Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta' Mejju 2012 - Sviluppo Globale vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-6/10) 

["Kuntratti pubbliċi għal servizzi - Proċedura ta' sejħa għal offerti - Sostenn lill-awtoritajiet doganali u fiskali tal-Kosovo - Ċaħda tal-offerta ta' offerent - Att li ma jistax jiġi kkontestat - Att konfermattiv - Inammissibbiltà - Aċċess għal dokumenti - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Dokumenti relatati mal-proċedura ta' sejħa għal offerti - Rifjut parzjali ta' aċċess - Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta' terz - Motivazzjoni insuffiċjenti"]

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Sviluppo Globale GEIE (Ruma, l-Italja)(rappreżentanti: F. Sciaudone, R. Sciaudone u A. Neri, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Costa de Oliveira u F. Erlbacher, aġenti, assistiti minn P. Manzini, avukat)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta' Novembru 2009, li tiċħad l-offerta mressqa mill-konsorzju li r-rikorrenti tifforma parti minnu, fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għal offerti EuropAid/127843/D/SER/KOS, dwar il-provvista ta' servizzi ta' sostenn lill-awtoritajiet doganali u fiskali tal-Kosovo (ĠU 2009/S 4-003683), kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta' Novembru 2009, li tirrifjuta lill-konsorzju l-aċċess għal ċerti dokumenti relatati mal-proċedura ta' sejħa għal offerti msemmija

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli inkwantu dan huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-10 ta' Novembru 2009, li tiċħad l-offerta mressqa mill-konsorzju li r-rikorrenti tifforma parti minnu, fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għal offerti EuropAid/127843/D/SER/KOS, dwar il-provvista ta' servizzi ta' sostenn lill-awtoritajiet doganali u fiskali tal-Kosovo

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta' Novembru 2009, li tikkonċerna l-aċċess għal ċerti dokumenti relatati ma' din il-proċedura ta' sejħa għal offerti hija annullata sa fejn din irrifjutat l-aċċess, fil-verżjoni ppubblikata tar-rapport ta' evalwazzjoni, għall-marki mogħtija mill-Kumitat ta' Evalwazzjoni kif jinsabu fil-paġni 3 sa 5 ta' dan ir-rapport.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

It-talba tar-rikorrenti intiża għall-adozzjoni ta' miżuri istruttorji hija miċħuda.

Sviluppo Globale GEIE għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċeduri prinċipali kif ukoll tliet kwarti ta' dawk tal-Kummissjoni relatati ma' dawn il-proċeduri. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha relatati mal-proċeduri prinċipali.

Sviluppo Globale hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T-6/10 R.

____________

1 - ĠU C 51, 27.02.2010.