Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Diċembru 2022 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg – il-Lussemburgu, Tribunal de l’enterprise francophone de Bruxelles – il-Belġju) – Christian Louboutin vs Amazon Europe Core Sàrl (C-148/21), Amazon EU Sàrl (C-148/21), Amazon Services Europe Sàrl (C-148/21), Amazon.com Inc. (C-184/21), Amazon Services LLC (C-184/21)

(Kawżi magħquda C-148/21 u C-184/21) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 9(2)(a) – Drittijiet mogħtija mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ “użu” – Operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online – Reklami ppubblikati f’dan is-suq minn bejjiegħa terzi li jużaw, f’dawn ir-reklami, sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din hija rreġistrata – Perċezzjoni ta’ dan is-sinjal bħala li jagħmel parti integrali mill-kommunikazzjoni kummerċjali ta’ dan l-operatur – Mod ta’ preżentazzjoni tar-reklami li ma jippermettix li ssir distinzjoni ċara bejn l-offerti tal-imsemmi operatur u dawk ta’ dawn il-bejjiegħa terzi)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qrati tar-rinviju

Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, Tribunal de l’enterprise francophone de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Christian Louboutin

Konvenuti: Amazon Europe Core Sàrl (C-148/21), Amazon EU Sàrl (C-148/21), Amazon Services Europe Sàrl (C-148/21), Amazon.com Inc. (C-184/21), Amazon Services LLC (C-184/21)

Dispożittiv

L-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra, minbarra l-offerti ta’ bejgħ tiegħu stess, suq online jista’ jitqies bħala li jagħmel huwa stess użu minn sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, meta bejjiegħa terzi jipproponu għall-bejgħ, f’dan is-suq, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, tali prodotti li jkollhom dan is-sinjal, jekk utent normalment informat u raġonevolment attent ta’ dan is-sit jistabbilixxi rabta bejn is-servizzi ta’ dan l-operatur u s-sinjal inkwistjoni, fatt li b’mod partikolari jkun il-każ meta, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni, tali utent ikun jista’ jkollu l-impressjoni li huwa l-imsemmi operatur li jikkummerċjalizza huwa stess, f’ismu u għan-nom tiegħu stess, il-prodotti li jkollhom l-imsemmi sinjal. F’dan ir-rigward, huma rilevanti l-fatt li dan l-operatur jirrikorri għal mod ta’ preżentazzjoni uniformi tal-offerti ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu, filwaqt li juri fl-istess ħin ir-reklami relatati mal-prodotti li huwa jbigħ f’ismu u għan-nom tiegħu stess u dawk relatati ma’ prodotti proposti minn bejjiegħa terzi fl-imsemmi suq, il-fatt li huwa juri l-logo tiegħu stess ta’ distributur li għandu reputazzjoni fuq dawn ir-reklami kollha u l-fatt li huwa joffri lill-bejjiegħa terzi, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jkollhom is-sinjal inkwistjoni, servizzi addizzjonali li jikkonsistu b’mod partikolari fil-ħażna u fl-ispedizzjoni ta’ dawn il-prodotti.

____________

1     ĠU C 189, 17.5.2021.

    ĠU C 217, 7.6.2021.