Language of document : ECLI:EU:T:2020:255

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

10 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrapreżenta apparat ta’ agganċjar ta’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni jew ta’ klimatizzazzjoni ma’ vettura bil-mutur – Kap tat-talbiet biss għall-finijiet ta’ bidla – Talba impliċita għal annullament – Ammissibbiltà – Raġuni għal invalidità – Nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni – Artikoli 4 sa 9 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Portata tal-eżami mwettaq mill-Bord tal-Appell – Teħid ta’ pożizzjoni mill-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ osservanza ta’ ħtieġa ta’ protezzjoni matul il-proċedimenti – Konklużjoni diverġenti fid-deċiżjoni kkontestata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 62 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑100/19,

L. Oliva Torras, SA, stabbilita f’Manresa (Spanja), irrappreżentata minn E. Sugrañes Coca u D. Caballero Pérez, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Mecánica del frío, SL, stabbilita f’Cornellá de Llobregat (Spanja), irrappreżentata minn J. Torras Toll, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tad-19 ta’ Novembru 2018 (Każ R 1397/2017-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn L. Oliva Torras u Mecánica del Frío,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, President, D. Gratsias (Relatur) u M. Kancheva, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, amministratur prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2019,

wara li r-rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2019,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Mejju 2019,

wara li rat id-deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2019 li l-Kawżi T‑100/19 u T‑629/19 ma jingħaqdux,

wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L. Oliva Torras, S.A., ir-rikorrenti, u Mecánica del Frío, S.L., l-intervenjenti, huma żewġ impriżi kompetituri fis-settur tal-kittijiet ta’ konnessjoni tas-sistemi ta’ refriġerazzjoni jew ta’ klimatizzazzjoni mal-vetturi bil-mutur.

2        Fl-10 ta’ April 2013, l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

3        Id-disinn Komunitarju li ntalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu huwa rrappreżentat (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”) kif ġej:

Image not found0001.1

Image not found0001.2

Image not found0001.3

Image not found0001.4

Image not found0001.5

Image not found0001.6

Image not found0001.7


4        Il-prodotti li għalihom huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat jaqgħu fil-klassi 12.16, fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Apparat ta’ gganċjar għall-vetturi”.

5        Id-disinn ikkontestat huwa deskritt fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala apparat ta’ gganċjar tat-tip użat għall-konnessjoni tat-tagħmir ta’ refriġerazzjoni u ta’ klimatizzazzjoni ma’ vettura bil-mutur.

6        Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat taħt in-Numru 2217588‑0001 fid-data tal-applikazzjoni u ppubblikat fil-Bullettin tad-Disinni Komunitarji Nru 2013/075 tat-22 ta’ April 2013.

7        Fit-22 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju (Disinn Nru 2523746–0006, irreġistrat fl-istess data u ppubblikat fis-26 ta’ Awwissu 2014). Wara talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-intervenjenti, ibbażata fuq il-preċedenza tad-disinn ikkontestat, id-Disinn Nru 2523746–0006 ġie ddikjarat invalidu permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2016 tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, minħabba nuqqas ta’ novità u ta’ karattru individwali.

8        Fil-15 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

9        Ir-raġuni invokata mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet dik prevista fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, jiġifieri li d-disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament.

10      Sabiex tissostanzja t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti invokat l-eżistenza ta’ disinn preċedenti li jirrappreżenta kit ta’ konnessjoni, identifikat bħala l-parti komponenti “KC11 080 242”, u inkludiet fil-proċess riproduzzjoni, fil-forma ta’ “rendering” tal-informatika, ta’ din il-parti komponenti (immaġni A) kif ukoll ritratt li jikkorrispondi, skont l-affermazzjonijiet tagħha, għall-imsemmija parti komponenti (immaġni B).

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2017, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti. B’mod partikolari, hija qieset li l-uniku disinn li l-iżvelar preċedenti tiegħu kien ġie stabbilit, jiġifieri dak li jidher fl-immaġni A, ma kienx ta’ natura li jqiegħed f’dubju n-novità u l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, fid-dawl tad-differenzi eżistenti bejn dawn iż-żewġ disinni.

12      Fis-27 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell, abbażi tal-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002. Minbarra l-immaġni A u B, ir-rikorrenti inkludiet fil-proċess il-pjanta, estratta mis-sit tal-internet tagħha, tal-parti komponenti “KC11 080 242” (immaġni C).

13      Fis-16 ta’ Mejju 2018, abbażi tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament Nru 6/2002, il-Bord tal-Appell bagħat lill-partijiet komunikazzjoni (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018”) li fiha ġie indikat li mill-allegazzjonijiet tal-partijiet u mill-atti tal-proċess kien dedott li d-disinn ikkontestat kien relatat ma’ prodott li jikkostitwixxi komponent (jiġifieri apparat ta’ gganċjar) ta’ prodott kumpless (jiġifieri l-komponent mekkaniku sħiħ ta’ compressor coupling) li, ladarba inkorporat fil-prodott kumpless, ma jkunx iktar viżibbli. Minn dan, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-disinn ikkontestat ma setax għalhekk jitqies bħala ġdid jew li għandu karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002, u li għalhekk kellu jiġi ddikjarat invalidu, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-Artikolu 4.

14      Fuq stedina tal-Bord tal-Appell, l-intervenjenti u r-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018, rispettivament fis-16 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Settembru 2018.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell ċaħad l-appell billi bbaża ruħu fuq ir-raġunijiet li ġejjin. Fl-ewwel lok, huwa indika li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-intervenjenti, ir-rikorrenti kellha titqies li qed titlob l-invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6, 8 u 9 tar-Regolament Nru 6/2002 u li għalhekk huwa kellu jeżamina kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet fid-dawl tal-motivi mqajma. Fit-tieni lok, huwa ċaħad l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ novità tad-disinn ikkontestat. Huwa qies, f’dan ir-rigward, li kien biss l-iżvelar tad-disinn li jidher fl-immaġni A li kien stabbilit u li dan tal-aħħar u d-disinn ikkontestat kellhom differenzi evidenti. Fit-tielet lok, huwa ċaħad l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat. Fir-raba’ lok, huwa qies li, sa fejn ir-rikorrenti ma kienet qajmet ebda argument dwar l-esklużjonijiet mill-protezzjoni tad-disinn ikkontestat previsti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 6/2002, huwa kellu jiċħad it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sa fejn din kienet ibbażata fuq dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, fir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata huwa ma indirizzax il-kwistjoni tal-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Artikolu 4(2) u (3) tal-istess regolament, li kien is-suġġett tal-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 u tal-osservazzjonijiet sussegwenti tal-partijiet imsemmija fil-punti 13 u 14 iktar ’il fuq, rispettivament.

II.    It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob, formalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        “[A] [tikkonferma] l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar [ir-raġuni għal invalidità invokata] u [tikkonstata] li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma bbażati fuq ir-raġunijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju msemmija fl-Artikoli 4 sa 9 tar-[Regolament Nru 6/2002], ‘kundizzjonijiet ta’ protezzjoni’”;

–        “[B] [tipproċedi] bit-tqabbil billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni”;

–        “[C] [tiddikjara] invalidu [id-disinn ikkontestat], minħabba li huwa kważi identiku u, konsegwentement, jikkostitwixxi imitazzjoni kważi identika, mingħajr awtorizzazzjoni mir-rikorrenti, tad-disinn ikkummerċjalizzat”;

–        “[D] [tiddikjara] invalidu [id-disinn ikkontestat] minħabba assenza ta’ karattru individwali meta mqabbla mad-disinni żvelati minn qabel mi[r-rikorrenti]”;

–        “[E] [tiddikjara] invalidu [id-disinn ikkontestat], minn naħa għaliex jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) u (2) [tar-Regolament Nru 6/2002], peress li d-dehra tiegħu hija ddettata biss mill-funzjoni teknika tiegħu u, min-naħa l-oħra, sa fejn jaqa’ taħt il-projbizzjoni assoluta stabbilita fl-Artikolu 4 [tar-Regolament Nru 6/2002], peress li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless”;

–        “[F] tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell [sa fejn iddikjarat li d-disinn ikkontestat imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 6/2002]”;

–        “[G] [tikkundanna] lill-parti li titlef [għall-ispejjeż]”.

17      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-parti li titlef il-kawża għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà

19      L-EUIPO jqis li r-rikors jinkludi kapijiet ta’ talbiet intiżi għall-konferma tad-deċiżjoni kkontestata, li ma humiex ammissibbli. Barra minn hekk, huwa jsostni li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi jekk jistax jiġi dedott mill-kuntest tar-rikors li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa mitlub u jekk, konsegwentement, it-talbiet intiżi għall-bidla tagħha jistgħux jiġu ddikjarati ammissibbli. Fis-seduta, huwa rrileva li t-talba tar-rikorrenti, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ippreżentata waqt it-trattazzjoni tiegħu, ma kinitx tinsab fir-rikors.

20      Fis-seduta, ir-rikorrenti, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, ippreċiżat li hija kienet qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, inkluż sa fejn din tippronunzja ruħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 6/2002.

21      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament Nru 6/2002, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tannulla jew tbiddel id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Min-naħa l-oħra, ma hijiex il-kompetenza tagħha li tagħti sentenzi dikjarattivi, b’mod li kap ta’ talbiet intiż għal dan l-iskop għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens u bħala analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Aydin vs EUIPO – Kaporal Groupe (ROYAL & CAPORAL), T‑95/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:388, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-parti tar-rikors li r-rikorrenti intitolat “Kap tat-talbiet”, hija elenkat serje ta’ seba’ talbiet, ikklassifikati minn A sa G, li l-kontenut tagħhom ġie riprodott fil-punt 16 iktar ’il fuq.

23      Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, fi ħdan dawn id-diversi talbiet, jistgħu jiġu identifikati, b’mod ċar u inekwivoku, kap tat-talbiet intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat u kap tat-talbiet intiż, essenzjalment, għall-kundanna tal-EUIPO u tal-intervenjenti għall-ispejjeż.

24      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet l-oħra tar-rikorrenti elenkati fil-parti tar-rikors intitolata “Kapijiet tat-talbiet” ma jikkostitwixxux, fir-realtà, kapijiet tat-talbiet fihom infushom. B’mod partikolari, mill-formulazzjoni tal-punti A sa F ta’ din il-parti tar-rikors kif ukoll mir-riproduzzjoni ta’ din il-klassifikazzjoni skont l-ordni alfabetiku fil-parti “Motivi u argumenti” tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti ssemmi fih l-istadji tar-raġunament li hija titlob lill-Qorti Ġenerali tadotta fil-motivi tas-sentenza li għandha tingħata u li għandhom, fil-fehma tagħha, iwasslu sabiex tiġi ppronunzjata d-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn ikkontestat.

25      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrenti ddikjarat, essenzjalment, li kienet qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

26      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, it-talbiet tar-rikors għandhom jiġu interpretati kif ġej.

27      Fl-ewwel lok, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 22 sa 24 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma ppreżentatx talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tagħti sentenza dikjaratorja, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq. Fil-fatt, billi titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata fuq ċerti punti jew sabiex tqabbel id-disinni kunfliġġenti billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha prodotti u ċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-rikorrenti, kif ġie espost fil-punt 24 iktar ’il fuq, tirreferi għall-motivi tas-sentenza li għandha tingħata, iżda mhux id-deċiżjoni li għandha tingħata fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, il-kunsiderazzjonijiet tal-EUIPO intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad dawn it-talbiet bħala inammissibbli jistgħu biss jiġu miċħuda.

28      Barra minn hekk, fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u kif ikkonfermaw l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti, fis-seduta, it-talba li hija ppreżentat fil-punt F tal-parti “Kap tat-talbiet” tar-rikors, intiża, skont il-kliem tagħha, sabiex il-Qorti Ġenerali “tikkonferma” d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din iddikjarat id-disinn ikkontestat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 6/2002, ma tistax tinftiehem litteralment. Fil-fatt, sa fejn, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell speċifikament eskluda l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, din it-talba għal “konferma” għandha, fir-realtà, tiġi interpretata, minkejja l-formulazzjoni tagħha, bħala d-dikjarazzjoni ta’ motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax li dan id-disinn kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu.

29      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kap tat-talbiet ippreżentat fir-rikors, intiż sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tad-disinn ikkontestat, dan huwa intiż, fir-realtà, sabiex il-Qorti Ġenerali tieħu d-deċiżjoni li, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kellu jieħu meta ġie adit. Fil-fatt, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-Bord tal-Appell jista’, wara li jkun annulla d-deċiżjoni kkontestata quddiemu, jeżerċita l-kompetenzi tad-dipartiment tal-EUIPO li ħa din id-deċiżjoni u għalhekk, f’dan il-każ, jiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat. Konsegwentement, din il-miżura tinsab fost dawk li jistgħu jittieħdu mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tas-setgħa ta’ bidla tagħha, stipulata fl-Artikolu 61(3) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Advance Magazine Publishers vs UASI – Nanso Group (TEEN VOGUE), T‑509/12, EU:T:2014:89, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ċertament ma għandhiex id-dritt, bħala prinċipju, li tibdel is-suġġett inizjali tar-rikors billi tissostitwixxi t-talbiet tagħha għal bidla b’talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, imressqa għall-ewwel darba fis-seduta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:2000:38, punt 47, u tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 45).

31      Madankollu, fid-dawl tal-kontenut tar-rikors u kif jikkonfermaw l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti fis-seduta, għandu jitqies li l-kap tat-talbiet tar-rikorrenti għall-finijiet ta’ bidla jinkludi, impliċitament, talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Félin bondissant), T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa fil-kuntest tal-eżami tar-rikors fil-mertu li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi, fil-każ li wieħed mill-motivi tar-rikors ikun fondat, jekk dan il-motiv ikunx ta’ natura li jippermettilha tibdel id-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, jew, fil-każ kuntrarju, jekk dan il-motiv jistax iwassal biss għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Koscher + Würtz vs UASI – Kirchner & Wilhelm (KW SURGICAL INSTRUMENTS), T‑445/12, EU:T:2014:829, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li tibdilha, billi tippronunzja l-invalidità tad-disinn ikkontestat, u li dawn il-kapijiet tat-talbiet huma ammissibbli.

B.      Fil-mertu

33      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, sitt motivi. Permezz tal-ewwel motiv, hija ssostni li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma bbażati fuq ir-raġunijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità msemmija fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002 u li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għandha tiġi eżaminata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq meta kkunsidra li l-iżvelar preċedenti ta’ disinn kien stabbilit biss f’dak li jirrigwarda l-immaġni A. It-tielet u r-raba’ motivi huma bbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward, rispettivament, tal-assenza ta’ novità tad-disinn ikkontestat u n-nuqqas ta’ karattru individwali tiegħu. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-eżistenza ta’ esklużjonijiet mill-protezzjoni tad-disinn ikkontestat. Huwa jinkludi żewġ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell naqas milli jiddeċiedi dwar l-esklużjoni mill-protezzjoni ta’ dan id-disinn, li tirriżulta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 6/2002, mill-fatt li d-dehra tiegħu hija ddettata biss mill-funzjoni teknika tiegħu u, it-tieni waħda, fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell naqas milli jiddikjarah invalidu abbażi tal-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, sa fejn dan jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless, li ma tkunx tidher wara li tiġi inkorporata fih. Is-sitt motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell imwettaq meta ċaħad l-appell quddiemu, sa fejn kien ibbażat fuq l-Artikolu 9 tal-istess regolament.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Bord tal-Appell, sa fejn, minkejja l-kunsiderazzjonijiet tiegħu li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu bbażati fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002, huwa rrifjuta li jeżamina wħud minn dawn il-kundizzjonijiet

34      Ir-rikorrenti tirrileva li, fil-punti 18 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet konformi mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u mal-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimenta r-Regolament Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14). Hija titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonferma dawn it-talbiet u teżamina kull waħda mir-raġunijiet għal invalidità previsti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002.

35      L-EUIPO ma jippreżentax osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. L-intervenjenti titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

36      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, quddiem il-Bord tal-Appell, l-intervenjenti sostniet li r-rikorrenti kienet invokat in-nuqqas ta’ novità tad-disinn ikkontestat, abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, iżda mhux in-nuqqas ta’ karattru individwali, abbażi tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament. Huwa għalhekk li din l-istanza eżaminat, fil-parti inizjali tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tal-portata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti u, konsegwentement, dik tal-portata tal-eżami tagħha stess.

37      Fil-punti 18 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li għalihom tirreferi r-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Bord tal-Appell qies li r-raġuni għal invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, li kienet invokata fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti, jiġifieri l-fatt li d-disinn ikkontestat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament, kienet, skont ir-rieda espressa tal-leġiżlatur, raġuni għal invalidità awtonoma u indiviżibbli, li tinkludi fiha l-kundizzjonijiet kollha kemm huma. Huwa għalhekk ikkonkluda li din it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet timplika li, skont ir-rikorrenti, id-disinn ikkontestat ma kien jissodisfa ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6, 8 u 9 u li huwa kellu jeżamina kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet fid-dawl tal-motivi invokati, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 63(1) tar-regolament inkwistjoni.

38      Madankollu, filwaqt li l-Bord tal-Appell eżamina, fil-mertu, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, jiġifieri n-novità u l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, kinux issodisfatti f’dan il-każ, huwa qies li huwa kien obbligat, skont l-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament, jiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sa fejn din kienet ibbażata fuq l-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament, minħabba li r-rikorrenti ma kienet qajmet ebda argument dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija Artikoli 8 u 9. Għaldaqstant, huwa ma eżaminax jekk id-disinn ikkontestat kienx jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. Barra minn hekk, huwa ma rreferiex, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, għall-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) tal-istess regolament.

39      F’dan il-każ, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma kkontestatx espressament xi waħda minn dawn il-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma invokat żball imwettaq mill-Bord tal-Appell. Madankollu, hija titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonferma l-kunsiderazzjonijiet preliminari tal-Bord tal-Appell, imsemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, u teżamina kull waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002. Għaldaqstant hija għandha titqies li impliċitament hija qiegħda tibbaża ruħha fuq żball ta’ liġi ta’ dik l-istanza, sa fejn, minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, dik l-istanza ma pproċedietx għall-eżami ta’ kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 esposta mill-Bord tal-Appell fil-punti 18 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-konklużjonijiet li jinsabu fil-punti 66 u 68 ta’ din id-deċiżjoni li jipprovdu li t-tieni sentenza tal-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament tipprekludih milli jippronunzja ruħu fuq l-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tiegħu, fl-assenza ta’ argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija artikoli.

41      Fil-fatt, fid-dawl tal-premessa tal-Bord tal-Appell li, fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti, sa fejn hija bbażata fuq ir-raġuni għal invalidità prevista fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, hija neċessarjament tinvoka l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 5, 6, 8 u 9 ta’ dan ir-regolament, għandu loġikament jiġi dedott li huwa l-kompitu tal-Bord tal-Appell li jeżamina, fil-mertu, l-imsemmija kundizzjonijiet. Fil-fatt, f’tali kunċett, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet għandu jiġi kkunsidrat bħala invokat mir-rikorrenti bħala raġuni insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

42      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 esposta mill-Bord tal-Appell hija wkoll diffiċilment konċiljabbli mal-fatt li huwa jsemmi biss, bħala l-kundizzjonijiet li tagħhom ir-rikorrenti riedet, fil-fehma tagħha, tinvoka n-nuqqas ta’ osservanza, l-Artikoli 5, 6, 8 u 9 ta’ dan ir-regolament u jonqos milli jsemmi, f’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tiegħu. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 38 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma rreferiex b’mod espliċitu għall-kwistjoni tal-applikazzjoni, f’dan il-każ, ta’ dawn il-kundizzjonijiet tal-aħħar, filwaqt li dan kien il-każ fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6, 8 u 9 sabiex jiċħad l-appell tar-rikorrenti.

43      Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi espressament l-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jagħmel eċċezzjoni għall-Artikolu 4(2) u (3) tiegħu. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jistipulaw kundizzjonijiet essenzjali ta’ protezzjoni ta’ disinn marbuta speċifikament ma’ parti komponenti ta’ prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(c) tal-istess regolament, u marbuta, minn naħa, mal-viżibbiltà ta’ din il-parti komponenti, ladarba tiġi inkorporata fl-imsemmi prodott kumpless, meta jsir użu normali tiegħu, u, min-naħa l-oħra, man-novità u mal-karattru individwali tal-karatteristiċi viżibbli tal-imsemmija parti komponenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 63, u tad-9 ta’ Settembru 2014, Biscuits Poult vs UASI – Banketbakkerij Merba (Biscuit), T‑494/12, EU:T:2014:757, punti 20 u 21).

44      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell kellu loġikament jiddeduċi mill-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tinvoka, insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, mhux biss l-Artikoli 5, 6, 8 u 9 ta’ dan ir-regolament iżda wkoll l-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmi regolament.

45      Madankollu, dawn l-iżbalji jistgħu jwasslu sabiex dan il-motiv jintlaqa’ biss jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 esposta fil-punti 18 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata tkun hija stess nieqsa minn żball, fatt li għandu jiġi vverifikat iktar ’il quddiem. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk, kif isostni l-Bord tal-Appell, il-leġiżlatur kellux l-intenzjoni espressa li jrendi indiviżibbli r-raġuni għal invalidità prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, sa fejn id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdu li f’azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità l-eżami għandu jkun limitat għar-raġunijiet invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet, jillimitaw il-portata tal-eżami, mill-istanzi tal-EUIPO, ta’ din ir-raġuni għal invalidità.

a)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur kellux l-intenzjoni li jrendi indiviżibbli r-raġuni għal invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002

46      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn għandu jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 52(1) ta’ dan l-istess regolament, bla ħsara għall-Artikolu 25(2), (3), (4) u (5), kull persuna fiżika jew ġuridika, kif ukoll awtorità pubblika mogħtija s-setgħa għal dan l-iskop, tista’ tippreżenta quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat. Skont l-Artikolu 53(1) tal-imsemmi regolament, jekk l-EUIPO jqis it-talba ammissibbli, huwa għandu jeżamina jekk ir-raġunijiet ta’ invalidità previsti fl-Artikolu 25 tiegħu jipprekludux iż-żamma tad-disinn Komunitarju rreġistrat.

47      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li t-titolu tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 6/2002, “Raġunijiet għall-invalidità” kif ukoll ir-riferimenti, fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, għar-“raġuni pprovduta fil-paragrafu 1(ċ)” u, fil-paragrafu 4 tiegħu, għar-“raġuni pprovduta fil-paragrafu 1(g)”, jindikaw li kull wieħed mill-każijiet ta’ invalidità elenkati b’mod eżawrjenti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu jikkostitwixxi raġuni awtonoma għal invalidità.

48      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament Nru 2245/2002 jipprovdi, b’mod partikolari:

“1. Applikazzjoni lill-uffiċċju għal dikjarazzjoni ta’ invalidità in segwitu ta’ l-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 trid tiġbor:

[…]

(b) għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet li fuqhom issir l-applikazzjoni:

(i)      dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet fuqiex applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija bażata;

[…]

(v)      fejn il-bażi tal-invalidita hija li d-disinn Komunitarju reġistrat ma’ jissodisfax il-ħtiġijiet li jinstabu fl-Artikolu 5 jew 6 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinnji preċedenti li jistgħu jkunu ostaklu għall-ħaġa ġdida jew karattru ndividwali tad-disinn komunitarju reġistrat, kif ukoll dokumenti li juru l-eżistenza ta’ dawk id-disinnji preċedenti;

(vi)      indikazzjoni tal-fatti, provi u argumenti preżentati biex isaħħu dawk ir-raġunijiet;”

49      Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet miġbura flimkien jirriżulta li, sa fejn hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 2245/2002, b’mod partikolari tal-paragrafu 1(b) tiegħu, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 tagħti, bħala prinċipju, lill-istanzi tal-EUIPO l-kompetenza sabiex jeżaminaw jekk id-disinn Komunitarju jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tal-osservazzjonijiet ippreżentati insostenn ta’ din it-talba.

50      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonstata li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti ġiet ippreżentata permezz ta’ formola li tinkludi, b’mod partikolari, parti intitolata “Raġunijiet” li fiha r-rikorrenti mmarkat il-kaxxa li tikkorrispondi għall-kliem li ġej: “id-disinn Komunitarju kkontestat ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-[Regolament Nru 6/2002].” Għalhekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-Bord tal-Appell kienu, fil-prinċipju, kompetenti sabiex jeżaminaw jekk id-disinn ikkontestat kienx jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, abbażi tal-fatti, tal-provi u tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha.

51      Madankollu, minn dan ma jsegwix li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, kull darba li l-EUIPO jirċievi talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuqhom, tali talba timplika sistematikament li dan l-uffiċċju jivverifika jekk id-disinn ikkontestat josservax jew le l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament.

52      Ċertament, il-kliem tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jirreferi għall-każ fejn id-disinn ikkontestat ma jissodisfax “il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 4 sa 9” u mhux fil-każ fejn dan ma jissodisfax waħda jew iktar mill-imsemmija kundizzjonijiet, li jista’ jissuġġerixxi n-neċessità li dawn il-kundizzjonijiet kollha jiġu eżaminati b’mod globali u indistint.

53      Issa, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jista’ juri wkoll fatturi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002 huma ta’ natura kumulattiva, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minnhom tista’ twassal, waħedha, għall-invalidità tad-disinn inkwistjoni.

55      B’hekk, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju tkun żgurata biss sa fejn dan ikun ġdid u jkollu karattru individwali. Konsegwentement, jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li l-kriterji ta’ applikazzjoni tagħhom huma ddefiniti rispettivament fl-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmi regolament, ma tkunx issodisfatta, id-disinn inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi protett u għandu għalhekk jiġi ddikjarat invalidu abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament mingħajr ħtieġa li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni l-oħra tkunx issodisfatta jew le (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Mejju 2019, Zott vs EUIPO – TSC Food Products (Gatò rettangolari lest biex jittiekel), T‑517/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:323, punt 60).

56      Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ protezzjoni ta’ disinn Komunitarju marbuta ma’ parti komponenti ta’ prodott kumpless stipulati fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprekludu, fihom innifishom, iż-żamma ta’ disinn li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, meta ebda waħda mill-karatteristiċi tal-parti komponenti rrappreżentata ma tissodisfa dawn il-kunidzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2015, Aic vs UASI – ACV Manufacturing (Inserts ta’ skambjatur tas-sħana), T‑616/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:30, punt 21, u tal-20 ta’ Jannar 2015, Aic vs UASI – ACV Manufacturing (Inserts ta’ skambjatur tas-sħana), T‑617/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:32, punt 21).

57      Konstatazzjoni analoga għandha ssir fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ esklużjoni tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju previsti fl-Artikolu 8(1), (2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 u li jirrigwardaw, minn naħa, il-fatt li l-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott huma esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn għandhom neċessarjament jiġu riprodotti fil-forma u d-dimensjonjiet eżatti tagħhom sabiex iservu għall-interkonnessjoni ma’ prodotti oħra.

58      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprovdu li disinn Komunitarju ma joħloqx drittijiet meta d-disinn imur kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità, jirriżulta, evidentement, mill-kliem tagħhom li dawn huma intiżi sabiex jirriflettu interess ġenerali speċifiku, indipendement minn dak li joħroġ mill-Artikoli 4 sa 8 ta’ dan ir-regolament u sabiex jostakolaw, għal dan l-għan, kull protezzjoni ta’ disinn li jmur kontra l-imsemmi interess ġenerali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, La Mafia Franchises vs EUIPO – L-Italja (La Mafia SE SIENTA A LA MESA), T‑1/17, EU:T:2018:146, punt 25).

59      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002 jimplikaw l-implimentazzjoni ta’ kriterji legali differenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2018, Gifi Diffusion vs EUIPO – Crocs (Żraben), T‑424/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:136, punt 48).

60      Għalhekk, b’mod partikolari, mill-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-kriterji legali rilevanti kemm għall-evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat kif ukoll tal-karattru individwali tiegħu tippreżupponi l-eżistenza ta’ disinn jew ta’ diversi disinni preċedenti li l-iżvelar tagħhom għandu jiġi stabbilit mill-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 48 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 28(1)(b) u (v) tar-Regolament Nru 2245/2002 jirriżulta li, meta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, din għandha tinkludi l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinni preċedenti li jistgħu jostakolaw in-novità jew il-karattru individwali tad-disinn Komunitarju rreġistrat, kif ukoll id-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ dawn id-disinni preċedenti.

61      Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali disinn preċedenti u r-rekwiżiti marbuta mal-prova tiegħu ma humiex neċessarji sabiex jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless humiex viżibbli, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002. Dan lanqas ma huwa neċessarju għall-evalwazzjoni ta’ jekk il-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott humiex esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu jew ta’ jekk dawn għandhomx neċessarjament jiġu riprodotti fil-forma u fid-dimensjonijiet eżatti tagħhom għall-interkonnessjoni ta’ dan il-prodott ma’ prodott ieħor, fil-kundizzjonijiet stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 8(2) u (3) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, dawn ir-rekwiżiti huma irrilevanti għall-applikazzjoni tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament.

62      L-analiżi esposta fil-punti 54 sa 61 ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3), fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, rispettivament, jistgħu jiġu invokati biss kontra l-protezzjoni ta’ karatteristika waħda jew diversi karatteristiċi tal-prodott suġġett tad-disinn ikkontestat jew tad-dehra tiegħu u li, f’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-karatteristiċi l-oħra, mhux esklużi mill-protezzjoni, għandhomx in-novità u l-karattru individwali meħtieġa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2011, Kwang Yang Motor vs UASI – Honda Giken Kogyo (Magna b’kombustjoni interna), T‑10/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:446, punt 19, u tal-21 ta’ Mejju 2015, Senz Technologies vs UASI – Impliva (Parapluies), T‑22/13 u T‑23/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:310, punt 101).

63      Fil-fatt, f’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ jekk dawn il-kundizzjonijiet jistgħux jiġu invokati kontra l-protezzjoni ta’ karatteristika waħda jew diversi karatteristiċi tal-prodott suġġett tad-disinn ikkontestat jew tad-dehra tiegħu għandha tiġi rregolata qabel ma tkun tista’ tingħata deċiżjoni fuq il-karattru ġdid u individwali tal-karatteristiċi mhux ikkonċernati minn dawn il-kundizzjonijiet u tikkostitwixxi għalhekk kwistjoni preliminari (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, mobile.international vs EUIPO – Rezon (mobile.de), T‑322/14 u T‑325/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:297, punt 76, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, mobile.de vs EUIPO, C‑418/16 P, EU:C:2018:128, punt 88). Din il-kwistjoni preliminari għandha għalhekk tkun is-suġġett ta’ eżami distint u indipendenti minn dak li jirrigwarda l-karattru ġdid u individwali tal-karatteristiċi l-oħra tal-prodott inkwistjoni jew tad-dehra tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Magna b’kombustjoni interna, T‑10/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:446, punti 19 u 20).

64      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-għanijiet tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi rrilevat li, kif kienet indikat il-Kummissjoni fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji, tat-3 ta’ Diċembru 1993 (ĠU 1994, C 29, p. 20), f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 56 sa 58 ta’ din il-proposta (li saru l-Artikoli 52 sa 54 tar-Regolament Nru 6/2002), il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jikkostitwixxu l-istrument bażiku li jippermetti l-istanzi tal-EUIPO jistħarrġu l-validità ta’ disinn Komunitarju tiegħu wara r-reġistrazzjoni tiegħu.

65      L-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu għalhekk rwol determinanti għat-twettiq ta’ dan l-għan, sa fejn jagħti lill-istanzi tal-EUIPO, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba waħda għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-kompetenza sabiex jistħarrġu l-osservanza tal-kundizzjonijiet essenzjali ta’ protezzjoni tad-disinn Komunitarju, li huma stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament.

66      Madankollu, l-effettività tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma teżiġix li, meta l-istanzi tal-EUIPO jiġu aditi b’talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq ir-raġuni msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, dawn għandhom ipso facto u sistematikament jikkunsidraw ruħhom bħala aditi bin-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament.

67      Fil-fatt, kif għadu kif ġie espost fil-punti 54 sa 58 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx osservata mid-disinn ikkontestat, fl-intier tiegħu, sabiex l-EUIPO jkun jista’ jiddikjara l-invalidità tiegħu u li, konsegwentement, l-għan ta’ stħarriġ tal-validità ta’ dan id-disinn ikun issodisfatt, mingħajr ħtieġa, għal dan l-uffiċċju, li jeżamina l-kundizzjonijiet l-oħra.

68      Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li dawn il-kundizzjonijiet jimplimentaw kriterji legali differenti, l-eżami tal-fatti, tal-provi u tal-osservazzjonijiet prodotti insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, sabiex jintwera li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ma jirriżultax neċessarjament rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk kundizzjoni oħra minn fosthom hijiex ukoll miksura. Barra minnhekk, tali eżami jista’ jeżiġi, min-naħa tal-EUIPO, li jwettaq evalwazzjonijiet li jkunu tekniċi ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 67). Għaldaqstant, l-effettività tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi kompromessa fil-każ li l-EUIPO jkollu jipproċedi, sistematikament għal eżami tal-imsemmija kundizzjonijiet kollha, anki fil-każ fejn il-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet prodotti mill-partijiet ikunu rilevanti biss għall-eżami ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet jew ta’ parti minnhom.

69      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-kliem tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimplikax neċessarjament eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament, iżda jista’ jimplika, fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tal-osservazzjonijiet prodotti mill-partijiet, eżami biss tal-osservanza ta’ waħda biss minn dawn il-kundizzjonijiet jew ta’ parti minnhom.

b)      Fuq il-kwistjoni dwar sa fejn id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jillimitaw il-portata tal-eżami, mill-istanzi tal-EUIPO, tar-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament

70      F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet analogi tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istanzi tal-EUIPO, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jistgħu jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom biss fuq ir-raġunijiet relattivi għal rifjut li l-parti kkonċernata invokat kif ukoll fuq il-fatt u l-provi relatati ma’ dan imressqa mill-partijiet. Madankollu, dan ma jeskludix, b’mod partikolari, li l-istanzi tal-EUIPO jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa espressament mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa, u lanqas li dawn jeżaminaw punt ta’ liġi, anki jekk dan ma jkunx tqajjem mill-partijiet, jekk deċiżjoni fuq dan il-punt tkun neċessarja sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2018, Apple and Pear Australia u Star Fruits Diffusion vs EUIPO – Pink Lady America (WILD PINK), T‑164/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:678, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Din il-ġurisprudenza hija applikabbli mutatis mutandis għall-portata tal-eżami mill-istanzi tal-EUIPO fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-qasam tad-disinni Komunitarji, kif iddefinit mit-tieni sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2018, Mamas and Papas vs EUIPO – Wall-Budden (Ilqugħ tas-sodda tat-tfal), T‑672/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:707, punti 31, 32 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, b’mod partikolari, li, meta l-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tinvoka r-raġuni għall-invalidità prevista fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, hija għandha tipprovdi l-elementi ta’ natura li juru li d-disinn ikkontestat inkwistjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 60).

72      F’dan il-każ, huwa għalhekk fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi esposti insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell kellu jiddetermina liema kienu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002 li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ġie invokat f’dan il-każ u li huwa kellu jeżamina, billi jieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-fatti magħrufa u l-kwistjonijiet ta’ dritt mhux imqajma mill-partijiet, iżda neċessarji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

73      Minn dan kollu premess jirriżulta li l-Bord tal-Appell żbalja meta qies li, minħabba l-fatt li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti kienet ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, din tal-aħħar kellha l-intenzjoni li tinvoka n-nuqqas ta’ osservanza, mid-disinn ikkontestat, tar-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikoli 5, 6, 8 u 9 tal-imsemmi regolament.

74      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tagħti x’tifhem fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Bord tal-Appell ma setax ikun obbligat jeżamina jekk ir-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002 kinux ġew osservati jew le mid-disinn ikkontestat għas-sempliċi raġuni li t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament.

75      Barra minn hekk, il-fatt li, minkejja l-premessa tiegħu, li tipprovdi li r-raġuni għal invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 hija indiviżibbli, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx kompetenti sabiex jeżamina, fil-mertu, l-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament u l-fatt li huwa naqas milli jiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmi regolament huma irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 73 iktar ’il fuq, din il-premessa hija żbaljata.

76      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

77      L-analiżi tar-rikors għandha titkompla billi tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ħames motiv.

2.      Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell naqas milli jiddikjara invalidu d-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn dan jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless, mhux viżibbli wara l-inkorporazzjoni tagħha fih

78      Ir-rikorrenti tirreferi għall-osservazzjonijiet li hija ppreżentat wara l-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018. Hija ssostni li d-disinn ikkontestat jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, bħala parti komponenti ta’ prodott kumpless mhux viżibbli wara l-inkorporazzjoni tagħha fl-imsemmi prodott, waqt użu normali mill-utent finali, u li għandu jiġi ddikjarat invalidu minħabba dan il-fatt. Hija ssostni li, peress li l-parti komponenti hija installata bejn il-magna tal-vettura u t-tagħmir ta’ tkessiħ u l-bonit tal-imsemmija vettura jinżamm magħluq, l-imsemmija parti tisparixxi totalment mill-kamp ta’ viżjoni tal-utent finali tal-vettura, jiġifieri s-sewwieq ta’ din tal-aħħar. Hija ssostni li dawn l-elementi ġew indikati fl-imsemmija komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 u fis-sottomissjonijiet ippreżentati mill-partijiet matul il-proċedimenti, iżda l-Bord tal-Appell ma għamel ebda riferiment għal din il-komunikazzjoni u għal dawn l-allegazzjonijiet. Hija tikkunsidra li dan tal-aħħar ma ssodisfax l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni.

79      Bħala risposta, l-EUIPO jirrikonoxxi li l-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 stiednet lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-disinn ikkontestat kellux jiġi ddikjarat invalidu fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Huwa josserva li, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96 tal-5 ta’ Frar 1996 li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu Vol. 17, Vol. 1, p. 221), il-Bord tal-Appell ma huwiex marbut bil-komunikazzjoni li r-relatur indirizza lill-partijiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-disinn ikkontestat kellux jiġi ddikjarat invalidu abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Barra minn hekk, huwa jsostni li, sa fejn ir-rikorrenti kienet invokat biss, kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell, l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, il-Bord tal-Appell ma kellux dritt jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, ħlief sabiex ibiddel is-suġġett tat-tilwima bi ksur tal-Artikolu 63(1) ta’ dan l-istess regolament. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex dwar din il-kwistjoni, huwa irrilevanti, peress li, kieku għamel dan, huwa kien jiddeċiedi ultra petita.

80      L-intervenjenti tirreferi, essenzjalment, għall-argument imressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ħames motiv. F’dan ir-rigward, hija kienet indikat li l-parti komponenti li tikkorrispondi għad-disinn ikkontestat setgħet tintuża għal finijiet differenti mill-possibbiltà kummerċjali prinċipali tagħha, kif hija stess uriet fl-ambitu tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Ir-rekwiżiti tal-klijenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ din il-parti komponenti huma, f’dan ir-rigward, irrilevanti. L-intervenjenti żżid li, fil-kuntest tal-applikazzjonijiet jew tal-użi differenti minn dawk invokati mir-rikorrenti u li tagħhom il-parti komponenti li tikkorrispondi għad-disinn ikkontestat tista’ tkun is-suġġett, din il-parti komponenti ma tkunx neċessarjament inviżibbli. Fl-aħħar nett, hija ttenni l-argument diġà espost fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ħames motiv, li l-Bord tal-Appell kien irrileva, ġustament, in-natura kontradittorja tal-aġir tar-rikorrenti, li, qabel il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kienet talbet ir-reġistrazzjoni ta’ disinn identiku. Hija tikkonkludi billi ssostni li r-rikorrenti ma invokatx, fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u li dawn id-dispożizzjonijiet, li ma jistgħux jitqajmu ex officio, ma jistgħux jitqajmu issa.

81      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li din il-parti tal-ħames motiv tqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti distinti, wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-ieħor, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, sa fejn din l-istanza ma kkonstatatx li l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet kienet twassal għall-invalidità tad-disinn ikkontestat. Dawn l-ilmenti għandhom għalhekk jiġu eżaminati separatament.

a)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Bord tal-Appell ma ppronunzjax ruħu, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002

82      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu motivati. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2018, Sata vs EUIPO – Zhejiang Auarita Pneumatic Tools (Pistola taż-żebgħa), T‑651/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:855, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u mill-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 TFUE għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-formolazzjoni tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Jekk l-awtur tal-att ikkontestat ma huwiex obbligat, fil-motivazzjoni ta’ dan l-att, li jieħu pożizzjoni fuq elementi jew argumenti b’mod ċar sekondarji jew li jantiċipa oġġezzjonijiet potenzjali, huwa għandu jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun loġika, mingħajr b’mod partikolari kontradizzjoni interna (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, ladarba l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa formalità essenzjali, li għandha tinżamm distinta mill-kwistjoni tal-mertu tal-motivi, il-motivazzjoni tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi raġunijiet żbaljati (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Ball Beverage Packaging Europe vs EUIPO – Crown Hellas Can (Canettes), T‑9/15, EU:T:2017:386, punt 27 u l-ġurispudenza ċċitata).

85      Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli naqas milli jippronunzja ruħu fuq il-kwistjoni ta’ jekk id-disinn ikkontestat kienx relatat ma’ parti komponenti ta’ prodott kumpless li, ladarba inkorporata fl-imsemmi prodott, tibqa’ viżibbli waqt l-użu normali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, meta din il-kwistjoni ġiet indirizzata fil-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 u fl-osservazzjonijiet sussegwenti tal-partijiet.

86      Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 82 sa 84 iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

87      F’dan il-każ, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 13 iktar ’il fuq u kif jirriżulta mill-parti “Sunt tal-fatti” tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-eżami tal-appell tar-rikorrenti, il-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 ġiet indirizzata lill-partijiet, abbażi tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament Nru 6/2002. F’din il-komunikazzjoni, ġie indikat li d-disinn ikkontestat kellu jiġi ddikjarat invalidu, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002 ma kinux osservati, peress li l-prodott kopert mill-imsemmi disinn jikkostitwixxi l-parti komponenti (jiġifieri apparat ta’ gganċjar) ta’ prodott kumpless (jiġifieri l-komponent mekkaniku sħiħ ta’ compressor coupling) li, ladarba inkorporata fil-prodott kumpless, ma tibqax iktar viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell irrileva li l-kompressur, li jokkupa ħafna spazju, ikopri l-parti komponenti inkwistjoni u li l-prodott kumpless huwa hu stess totalment moħbi taħt il-bonit tal-vettura meta dan ikun magħluq, jiġifieri f’pożizzjoni normali.

88      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie indikat ukoll fil-parti “Sunt tal-fatti” tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkar fil-punt 14 iktar ’il fuq, il-partijiet, skont l-Artikolu 59(2) tar-Regolament Nru 6/2002, ġew mistiedna jieħdu pożizzjoni dwar din il-komunikazzjoni matul il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u huma għamlu dan fis-16 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Settembru 2018, rispettivament. L-intervenjenti spjegat, essenzjalment, li l-parti komponenti li hija s-suġġett tad-disinn ikkontestat, li kienet użata sabiex tingħaqad ma’ diversi komponenti u mhux biss mal-magna ta’ vettura u kompressur, ma setgħetx titqies bħala komponent ta’ prodott kumpless u li din kienet normalment viżibbli waqt l-użu tagħha. Ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, sostniet li, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħha, il-parti inkwistjoni kienet intiża biss sabiex tingħaqad ma’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni u l-magna ta’ vettura u li, konsegwentement, ladarba l-bonit ikun magħluq, hija kienet tisparixxi kompletament mill-veduta tal-utent.

89      Fl-aħħar nett, fil-parti “Raġunijiet għad-deċiżjoni”, il-Bord tal-Appell ma għamel ebda riferiment għall-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 u għall-osservazzjonijiet sussegwenti tal-partijiet u li, b’mod partikolari, huwa ma indikax il-konklużjonijiet li huwa ġibed minn din il-komunikazzjoni u minn dawn l-osservazzjonijiet. Kif ġie ripetutament irrilevat, huwa lanqas ma indirizza hu stess il-kwistjoni tal-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, indipendentement minn kull riferiment għall-imsemmija komunikazzjoni u għall-imsemmija osservazzjonijiet (ara l-punti 15, 38, 42 sa 44 u 75 iktar ’il fuq).

90      Madankollu, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni tal-att ikkontestat tista’ tkun impliċita sakemm tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Raġunijiet mhux spjegati jistgħu għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni meta dawn ikunu evidenti kemm għall-persuni kkonċernati u kif ukoll għall-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2018, Żraben, T‑424/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:136, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Għalhekk għandu jiġi mistoqsi jekk il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 tistax tiġi dedotta impliċitament mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, kif jirriżulta mill-kontenut tal-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018, din kienet twassal għall-konklużjoni li d-disinn ikkontestat kellu jiġi ddikjarat invalidu abbażi tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002.

93      Issa, peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti tiġi miċħuda, jista’ jiġi dedott li l-Bord tal-Appell warrab il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 kif ukoll dawk esposti fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti msemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq.

94      Madankollu, anki f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell warrab dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jirriżultawx b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

95      Fl-ewwel lok, kif ġie rrilevat fil-punt 42 iktar ’il fuq, fil-parti inizjali tal-motivi kkontestati, li fiha l-Bord tal-Appell espona l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, huwa semma biss, bħala l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni, fil-fehma tiegħu, tinvoka l-ksur, l-Artikoli 5, 6, 8 u 9 ta’ dan ir-regolament u naqas milli jsemmi, f’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmi regolament.

96      Issa, kif ġie espost fil-punti 42 sa 44 iktar ’il fuq, din l-ommissjoni diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, adottata mill-Bord tal-Appell, peress li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tirreferi espressament għall-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma teskludi l-Artikolu 4(2) u (3) tiegħu, li jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni ta’ disinn li jirrigwarda parti komponenti ta’ prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(c) tal-imsemmi regolament. Madankollu, il-Bord tal-Appell ma pprovda ebda spjegazzjoni li tippermetti li jinftiehem għaliex, minkejja din l-interpretazzjoni, huwa qies li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti kienet intiża biss għan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6, 8 u 9 tar-regolament inkwistjoni.

97      Fit-tieni lok, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta u fis-seduta mill-EUIPO dwar il-pożizzjoni impliċita tal-Bord tal-Appell dwar l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 ma humiex konvinċenti.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-EUIPO jiddikjara li l-Bord tal-Appell qies li, billi invoka l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 fil-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018, huwa kien mar lil hinn mill-motivi invokati u mit-talbiet imressqa mill-partijiet, bi ksur tal-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament u li huwa ma semmiex din il-komunikazzjoni fil-motivi ta’ dritt tal-imsemmija deċiżjoni sabiex jevita li jiddeċiedi ultra petita.

99      Issa, din il-pożizzjoni preżunta tal-Bord tal-Appell ma tistax tiġi dedotta, b’mod ċar u inekwivoku, mid-deċiżjoni kkontestata.

100    Fil-fatt, minn naħa, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, li kien invokat quddiemu f’dan il-każ, kien jirreferi għall-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tal-istess regolament, il-Bord tal-Appell indika espressament li, minkejja li dawn il-kundizzjonijiet tal-aħħar kellhom jiġu kkunsidrati bħala invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti, peress li din ma qajmet ebda argument f’dan ir-rigward, huwa seta’ biss jiċħad din il-parti tal-imsemmija talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 63(1) tar-regolament inkwistjoni.

101    Għalhekk, minn dawn il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ loġikament jiġi konkluż li, jekk, kif isostni l-EUIPO, il-Bord tal-Appell iddeċieda li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jippronunzja ruħu fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-regolament għad-disinn ikkontestat, huwa kien jindika dan espressament. Tali motivazzjoni espliċita kienet tkun iktar neċessarja f’din l-ipoteżi peress li, fil-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018, min-naħa l-oħra, ir-relatur kien identifika b’mod ċar dawn id-dispożizzjonijiet bħala li huma koperti mill-kliem tal-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament u kien deher li kkunsidra li kien jirriżulta mis-sottomissjonijiet tal-partijiet u mid-dokumenti insostenn tagħhom li l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu applikabbli u li huwa kellu jqajjem il-kwistjoni ta’ din l-applikazzjoni.

102    Fi kwalunkwe każ, il-premessa tal-ipoteżi tal-EUIPO hija żbaljata. Fil-fatt, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tiegħu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma kinitx tipprojbixxi lill-Bord tal-Appell milli jirreferi għas-suġġett tal-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jipprekluduh milli japplika għad-disinn ikkontestat l-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmi regolament, huma ma kinux jipprekluduh, madankollu, milli jesponi r-raġunijiet li għalihom huwa kien iqis, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq, tali applikazzjoni bħala impossibbli.

103    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi invokati mill-EUIPO quddiem il-qorti tal-Unjoni intiżi li jiġġustifikaw il-fatt li l-Bord tal-Appell ma applikax għad-disinn ikkontestat dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jirriżultawx, b’mod ċar u inekwivoku, mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

104    Barra minn hekk, dawn il-motivi ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali bħala motivazzjoni addizzjonali għall-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi pprovduta lill-persuna kkonċernata minn dan l-att qabel ma din tippreżenta rikors kontra l-imsemmi att u n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni. Dan jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2018, Żraben, T‑424/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:136, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi deskrizzjoni tal-prodott li għalih huwa applikat id-disinn ikkontestat kif ukoll l-użu tiegħu, li essenzjalment ma hijiex differenti minn dik li saret fil-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018.

106    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell jiddeskrivi d-disinni kunfliġġenti bħala li jikkonċernaw parti komponenti li tippermetti li l-kompressur ta’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni jingħaqad mal-magna ta’ vettura. Huwa jindika, barra minn hekk, li l-parti komponenti inkwistjoni hija invitata mal-magna, u li, sussegwentement, il-kompressur li jħaddem it-tagħmir ta’ refriġerazzjoni jiġi invitat magħha. Għalhekk, minn din id-deskrizzjoni jista’ jiġi dedott li l-Bord tal-Appell ma pprevediex użu ieħor għall-parti komponenti li għaliha d-disinn ikkontestat huwa applikat għajr il-konnessjoni ta’ sistema ta’ refriġerazzjoni jew ta’ klimatizzazzjoni mal-magna tal-vettura li magħha għandha tingħaqad. Barra minn hekk, xejn ma jindika, f’din id-deskrizzjoni, li l-Bord tal-Appell eskluda l-klassifikazzjoni ta’ prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(c) tar-Regolament Nru 6/2002, użata fil-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 sabiex tikkaratterizza t-totalità kkostitwita mill-magna, mill-parti komponenti li hija s-suġġett tad-disinn ikkontestat u mill-kompressur.

107    Konsegwentement, ma huwiex possibbli li mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jiġi dedott b’mod ċar li l-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell evolviet fir-rigward tal-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018 fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prodott li huwa s-suġġett tad-disinn ikkontestat kienx jaqa’, bħala parti komponenti ta’ prodott kumpless, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002. B’mod partikolari, minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li l-Bord tal-Appell qabel mal-osservazzjonijiet tal-intervenjenti tas-16 ta’ Lulju 2018, li fihom din ikkontestat il-klassifikazzjoni ta’ prodott kumpless u invokat diversi użi alternattivi, minbarra dik deskritta fil-punt 106 iktar ’il fuq.

108    Huwa minnu li, fil-punti 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddefinixxa l-utent informat tad-disinn ikkontestat, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li fir-rigward tiegħu għandu jiġi evalwat il-karattru individwali ta’ dan id-disinn, bħala li jista’ jkun, pereżempju, min jinstalla t-tagħmir ta’ refriġerazzjoni jew il-persuna responsabbli minn garaxx ta’ mekkanika awtomobilistika, li tagħżel il-parti komponenti sabiex tinstallaha fil-vettura. Dawn il-konstatazzjonijiet jistgħu jidhru kontradittorji ma’ dawk magħmula fil-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018, li jipprovdu li l-parti komponenti, ladarba mmuntata, ma tibqax viżibbli waqt użu normali, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, jiġifieri bl-esklużjoni tal-manutenzjoni, is-servis jew it-tiswija.

109    Madankollu, il-kriterji tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 u dawk tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament huma differenti. L-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat hija suġġetta għall-impressjoni globali li dan jipproduċi fuq utent informat, li jimplika, mid-definizzjoni tiegħu, li dan id-disinn ikun viżibbli għal dan l-utent. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ użu normali, imsemmi fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament ma huwiex rilevanti għal tali evalwazzjoni. L-identifikazzjoni tal-utent avżat fil-punti 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippreġudikax għalhekk l-analiżi mwettqa mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-osservanza, f’dan il-każ, tal-kriterji tal-istess Artikolu 4(2) u (3). Fi kwalunkwe każ, hija ma tippermettix li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell qies li ma kellux jeżamina l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

110    Minn dan kollu premess jirriżulta li l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 ma joħorġux, b’mod evidenti, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, la għall-partijiet u lanqas għall-qorti tal-Unjoni.

111    Għaldaqstant, għandu issa jiġi eżaminat jekk dawn il-konklużjonijiet humiex relatati ma’ fatti u ma’ kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 iktar ’il fuq.

112    Minn naħa, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 56 u 62 iktar ’il fuq, l-assenza ta’ viżibbiltà tal-karatteristiċi ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, tista’ twassal għall-invalidità totali tad-disinn ikkontestat applikabbli għal din il-parti komponenti jew għall-invalidità parzjali tiegħu, jekk uħud minn dawn il-karatteristiċi biss ikunu kkonċernati. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 4(2), eżami tan-novità u tal-karattru individwali tad-disinn inkwistjoni, fid-dawl tal-kriterji tal-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament, ma jibqax neċessarju fl-ewwel waħda minn dawn l-ipoteżijiet u għandu jkun limitat għall-karatteristiċi li jibqgħu viżibbli fit-tieni waħda minnhom. Il-kwistjoni dwar jekk dan l-Artikolu 4(2) u (3) huwiex applikabbli, f’dan il-każ, għalhekk, bħala prinċipju, jista’ jkollha importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-effett potenzjali tagħha fuq il-motivi u d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, iktar u iktar meta l-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti kienet invokat in-nuqqas ta’ novità u ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

113    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem tal-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018, il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra, f’dan l-istadju tal-proċedimenti, li l-allegazzjonijiet tal-partijiet u l-provi prodotti insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet kienu juru li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 ma kinux issodisfatti. Barra minn hekk, il-partijiet kienu ħadu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-komunikazzjoni, li ma ġewx ikkunsidrati bħala inammissibbli mill-Bord tal-Appell.

114    Issa, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 93 iktar ’il fuq, iċ-ċaħda tal-appell tar-rikorrenti ppronunzjata fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata tidher li tirrifletti bidla kompleta tal-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni għad-disinn ikkontestat tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, b’paragun mal-pożizzjoni adottata fil-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018, kien il-kompitu ta’ din l-istanza li tesponi b’mod ċar ir-raġunijiet għal din il-bidla.

115    Il-Bord tal-Appell seta’, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, jiddispensa ruħu milli jesponi dawn ir-raġunijiet biss kieku ddeċieda li jilqa’ l-appell tar-rikorrenti u jiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat għal raġunijiet għajr l-applikazzjoni għall-imsemmi disinn tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 80).

116    Fl-assenza ta’ tali motivazzjoni, huwa diffiċli, għar-rikorrenti, li tikkontesta b’mod utli, quddiem il-Qorti Ġenerali, in-nuqqas ta’ eżami, fil-mertu, tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002. L-iktar l-iktar, hija tista’ biss, kif għamlet fir-rikors, issostni l-argumenti li hija kienet diġà ressqet matul il-proċedimenti tal-appell fl-osservazzjonijiet tagħha tas-17 ta’ Settembru 2018, favur il-konklużjonijiet tal-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018. Min-naħa l-oħra, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tikkontesta b’mod utli ir-raġunijiet li wasslu lill-Bord tal-Appell sabiex jiċħad dawn il-konklużjonijiet.

117    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika l-fondatezza ta’ dawn ir-raġunijiet u li twettaq korrettament il-kompitu tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija għandha s-setgħa, fil-kuntest tal-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tal-EUIPO, jekk meħtieġ billi tfittex jekk dawn il-bordijiet għamlux klassifikazzjoni legali eżatta tal-fatti tat-tilwima jew jekk l-evalwazzjoni tal-fatti mressqa quddiem l-imsemmija bordijiet kinitx ivvizzjata bi żbalji (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Neuman u Galdeano del Sel vs Baena Grupo, C‑101/11 P u C‑102/11 P, EU:C:2012:641, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    L-argumenti tal-EUIPO u tal-intervenjenti ma humiex ta’ natura li jqiegħdu f’dubju din il-konklużjoni.

119    Qabelxejn, kif diġà ġie espost fil-punt 104 iktar ’il fuq, l-argumenti tal-EUIPO ma jistgħux jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni.

120    Sussegwentement, ċertament, skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, huwa biss jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-regolament seta’ jiġi kkunsidrat bħala invokat mir-rikorrenti, fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jissostanzjaw it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li l-Bord tal-Appell kien ikollu jeżamina din il-kundizzjoni. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 51 sa 72 iktar ’il fuq, l-EUIPO ma setax jitqies bħala awtomatikament adit bin-nuqqas ta’ osservanza tagħha minħabba li l-imsemmija talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b) tal-istess regolament.

121    Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punti 87 sa 110 iktar ’il fuq, il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-kwistjoni ta’ jekk kellux jeżamina l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 ma toħroġx mid-deċiżjoni kkontestata, lanqas impliċitament, minkejja li dan il-bord ippronunzja ruħu fuq din il-kwistjoni fi stadju preċedenti tal-proċedura.

122    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, ma għandhiex is-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ dan il-bord tal-appell b’dik tagħha u, lanqas, li twettaq evalwazzjoni li dwarha l-imsemmi bord tal-appell ma jkunx għadu ħa pożizzjoni (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72). B’mod partikolari, ma huwiex il-kompitu tagħha li tissostitwixxi lill-Bord tal-Appell fl-eżami tal-argumenti, tal-fatti u tal-provi mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li dan il-bord għandu jwettaq, mingħajr ħsara, fejn applikabbli, għal kwistjonijiet ta’ liġi neċessarji għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet rilevanti, u ta’ fatti magħrufa, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 kinitx inkwistjoni fit-tilwima li biha l-Bord ġie adit (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, CEDC International vs UASI – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun), T‑235/12, EU:T:2014:1058, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, il-fatt li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ir-rikorrenti ċċitat espliċitament l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u mhux l-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-regolament ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jintwera li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma kinitx tagħmel parti mis-suġġett tat-tilwima. B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż, mingħajr eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li hija tista’ tiġi kkunsidrata, fid-dawl tal-imsemmija elementi, li qiegħda tinvoka, essenzjalment, dawn id-dispożizzjonijiet.

124    Fl-aħħar nett, għalkemm, kif jafferma ġustament l-EUIPO, il-Bord tal-Appell ma jistax jitqies li huwa marbut bil-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018, huwa kellu madankollu debitament jimmotiva r-raġunijiet li għalihom huwa qies li ma kellux jimxi mal-konklużjonijiet ta’ din il-komunikazzjoni, peress li din tal-aħħar kif ukoll l-osservazzjonijiet sussegwenti tal-partijiet kienu jagħmlu parti mill-kuntest li fih huwa adotta d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u bħala analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma, C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt 66).

125    Fir-rigward tal-argumenti tal-intervenjenti, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-allegazzjoni li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni huwa inammissibbli, minħabba li hija ma invokatx, insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-fatt li l-prodott suġġett tad-disinn ikkontestat kien parti komponenti ta’ prodott kumpless, ma tistax fi kwalunkwe każ tiġi miċħuda, peress li, kif indikat fil-punt 122 iktar ’il fuq, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tipproċedi b’evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell ma jkunx għadu ħa pożizzjoni.

126    Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rikorrenti, fil-kuntest ta’ proċedura distinta, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn identiku għad-disinn ikkontestat ma jistax iwassal għaċ-ċaħda ta’ dan l-ilment, minħabba li dan tal-aħħar huwa kontradittorju mal-argumenti li hija invokat insostenn taż-żamma tar-reġistrazzjoni inkwistjoni.

127    Fil-fatt, l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprevedi li, mingħajr ħsara għall-Artikolu 25(2) sa (5) ta’ dan ir-regolament, kull persuna fiżika jew ġuridika jew awtorità pubblika awtorizzata għal dan il-għan tista’ tippreżenta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, ma jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ tali talba u, a fortiori, tal-argumenti li jissostanzjawha għall-prova ta’ interess ġuridiku jew għall-prova ta’ interess ekonomiku effettiv jew potenzjali fir-rigward tat-tħassir tad-disinn ikkontestat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Lancôme vs UASI, C‑408/08 P, EU:C:2010:92, punti 37 sa 44). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għar-raġunijiet ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(ċ) sa (g) ta’ dan ir-regolament, ir-raġunijiet ta’ invalidità msemmija fil-punti (a) u (b) jistgħu, bħala prinċipju, jiġu invokati minn kull persuna fiżika jew ġuridika (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Visi vs one vs EUIPO – EasyFix (Tabelli li jiddendlu għall-karozzi), T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 64).

128    Konsegwentement, il-fatt li r-rikorrenti fittxet li tirreġistra disinn identiku għad-disinn ikkontestat u, fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmi disinn mibdija mill-intervenjenti, iddefendiet in-novità u l-karattru individwali ta’ dan id-disinn, filwaqt li issa qiegħda tikkontestahom, huwa irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment, u, barra minn hekk, għall-evalwazzjoni tiegħu fil-mertu.

129    Minn dan kollu premess jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa fondat.

130    Qabel ma jiġu ddeterminati l-konsegwenzi fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata tal-konstatazzjoni li saret fil-punt 129 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat it-tieni lment imqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma kkonstatatx l-invalidità tad-disinn ikkontestat, minkejja li dan jikkostitwixxi parti minn prodott kumpless, mhux viżibbli wara l-inkorporazzjoni finali tiegħu f’dan tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

b)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Bord tal-Appell ma kkonstatax li l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 kienet twassal għall-invalidità tad-disinn ikkontestat

131    Kif diġà tfakkar fil-punt 122 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, ma għandhiex is-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell b’dik tagħha u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi bord ikun għadu ma ħax pożizzjoni.

132    F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 13 iktar ’il fuq, fil-komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2018, il-Bord tal-Appell eżamina, matul il-proċedimenti tal-appell, il-kwistjoni dwar jekk id-disinn ikkontestat kellux jiġi ddikjarat invalidu minħabba l-fatt li kien jikkostitwixxi l-parti komponenti ta’ prodott kumpless, mhux viżibbli wara l-inkorporazzjoni finali tiegħu f’dan tal-aħħar, waqt użu normali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Min-naħa l-oħra, fil-punt 110 iktar ’il fuq ġie konkluż li l-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell dwar din il-kwistjoni ma toħroġx mid-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjentement ċar u inekwivoku.

133    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tippronunzja ruħha fuq l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 u għalhekk l-ilment għandu jiġi miċħud.

134    Madankollu, jekk l-ewwel ilment jiġi milqugħ, dan il-motiv ikun suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, billi l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa rekwiżit formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, u l-ksur tiegħu jista’, barra minn hekk, jiġi kkonstatat ex officio, huwa jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑65/93, EU:C:1995:91, punt 21, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 174). Għaldaqstant, hemm lok li l-kap tat-talbiet għall-annullament jintlaqa’.

135    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 131 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun f’pożizzjoni li tbiddel id-deċiżjoni kkontestata u għalhekk hemm lok li l-kap tat-talbiet tar-rikors intiż għal dan il-għan jiġi miċħud.

136    Minn dan kollu premess jirriżulta li, mingħajr ħtieġa li jiġu eżaminati t-tieni sar-raba’ motivi, l-ewwel parti tal-ħames motiv u s-sitt motiv tar-rikors, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata u l-kumplament tat-talbiet jiġu miċħuda.

IV.    Fuq l-ispejjeż

137    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

138    Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

139    Peress li l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu, hemm lok, minn naħa, li l-EUIPO jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, b’mod konformi mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, li jiġi deċiż li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjon Ewropea (EUIPO) tad-19 ta’ Novembru 2018 (Każ R 1397/2017-3) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn L. Oliva Torras, SA.

4)      Mecánica del Frío, SL, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ġunju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.