Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Jannar 2010 - Il-Kummissjoni vs Earthscan

(Kawża T-5/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A.-M. Rouchaud-Joët, S. Petrova, aġenti, assistiti minn P. Hermant u G. van de Walle de Ghelcke, avukati)

Konvenuta: Earthscan Ltd (Kent, ir-Renju Unit)

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-konvenuta għar-restituzzjoni lill-Kummissjoni tas-somma ta' EUR 44 903.22, li tikkorrispondi għas-somma prinċipali ta' EUR 45 835.44, li minnhom EUR 6 486.09 kienu diġa mħallsa, kif ukoll l-interessi ta' EUR 5 556.87 sat-30 ta' Settembru 2009;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas EUR 3.84 għal kull ġurnata bħala interessi mill-1 ta' Ottubru 2009 'l quddiem sakemm jitħallas id-dejn kollu kemm hu;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors preżenti, ibbażat fuq klawżola ta' arbitraġġ, ir-rikorrenti titlob li l-konvenuta tiġi kkundannata għar-restituzzjoni parzjali tal-ammont imħallas bil-quddiem mir-rikorrenti, flimkien mal-interessi moratorji, li jirriżultaw min-nuqqas ta' eżekuzzjoni tal-Kuntratt Nru 4.1030/Z/01-035/2001, konkluż bejn ir-rikorrenti u disa' kuntratturi, inkluża l-konvenuta, għall-iżvilupp, il-publikazzjoni u d-diffużjoni ta' gwida dwar l-enerġija rinnovabbli (proġett "Guide for Renewable Energy installations to promote biomass, photovoltaics, and solar thermal in the EU") fil-qafas tal-programm ALTENER 1.

Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed biss.

Peress li l-konvenuta ma wettqitx il-fażijiet 6 u 7 tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt (id-disinn, l-issettjar tat-tipa, l-istampar u d-diffużjoni), ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha, peress li naqset milli tirrimborsa s-sehem tagħha ta' qabel il-finanzjament li kien tħallas indebitament bl-applikazzjoni tal-kuntratt. Għalhekk hija ssostni li l-konvenuta għandha tiġi kkundannata għar-restituzzjoni tas-somma mħallsa indebitament, flimkien mal-interessi moratorji kif ikkalkolat fil-kuntratt.

____________

1 - Deċiżjoni 646/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2000, li tadotta programm multiannwali għall-promozzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinovabbli fil-Komunità (Altener) (1998-2002), ĠU L 79, p. 1