Language of document :

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2009 1(1)

Kawżi magħquda C-317/08 sa C-320/08

Rosalba Alassini et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Ischia, l-Italja)

“Tilwim bejn utenti finali u fornituri fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/22/KE – Riżoluzzjoni extra ġudizzjarja obbligatorja ta’ tilwim bħala rekwiżit ta’ ammissibbiltà ta’ rikors – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”





I –    Introduzzjoni

1.        Id-domanda li saret għandha l-għan li tistabbilixxi jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li l-ewwel għandu jsir tentattiv għal riżoluzzjoni extra ġudizzjarja ta’ tilwima bħala rekwiżit ta’ ammissibbiltà biex jitressqu ċerti rikorsi fil-qasam tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

2.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha din id-domanda mill-Giudice di pace di Ischia. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja qed tingħata l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni mhux biss fir-rigward tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz universali”) (2), iżda wkoll, b’mod partikolari, dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3.        Id-Direttiva 2002/22 tirregola l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lill-utenti. L-Artikolu 1 jistabbilixxi li d-Direttiva għandha l-għan li tiżgura d-disponibbiltà fil-Komunità kollha ta’ servizzi ta’ kwalità tajba u li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Fl-istess ħin hija tistabbilixxi d-drittijiet tal-utenti finali u l-obbligi korrispondenti tal-operaturi. Biex tiżgura provvista ta’ servizz universali, id-Direttiva tiddefinixxi l-provvista minima ta’ servizzi ta’ kwalità partikolari li għaliha l-utenti finali kollha għandu jkollhom aċċess bi prezz aċċettabbli fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

4.        Il-premessa 47 tad-Direttiva 2002/22, li tikkonċerna r-riżoluzzjoni tat-tilwim, hija fformulata kif ġej:

“[…] Proċeduri effettivi għandhom ikunu disponibbli biex jittrattaw disputi bejn il-konsumaturi, min-naħa ’l waħda, u mpriżi li jfornu servizzi ta’ komunikazzjonijiet disponibbli pubblikament, min-naħa ’l oħra. L-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni extra-ġudizzjarji ta’ disputi tal-konsumaturi […].”

5.        Għal dan il-għan, l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22, bit-titolu “Riżoluzzjonijiet extra-ġudizzjarji ta’ disputi” jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li proċeduri extra-ġudizzjarji trasparenti, sempliċi u li ma jkunux għaljin ikunu disponibbli għall-itrattar ta’ disputi mhux riżolti, li jinvolvu konsumaturi, li jirrelataw ma’ kwistjonijiet koperti b’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jassiguraw li dawk il-proċeduri jippermettu li disputi jiġu riżolti b’mod ġust u malajr u jistgħu, fejn ġustifikat, jadottaw sistema ta’ rimborż u/jew kumpens. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru disputi li jinvolvu utenti finali oħra.

2.      L-Istati Membru għandhom jassiguraw li l-leġislazzjoni tagħhom ma tfixkilx t-twaqqif ta’ uffiċċji ta’ l-ilmenti u l-forniment ta’ servizzi on-line fil-livell territorjali adatt biex jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżoluzzjoni ta’ disputi mill-konsumaturi u l-utenti finali.

[…]

4.      Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-proċeduri tal-qorti nazzjonali.”

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6.        Skont il-Liġi Nru 249 tal-31 ta’ Lulju 1997, it-tilwim bejn utenti finali u operaturi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar is-servizz universali u d-drittijiet tal-utenti finali huma suġġetti għall-kompetenza tal-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità għall-Garanziji fil-Komunikazzjoni, iktar ’il quddiem l-“AGC”).

7.        Permezz tad-Deċiżjoni Nru 173/07/CONS (3), l-AGC stabbiliet il-proċedura dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u utenti finali.

8.        L-Artikoli 3 u 13 tal-Anness A għal din id-deċiżjoni jipprovdu dan li ġej:

Artikolu 3

“1.      Għat-tilwim imsemmi fl-Artikolu 2(1), ir-rikors ġudizzjarju ma jistax jiġi ppreżentat sakemm ma jkunx sar it-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Co.re.com [Kumitat Reġjonali għall-Komunikazzjonijiet] li hu territorjalment kompetenti bid-delega biex iwettaq il-konċiljazzjoni, jew quddiem il-korpi ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim imsemmi fl-Artikolu 13.

2.      Fejn il-Co.re.com li huwa territorjalment kompetenti ma jkollux id-delega msemmija fl-ewwel paragrafu, it-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni għandu jsir quddiem il-korpi msemmija fl-Artikolu 13.

3.      It-terminu għall-konklużjoni tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni huwa ta’ tletin jum li jiddekorru mid-data ta’ meta titressaq it-talba; wara li jiskadi dan it-terminu, il-partijiet jistgħu jippreżentaw rikors ġudizzjarju anki fejn il-proċedura ma tkunx ġiet konkluża.”

Artikolu 13

“1.      Alternattivament għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Co.re.com, il-partijiet ikkonċernati għandhom il-possibbiltà li jagħmlu t-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni, anki b’mezzi elettroniċi, quddiem il-korpi ta’ kompożizzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim fil-qasam tal-konsumatur li jissemmew fl-Artikolu 1(o) ta’ dan ir-regolament.

2.      Għall-istess għan, l-utent jista’ wkoll iressaq il-każ tiegħu quddiem korpi stabbiliti permezz ta’ ftehim bejn l-operaturi u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi fuq il-livell nazzjonali, sakemm l-imsemmija korpi joperaw mingħajr ħlas u josservaw il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ekwità u ta’ effettività stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 2001/310/KE.”

9.        L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Regoli tranżitorji u finali” jistabbilixxi dan li ġej:

“1.      Sakemm id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 141(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 tas-6 ta’ Settembru 2005 ma jiġux implementati b’mod sħiħ, bil-għan li jitwettaq it-tentattiv ta’ konċiljazzjoni, il-partijiet jistgħu jressqu l-każ tagħhom, minbarra quddiem il-Kmamar ta’ Konċiljazzjoni stabbiliti mill-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Agrikoltura u tal-Artiġġjanat, anki quddiem il-korpi mniżżlin fir-reġistru stabbilit fl-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 5 tas-17 ta’ Jannar 2003.

2.      Fir-rigward tat-tilwim, anki dawk li jkunu f’fażi ta’ konċiljazzjoni, li jinqalgħu sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tkompli tapplika l-leġiżlazzjoni preċedenti, stabbilita fl-Artikolu 4(1) […]”.

III – Il-fatti, id-domanda preliminari u l-proċedura

10.      Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma utenti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni. Permezz tar-rikorsi tagħhom huma qed jitolbu li Telecom Italia SpA (4) u Wind SpA (5) rispettivament jiġu kkundannati jħallsu kumpens għad-danni li sofrew minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti tagħhom li kienu jikkonċernaw servizzi tat-telefon ipprovduti minn dawn l-impriżi. Ir-rikorrenti fil-Kawża C‑319/08 qed titlob ukoll li jiġi kkonstatat li ċerti somom li talbitha tħallas Telecom Italia SpA ma humiex dovuti.

11.      Il-kumpanniji tat-telefon konvenuti jsostnu, kull waħda fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna lilha, li r-rikorsi huma inammissibbli peress li r-rikorrenti qabel kollox ma għamlux tentattiv għal riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwima skont l-Artikoli 3 u 13 tal-Anness A għad-Deċiżjoni Nru 173/07/CONS.

12.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li fir-Reġjun ikkonċernat ta’ Campania ma huwa attiv l-ebda Co.re.com kif inhu pprovdut mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. B’hekk, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim għandha ssir quddiem il-korpi msemmija fl-Artikolu 13 tal-Anness A għad-Deċiżjoni Nru 173/07/CONS. Madankollu, ma saret l-ebda verifika minn qabel fir-rigward tal-konformità ta’ dawn il-korpi ta’ konċiljazzjoni alternattivi mal-kriterji stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni 2001/310/KE, kif inhu pprovdut mill-Artikolu 13 tal-Anness A għad-Deċiżjoni Nru 173/07/CONS, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż tal-proċedura.

13.      F’kull każ, anki li kieku ġie stabbilit Co.re.com fir-Reġjun ta’ Campania, il-qorti tar-rinviju tara ostakolu illegali għall-protezzjoni ġudizzjarja fin-natura vinkolanti tal-konċiljazzjoni.

14.      Il-qorti tar-rinviju għandha ċerti dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet Taljani mad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, b’Digriet tal-4 ta’ April 2008 hija ssospendiet il-proċedura fl-erba’ kawżi u, b’riferiment għal kull waħda minnhom, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, fid-Direttiva 2002/22/KE […], fid-Direttiva 1999/44/KE […], fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE […] u [fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummisjoni] 1998/257/(KE) […] għandhom effett dirett vinkolanti u għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kontroversji “l-oqsma tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bejn utenti finali u operaturi, li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ rispett tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-servizz universali u d-drittijiet tal-utenti finali stabbiliti fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, fid-deliberazzjonijiet tal-awtorità, fil-kundizzjonijiet kuntrattwali u fil-kundizzjonijiet tas-servizz” [kontroversji previsti fl-Artikolu 2 (tal-Anness A għad-Deċiżjoni])Nru 173/07/CONS], ma għandhomx ikunu suġġetti għal tentativ obbligatorju ta’ konċiljazzjoni li fin-nuqqas tiegħu ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qrati, b’tali mod li jipprevalu fuq id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(1) [tal-Anness A għad-Deċiżjoni Nru 173/07/CONS]?”

15.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2008, l-erba’ Kawżi C‑317/08, C‑318/08, C‑319/08 u C‑320/08 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tat-trattazzjoni orali kif ukoll tas-sentenza.

16.      Il-konvenuta fil-Kawża prinċipali C‑318/08, Wind SpA, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub u għamlu t-trattazzjonijiet orali tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-Gvern Pollakk ressaq osservazzjonijiet bil-miktub filwaqt li l-Gvern Taljan għamel trattazzjoni orali.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

17.      Matul is-seduta, il-Gvern Taljan sostna li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. F’din il-proċedura għandu jiġi stabbilit jekk l-obbligu ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim tikkostitwixxi ostakolu illegali biex jiġu implementati d-drittijiet rikonoxxuti mid-dritt Komunitarju. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma ġiex stabbilit liema huma d-drittijiet kontenzjużi fil-kawża prinċipali. B’hekk id-domandi li saru huma ipotetiċi.

18.      Wieħed għandu jaqbel mal-Gvern Taljan fir-rigward tal-fatt li l-introduzzjoni ta’ proċedura obbligatorja għall-konċiljazzjoni extra ġudizzjarja għandha tiġi analizzata mill-aspett tad-dritt Komunitarju biss jekk is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (6).

19.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda element iddettaljat fir-rigward tal-kawżi pendenti quddiemha. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jagħtu biss il-possibbiltà li jiġi stabbilit li, fil-kawża prinċipali, l-utenti finali għamlu talba għal kumpens għad-danni imputabbli lill-kumpanniji tat-telefon tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt li kien jikkonċerna s-servizzi tat-telefon ipprovduti minn dawn l-impriżi. Il-qorti inkwistjoni ma tispeċifikax ma’ liema drittijiet u obbligi għandha x’taqsam speċifikatament it-tilwima.

20.      Madankollu, ma jistax jiġi konkluż li d-domandi magħmula huma inammissibbli.

21.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li fil-prinċipju, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari. Fl-aħħar mill-aħħar, il-qorti tar-rinviju tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha tagħti deċiżjoni fir-rigward tad-domandi ppreżentati li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju (7).

22.      Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom qorti nazzjonali tagħmel rinviju (8). Skont ġurisprudenza stabbilita, iċ-ċaħda ta’ domanda hija possibbli meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (9).

23.      Il-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju huma rikorsi ppreżentati minn utenti finali kontra kumpanniji tat-telefon. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/22 jistabbilixxi d-drittijiet tal-utenti finali u l-obbligi korrispondenti tal-impriżi li jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-qorti tar-rinviju, fl-istess domanda, tiċċara li fil-kawża prinċipali dawn huma tilwim fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bejn utenti finali u operaturi, li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar is-servizz universali u ta’ rispett tad-drittijiet tal-utenti finali. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju ma huwiex rilevanti u li jidher ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju ma tikkonċernax is-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

24.      Għaldaqstant, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

B –    Evalwazzjoni fuq il-mertu tad-domandi preliminari

25.      Essenzjalment, f’dan il-każ għandu jiġi stabbilit jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi proċedura ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim bħala rekwiżit ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi ġudizzjarji li jikkonċernaw pretensjonijiet konnessi mad-Direttiva 2002/22.

26.      Id-domanda preliminari tirreferi għal diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Fl-ewwel lok, hija ssemmi d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (10). L-Artikolu 1(2)(b) ta’ din id-Direttiva jiddefinixxi l-oġġetti tal-konsum bħala oġġetti tanġibbli mobbli. Madankollu, anki minħabba s-sempliċi fatt li l-kawżi inkwistjoni ma jikkonċernawx oġġetti tanġibbli, iżda l-provvista ta’ servizzi tat-telefon, id-Direttiva 1999/44 ma tapplikax.

27.      Jekk huwa minnu li l-qorti tar-rinviju qed tirreferi għar-Rakkomandazzjonijiet 98/257/KE (11) u 2001/310/KE (12), madankollu għandu jiġi ppreċiżat li dawn m’għandhomx valur legali vinkolanti, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 249 KE. Għaldaqstant dawn ma jistgħux jagħtu lok għal obbligi awtonomi għall-Istati Membri. Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt Komunitarju u tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri.

28.      F’dan il-każ, għalhekk, huma partikolarment rilevanti l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22 u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

1.      L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22

29.      L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22 jobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu proċeduri extra ġudizzjarji għat-trattament tat-tilwim. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu trasparenti, sempliċi u mhux għaljin u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex dawn il-proċeduri jippermettu li t-tilwim jiġi riżolti b’mod ġust u malajr.

30.      B’hekk, l-Artikolu 34 jistabbilixxi l-kriterji ta’ kwalità li għandhom jissodisfaw riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim. Madankollu, huwa ma jipprovdi ebda indikazzjoni espliċita fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim tistax tiġi kkunsidrata bħala obbligatorja u jekk it-twettiq tagħha jistax jiġi ddikjarat bħala rekwiżit biex jiġi ppreżentat rikors. L-istess Artikolu 34(4) tad-Direttiva 2002/22 pjuttost jagħmilha ċara li dan l-artikolu huwa bla ħsara għall-proċeduri tal-qorti nazzjonali. Peress li r-rekwiżit ta’ tentattiv ta’ konċiljazzjoni bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Istati Membri, il-kwistjoni ma hijiex irregolata b’mod eżawrjenti mid-Direttiva 2002/22.

31.      Jekk ir-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22, jiġifieri li hija trasparenti, sempliċi u mhux għalja, allura l-istess direttiva ma tipprekludix li r-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim tkun obbligatorja.

32.      Iktar ’il quddiem, biħsiebni niddiskuti fil-qosor żewġ aspetti tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim deskritti mid-Direttiva, jiġifieri t-trasparenza u n-nuqqas ta’ oneru finanzjarju eċċessiv.

33.      Mill-Artikolu 13(2) tal-Anness A għad-Deċiżjoni Nru 173/07/CONS jirriżulta li l-konċiljazzjoni fdata f’idejn korpi kompetenti għat-tilwim fil-qasam tal-konsum, ġeneralment, tkun bla ħlas. Il-konvenuta fil-Kawża prinċipali C‑318/08 ddikjarat li anki l-proċeduri quddiem il-Co.re.com huma bla ħlas u li l-korpi kompetenti l-oħra joperaw bi ħlasijiet minimi.

34.      Barra minn hekk, il-proċedura għandha tkun trasparenti. Għaldaqstant huwa importanti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-korpi ta’ konċiljazzjoni kompetenti. Skont id-dispożizzjonijiet Taljani, fl-ewwel post hemm il-Co.re.com li jkollha kompetenza territorjali. Fir-reġjuni fejn din tal-aħħar għadha ma ġietx stabbilita, il-kompetenza hija fdata f’idejn korpi ta’ konċiljazzjoni alternattivi. Mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jirriżulta li r-rikorrenti jistgħu jidentifikaw faċilment il-korpi kompetenti alternattivi.

35.      Għaldaqstant, wieħed jista’ jaħseb li d-dispożizzjonijiet Taljani jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2002/22. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata dan.

36.      Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li mid-Direttiva 2002/22 ma tista’ tiġi dedotta ebda informazzjoni li tikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ proċedura obbligatorja ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim. Din il-kwistjoni għaldaqstant għandha tiġi evalwata biss mill-aspett tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

2.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

37.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (13). Barra minn hekk dan ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (14), ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice.

38.      Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu evalwati skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju biss jekk dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (15).

39.      Id-Direttiva 2002/22 tistabbilixxi d-drittijiet sostantivi għall-utenti finali tas-servizzi tat-telefon. F’dan il-każ, peress li l-proċedura obbligatorja ta’ konċiljazzjoni tat-tilwim tikkonċerna l-introduzzjoni ġudizzjarja ta’ dawn id-drittijiet fundamentali stabbiliti mid-Direttiva, għandu jiġi applikat id-dritt Komunitarju.

40.      Bħala prinċipju, għandu jkun id-dritt intern tal-Istati Membri individwali li jirregola l-proċeduri ta’ introduzzjoni tad-dritt Komunitarju u r-regoli tal-proċedura tar-rikorsi. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni proċedurali limitat meta jiġu biex jadottaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

41.      F’ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem enfasizzat li l-proċeduri intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi skont id-dritt Komunitarju ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza). Barra minn hekk, dawn ma jridux jagħmluha prattikament impossibbli jew wisq diffiċli li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (prinċipju ta’ effettività) (16).

42.      Fir-rigward tal-implementazzjoni ġudizzjarja tad-dritt Komunitarju, il-prinċipju ta’ effettività huwa espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għaldaqstant, biħsiebni nanalizza dan il-każ direttament fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Sussegwentement, biħsiebni neżamina l-kwistjoni tal-ekwivalenza.

43.      Id-dispożizzjonijiet Taljani jipprovdu li qabel kollox għandha titwettaq riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim biex ikun jista’ jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qrati. Rikors ġudizzjarju huwa inammissibbli fil-każ li l-ewwel ma jsirx tentattiv ta’ konċiljazzjoni tat-tilwima. B’dan il-mod qed jitqiegħed ostakolu ieħor għall-aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja. Kif mill-bqija jseħħ għal kwalunkwe rekwiżit ta’ ammissibbiltà previst mil-liġi, l-obbligu li jsir tentattiv ta’ konċiljazzjoni għaldaqstant jirrestrinġi l-aċċess għall-protezzjoni ġudizzarja. B’hekk, hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

44.      Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jikkostitwix prerogattiva assoluta. Anzi, l-aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet. Wara kollox, kull proċedura ġudizzjarja teħtieġ bażi leġiżlattiva u li tkun irregolata minn rekwiżiti ta’ ammissibbiltà. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni partikolari. Madankollu, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ir-restrizzjonijiet għandhom jikkorrispondu tabilħaqq għall-għanijiet ta’ interess ġenerali u ma għandhomx jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, intervent sproporzjonat, tant li jagħmel ħsara lill-kontenut stess tad-drittijiet (17).

45.      Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan osserva li t-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni huwa maħsub biex tinkiseb riżoluzzjoni iktar mgħaġġla u inqas għalja tat-tilwim. Konċiljazzjoni iktar mgħaġġla u inqas għalja hija qabel xejn fl-interess tal-partijiet rispettivi. Hija tinvolvi tnaqqis tal-piż globali tal-qrati u fl-istess ħin tagħti kontribut għall-effiċjenza tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja pubblika (18). Fl-aħħar nett, konċiljazzjoni tal-partijiet li tiġi konkluża b’mezzi extra ġudizzjarji ta’ spiss ikollha iktar probabbiltà li tikseb stabbiltà dejjiema tad-dritt meta pparagunata ma’ deċiżjoni ġudizzjarja kontenzjuża (19). Id-dispożizzjonijiet Taljani, għalhekk, għandhom għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali.

46.      L-introduzzjoni ta’ tentattiv obbligatorju għal riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim hija xierqa anki sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

47.      Madankollu, l-introduzzjoni ta’ proċedura obbligatorja ta’ konċiljazzjoni tat-tilwim hija meħtieġa biss fil-każ li riżoluzzjoni tat-tilwim sempliċement fakultattiva ma tkunx strument daqstant xieraq iżda tkun inqas oneruża biex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet. Minkejja dan, wieħed għandu jaqbel mal-Gvern Taljan li proċedura ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja sempliċement fakultattiva ma tkunx effettiva daqs proċedura obbligatorja li trid issir qabel kull kwistjoni. Anki l-Gvern Ġermaniż josserva ġustament, li, anki jekk waħda mill-partijiet jew it-tnejn li huma jirrifjutaw il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, l-esperjenza turi li għadha teżisti l-possibbiltà li matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni jitfaċċjaw possibbiltajiet ta’ riżoluzzjoni li fil-bidu ma kinux evidenti għall-partijiet.

48.      Fl-aħħar nett, ma jeżistix nuqqas ta’ proporzjonalità manifesta bejn l-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni tat-tilwim iktar mgħaġġla, bi spiża inqas oneruża u li tissodisfa l-interessi, minn naħa, u l-iżvantaġġi possibbli tal-obbligu ta’ twettiq ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni obbligatorja. Għaldaqstant, l-indħil fid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja rrappreżentat mill-obbligu ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed minimu, għaliex il-vantaġġi marbuta ma’ din il-proċedura jippredominaw b’mod wiesgħa.

49.      Minn naħa, il-proċedura preliminari ta’ konċiljazzjoni ma ddewwimx b’mod sinjifikattiv il-preżentata ta’ rikors. L-Artikolu 3 tal-Anness A għad-Deċiżjoni Nru 173/07/CONS fil-fatt jipprovdi li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja għandha tiġi konkluża fi żmien 30 jum minn meta tintalab il-konċiljazzjoni. Jekk dan ma jseħħx, hekk kif jiddekkorri dak it-terminu, il-partijiet jistgħu jippreżentaw rikors.

50.      Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim – kif diġà ngħad iktar ’il fuq (20) – ma hijiex għalja.

51.      Minbarra dan, it-tentattiv ta’ konċiljazzjoni jissospendi t-terminu ta’ preskrizzjoni. Għaldaqstant, il-konċiljazzjoni ma tippreġudikax l-implementazzjoni tad-drittijiet.

52.      Madankollu, fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tikkritika karatteristika formali tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni li tista’ twassal sabiex il-proċedura kollha tiġi ddefinita bħala ndħil sproporzjonat. Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-applikazzjoni għal tentattiv ta’ konċiljazzjoni bilfors għandu jsir permezz ta’ formoli li jinkisbu mis-sit Internet tal-Awtorità. Dan huwa ostakolu għal dawk ir-rikorrenti li ma għandhomx aċċess għal kompjuter. Jekk tabilħaqq applikazzjoni għal konċiljazzjoni għandha ssir permezz ta’ formoli speċifiċi li huma aċċessibbli biss minn fuq l-Internet, allura naqbel mal-qorti tar-rinviju li b’dan il-mod l-aċċess għall-konċiljazzjoni – u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar għar-rikors ġudizzjarju – ikun ferm iktar diffiċli għal dawk li ma jkollhomx aċċess għall-Internet. Fil-fehma tiegħi, f’dan ir-rigward ikun hemm indħil sproporzjonat fid-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja.

53.      Madankollu, mill-Artikolu 13(1) tal-Anness A għad-Deċiżjoni Nru 173/07/CONS tirriżulta l-possibbiltà li talba tiġi ppreżentata anki b’mezzi elettroniċi. Għaldaqstant mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-formoli mitluba huma aċċessibbli biss minn fuq l-Internet. Fl-aħħar mill-aħħar, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tiċċara jekk għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni l-individwi jistgħux raġonevolament jiksbu l-formoli mitluba anki b’mezzi oħrajn.

54.      Fl-aħħar nett, fadal li jiġu eżaminati r-rakkomandazzjonijiet li qed tistaqsi dwarhom il-qorti tar-rinviju. Bil-kontra ta’ dak li sostnew il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Pollakk, minn dawn tal-aħħar ma tirriżulta l-ebda kunsiderazzjoni differenti. Huwa minnu li kemm ir-Rakkomandazzjoni 98/257 kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni 2001/310, rispettivament fil-premessi 21 u 14, josservaw li l-proċeduri extra ġudizzjarji ma għandhomx jieħdu post il-proċeduri ġudizzjarji, u għalhekk dawk li jagħmlu użu minn proċedura extra ġudizzjarja ma għandhomx jiċċaħdu mid-dritt li jippreżentaw rikors quddiem korp ġudizzjarju. Madankollu, id-dispożizzjonijiet Taljani ma jmorrux kontra dawn id-dikjarazzjonijiet. Fil-fatt, fihom ir-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim ma tieħux post il-proċedura ġudizzjarja u l-aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja ma jiġix miċħud, imma eventwalment pospost għal mhux iktar minn 30 jum.

55.      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkonfermata mid-Direttiva 2008/52, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (21). Huwa minnu li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għal dan il-każ, iżda fiha hemm evalwazzjoni li tista’ tiġi ttrasferita għal dan il-każ. L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/52 jipprovdi li d-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tagħmel l-użu tal-medjazzjoni obbligatorju jew suġġett għal inċentivi jew sanzjonijiet, sew jekk qabel kif ukoll jekk wara li jkunu bdew proċedimenti ġudizzjarji, sakemm tali liġi ma tipprekludix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja. Il-leġiżlazzjoni Taljana – kif diġà ngħad iktar ’il fuq – tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, u tabilħaqq l-aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja jiġi sempliċement pospost.

56.      Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi lanqas ma jiksru l-prinċipju ta’ ekwivalenza li fuq il-bażi tiegħu r-regoli tal-proċedura tar-rikorsi intiżi li jiggarantixxu d-drittijiet tal-individwi skont id-dritt Komunitarju ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw każijiet simili ta’ natura interna (22). B’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Taljan sostna waqt is-seduta li, s’issa fl-Italja, il-konċiljazzjoni obbligatorja hija prevista biss fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Hija ġiet introdotta l-ewwel f’dak is-settur filwaqt li din il-konċiljazzjoni obbligatorja dalwaqt tiġi applikata f’oqsma oħrajn, bħal pereżempju s-settur tal-enerġija. Minn dawn l-elementi jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li ma hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Għaldaqstant, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ trattament inqas favorevoli meta pparagunat ma’ sempliċi kuntest ta’ dritt intern. Qabel kollox ma huwiex ċar li għar-rikorsi f’setturi oħrajn, bħal pereżempju dak tal-enerġija, dawn ikunu “każijiet simili”. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi japplikaw mhux biss għad-drittijiet rikonoxxuti mid-dritt Komunitarju fis-settur tas-servizzi universali, iżda anki għal dawk li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali.

57.      Fil-qosor, għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim obbligatorja li ssir qabel proċedura ġudizzjarja ma hijiex, bħala prinċipju, indħil sproporzjonat fid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dispożizzjonijiet bħal dawk kontenzjużi jirrappreżentaw indħil minimu fid-dritt għall-implementazzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet, li jiġi kkumpensat bil-possibbiltà li t-tilwima tiġi riżolta b’mezz imħaffef u ekonomiku.

V –    Konklużjoni

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Giudice di pace di Ischia:

“L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz universali”), jipprovdi li l-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim għandhom ikunu trasparenti, sempliċi u mhux għaljin. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jipprekludix li dawn il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim jitwettqu b’mod obbligatorju, sakemm dawn ikollhom għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali u, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, ma jikkostitwixxux intervent sproporzjonat.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367 - 393 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/22”).


3 – Ippubblikata fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 120 tal-25 ta’ Mejju 2007.


4 – Fil-Kawżi C‑317/08, C‑319/08 u C‑320/08.


5 – Fil-Kawża C‑318/08.


6 – Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C‑299/95, Ġabra p. I‑2629, punt 15); u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 75).


7 – Ara biss is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 15); u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C‑48/07, Ġabra p. I‑10627, punt 16), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


8 – Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, Ġabra p. 3045, punt 27); u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 27).


9 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/44/KE”).


11 – Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni extra ġudizzjarja ta’ tilwim fil-qasam tal-konsum (ĠU L 115, p. 31).


12 – Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE tal-4 ta’ April 2001 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi extra ġudizzjarji li jipparteċipaw fir-riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim fil-qasam tal-konsum (ĠU L 109, p. 56).


13 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punti 18 u 19); tat- 13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37), u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 335).


14 – ĠU C 364, p. 1.


15 – Ara s-sentenzi Kremzow (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 15), u Schmidberger (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 75).


16 – Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C‑13/01, Ġabra p. I‑8679, punt 49); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et (C‑147/01, Ġabra p. I‑11365, punt 103); tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 67), u Unibet (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 43).


17 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et (C‑28/05, Ġabra p. I‑5431, punt 75); u tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, Ġabra p. I‑2563, punt 32).


18 – Għat-twettiq b’mod effettiv ta’ proċedura sabiex ikun hemm amministrazzjoni korretta tal-ġustizzja, ara s-sentenza Gambazzi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 32).


19 – Din il-funzjoni tissemma anki fid-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136, p. 3).


20 – Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


22 – Ara, inter alia, is-sentenza Weber’s Wine World et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 103).