjoni evidenti bejn dawn il-prodotti ta’ ditta u l-possibbiltà li dawn jinxtraw permezz tal-imsemmi suq. Huwa għal din ir-raġuni li l-proprjetarju ta’ dik it-trade mark ikun jista’ jipprojbixxi lil dan l-operatur tali użu, meta dan ir-reklamar ikun jikser id-dritt ta’ trade mark minħabba l-fatt li dan ma jippermettix jew jippermetti biss b’mod diffiċli lill-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent li jkun jaf jekk l-imsemmija prodotti joriġinawx mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark jew minn impriża ekonomikament marbuta miegħu jew, għall-kuntrarju, minn terz.
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online jagħmilx huwa stess użu minn sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra, li jkun inkluż fir-reklami relatati ma’ prodotti proposti minn bejjiegħa terzi f’dan is-suq, għandu jiġi evalwat jekk utent normalment informat u raġonevolment attent ta’ dan is-sit internet jistabbilixxix rabta bejn is-servizzi ta’ dan l-operatur u s-sinjal inkwistjoni.
F’din il-perspettiva, sabiex jiġi evalwat jekk reklam, ippubblikat fl-imsemmi suq minn bejjiegħ terz attiv f’dan tal-aħħar, li juża sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra jistax jitqies bħala li jagħmel parti integrali mill-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur tal-imsemmi sit internet, għandu jiġi vverifikat jekk dan ir-reklam jistax jistabbilixxi rabta bejn is-servizzi offruti minn dan l-operatur u s-sinjal inkwistjoni, għar-raġuni li utent ikun jista’ jemmen li huwa l-operatur li jikkummerċjalizza, f’ismu u għan-nom tiegħu stess, il-prodott li għalih huwa użat is-sinjal inkwistjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tal-każ, huma ta’ importanza sinjifikattiva, b’mod partikolari, il-mod ta’ preżentazzjoni tar-reklami, kemm individwalment kif ukoll fl-intier tagħhom, fuq is-sit internet inkwistjoni kif ukoll in-natura u l-portata tas-servizzi pprovduti mill-operatur tiegħu.
F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-mod ta’ preżentazzjoni tar-reklami, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ wiri trasparenti tar-reklami fuq l-internet, b’mod li utent normalment informat u raġonevolment attent ikun jista’ jiddistingwi faċilment l-offerti li joriġinaw mill-operatur tas-sit internet minn dawk tal-bejjiegħa terzi attivi fis-suq online. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-użu mill-operatur ta’ mod ta’ preżentazzjoni uniformi tal-offerti ppubblikati, filwaqt li juri fl-istess ħin ir-reklami tiegħu stess u dawk tal-bejjiegħa terzi u li juri l-logo tiegħu stess ta’ distributur li għandu reputazzjoni kemm fuq is-sit internet tiegħu kif ukoll fuq ir-reklami kollha, jista’ jirrendi diffiċli tali distinzjoni u għalhekk jista’ jagħti l-impressjoni li jkun l-operatur li jikkummerċjalizza, f’ismu u għan-nom tiegħu stess, il-prodotti offruti għall-bejgħ minn dawn il-bejjiegħ terzi.
Min-naħa l-oħra, in-natura u l-portata tas-servizzi pprovduti mill-operatur ta’ suq online lill-bejjiegħa, u b’mod partikolari dawk li jikkonsistu fil-ħażna, fl-ispedizzjoni u fl-immaniġġjar tar-ritorn tal-imsemmija prodotti, jistgħu wkoll jagħtu l-impressjoni, lil utent informat u raġonevolment attent, li dawn il-prodotti huma kkummerċjalizzati mill-operatur u għalhekk joħolqu rabta, f’għajnejn dawn l-utenti, bejn dawn is-servizzi u s-sinjali li jinsabu fuq dawn il-prodotti u fir-reklami tal-bejjiegħa terzi.
Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra, minbarra l-offerti ta’ bejgħ tiegħu stess, suq online jista’ jitqies bħala li jagħmel huwa stess użu minn sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, meta bejjiegħa terzi jipproponu għall-bejgħ, f’dan is-suq, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, tali prodotti li jkollhom dan is-sinjal, jekk utent normalment informat u raġonevolment attent ta’ dan is-sit jistabbilixxi rabta bejn is-servizzi ta’ dan l-operatur u s-sinjal inkwistjoni, fatt li b’mod partikolari jkun il-każ meta, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni, tali utent ikun jista’ jkollu l-impressjoni li huwa l-imsemmi operatur li jikkummerċjalizza huwa stess, f’ismu u għan-nom tiegħu stess, il-prodotti li jkollhom l-imsemmi sinjal. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li f’dan ir-rigward, huma rilevanti:
• il-fatt li dan l-operatur jirrikorri għal mod ta’ preżentazzjoni uniformi tal-offerti ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu, filwaqt li juri fl-istess ħin ir-reklami relatati mal-prodotti li huwa jbigħ f’ismu u għan-nom tiegħu stess u dawk relatati ma’ prodotti proposti minn bejjiegħa terzi fl-imsemmi suq,
• il-fatt li huwa juri l-logo tiegħu stess ta’ distributur li għandu reputazzjoni fuq dawn ir-reklami kollha,
• u l-fatt li huwa joffri lill-bejjiegħa terzi, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jkollhom is-sinjal inkwistjoni, servizzi addizzjonali li jikkonsistu b’mod partikolari fil-ħażna u fl-ispedizzjoni ta’ dawn il-prodotti.