Language of document : ECLI:EU:C:2012:308

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-24 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawża C‑116/11

Bank Handlowy u Ryszard Adamiak

vs

Christianapol sp. z o.o.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy Poznań Stare Miasto w Poznań (il-Polonja)]

“Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ insolvenza — Mument tal-għeluq tal-proċeduri ta’ insolvenza — Eżami tal-insolvenza fil-proċedura sekondarja — Relazzjoni bejn proċedura prinċipali u proċedura sekondarja meta l-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ rkupru”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar proċeduri ta’ insolvenza” jew ir-“Regolament”). Dan ir-regolament jipprovdi fil-prinċipju żewġ possibbiltajiet meta s-sitwazzjoni ta’ insolvenza ma tkunx ristretta għal Stat Membru wieħed: l-introduzzjoni ta’ proċedura prinċipali u l-introduzzjoni ta’ proċedura territorjali jew sekondarja (3).

2.        Il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza tinfetaħ fl-Istat Membru fejn ikun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur. Din tirrigwarda l-assi kollha tad-debitur fl-Istati Membri kollha, għandha portata universali, u hija rregolata mil-liġi tal-Istat fejn tkun infetħet din il-proċedura. Il-proċeduri territorjali jew sekondarji, min-naħa l-oħra, huma ristretti ġeografikament għat-territorju tal-Istat Membru fejn ikunu nfetħu u jirrigwardaw biss l-assi li jkunu jinsabu f’dak l-Istat. Dawn huma rregolati mil-liġi tal-istess Stat Membru. F’każ ta’ koeżistenza ta’ proċedura prinċipali, minn naħa, u ta’ proċedura sekondarja jew territorjali, min-naħa l-oħra, ir-Regolament jistabbilixxi għadd kbir ta’ obbligi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-proċeduri rispettivi.

3.        Din il-kawża hija waħda partikolari fis-sens li l-proċedura prinċipali li nfetħet fi Franza hija procédure ta’ sauvegarde (proċedura ta’ salvagwardja), li l-għan tagħha huwa li tiġi rristrutturata l-impriża tad-debitur. Din il-karatteristika partikolari hija l-oriġini tat-tliet domandi li saru mis-Sąd Rejonowy Poznań Stare Miasto w Poznaniu (4). It-talba għal deċiżjoni preliminari b’hekk tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża r-relazzjoni bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura sekondarja.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament dwar proċeduri ta’ insolvenza japplika “għal proċedimenti kollettivi ta’ falliment li jinvolvu t-tneħħija ta’ l-assi parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur”.

5.        Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament, l-Artikolu 2(a) jiddefinixxi f’dawn it-termini il-“proċedimenti ta’ falliment”: “il-proċedimenti kollettivi msemmija fl-Artikolu 1(1). Dawn il-proċedimenti huma mniżżla fl-Anness A”; il-punt ċ) jirrigwarda l-“proċedimenti ta’ egħluq [stralċ]”, li huma ddefiniti bħala “proċedimenti ta’ falliment fil-qofol ta’ dak li jfisser punt (a) li jinvolvi r-realiżazzjoni ta’ l-assi tad-debitur, inklużi meta l-proċedimenti ikunu ingħalqu b’komposizzjoni jew miżuri oħra li jitterminaw il-falliment, jew magħluqa permezz ta’ insuffiċjenza tal-assi. Dawk il-proċedimenti huma mniżżla fl-Anness B”.

6.        L-Artikolu 3 jiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali:

“1.      Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.      Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

3.      Meta proċedimentI ta’ falliment jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, xi proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ l-egħluq [stralċ].

4.      Proċediment territorjali ta’ falliment msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinfetħu qabel il-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment skond il-paragrafu 1 biss:

(a)       meta l-proċedimenti ta’ falliment permezz ta’ paragrafu 1 ma jistgħux jinfethu minħabba l-kondizzjonijiet meħtieġa bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur; jew

(b)       meta l-ftuħ ta’ proċedimenti territorjali ta’ falliment ikun mitlub minn kreditur li jkollu id-domiċilju tiegħu, is-residenza tas-soltu jew l-uffiċċju rreġistrat fl-Istat Membru fit-territorju li fih ikun jinstab l-istabbiliment, jew li t-talba tiegħu toriġina mill-operazzjoni ta’ dak l-istabbiliment.”

7.        L-Artikolu 4 tar-Regolament jipprovdi skont kif ġej, taħt it-titolu “Liġi applikabbli”:

“1.      Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċediment, minn hawn ‘il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.      Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[…]

j)       il-kondizzjonijiet għal u l-effetti ta’ l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, b’ mod partikolari b’komposizzjoni;

k)       id-drittijiet tal-kredituri wara l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment;

[…]”.

8.        L-Artikolu 16 jirrigwarda r-rikonoxximent ta’ proċedura ta’ insolvenza; il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi hekk:

“Ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf [rikonoxxut] fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.”

9.        Fl-Artikolu 26 insibu eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku:

“Xi Stat Membru jista’ jiċħad li jirrikonoxxi proċedimenti ta’ falliment miftuħa fi Stat Membru ieħor jew li jeżegwixxi sentenza mgħotija fil-kuntest ta’ proċedimenti bħal dawn meta l-effetti ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni bħal dawn ikunu manifestament kontra l-politika pubblika ta’ dak l-Istat, b’mod partikolari l-prinċipji fundamentali tiegħu jew id-drittijiet kostituzzjonali u l-libertajiet ta’ l-individwu.”

10.      L-Artikolu 27 huwa l-ewwel dispożizzjoni tal-Kapitolu III bit-titolu “Proċedimenti sekondarji ta’ falliment”; dan jipprovdi, taħt it-titolu “Ftuħ tal-proċedimenti”:

“Il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) minn qorti ta’ Stat Membru u li jkun rikonoxxut fi Stat Membru ieħor (proċedimenti prinċipali) għandu jippermetti l-ftuħ f’dak l-Istat Membru l-ieħor, li qorti tiegħu jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2), ta’ proċedimenti sekondarji ta’ falliment mingħajr ma l-falliment tad-debitur ikun eżaminat fl-Istat l-ieħor. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikunu fost il-proċedimenti mniżżla f’L-Anness B. L-effetti tagħhom għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkun jinstab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.”

11.      L-Artikolu 33 jirregola f’dawn it-termini is-“[s]ospensjoni ta’ likwidazzjoni”:

“1.      Il-qorti, li tkun fetħet il-proċedimenti sekondarji, għandha tissospendi l-proċess ta’ likwidazzjoni, kollu jew partu minnu, mal-wasla ta’ talba minn likwidatur fil-proċedimenti prinċipali, basta illi f’dan il-każ din tista’ tenħtieġ illi l-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-interessi tal-kredituri fil-proċedimenti sekondarji u tal-klassijiet individwali ta’ kredituri. Talba bħal din minn likwidatur tista’ tkun miċħuda biss jekk din tkun b’ mod ovvju ta’ l-ebda interess għal kredituri tal-proċedimenti prinċipali. Tista’ tiġi msejħa sospenzjoni bħal din fil-proċess ta’ likwidazzjoni sa massimu ta’ tlett xhur. Tista’ titkompla jew tiġġedded għal perjodi simili.

2.      Il-qorti msemmi fil-paragrafu 1 għandu jittermina is-sospenzjoni tal-proċess ta’ likwidazzjoni:

–        fuq it-talba tal-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali,

–        fuq id-deċiżjoni tiegħu stess, fuq talba minn kreditur jew fuq talba mill-likwidatur ta’ proċedimenti sekondarji jekk dik il-miżura ma tidhirx aktar ġustifikata, b’mod partikolari, fl-interessi ta’ kredituri fil-proċedimenti prinċipali jew fil-proċedimenti sekondarji.”

12.      L-Artikolu 34 jirrigwarda il-“[m]iżuri li jitterminaw il-proċedimenti sekondarji ta’ falliment”:

“1.      Meta l-liġi applikabbli għal proċedimenti sekondarji tippermetti li proċedimenti bħal dawk jiġu tterminati mingħajr likwidazzjoni bi pjan ta’ salvataġġ, miżura komposta jew kumparabbli, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali għandu jiġi awtoriżżat li jipproponi miżura bħal din huwa stess.

It-terminazzjoni ta’ proċedimenti sekondarji b’miżura msemmija fl-ewwel sub-paragrafu m’għandhiex tkun finali mingħajr il-kunsens tal-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali; fin-nuqqas tal-ftehim tiegħu, b’dana kollu, tista’ tkun finali jekk l-interessi finanzjarji tal-kredituri fil-proċedimenti prinċipali ma jkunux affettwati bil-miżura proposta.

2.      Xi restrizzjoni għad-drittijiet ta’ kredituri li toriġina minn miżura msemmija fil-paragrafu 1 li tkun proposta fi proċedimenti sekondarji, sospenzjoni bħal dik ta’ pagament jew egħluq ta’ dejn, ma jistax ikollu effett fuq l-assi ta’ debitur li ma jkunx koperti b’dawk il-proċedimenti mingħajr il-kunsens tal-kredituri kollha li jkollhom interess.

3.      Matul is-sospenzjoni fil-proċess ta’ likwidazzjoni msejħa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 33, il-likwidatur biss fil-proċedimenti prinċipali jew id-debitur, bil-kunsens ta’ dak ta’ l-ewwel, jista’ jipproponi miżuri mniżżla fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedimenti sekondarji; l-ebda proposta oħra għal miżura bħal din m’għandha tkun ippreżentati għal vot jew approvata.”

13.      L-Artikolu 37 jirregola l-ipoteżi tal-ftuħ ta’ proċedura territorjali qabel il-ftuħ tal-proċedura prinċipali u jipprovdi:

“Il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali jista’ jitlob li l-proċedimenti mniżżla f’L-Anness A miftuħa minn qabel fi Stat Membru ieħor li jkunu kkonvertiti fi proċedimenti ta’ terminazzjoni [stralċ] jekk dan juri li jkun fl-interess tal-kredituri fil-proċedimenti prinċipali.”

14.      L-Anness A tar-Regolament jelenka l-proċeduri nazzjonali li huma proċeduri ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 2(a). Fl-Anness B insibu l-lista ta’ proċeduri ta’ stralċ fis-sens tal-Artikolu 2(ċ).

B –    Id-dritt nazzjonali

15.      Taħt id-dritt Franċiż jeżistu tliet tipi ta’ proċeduri ta’ insolvenza msemmija fl-Anness A tar-Regolament: il-proċedura ta’ sauvegarde (salvagwardja), il-proċedura ta’ redressement judiciaire (irkupru ġudizzjarju) u l-proċedura ta’ liquidation judiciaire (stralċ ġudizzjarju).

16.      Il-proċedura ta’ salvagwardja hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L620-1 et seq. tal-Kodiċi tal-Kummerċ, fil-verżjoni tal-Liġi Nru 2005-845 tas-26 ta’ Lulju 2005. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-introduzzjoni ta’ tali proċedura ta’ rkupru preventiva tista’ tintalab biss mid-debitur, kemm-il darba huwa jiġġustifika l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ ħlas.

17.      Il-proċedura ta’ salvagwardja għandha l-obbjettiv li tippromwovi t-tkomplija tal-attività ekonomika tal-impriża, iż-żamma tal-impjiegi u l-ibbilanċjar tal-passiv. Din il-proċedura preventiva ta’ rkupru għandha madankollu tippermetti wkoll l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-impriża.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

18.      It-Tribunal de commerce de Meaux (Franza) fetaħ, permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2008, proċedura ta’ insolvenza kontra d-debitur Christianapol sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Christianapol”) li hija stabbilita fil-Polonja. Din il-proċedura kienet, b’mod aktar preċiż, proċedura ta’ salvagwardja, kif prevista mid-dritt Franċiż.

19.      Il-qorti Franċiża ħatret prokuratur ġudizzjarju kif ukoll amministratur ġudizzjarju (5) u kkonstatat li “Christianapol Sp. Z o.o, ma tinsabx fi stat fejn ser tieqaf tħallas, għaliex il-likwidità prevista tagħha tirriżulta li hija pożittiva” (6). Hija bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur kien jinsab fi Franza, peress li Christianapol tagħmel parti minn grupp ta’ impriżi li ċ-ċentru ta’ interessi prinċipali tagħhom jinsab fi Franza. Madankollu, l-assi kollha ta’ Christianapol, inklużi s-siti ta’ produzzjoni tagħha, jinsabu fil-Polonja.

20.      Il-proċedura miftuħa mit-Tribunal de commerce de Meaux tikkostitwixxi, skont dik il-qorti u skont il-qorti tar-rinviju, proċedura prinċipali ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament.

21.      Fil-21 ta’ April 2009, kreditur ta’ Christianapol stabbilit fil-Polonja, Bank Handlowy w Warszawie SA (iktar ’il quddiem “Bank Handlowy”), ressaq quddiem is-Sąd Rejonowy Poznań (il-qorti tar-rinviju) talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament dwar proċeduri ta’ insolvenza. Sussidjarjament, fl-ipoteżi li d-deċiżjoni tat-Tribunal de commerce de Meaux ma tiġix rikonoxxuta fil-Polonja għal ksur tal-ordni pubbliku skont l-Artikolu 26 tar-Regolament, huwa talab, fis-26 ta’ Ġunju 2009, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ fir-rigward tal-assi tad-debitur, mingħajr ma ppreċiża b’mod ċar jekk dan kienx qiegħed jitlob il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 3(1), jew ta’ proċedura territorjali, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament.

22.      Fl-20 ta’ Lulju 2009, it-Tribunal de commerce de Meaux approva l-pjan għas-salvagwardja ppreżentat mid-debitur, fejn kien previst ir-rimbors fuq medda ta’ 10 snin tal-krediti msemmija fil-pjan ta’ rimbors. Barra minn hekk, dik il-qorti ħatret, permezz ta’ dik is-sentenza, kummissarju għall-eżekuzzjoni tal-pjan. Hija żammet il-prokuraturi ġudizzjarji, li kienu ġew innominati qabel, sat-tmiem tal-proċedura ta’ verifika tal-krediti u l-għoti tar-rendikont tagħhom tat-tmiem tal-inkarigu.

23.      Fit-2 ta’ Awwissu 2009, kreditur ieħor ta’ Christianapol, PPHU “Adax” Ryszard Adamiak (b’uffiċċju rreġistrat fil-Polonja), ukoll ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ fis-sens tad-dritt Pollakk mingħajr ma ppreċiża jekk kienx qiegħed jitlob il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali jew ta’ proċedura territorjali.

24.      Christianapol inizjalment talbet li tiġi miċħuda t-talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza, għar-raġuni li din tmur kontra l-obbjettivi u n-natura tal-proċedura ta’ salvagwardja. Ladarba l-pjan għas-salvagwardja kien ġie approvat, Christianapol ikkonkludiet li ma kienx għad hemm lok sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-proċedura sekondarja, peress li l-proċedura prinċipali kienet ingħalqet. Barra minn hekk, hija talbet li jiġu miċħuda t-talbiet għad-dikjarazzjoni ta’ insolvenza, għar-raġuni li hija kienet qed tissodisfa l-obbligi tagħha b’mod konformi mal-pjan approvat mill-qorti Franċiża, b’tali mod li ma kienet suġġetta għal ebda obbligu finanzjarju.

25.      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti Pollakka staqsiet lit-Tribunal de commerce de Meaux jekk, inkwantu l-pjan għas-salvagwardja kien ġie approvat, il-proċedura prinċipali Franċiż kinitx għadha pendenti. La r-risposta tat-Tribunal de commerce de Meaux u lanqas il-perizja mressqa fuq din il-kwistjoni ma xeħtu dawl fuq dan il-punt.

26.      Madankollu, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti Pollakka, l-intervent tagħha jiddependi mill-għeluq tal-proċedura Franċiża: jekk dik il-proċedura ingħalqet, il-qorti Pollakka tkun f’pożizzjoni li tiftaħ proċedura prinċipali ġdida fil-Polonja, jekk ikun il-każ. Jekk il-proċedura Franċiża ma tkunx intemmet, il-qorti Pollakka tista’ sempliċement tiftaħ proċedura sekondarja.

27.      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2011, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       L-Artikolu 4 (1) u (2)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment” użat f’din id-dispożizzjoni għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma, li ma tiddependix fuq leġiżlazzjonijiet applikabbli fis-sistemi legali tal-Istati Membri differenti jew huwa r-responsabbiltà tad-dritt nazzjonali tal-Istat ta’ ftuħ sabiex jiddetermina f’liema mument iseħħ l-għeluq ta’ dan il-proċediment?

2)       L-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li jkollha quddiemha talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ falliment ma tista’ fl-ebda każ teżamina l-falliment tad-debitur li kontrih kawża prinċipali ta’ falliment ġiet miftuħa fi Stat Membru ieħor jew fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’, f’xi każijiet, teżamina l-kwistjoni tal-eżistenza tal-falliment tad-debitur, speċjalment meta l-proċediment prinċipali jkun proċediment ta’ protezzjoni fejn il-qorti sabet li d-debitur ma huwiex fallut (proċediment Franċiż għas-salvagwardja)?

3)       L-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-3 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, kif interpretat, jippermetti li jinfetaħ proċediment sekondarju ta’ falliment — li n-natura tiegħu hija ddefinita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament — fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-propjetà kollha tad-debitur inkwistjoni, meta wieħed jikkunsidra li l-proċediment prinċipali, b’mod partikolari meta l-proċediment prinċipali, li jgawdi minn rikonoxximent awtomatiku, huwa protettiv fin-natura tiegħu (proċediment Franċiż għas-salvagwardja), li pjan ta’ rimbors kien ġie adottat u approvat fil-kuntest ta’ dan il-proċediment, li dan il-pjan ikun implementat mid-debitur, u li l-imħallef ipprojbixxa kull trasferiment tal-beni tad-debitur?”

Bank Handlowy, Christianapol, il-Gvernijiet ta’ Franza, Spanja u l-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni ħadu sehem fil-proċedura.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Fuq l-ewwel domanda magħmula

28.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-mument tal-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza huwiex iddeterminat mid-dritt nazzjonali jew jekk għandux jingħata definizzjoni awtonoma għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni. Hija tirreferi fuq dan il-punt għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Eurofood IFSC (7) u tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipji stabbiliti f’dik is-sentenza fir-rigward tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza jistgħux jiġu trasposti għall-għeluq tiegħu.

29.      Ir-Repubblika Franċiża u Christianapol huma tal-fehma li l-kwistjoni tal-għeluq tal-proċedura għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni awtonoma, partikolari għad-dritt tal-Unjoni, fis-sens li proċedura ta’ insolvenza għandha jitqies bħala magħluqa meta din tiġi abbandunata mid-debitur u l-likwidatur ikun temm il-funzjonijiet tiegħu. Jien, iżda, ma naqbilx.

30.      Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għal proċedura ta’ insolvenza hija rregolata mill-Artikolu 4 tar-Regolament. Skont il-paragrafu 1 tiegħu, il-liġi applikabbli hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura (lex concursus). Il-paragrafu 2 jippreċiża, f’elenku mhux eżawrjenti (8), l-aspetti differenti suġġetti għal-lex concursus. L-Artikolu 4(2)(j) b’hekk isemmi “il-kondizzjonijiet għal u l-effetti ta’ l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, b’ mod partikolari b’komposizzjoni”. Mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li l-Artikolu 4 huwa regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet li tħalli f’idejn id-dritt nazzjonali l-kwistjoni tal-għeluq ta’ proċedura ta’ insolvenza.

31.      Dan huwa kkonfermat ukoll mill-premessa 23 tar-Regolament, li tippreċiża li għandhom jiġu stabbiliti “regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet” fil-qasam tal-insolvenza “li jibdlu […] ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali”. Għaldaqstant, il-lex concursus tiddetermina “l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola l-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment”.

32.      Karatteristika tar-regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet hija li din ma tirrispondix preċiżament hija stess kwistjoni ta’ dritt sostantiv iżda sempliċement tindika d-dritt li minnu tiddependi r-risposta għal dik il-kwistjoni. Id-definizzjoni awtonoma proprja għad-dritt tal-Unjoni tal-kunċett ta’ “egħluq ta’ proċediment ta’ falliment”, li dwarha jinsistu Franza u Christianapol, madankollu tiffissa direttament, fil-livell tal-Unjoni, il-mument tal-għeluq tal-proċedura (u dan ifisser li tistabbilixxi direttament regola tad-dritt sostantiv) minflok ma tirreferi sempliċement għad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-ftuħ. Dan imur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 4 u tal-premessa 23 tar-Regolament.

33.      Il-Gvern Franċiż josserva ġustament li, f’każ ta’ dubju dwar il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija filwaqt li jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-obbjettiv segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (9). Fil-każ ta’ regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet, dan il-prinċipju madankollu ma jistax ikollu l-effett li jinvalida s-sustanza proprja tar-regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet, billi jirrispondi diġà fil-livell tad-dritt tal-Unjoni għall-kwistjoni tad-dritt sostantiv. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-prinċipju tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni japplika biss għad-dispożizzjonijiet li ma jagħmlu ebda referenza espressa għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw is-sens u l-portata tagħhom (10). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4, li jirreferi espressament għal-lex concursus, ma jistax jingħata interpretazzjoni awtonoma proprja taħt id-dritt tal-Unjoni.

34.      L-obbjettivi tar-Regolament jopponu wkoll interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett tal-għeluq tal-proċedura. Kif jirriżulta mill-premessa 11 tiegħu, l-għan speċifiku tar-Regolament ma huwiex il-ħolqien ta’ dritt uniformi dwar l-insolvenza — la permezz ta’ proċedura ta’ insolvenza Ewropea uniformi u lanqas billi jinħoloq dritt sostantiv uniformi. Għall-kuntrarju, skont din il-premessa, l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ insolvenza uniformi b’portata universali ma jistax jinkiseb. Ir-Regolament b’hekk huwa limitat, kif tindika l-premessa 6 tiegħu, għall-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni u l-koordinazzjoni tal-proċeduri paralleli li jkunu jinsabu għaddejjin u tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti koeżistenti, kif ukoll dwar ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. Ir-regolamentazzjoni tal-kwistjonijiet proċedurali essenzjali — bħal dik tal-għeluq ta’ proċedura — b’mod awtonomu, ċertament tikkostitwixxi proċess ta’ armonizzazzjoni rampanti tal-liġi dwar l-insolvenza, li ma huwiex l-iskop tar-Regolament.

35.      Huwa minnu li fis-sentenza Eurofood IFSC, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kundizzjonijiet tal-“ftuħ ta’ proċediment ta’ falliment” (11). Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu Franza u Christianapol, dik is-sentenza ma tistax tiġi applikata għal din il-kawża.

36.      Fl-ewwel lok, id-domanda magħmula fil-kawża Eurofood IFSC kellha bħala suġġett il-kunċett ta’ “ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment” fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament u mhux fis-sens tal-Artikolu 4. L-Artikolu 16 madankollu ma huwiex regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet: għall-kuntrarju, dan l-artikolu jistabbilixxi regola sostantiva, billi jagħti prijorità lill-proċedura ta’ insolvenza miftuħa l-ewwel. Konsegwentement, l-Artikolu 16, għall-kuntrarju tal-Artikolu 4, jista’ jingħata interpretazzjoni awtonoma proprja taħt id-dritt tal-Unjoni.

37.      L-interpretazzjoni adottata fis-sentenza Eurofood IFSC ma kellhiex l-iskop, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, li tistabbilixxi kriterji ġenerali li jippermettu li proċedura ta’ insolvenza titqies fil-prinċipju bħala miftuħa. Din tibqa’ kwistjoni li taqa’ taħt il-lex concursus identifikata skont l-Artikolu 4. F’dik is-sentenza il-kwistjoni kienet pjuttost dik li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 16 li, meta jitqies il-kontenut regolatorju tiegħu, kienet ukoll neċessità. L-Artikolu 16 iservi sabiex tiġi identifikata l-lex concursus pertinenti. Sabiex ikun jista’ jiġi applikat ir-rinviju li jirriżulta mill-Artikolu 4, għandu jiġi ddeterminat liema huwa l-ordinament ġuridiku li għalih jirreferi. Dan huwa r-rwol tal-Artikolu 16, li jagħti prijorità lill-proċedura miftuħa l-ewwel. Din ir-regola ta’ prijorità madankollu titlef kull effett prattiku kieku kull Stat kellu jevalwa b’mod differenti liema proċedura nfetħet l-ewwel. Sabiex dan jiġi evitat, hija meħtieġa interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “ftuħ” fis-sens tal-Artikolu 16, kif intqal fis-sentenza Eurofood IFSC.

38.      L-għeluq ta’ proċedura ta’ insolvenza madankollu ma jistax ikun komparabbli mas-sitwazzjoni qabel il-ftuħ ta’ dik il-proċedura. Meta tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza fis-sens tar-Regolament, din il-proċedura tiġi rikonoxxuta, skont l-Artikolu 16(1), fl-Istati Membri l-oħrajn kollha u b’hekk ikun ipprojbit il-ftuħ ta’ proċeduri prinċipali oħrajn. Qabel il-ftuħ tal-proċedura, l-eżistenza ta’ liġijiet differenti fl-Istati Membri tista’ twassal għal kunflitti ta’ ġurisdizzjoni, kif uriet il-kawża Eurofood IFSC (12). Ladarba tkun infetħet il-proċedura prinċipali, dawk il-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni huma esklużi — ir-Regolament fil-fatt ipprovda, fl-Artikolu 16 tiegħu, mekkaniżmu li jippermetti li dawn il-kunflitti jiġu evitati.

39.      Il-fatt li l-kompitu li tiġi rregolata l-kwistjoni tal-għeluq tal-proċedura jitħalla f’idejn id-dritt nazzjonali ma jeskludix diffikultajiet prattiċi li jistgħu jinqalgħu, kif turi din il-kawża. Għaldaqstant, lanqas interpretazzjoni awtonoma ta’ dan il-kunċett ta’ għeluq ma telimina għal kollox dawn id-diffikultajiet. Fil-fatt, jekk nassumu li jiġu stabbiliti kriterji b’mod awtonomu fil-livell tal-Unjoni, ikun meħtieġ ukoll li l-qrati tal-Istat Membru fejn ikollha tinfetaħ il-proċedura sekondarja jiddeterminaw jekk dawn il-kriterji humiex sodisfatti fl-Istat Membru tal-proċedura prinċipali. Dan jista’ jirriżulta li jkun ukoll diffiċli fil-prattika.

40.      F’dan ir-rigward ikun tajjeb jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jiċċara iktar l-affarijiet billi, pereżempju, jitlob lill-Istati Membri sabiex jippreċiżaw f’liema mument il-proċeduri msemmija fl-Anness A u fl-Anness B għandhom jitqiesu bħala magħluqa mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali, jew inkella billi joħloq sistema ta’ informazzjoni xierqa. Id-diffikultajiet prattiċi madankollu ma jiġġustifikawx li jiġu injorati t-test u l-istruttura tar-Regolament.

41.      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 4(1) u 4(2)(j) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa esklużivament id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina f’liema mument iseħħ l-“egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment”. Għaldaqstant, f’din il-kawża, id-dritt Franċiż biss jiddetermina jekk il-proċedura miftuħa fi Franza ngħalqietx jew le.

42.      B’risposta għall-qorti tar-rinviju li qajmet dan l-aspett fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, għandi nagħmel rimarka tal-aħħar, sabiex tingħata risposta utli għad-domanda: fl-ipoteżi fejn il-proċedura Franċiż tkun ingħalqqet, ma hemm ebda dubju li l-qorti tar-rinviju ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli li tiftaħ proċedura sekondarja. Madankollu jkun impossibbli wkoll għaliha li tiftaħ proċedura prinċipali ġdida.

43.      Il-qorti Franċiża mmotivat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-fatt li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsab fi Franza u b’hekk fetħet proċedura prinċipali ta’ insolvenza fis-sens tal-Anness A tar-Regolament. F’din il-kawża, din il-konstatazzjoni madankollu hija suġġetta għal riżerva, peress li l-assi kollha kif ukoll is-siti ta’ produzzjoni ta’ Christianapol jinsabu fil-Polonja. Fil-kawża Interedil (13), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jiġi identifikat skont kriterji oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati minn terzi, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 13 tar-Regolament (14). Għall-kumpanniji, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tippreżumi li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali huwa l-post fejn hemm l-uffiċċju rreġistrat. Dawn l-elementi kollha jindikaw li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Christianapol jinsab fil-Polonja.

44.      Il-qorti tar-rinviju madankollu ma tistax twarrab il-konstatazzjoni tal-qorti Franċiża dwar il-lokalizzazzjoni fi Franza taċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Christianapol. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-qorti Franċiża għandha tiġi rrikonoxxuta mill-qrati l-oħrajn kollha tal-Istati Membri (15) u ma tistax tiġi mistħarrġa (16). Dan il-prinċipju ta’ rikonoxximent huwa estiż mill-Artikolu 25 għad-deċiżjonijiet kollha dwar l-iżvolġiment u l-għeluq ta’ proċedura ta’ insolvenza, li b’hekk jinkludi wkoll id-deċiżjoni tal-qorti ta’ ftuħ li tikkonstata li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali jinsab fi Franza. Sabiex tkun tista’ tiftaħ proċedura prinċipali, il-qorti Pollakka jkollha madankollu, skont l-Artikolu 3(1), tikkonstata fl-ewwel lok li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsab fil-Polonja. Iżda, inkwantu l-elementi fattwali ma nbidlux wara l-ftuħ tal-proċedura Franċiża ta’ salvagwardja, il-prinċipju ta’ rikonixximent li għadni kemm semmejt u li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat f’diversi okkażjonijiet ma jippermettix tali konstatazzjoni. Din tammonta għal stħarriġ inċidentali tad-deċiżjoni Franċiża, li r-Regolament jeskludi.

45.      Ir-rikonoxximent lanqas ma jista’ jiġi miċħud taħt l-Artikolu 26 tar-Regolament. Din id-dispożizzjoni, kif diġà affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eurofood IFSC (17), għandha tiġi interpretata b’mod strett. Il-ksur tal-ordni pubbliku huwa konċepibbli biss fl-ipoteżi fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jmorru b’mod inaċċettabbli kontra l-ordni ġuridiku tal-Istat li ssirlu t-talba, inkwantu jmorru kontra prinċipju fundamentali (18). Ma jidhirx li dan huwa l-każ f’din il-kawża, u ebda waħda mill-partijiet ma sostniet dan.

B –    Fuq it-tielet domanda magħmula

46.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf fil-prattika jekk proċedura sekondarja tistax tinfetaħ ukoll fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jiġifieri fl-ipoteżi fejn il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza tkun proċedura ta’ rkupru u fejn l-assi tad-debitur ikunu jinsabu fl-Istat Membru fejn ikun mitlub il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja. Peress li l-kwistjoni dwar jekk proċedura sekondarja tistax jinfetaħ jew le f’tali każ loġikament tiġi qabel it-tieni domanda magħmula, li tirrigwarda l-modalitajiet ta’ ftuħ ta’ tali proċedura, ser neżamina l-ewwel it-tielet domanda magħmula.

47.      Din id-domanda ssir fir-rigward tal-lokalizzazzjoni fil-Polonja tal-assi kollha ta’ Christianapol. Il-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ, fis-sens tad-dritt Pollakk, ifisser, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-waqfien tal-produzzjoni ta’ Christianapol u l-għeluq tal-unità ta’ produzzjoni tagħha, b’tali mod li jimpedixxi kull ristrutturazzjoni. Dan imur kontra l-obbjettivi tal-proċedura Franċiża ta’ rkupru u jikkomprometti l-implementazzjoni tal-pjan għas-salvagwardja. Il-qorti tar-rinviju b’hekk tistaqsi jekk in-natura tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza, bħala proċedura ta’ rkupru, tipprekludix il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja.

1.      Applikabbiltà tar-Regolament

48.      Fl-ewwel lok għandha tiġi deċiża l-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tar-Regolament għall-proċeduri ta’ rkupru. Skont il-konstatazzjonijiet ta’ Bank Handlowy, ir-Regolament ċertament japplika għall-proċeduri elenkati fl-Anness A iżda biss kemm-il darba dawn jissodisfaw konkretament il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament. Peress li t-Tribunal de commerce de Meaux kien ikkonstata, matul il-ftuħ tal-proċedura ta’ salvagwardja, li Christianapol ma kinitx fi stat fejn kellha twaqqaf il-ħlasijiet, Bank Handlowy huwa tal-fehma li r-Regolament ma japplikax għall-proċedura mmexxija fi Franza. Il-qorti Pollakka b’hekk tista’ ma tirrikonoxxix il-proċedura Franċiża u tiftaħ, indipendentement minn din il-proċedura, proċedura prinċipali ġdida.

49.      Jiena madankollu tal-fehma li r-Regolament dwar proċeduri ta’ insolvenza huwa applikabbli wkoll f’din il-kawża, jiġifieri meta l-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ rkupru. L-Artikolu 2(a) jiddefinixxi, b’referenza għall-Artikolu 1(1), il-proċeduri differenti ta’ insolvenza li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u jirreferi għal dan il-għan għall-proċeduri elenkati fl-Anness A. Meta proċedura tkun elenkata f’dan l-anness, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li r-Regolament huwa applikabbli. Dan b’hekk jirrigwarda wkoll il-proċedura Franċiża ta’ salvagwardja li jissemma fl-Anness A.

50.      Il-premessi tar-Regolament (19) kif ukoll il-formulazzjoni tal-Artikolu 2 juru madankollu li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) għandhom barra minn hekk ikunu sodisfatti sabiex ikun jista’ japplika r-Regolament. Barra minn hekk, dan ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ insolvenza. Ebda definizzjoni ta’ dan il-kunċett ma setgħet tinstab minħabba l-modalitajiet differenti li jipprevedu l-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-insolvenza u l-kunċetti xi kultant ferm differenti ta’ x’inhi insolvenza. Ir-Regolament dwar proċeduri ta’ insolvenza barra minn hekk ma għandux l-iskop li jarmonizza l-proċeduri f’dan il-qasam (20). Kif jixhed (21) ir-rapport li jispjega l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ insolvenza (22), dak li jgħodd, għall-applikabbiltà tar-Regolament, huwa li mill-perspettiva tal-Istat Membru kkonċernat, il-proċedura inkwistjoni titqies bħala proċedura ta’ insolvenza. F’każ ta’ dubju dwar il-kwisjtoni jekk din hijiex proċedura fis-sens tal-Artikolu 1(1), u b’mod partikolari jekk din il-proċedura toriġinax mill-insolvenza ta’ debitur, għandha għalhekk issir referenza għall-kunċett tal-Istat Membru fejn issir il-proċedura inkwistjoni.

51.      Il-Gvern Franċiż ippreċiża, matul is-seduta, li l-kundizzjoni għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ salvagwardja hija l-eżistenza ta’ riskju ta’ waqfien tal-ħlas tad-debitur. Dan b’hekk jirrigwarda l-każ ta’ debitur li s-sitwazzjoni tiegħu tammonta għal insolvenza mill-perspettiva tal-leġiżlatur Franċiż. Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) b’hekk huma sodisfatti.

52.      Minn dan isegwi li r-Regolament huwa applikabbli wkoll għall-proċedura Franċiża ta’ salvagwardja.

2.      L-ammissibbiltà ta’ proċedura sekondarja għal proċedura prinċipali ta’ rkupru

53.      Inkwantu l-proċeduri ta’ rkupru u l-proċeduri ta’ stralċ għandhom għanijiet differenti, il-kwistjoni b’hekk tqum dwar jekk il-proċeduri sekondarji jistgħux jiġu esklużi meta l-proċedura prinċipali, kif huwa l-każ f’din il-kawża, tkun proċedura ta’ rkupru.

54.      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-introduzzjoni ta’ proċedura sekondarja, kif irrileva wkoll il-Gvern Spanjol, ir-Regolament ma jagħmel ebda distinzjoni skont in-natura tal-proċedura prinċipali. Meta proċedura imsemmija fl-Anness A tkun tinsab pendenti bħala proċedura prinċipali, l-Artikoli 3(3) u 27 tar-Regolament jawtorizzaw il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja — indipendentement mit-tip tal-proċedura prinċipali. B’hekk, jekk wieħed jimxi mad-diċitura tiegħu, ir-Regolament jawtorizza l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja anki meta l-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ rkupru.

55.      Id-dikjarazzjoni tal-qorti tar-rinviju turi b’mod ċar li proċedura sekondarja ta’ stralċ tista’ tfixkel jew tippreġudika l-obbjettivi ta’ tali proċedura ta’ rkupru. Dan ir-riżultat effettivament ma huwiex mixtieq. Fid-dawl tal-bidla fil-leġiżlazzjoni ta’ għadd kbir ta’ Stati Membri minn proċeduri ta’ stralċ “puri” lejn proċeduri ta’ rkupru u ta’ riorganizzazzjoni, u meta jitqiesu ż-żidiet li saru minħabba dan il-fatt fl-Anness A tar-Regolament matul dawn l-aħħar snin (23), li jintegraw ukoll dejjem iktar il-proċeduri ta’ rkupru, jidher li dawn il-proċeduri qegħdin isiru dejjem iktar importanti u għandhom għaldaqstant jaqgħu wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

56.      Indipendentement minn dawn iż-żidiet fl-Anness, it-test innifsu tar-Regolament madankollu ma kien suġġett għal ebda emenda, ħaġa din li tista’ konkretament toħloq kontradizzjonijiet jew problemi prattiċi, kif turi din il-kawża. Sabiex anki l-proċeduri ta’ rkupru jkunu jistgħu jiġu amministrati sew b’mod effikaċi u effettiv fil-qafas tar-Regolament, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri jiġu interpretati b’mod konformi mal-obbjettivi tar-Regolament, liema interpretazzjoni, kif tirrileva ġustament Christianapol, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tar-Regolament. Tali interpretazzjoni tippermetti li jittaffew l-effetti negattivi tal-introduzzjoni ta’ proċedura sekondarja, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju.

57.      Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju, fil-fehma tiegħi, li jiġi pprojbit b’mod ġenerali l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja relatata ma’ proċedura prinċipali ta’ rkupru.

58.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ssuġġerita minn Christianapol u Franza — jiġifieri li l-proċeduri ta’ rkupru jeskludu b’mod ġenerali l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja — ma hijiex konċepibbli meta jitqiesu l-obbjettivi segwiti mill-proċeduri sekondarji. Dawn tal-aħħar huma intiżi, b’mod partikolari sabiex jipproteġu l-kredituri lokali: dawn b’hekk għandhom aċċess, bil-lingwa tagħhom u fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku li huma familjari miegħu, għal proċedura ta’ insolvenza f’post fil-qrib, sabiex b’hekk tiġi ffaċilitata l-possibbiltà li jasserixxu d-drittijiet tagħhom. Projbizzjoni ġenerali ta’ tali proċeduri sekondarji fl-ipoteżi fejn il-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ rkupru taffettwa s-sustanza nfisha tar-Regolament għaliex grupp sħiħ ta’ proċeduri importanti msemmija fir-Regolament jiġi eskluż għal kollox. Tali konsegwenza ma tkunx kumpatibbli mal-kunċett innifsu tar-Regolament dwar proċeduri ta’ insolvenza u tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-proċeduri ta’ rkupru.

3.      Koordinazzjoni tal-proċeduri prinċipali u sekondarji fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru

59.      Għad irid jiġi eżaminat kif tali koordinazzjoni tal-proċeduri prinċipali u sekondarji hija possibbli, fis-sens tar-Regolament, meta l-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ rkupru u meta l-proċedura sekondarja tkun proċedura ta’ stralċ.

60.      Minn naħa, ir-Regolament jipprovdi għal għadd kbir ta’ miżuri li jippermettu l-ħarsien tal-obbjettivi tal-proċedura prinċipali u tal-uniformità tal-proċeduri ta’ insolvenza (24), u dan anki meta l-proċedura sekondarja tkun proċedura ta’ stralċ. Barra minn hekk, id-diversi atturi involuti f’tali proċedura sekondarja għandhom jirrispettaw l-obbjettivi tar-Regolament u jiżguraw li ma jfixklux il-proċedura prinċipali u li lanqas ma jikkompromettu l-obbjettivi tagħha. Finalment, l-effetti materjali tal-proċedura prinċipali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fil-proċedura sekondarja.

a)      Il-miżuri previsti mir-Regolament

61.      Ir-rwol predominanti tal-proċedura prinċipali (25) meta mqabbel mal-proċedura sekondarja, kif previst mir-Regolament, jippermetti lil-likwidatur li jinfluwixxi b’diversi modi l-proċedura sekondarja. Huwa b’hekk jista’, skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament, jitlob is-sospensjoni tal-likwidazzjoni (26), indipendentement mill-kwistjoni jekk tali possibbiltà ta’ sospensjoni teżistix fid-dritt nazzjonali. L-Artikolu 33 jistabbilixxi f’dan ir-rigward motiv awtonomu ta’ sospensjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 34(1) jipprovdi wkoll id-dritt tal-likwidatur li jipproponi pjan ta’ rkupru, konkordat jew miżura komparabbli sabiex tingħalaq il-proċedura sekondarja. Matul il-fażi tas-sospensjoni fis-sens tal-Artikolu 33, l-Artikolu 34(3) jagħti saħansitra dritt esklużiv lil-likwidatur tal-proċedura prinċipali. Dan b’hekk jinsab f’pożizzjoni, ta’ mill-inqas b’mod parzjali, li jimpedixxi jew idewwem likwidazzjoni tal-assi tad-debitur, sabiex ikun jista’ jużahom għall-finijiet tal-proċedura ta’ rkupru. Huwa jista’ wkoll jipproponi soluzzjonijiet ta’ rkupru fil-kuntest tal-proċedura sekondarja.

62.      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament jippermetti, indipendentement minn kwalunkwe proposta tal-likwidatur tal-proċedura prinċipali, li jagħżel ukoll soluzzjonijiet ta’ rkupru fil-kuntest tal-proċedura sekondarja. Kif jirrileva ġustament il-Gvern Spanjol, it-tieni sentenza tal-Artikolu 27 tar-Regolament effettivament tipprovdi sempliċement li l-proċedura sekondarja għandha tkun waħda mill-proċeduri msemmija fl-Anness B. Iżda r-Regolament ma jirregolax il-mod kif din il-proċedura għandha titmexxa konkretament sal-konklużjoni tagħha. Għaldaqstant huwa suffiċjenti li l-proċedura sekondarja tkun tista’ fil-prinċipju tintemm permezz tal-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur. Sa fejn il-lex concursus (27) tal-proċedura sekondarja tipprovdi wkoll soluzzjonijiet ta’ rkupru, dawn jistgħu jiġu implimentati wkoll (28). Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 2(c) tar-Regolament, li jintegra wkoll, fil-kuntest ta’ “proċedimenti ta’ egħluq [stralċ]”, proċeduri li “ikunu ngħalqu b’komposizzjoni jew miżuri oħra li jitterminaw il-falliment” u li b’hekk jiddevjaw mill-prinċipju li l-proċeduri ta’ stralċ ma jintemmux neċessarjament bil-likwidazzjoni tal-assi.

63.      Ir-Regolament dwar proċeduri ta’ insolvenza għaldaqstant jippermetti, permezz tal-mekkaniżmi li għadna kif iddeskrivejna, li jiġu mmitigati l-effetti negattivi ta’ proċedura sekondarja. Għaldaqstant, dawn il-mekkaniżmi ma jirregolawx b’mod definittiv u sodisfaċenti din il-problema. Wieħed għandu jirrifletti, minn naħa, dwar il-proċeduri sekondarji miftuħa fl-Istati Membri li għandhom biss forma waħda ta’ proċedura ta’ insolvenza. Dawn l-Istati għandhom neċessarjament, sabiex jirrispettaw ir-rekwiżiti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3), jirrikorru għal proċeduri li jistgħu jwasslu għal likwidazzjoni. Huwa possibbli, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, li r-rikors għal soluzzjonijiet ta’ rkupru sabiex jingħalqu dawn il-proċeduri jkun eskluż. Skont il-modalitajiet tad-diversi liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza, jista’ b’hekk ikun hemm soluzzjonijiet differenti. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika.

64.      Min-naħa l-oħra, l-obbligi previsti dwar il-koordinazzjoni u l-informazzjoni, inkwantu joffru biss soluzzjoni inkompleta għal din il-problema, ma jistgħux jiggarantixxu l-assenza totali ta’ riskju għall-proċess ta’ rkupru. B’hekk, l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ rkupru, anki fil-kuntest ta’ proċedura sekondarja — bħal pereżempju sospensjoni ta’ ħlas jew remissjoni ta’ dejn — tiddependi mill-qbil tal-kredituri kollha kkonnċernati, kif juri l-Artikolu 34(2) tar-Regolament. Is-sospensjoni tal-likwidazzjoni għal perijodi ta’ tliet xhur lanqas ma hija komparabbli ma’ sospensjoni definittiva tal-likwidazzjoni. Bl-istess mod, id-dritt ta’ proposta tal-likwidatur, li huwa għandu skont l-Artikolu 34(1), ma jipprekludix likwidazzjoni, jekk din tiġi deċiża mill-awtoritajiet kompetenti tal-proċedura sekondarja.

65.      B’hekk ikun tajjeb jekk il-kwistjoni tal-koordinazzjoni tal-proċeduri fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rkupru tkun suġġetta għal leġiżlazzjoni espressa. Fil-fehma tiegħi, ċertu numru ta’ elementi għandhom tendenza wkoll li jawtorizzaw li proċedura ta’ rkupru tinfetaħ bħala proċedura sekondarja. Kif għadni kif spjegajt, ir-Regolament diġà jippermetti sa grad għoli l-koeżistenza ta’ proċeduri ta’ rkupru. Għaldaqstant ikun sempliċement loġiku li dawn jiġu awtorizzati wkoll b’mod espress u li jiġu stabbiliti r-regoli meħtieġa dwar il-koordinazzjoni tagħhom. Tali deċiżjoni madankollu taqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

b)      Obbligu li jiġu osservati l-obbjettivi tal-proċedura prinċipali

66.      Sakemm issir tali emenda tar-Regolament li tippermetti li tiġi kkjarifikata s-sitwazzjoni, id-diversi atturi involuti jibqgħu madankollu obbligati, permezz tal-istrumenti eżistenti u fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, li jħarsu l-obbjettivi tal-proċedura prinċipali. Il-prinċipju ta’ lealtà [Artikolu 4(3) TUE] jobbliga f’dan ir-rigward lill-qorti li quddiemha tkun tinsab il-proċedura sekondarja sabiex ma tinjorax, għal kull miżura li hija tadotta, l-obbjettivi tal-proċedura prinċipali u li tikkunsidra l-istruttura tar-Regolament, li huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, l-imperattiv tal-koordinazzjoni tal-proċeduri prinċipali u sekondarji, l-obbjettiv ta’ funzjonament effikaċi u effettiv tal-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali kif ukoll is-supremazija tal-proċedura prinċipali (29).

67.      Dan jikkonċerna l-miżuri kollha li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, pereżempju d-deċiżjonijiet li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni jew għażla bejn diversi alternattivi li dejjem timplika li tintgħażel il-miżura li tħares l-iktar l-obbjettivi tal-proċedura prinċipali. Il-parteċipazzjoni tal-likwidatur tal-proċedura prinċipali fil-proċedura sekondarja għandha tiġi ggarantita wkoll mid-dritt nazzjonali.

68.      Kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni, ir-Regolament lanqas ma jimponi obbligu ġenerali ta’ ftuħ ta’ proċedura sekondarja; dan sempliċement jawtorizza tali proċedura. Għaldaqstant tibqa’ dejjem il-qorti kompetenti li jkollha tiddeċiedi dwar il-ftuħ ta’ tali proċedura, deċiżjoni li hija għandha tieħu filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-obbjettivi tar-Regolament u r-riperkussjonijiet tal-proċedura prinċipali, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kwistjoni jekk il-kredituri li jkunu pparteċipaw fil-proċedura prinċipali u approvaw il-pjan għas-salvagwardja jistgħux jaħarbu mill-obbligi li jirriżultaw minn dak il-pjan billi jressqu proċedura sekondarja.

c)      Effetti tal-proċedura prinċipali

69.      Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti tad-deċiżjoni tat-Tribunal de commerce de Meaux fuq il-mertu. L-Artikolu 25 jistabbilixxi obbligu ta’ rikonoxximent għas-“[s]entenzi mgħotija minn qorti […] li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment […]”. Il-pjan għas-salvagwardja, bħal dak adottat fi Franza, jikkostitwixxi mingħajr ebda dubju tali deċiżjoni. Konsegwentement, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri preskritti minn dan il-pjan, kemm mill-perspettiva proċedurali kif ukoll minn dik sostantiva.

70.      F’dan ir-rigward, l-effetti tal-pjan għas-salvagwardja, kif previsti fid-dritt Franċiż, huma determinanti (30). Kif tenfasizza l-Kummissjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet dwar il-mertu li jirriżultaw mid-dritt Franċiż, pereżempju, fir-rigward tal-kwistjoni dwar sa liema grad dan il-pjan seta’ jimmodifika l-kontenut tal-krediti tal-kredituri li ressqu talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja jew inkella jekk it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ġietx ippreżentata b’mod abużiv minn kreditur li huwa parti fil-proċedura prinċipali u li approva l-pjan għas-salvagwardja.

71.      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għanda tkun fis-sens li l-Artikolu 27 tar-Regolament jawtorizza l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja anki meta l-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ rkupru.

C –    Fuq it-tieni domanda magħmula

72.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 27 tar-Regolament, li jirregola l-kwistjoni tal-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza, jipprojbixxix lill-qorti li jkollha quddiemha din il-proċedura sekondarja milli teżamina l-insolvenza tad-debitur jew jekk hija tistax għall-kuntrarju, f’ċerti sitwazzjonijiet, tivverifika li d-debitur huwa tabilħaqq insolventi.

73.      F’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27 tista’, skont il-qorti tar-rinviju, tiġi interpretata fis-sens li, meta tinfetaħ proċedura sekondarja ta’ insolvenza, l-eżami tal-insolvenza tad-debitur ma huwiex neċessarju (iżda possibbli) filwaqt li, skont verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata wkoll fis-sens li l-eżami tal-insolvenza tad-debitur mill-qorti kompetenti ma huwiex awtorizzat.

74.      Fil-fehma tiegħi, madankollu, it-tqabbil tal-verżjonijiet lingwistiċi ma juri ebda diverġenza ta’ dan it-tip. Għall-kuntrarju, il-verżjonijiet lingwistiċi li stajna nqabblu (31) jesprimu fakultà. Din hija wkoll il-konklużjoni tal-Kummissjoni wara li qabblet ċerti verżjonijiet lingwistiċi. Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-qorti tar-rinviju, din il-konklużjoni tirriżulta wkoll b’mod partikolari mill-verżjoni Ġermaniża (“kann […] eröffnen”) u dik Franċiża (“permet d’ouvrir”). Il-verżjoni Finlandiża, li bl-istess mod bħall-verżjoni Ġermaniża hija ta’ importanza partikolari (32) peress li r-Regolament ġie adottat fuq l-inizjattiva tar-Repubblika tall-Finlandja u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tesprimi b’mod ċar din l-idea ta’ fakultà (“voi […] aloittaa”).

75.      Madankollu, għad irid jiġi ddeterminat jekk il-qorti li quddiemha tinsab il-proċedura sekondarja hijiex awtorizzata li teżamina l-insolvenza tad-debitur meta tinfetaħ dan il-proċedura. Effettivament, il-“fakultà” li tinsab inkwistjoni fl-Artikolu 27 hija ambigwa. Din tista’ tirreferi, b’mod ġenerali, kemm għall-possibbiltà li tinfetaħ proċedura sekondarja ta’ insolvenza kif ukoll għall-kwistjoni tal-eżami tal-insolvenza meta tinfetaħ il-proċedura sekondarja. Għaldaqstant għandha ssir referenza għall-obbjettivi tar-Regolament kif ukoll għall-iskop preċiż ta’ dik id-dispożizzjoni (33) sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira tagħha.

76.      L-iskop tal-Artikolu 27 huwa li jagħmel superfluwu eżami mill-ġdid tal-insolvenza mill-qorti li quddiemha tkun tinsab il-proċedura sekondarja, sabiex jikkontribwixxi għal aċċelerazzjoni tal-proċedura. B’mod ċar, il-leġiżlatur telaq mill-prinċipju li eżami ġdid ma kienx neċessarju għar-raġuni li l-insolvenza tad-debitur kienet diġà ġiet eżaminata matul il-ftuħ tal-proċedura prinċipali. Il-proċedura sekondarja tapplika neċessarjament għall-patrimonju tad-debitur li l-assi tiegħu jkunu diġà ttieħdu fil-proċedura prinċipali, b’tali mod li eżami ġdid tal-insolvenza ma huwiex neċessarju. Madankollu, meta titqies l-evoluzzjoni msemmija qabel tal-liġijiet fil-qasam tal-proċeduri ta’ insolvenza li jipprivileġġaw il-proċeduri ta’ rkupru, li għandha bħala konsegwenza l-estensjoni korrispondenti tal-Anness A, dan ma jibqax dejjem il-każ.

77.      Barra minn hekk, l-Artikolu 27 tar-Regolament jitlaq mill-prinċipju li eżami tal-insolvenza mill-qorti li jkollha quddiemha l-proċedura sekondarja jinvolvi r-riskju li l-qorti kompetenti tista’ tagħmel evalwazzjoni differenti inkwantu, pereżempju, il-motiv ta’ insolvenza fil-proċedura prinċipali ma jkunx magħruf, u b’hekk tirrifjuta li tiftaħ proċedura sekondarja. Ir-Regolament ma jiddefinixxix l-insolvenza. Din id-definizzjoni, kif diġà ppreċiżajna, tibqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri; din hija kkaratterizzata minn differenzi kbar fil-livell tal-Unjoni. L-Artikolu 27 huwa intiż sabiex jevita problemi li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-diverġenzi. Madankollu, tali obbjettiv ma jistax jiġi purament u sempliċement traspost għall-proċeduri ta’ rkupru minħabba l-għanijiet segwiti minn dawn il-proċeduri u l-iżvolġimenti tagħhom.

78.      L-obbjettiv ta’ aċċellerazzjoni tal-proċedura, f’każ bħal fil-kawża prinċipali, lanqas ma huwa neċessarjament affettwat. Effettivament, dan jikkonsisti sempliċement f’li jiġi evitat eżami ġdid tal-insolvenza. Madankollu, jekk il-qorti Pollakka ma tkunx tista’ tivverifika l-insolvenza ta’ Christianapol qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ stralċ, dan jista’ jkollu l-konsegwenza li tali proċedura ta’ stralċ tkun tista’ tinfetaħ kontra debitur li fil-frattemp ikun sar solvibbli (anki mill-perspettiva tad-dritt Franċiż). Tali riżultat ikun madankollu inkompatibbli mal-obbjettivi tar-Regolament, minbarra l-fatt li joħloq preġudizzju wisq kbir għall-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali: il-proċedura b’hekk tkun tista’ titressaq mhux biss fin-nuqqas ta’ motiv ta’ insolvenza rikonoxxut mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali, iżda anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe motiv ta’ insolvenza.

79.      Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament tista’ barra minn hekk tipprekludi lid-debituri milli jitolbu fil-ħin il-ftuħ ta’ proċedura ta’ rkupru. Effettivament, dawn tal-aħħar jirriskjaw li jiġu esposti għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ fi Stat Membru ieħor mingħajr verifika minn qabel tal-insolvenza tagħhom, filwaqt li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom setgħet fil-frattemp titjieb.

80.      L-eżami, mill-qorti li quddiemha tinsab il-proċedura sekondarja, tal-insolvenza tad-debitur għaldaqstant huwa, meta jitqiesu wkoll l-osservazzjonijiet tiegħi dwar it-tielet domanda (34), dejjem neċessarju meta l-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ rkupru. Min-naħa l-oħra, meta l-proċedura prinċipali ma tkunx proċedura ta’ rkupru jew ta’ ristrutturar iżda proċedura ta’ stralċ, il-qorti li quddiemha tinsab il-proċedura sekondarja ma tistax teżamina għal darba oħra l-insolvenza, għar-raġunijiet imsemmija qabel.

81.      Għaldaqstant ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula hija li l-qorti li quddiemha tkun tinsab il-proċedura sekondarja tista’ teżamina l-insolvenza tad-debitur biss jekk il-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ rkupru li l-ftuħ tagħha ma jkunx suġġett għall-insolvenza tad-debitur.

V –    Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti dawn ir-risposti għad-domandi magħmula:

1.      L-Artikoli 4(1) u 4(2)(j) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa esklużivament id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina f’liema mument iseħħ l-“egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment”.

2.      L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tinsab talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza tista’ teżamina l-insolvenza tad-debitur jekk il-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ rkupru.

3.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1346/2000 jawtorizza wkoll il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza meta l-proċedura prinċipali li jkollha tibbenefika minn rikonoxximent awtomatiku tkun proċedura ta’ rkupru jew ta’ ristrutturazzjoni (bħall-proċedura Franċiża ta’ salvagwardja).


1 —      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/2005, tat-12 ta’ April 2005 (ĠU L 159M, 13.06.2006, p. 377) u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 694/2006, tas-27 ta’ April 2006 (ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 10).


3 —      Fl-Artikolu 3 tiegħu, ir-Regolament jagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Skont l-Artikolu 3(3), proċeduri sekondarji jfissru l-proċeduri mressqa wara l-ftuħ tal-proċedura prinċipali. Skont l-Artikolu 3(4), il-proċeduri territorjali huma proċeduri miftuħa qabel il-ftuħ tal-proċediment prinċipali. Dawn l-istess kunċetti ser jintużaw f’dawn il-konklużjonijiet.


4 —      Qorti distrettwali ta’ Poznan — il-Belt il-Qadima.


5 —      Mandataire judiciaire u administrateur judiciaire.


6 —      “Que Christianapol Sp. Z. o.o, n’est en état de cessation de paiments, puisque la trésorerie prévisionelle s’avère positive”.


7 —      Sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC Ltd (C-341/04, Ġabra p. I-3813).


8 —      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, MG Probud Gdynia (C-444/07, Ġabra p. I-417, punt 25).


9 —      Ara l-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-10 ta’ Marzu 2011 fil-kawża Interedil (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, C-396/09, Ġabra p. I‑9915) kif ukoll is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans u BG Factoring (C-98/07, Ġabra p. I-1281, punt 17), u tat-2 ta’ April 2009, A (C-523/07, Ġabra p.I-2805, punt 34), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


10 —      Ara s-sentenzi A (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C-204/09, punt 37).


11 —      Sentenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 54.


12 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


13 —      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 40. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tal-10 ta’ Marzu 2011 f’dik il-kawża (punt 57).


14 —      “Iċ-‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ għandu jikkorrispondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi”.


15 —      Ara l-premessa 22 tar-Regolament: “Dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal għarfien [rikonoxximent] immedjat ta’ ġudizzji li jkopru l-ftuħ, it-twettieq u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment li jaqgħu taħt l-iskop tiegħu [...] Għarfien tal-ġudizzji mgħotija mill-qrati ta’ l-Istati Membri għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka […] Id-deċiżjoni tal-Prim Awla [tal-ewwel qorti] li tiftaħ il-proċedimenti għandha tkun magħrufa fl-Istati Membri l-oħra [...]”.


16 —      Ara wkoll is-sentenzi Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 42, u MG Probud Gdynia, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 29.


17 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 62 et seq.


18 —      Ara wkoll il-premessa 22 tar-Regolament, li tippreċiża li “il-bażi għal nuqqas ta’ għarfien [rikonoxximent] għandu jkun imnaqqas għal minimu meħtieġ […]”.


19 —      Ara l-premessa 10: “[…] Sabiex japplika dan ir-Regolament, proċedimenti [...] għandhom [...] ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament [...]”.


20 —      Ara l-premessa 11.


21 —      Rapport Virgós-Schmit. Għadd kbir ta’ premessi tar-Regolament jagħmlu referenza għaliha. Dwar il-kwistjoni tar-relevanza tagħha għall-interpretazzjoni tar-Regolament, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tas-27 ta’ Settembru 2005 fil-kawża Eurofood IFSC (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7). Dan ir-rapport ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, iżda jeżisti bħala dokument tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 1996 (6500/1/96).


22 —      Rapport Virgós-Schmit dwar il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Proċedimenti ta’ Falliment, punt 49


23 —      Pereżempju, il-proċediment Franċiż ta’ salvagwardja ġie introdott biss ulterjorment permezz tar-Regolament (KE) Nru 694/2006 fl-Anness A tar-Regolament.


24 —      Ara l-premessa 12: “[…] Regol[i] mandatorji ta' koordinazzjoni mal-proċedimenti prinċipali jissodisfaw il-ħtieġa ta' unità fil-Komunità”.


25 —      Ara, minnbarra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-koordinazzjoni tal-proċedimenti, il-premessa 20, li tirreferi għar-“rwol dominanti” tal-proċediment prinċipali.


26 —      Dan huwa minnu biss għal perijodu ta’ tliet xhur. Madankollu, mir-raba’ sentenza tal-Artikolu 33(1) jirriżulta li dan it-terminu jista’ jiġi pprolongat mingħajr limitu. Ara wkoll f’dan ir-rigward il-verżjoni Ingliża “It may be continued or renewed for similar periods.”, il-verżjoni Franċiża, “Elle peut être prolongée ou renouvelée pour des périodes de même durée.”, jew il-verżjoni Spanjola “Podrá prolongarse o renovarse por períodos de la misma duración.”.


27 —      Iddefinita, għall-proċedura sekondarja, fl-Artikolu 28 tar-Regolament.


28 —      Dan huwa l-każ partikolarment għall-Istati Membri kollha li l-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam hija bbażata fuq forma waħda ta’ proċedura ta’ insolvenza.


29 —      Ara l-premessi 23, 2 u 12 tar-Regolament.


30 —      Ara l-premessa 22 tar-Regolament: “[…] Għarfien [Rikonoxximent] awtomatiku għandu għalhekk ifisser li l-effetti attribwiti għal proċedimenti bil-liġi ta’ l-Istat li fih ikunu ġew miftuħa l-proċedimenti […]”.


31 —      Ara l-verżjoni Ġermaniża: “so kann [...] eröffnen, ohne dass [...] die Insolvenz des Schuldner geprüft wird”; il-verżjoni Franċiża “permet d’ouvrir, [...] une procédure secondaire d’insolvenza sans que l’insolvenza du débiteur soit examinée”; il-verżjoni Ingliża “shall permit [...] the opening of secondary insolvency proceedings without the debtor’s insolvency being examined”; il-verżjoni Spanjola “permitirá abrir [...] sin que sea examinada en dicho Estado la insolvencia del deudor”; il-verżjoni Taljana “permette di aprire [...] senza che in questo altro Stato sia esaminata l’insolvenza del debitore.”; il-verżjoni Griega “καθιστά δυνατή”, kif ukoll il-verżjoni Finlandiża “voi [...] aloittaa sekundäärimenettelyn ilman, että velallisen maksukyvyttömyyttä tutkitaan tässä toisessa valtiossa”.


32 —      Ara t-tieni nota tal-preambolu tar-Regolament.


33 —      Anki jekk jitqies li l-element fakultattiv tal-Artikolu 27 huwa relatat biss mal-kwistjoni tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja, b’tali mod li din id-dispożizzjoni jkollha titqies bħala projbizzjoni ġenerali tal-eżami tal-insolvenza tad-debitur, din il-projbizzjoni jkollha tiġi interpretata u applikata fir-rigward tal-għan u l-obbjettivi tar-Regolament.


34 —      Ara l-punti 56 et seq.