Language of document : ECLI:EU:C:2019:801

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Direttiva 2002/58/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Cookies – Kunċett ta’ kunsens tas-suġġett tad-data – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel”

Fil-Kawża C‑673/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV

vs

Planet49 GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), L. Bay Larsen, M. Safjan u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV, minn P. Wassermann, Rechtsanwalt,

–        għal Planet49 GmbH, minn M. Jaschinski, J. Viniol u T. Petersen, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. De Luca, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn L. Medeiros u C. Guerra, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Kranenborg kif ukoll minn P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(f) u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV (il-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi – Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Federazzjoni”) u, min-naħa l-oħra, Planet49 GmbH, kumpannija li tipproponi logħob online, rigward il-kunsens tal-parteċipanti f’lotterija promozzjonali organizzata minn din il-kumpannija għat-trasferiment tad-data personali tagħhom lil promoturi u msieħba ta’ din kif ukoll għall-ħażna ta’ informazzjoni u għall-aċċess għal informazzjoni maħżuna fit-tagħmir terminali ta’ dawn l-utenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 95/46

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46 jipprevedi:

“1.      Skont din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.      Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

h)      ‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.”

5        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar; jew

[…]”

6        Skont l-Artikolu 10 tal-istess direttiva:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

a)      l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

b)      l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

ċ)      informazzjoni oħra bħal

–        ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

–        jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

–        l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru

sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.”

 Id-Direttiva 2002/58

7        Il-premessi 17 u 24 tad-Direttiva 2002/58 jipprevedu:

“(17)      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, kunsens ta’ l-utent jew ta’ l-abbonat, irrispettivament minn jekk dan ta’ l-aħħar huwiex persuna naturali jew legali, għandu jkollu l-istess tifsira tal-kunsens tas-[suġġett] tad-data hekk kif definita u speċifikata aktar fid-Direttiva [95/46]. Il-kunsens jista’ jngħata b’kull mod xieraq li jippermetti indikazzjoni speċifika u informata mogħtija b’mod liberu tax-xewqat ta’ l-utent, li tinkludi l-ittikkjar ta’ kaxxa meta żżur l-Internet website ta’ l-Internet.

[…]

(24)      Tagħmir terminali ta’ utenti ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u kull informazzjoni maħżuna fuq tali tagħmir huma parti mill-isfera privata ta’ l-utenti li teħtieġ protezzjoni skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950]. L-hekk imsejħa spyware, web bugs, hidden identifiers u mezzi simili jistgħu jidħlu fit-terminal ta’ l-utenti mingħajr l-għarfien tagħhom sabiex ikun hemm aċċess għall-informazzjoni, biex tinħażen informazzjomi moħbija jew biex jiġu traċċati l-attivitajiet ta’ l-utent u jistgħu serjament jinvadu l-privatezza ta’ dawn l-utenti. L-użu ta’ dawn il-mezzi għandu jiġi permess biss għal skopijiet leġittimi, bl-għarfien ta’ l-utenti konċernati.”

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni Ewropea].

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. […]”

9        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349].’’

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

[…]

f)      ‘kunsens’ minn utent jew abbonat jikkorrespondi għall-kusnens tas-suġġett tad-data fid-Direttiva [95/46];

[…]”

10      L-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

 Ir-Regolament 2016/679

11      Il-premessa 32 tar-Regolament 2016/679 tgħid:

“Il-kunsens għandu jingħata b’att affermattiv ċar li jistabbilixxi indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika, infurmata u mhux ambigwa tal-qbil tas-suġġett tad-data li huwa jaqbel li tiġi pproċessata data personali b’rabta miegħu, pereżempju b’dikjarazzjoni bil-miktub, inkluż b’mod elettroniku, jew bil-fomm. Dan jista’ jinkludi l-immarkar ta’ kaxxa meta jżur sit elettroniku tal-internet, l-għażla ta’ settings tekniċi għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew xi dikjarazzjoni jew imġiba oħra li f’dan il-kuntest jindikaw b’mod ċar l-aċċettazzjoni tas-suġġett tad-data tal-ipproċessar propost tad-data personali tiegħu. Is-silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta’ attività għaldaqstant ma għandhomx jitqiesu bħala kunsens. Il-kunsens għandu jkopri l-attivitajiet tal-ipproċessar kollha li jsiru għall-istess fini jew finijiet. Meta l-ipproċessar ikollu diversi finijiet, għandu jingħata kunsens għalihom kollha. Jekk il-kunsens tas-suġġett tad-data jkollu jingħata wara talba b’mod elettroniku, it-talba għandha tkun ċara, konċiża u li ma toħloqx tfixkil bla bżonn għall-użu tas-servizz li tkun qed tiġi pprovduta għalih.”

12      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

11)      ‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu;

[…]”

13      L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]”

14      L-Artikolu 7(4) tal-istess regolament jipprevedi:

“Meta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b’mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluż il-provvista ta’ servizz, tkunx kondizzjonata fuq il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali li ma jkunx meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt.”

15      Skont l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament 2016/679:

“1.      Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

[…]

e)      ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu […]

[…]

2.      Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:

a)      il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

[…]”

16      L-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Id-Direttiva [95/46] titħassar b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

2.      Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Ir-referenzi għall-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva [95/46] għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit b’dan ir-Regolament.”

 Id-dritt Ġermaniż

17      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 307(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), “[i]d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ma humiex applikabbli jekk, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ bona fide, huma jiżvantaġġaw indebitament il-parti l-oħra tal-kuntratt mal-utent”.

18      Il-punt 1 tal-Artikolu 307(2) tal-BGB jipprevedi li, fil-każ ta’ dubju, “għandu jiġi preżunt li jeżisti żvantaġġ indebitu jekk dispożizzjoni ma tkunx kompatibbli mal-prinċipji essenzjali tad-dispożizzjoni statutorja li minnha tiddevja”.

19      L-Artikolu 12 tat-Telemediengesetz (il-Liġi dwar il-Mezzi ta’ Telekomunikazzjoni, tas-26 ta’ Frar 2007 (BGBl. 2007 I, p. 179), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“TMG”), jipprevedi:

“(1)      Il-fornitur tas-servizzi ma jistax jiġbor u juża data ta’ natura personali bl-iskop li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ħlief jekk il-liġi preżenti jew strument legali ieħor li jipprevedi b’mod espliċitu lill-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jawtorizzah jew jekk l-utent ta l-kunsens tiegħu.

(2)      Il-fornitur tas-servizzi jista’ juża għal skopijiet oħra d-data personali miġbura sabiex jipprovdi s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni biss sal-estent permess minn din il-Liġi u dispożizzjonijiet oħra li jirreferu espressament għal tali servizzi, jew jekk l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu.

(3)      Sakemm ma jkunx previst mod ieħor, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ li tirregola l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali għandha tiġi applikata anki jekk id-data ma kinitx is-suġġett ta’ pproċessar awtomatizzat.”

20      Skont l-Artikolu 13(1) tat-TMG, mill-bidu tal-użu, il-fornitur ta’ servizzi għandu jinforma lill-utent f’forma li tkun ġeneralment komprensibbli dwar il-mod, il-portata u l-iskop tal-ġbir u tal-użu ta’ data personali, jekk ma jkunx diġà ġie informat b’dan minn qabel. Fil-proċeduri awtomatizzati, li jippermettu li jiġi identifikat l-utent ulterjorment u li jippreparaw il-ġbir jew l-użu ta’ data personali, l-utent għandu jiġi informat fil-bidu ta’ din il-proċedura.

21      Skont l-Artikolu 15(3) tat-TMG, il-fornitur ta’ servizzi jista’, fil-każ tal-użu ta’ psewdonimi, jistabbilixxi profili ta’ użu għal finijiet ta’ reklamar, ta’ analiżi tas-suq, jew għall-konfigurazzjoni tal-mezzi elettroniċi għall-bżonnijiet, sakemm l-utent, informat bid-dritt tiegħu li jopponi ruħu għal dan, ma jopponix ruħu.

22      Skont id-definizzjoni mogħtija mill-Artikolu 3(1) tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data), tal-20 ta’ Diċembru 1990 (BGBl. 1990 I, p. 2954), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BDSG”), “id-data personali hija indikazzjoni distinta li tirrigwarda elementi personali jew fattwali ta’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (is-suġġett tad-data)”.

23      Skont id-definizzjoni li l-Artikolu 3(3) tal-BDSG jagħti ta’ dan il-kunċett, il-ġbir huwa l-fatt li tinkiseb data dwar is-suġġett tad-data.

24      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4a(1) tal-BDSG, li jittrasponi l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, tipprevedi li l-kunsens ikun validu biss jekk ikun ġej minn deċiżjoni meħuda liberament mis-suġġett tad-data.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Fl-24 ta’ Settembru 2013, Planet49 organizzat lotterija promozzjonali fuq is-sit internet www.dein-macbook.de.

26      L-utenti tal-internet li xtaqu jieħdu sehem f’din il-lotterija kellhom jikkomunikaw il-kodiċi postali tagħhom, u dan kien iwassalhom f’paġna web li fiha kellhom idaħħlu isimhom u l-indirizz tagħhom. Taħt il-kaxxi li għandhom jimtlew bl-indirizz kien hemm żewġ settijiet ta’ testi spjegattivi akkumpanjati minn kaxxi tal-immarkar. L-ewwel test spjegattiv, li l-kaxxa tiegħu (iktar ’il quddiem l-“ewwel kaxxa tal-immarkar”) ma kinitx immarkata minn qabel, kien jaqra:

“Naqbel li nirċievi informazzjoni permezz tal-posta, jew it-telefon jew il-posta elettronika/messaġġ SMS mingħand ċerti promoturi u l-imsieħba fil-kooperazzjoni dwar offerti mill-qasam kummerċjali rispettiv tagħhom. Nista’ niddetermina dawn jiena stess hawnhekk; fin-nuqqas ta’ dan, l-għażla ssir mill-organizzatur. Nista’ nirrevoka dan il-kunsens f’kull żmien. Informazzjoni ulterjuri dwar dan tista’ tinsab hawnhekk.”

27      It-tieni test spjegattiv, li l-kaxxa (iktar ’il quddiem it-“tieni kaxxa tal-immarkar”) kienet immarkata minn qabel, kien jaqra:

“Naqbel li s-servizz ta’ analiżi tal-web Remintrex jintuża għalija. Bħala konsegwenza, wara r-reġistrazzjoni għal-lotterija, l-organizzatur tal-lotterija, [Planet49], jinstalla cookies, li jippermetti lil Planet49 tevalwa l-aġir ta’ navigazzjoni u l-aġir ta’ użu tiegħi fuq il-web tal-imsieħba fir-reklamar u għalhekk jippermetti lil Remintrex tirreklama abbażi tal-interessi tal-utent. Nista’ nerġa nħassar il-cookies f’kull żmien. Tista’ taqra iktar dwar dan hawnhekk.”

28      Il-parteċipazzjoni fil-lotterija promozzjonali kienet possibbli biss wara li tiġi mmarkata, mill-inqas, l-ewwel kaxxa tal-immarkar.

29      Il-link elettroniku li jinsab fit-test spjegattiv li jakkumpanja l-ewwel kaxxa tal-immarkar, taħt il-kliem “promoturi u l-imsieħba fil-kooperazzjoni” u “hawnhekk”, kien iwassal għal lista li kien fiha 57 kumpannija li tinkludi l-indirizzi tagħhom, il-qasam kummerċjali li għandu jiġi rreklamat u l-metodu ta’ komunikazzjoni użat għar-reklamar (il-posta elettronika, il-posta jew it-telefon). Il-kliem issottolinjat “Ħassar l-abbonament” kien jinsab wara l-isem ta’ kull kumpannija. Id-dikjarazzjoni li ġejja kienet tippreċedi l-lista:

“Billi nagħfas fuq il-link ‘Ħassar l-abbonament’, jiena qiegħed niddeċiedi li ma nippermettix li jingħata l-kunsens għar-reklamar lill-imsieħeb/promotur inkwistjoni. Jekk ma ħassartx l-abbonamenti għal kwalunkwe wieħed minn, jew għal numru suffiċjenti ta’, imsieħba/promoturi, Planet49 ser tagħżel għalija fid-diskrezzjoni tagħha l-imsieħba/promoturi (numru massimu: 30 imsieħeb/promotur).”

30      Meta jiġi attivat il-link elettroniku assoċjat mal-kelma “hawnhekk” fit-tieni kaxxa tal-immarkar, taħt il-kelma “hawnhekk”, kienet tintwera l-informazzjoni li ġejja:

“Il-cookies imsemmija ceng_cache, ceng_etag, ceng_png u gcr huma fajls żgħar maħżuna b’mod li jiġu attribwiti fuq il-hard disk tiegħek mill-browser li inti tuża u li permezz tagħhom tingħata ċerta informazzjoni li tippermetti reklamar iktar faċli biex jintuża u iktar effettiv. Il-cookies fihom numru (ID) speċifiku ġġenerat b’mod każwali, li fl-istess ħin huwa attribwit lid-data ta’ reġistrazzjoni tiegħek. Jekk inti sussegwentement iżżur sit internet ta’ msieħeb fir-reklamar li huwa rreġistrat għal Remintrex (biex tara jekk teżistix reġistrazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta d-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-imsieħeb fir-reklamar), Remintrex tirreġistra b’mod awtomatiku, permezz ta’ iFrame li huwa integrat hemm, li inti (jew l-utent bl-ID maħżun) żort is-sit, liema prodott urejt interess fih u jekk ikkonkludejtx tranżazzjoni.

Sussegwentement, [Planet49] tista’ tagħmel l-arranġamenti, abbażi tal-kunsens għar-reklamar mogħti waqt ir-reġistrazzjoni għal-lotterija, biex tintbagħatlek posta elettronika ta’ reklamar li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi li inti wrejt fuq is-sit internet tal-imsieħeb fir-reklamar. Wara li tirrevoka l-kunsens għar-reklamar, ovvjament ma intix ser tibqa’ tirċievi posta elettronika ta’ reklamar.

L-informazzjoni kkomunikata minn dawn il-cookies tintuża esklużivament għall-finijiet ta’ reklamar li fih jiġu ppreżentati prodotti tal-imsieħeb fir-reklamar. L-informazzjoni hija miġbura, maħżuna u użata b’mod separat għal kull imsieħeb fir-reklamar. Bl-ebda mod ma huma ser jinħolqu profili tal-utenti li jinvolvu diversi msieħba. L-imsieħba individwali ma jirċievu l-ebda data personali.

Jekk ma għandek l-ebda interess ulterjuri li tuża l-cookies, inti tista’ tħassarhom mill-browser tiegħek f’kull mument. Tista’ ssib gwida fil-funzjoni ta’ ‘għajnuna’ fil-browser tiegħek.

Ma jista’ jitħaddem l-ebda programm u ma’ jiġi trażmess l-ebda virus permezz tal-cookies.

Ovvjament inti tista’ tirrevoka dan il-kunsens f’kull żmien. Inti tista’ tibgħat ir-revoka tiegħek bil-miktub lil [Planet49] [indirizz]. Madankollu, messaġġ elettroniku lid-dipartiment tas-servizzi tal-konsumatur tagħna [indirizz tal-posta elettronika] ikun ukoll biżżejjed.”

31      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-cookies huma fajls li l-fornitur ta’ sit internet iqiegħed fuq il-kompjuter tal-utent ta’ dan is-sit u li huwa jista’ jaċċedi għalihom mill-ġdid fi żjara ġdida tas-sit mill-utent, sabiex tiġi ffaċilitata n-navigazzjoni fuq l-internet jew tranżazzjonijiet jew sabiex tinkiseb informazzjoni dwar l-aġir ta’ dan tal-aħħar.

32      Fil-kuntest ta’ intimazzjoni li ma wasslet għal ebda riżultat, il-Federazzjoni, li hija mniżżla fil-lista tal-organi li għandhom locus standi taħt l-Artikolu 4 tal-Gesetz über Unterlassungsklagen bei Verbraucherrechts- und anderen Verstößen (Unterlassungsklagengesetz – UKlaG) (il-Liġi dwar il-mandati ta’ inibizzjoni fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-konsumatur u ta’ liġijiet oħra), tas-26 ta’ Novembru 2001 (BGBl. 2001 I, p. 3138), sostniet li d-dikjarazzjonijiet ta’ kunsens mitluba minn Planet49 permezz tal-ewwel u t-tieni kaxxa tal-immarkar ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 307 tal-BGB, tal-punt 2 tal-Artikolu 7(2) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat-3 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1414), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, u tal-Artikoli 12 et seq. tat-TMG.

33      Il-Federazzjoni ppreżentat quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) rikors intiż, essenzjalment, sabiex Planet49 tieqaf titlob tali dikjarazzjonijiet ta’ kunsens u sabiex hija tiġi kkundannata tħallas lill-Federazzjoni s-somma ta’ EUR 214, flimkien mal-interessi mill-15 ta’ Marzu 2014.

34      Il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) laqgħet parzjalment dan ir-rikors.

35      Wara appell ippreżentat minn Planet49 quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), din il-qorti qieset li t-talba tal-Federazzjoni intiża sabiex Planet49 tieqaf tinkludi, fi ftehim ta’ lotteriji promozzjonali ma’ konsumaturi, it-test kif jinsab fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li t-tieni kaxxa tal-immarkar tiegħu kienet immarkata minn qabel, ma kinitx fondata għaliex, minn naħa, l-utent kien jaf bil-possibbiltà li jneħħi l-marka minn din il-kaxxa u, min-naħa l-oħra, dan kien ippreżentat f’tipografija suffiċjentement ċara u kien jagħti informazzjoni dwar il-modalitajiet għall-użu tal-cookies, mingħajr il-ħtieġa li tiġi żvelata l-identità ta’ terzi li jista’ jkollhom aċċess għall-informazzjoni miġbura.

36      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), adita mill-Federazzjoni b’appell ibbażat fuq punt ta’ liġi, tqis li l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58, tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679.

37      Peress li kellha dubji dwar il-validità, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tal-ksib, minn Planet49, tal-kunsens tal-utenti tas-sit internet www.dein-macbook.de permezz tat-tieni kaxxa tal-immarkar kif ukoll tal-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) a)      Il-kunsens previst fl-Artikolu 5(3) u fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva [2002/58] moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva [95/46] huwa validament mogħti meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni maħżuna f’tagħmir terminali tal-utent huma awtorizzati minn kaxxa inkroċjata awtomatikament li l-utent għandu jikklikkja fuqha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu?

b)      L-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva [2002/58] moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva [95/46] għandhom jiġu applikati b’mod differenti skont jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata hijiex data personali?

c)      Fiċ-ċirkustanzi evokati fid-domanda preliminari 1(a), jeżisti kunsens effettiv fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament [2016/679]?

2)      Liema hija l-informazzjoni li l-fornitur tas-servizz għandu jagħti lill-utent fil-kuntest ta’ informazzjoni ċara u komprensiva skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva [2002/58]? Din tinkludi wkoll it-tul ta’ funzjonament tal-cookies u l-kwistjoni dwar jekk terzi jiksbux aċċess għall-cookies?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

38      B’mod preliminari, għandha tiġi eżaminata l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679 għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      B’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, id-Direttiva 95/46 tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament 2016/679, bis-saħħa tal-Artikolu 94(1) ta’ dan tal-aħħar.

40      Huwa minnu li din id-data tiġi wara d-data tal-aħħar seduta li nżammet quddiem il-qorti tar-rinviju, li seħħet fl-14 ta’ Lulju 2017, u tiġi wkoll wara d-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita bit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-imsemmija qorti.

41      Madankollu, il-qorti tar-rinviju indikat li, fid-dawl tad-dħul fis-seħħ, fil-25 ta’ Mejju 2018, tar-Regolament 2016/679, li huwa s-suġġett barra minn hekk ta’ parti mill-ewwel domanda, huwa probabbli li dan ir-regolament ikollu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument li fih tiġi deċiża t-tilwima fil-kawża prinċipali. Minbarra dan, kif il-Gvern Ġermaniż indika waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex eskluż li, sa fejn il-proċedura mibdija mill-Federazzjoni hija intiża sabiex twaqqaf l-aġir ta’ Planet49 fil-futur, ir-Regolament 2016/679 ikun applikabbli ratione temporis fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali abbażi tal-ġurisprudenza nazzjonali rigward is-sitwazzjoni legali rilevanti fil-qasam ta’ azzjonijiet għal ħruġ ta’ mandati ta’ inibizzjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, fir-rigward ta’ rikors ta’ natura dikjaratorja, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post, C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 38).

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2016/679, ir-riferimenti magħmula, fid-Direttiva 2002/58, għad-Direttiva 95/46 jinftiehmu bħala magħmula għall-imsemmi regolament, ma huwiex eskluż, f’dan il-każ, li d-Direttiva 2002/58 tapplika b’mod konġunt mad-Direttiva 95/46, jew mar-Regolament 2016/679, skont in-natura tat-talbiet tal-Federazzjoni u skont il-perijodu kkonċernat.

43      Għaldaqstant id-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta abbażi kemm tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tar-Regolament 2016/679.

 Fuq id-domandi 1(a) u (c)

44      Permezz tad-domandi 1(a) u (c) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kunsens previst f’dawn id-dispożizzjonijiet jingħata b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet, permezz ta’ cookies, tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu.

45      B’mod preliminari, għandu jiġi speċifikat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-cookies li jistgħu jitqiegħdu fuq it-tagħmir terminali ta’ utent li jipparteċipa f’lotterija promozzjonali organizzata minn Planet49 fihom numru li jiġi attribwit lid-data ta’ reġistrazzjoni ta’ dan l-utent, li għandu jinkludi ismu u l-indirizz tiegħu fil-formola ta’ parteċipazzjoni f’din il-lotterija. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-assoċjazzjoni ta’ dan in-numru u ta’ din id-data tippersonalizza d-data maħżuna mill-cookies meta l-utent juża l-internet, b’tali mod li l-ġbir ta’ din id-data permezz ta’ cookies jaqa’ taħt ipproċessar ta’ data personali. Dawn l-indikazzjonijiet ġew ikkonfermati minn Planet49, li enfasizzat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-kunsens li jikkorrispondi għat-tieni kaxxa tal-immarkar huwa preżunt li jawtorizza l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali, u mhux informazzjoni anonima.

46      Flimkien ma’ din l-ispeċifikazzjoni, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-ħażna ta’ informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ utent huma permessi biss bil-kundizzjoni li l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu, wara li jkun irċieva, b’osservanza tad-Direttiva 95/46, informazzjoni ċara u kompleta, fost l-oħrajn dwar l-iskopijiet tal-ipproċessar.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkun fih l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens tagħha u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt il-kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 50, u tal-11 ta’ April 2019, Tarola, C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 36).

48      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha u l-għanijiet imfittxija minnha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni wkoll jista’ jkollha elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi osservat li, minkejja li din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod espliċitu li l-utenti għandhom “ikunu taw il-kunsens tagħhom” għat-tqegħid u għall-konsultazzjoni ta’ cookies fuq it-tagħmir terminali tagħhom, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludix, min-naħa l-oħra, indikazzjonijiet rigward il-mod kif dan il-kunsens għandu jingħata. Il-kliem “ikunu taw il-kunsens tagħhom” huwa miftuħ madankollu għal interpretazzjoni letterali skont liema azzjoni tal-utent tkun meħtieġa sabiex jiġi espress il-kunsens tiegħu. F’dan ir-rigward, mill-premessa 17 tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-kunsens ta’ utent, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, jista’ jingħata b’kull mod xieraq li jippermetti lill-utent jindika b’mod liberu x-xewqat tiegħu, b’mod speċifiku u informat, b’mod partikolari “l-ittikkjar ta’ kaxxa meta żżur l-Internet website ta’ l-Internet”.

50      F’dak li jirrigwarda l-kuntest madwar l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-“kunsens” fis-sens ta’ din, jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-“kunsens tas-suġġett tad-data” li jinsab fid-Direttiva 95/46. Il-premessa 17 tad-Direttiva 2002/58 tispeċifika li l-kunsens ta’ utent, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, għandu jkollu l-istess tifsira bħall-kunsens tas-suġġett tad-data kif iddefinit u speċifikat ulterjorment mid-Direttiva 95/46.

51      L-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva msemmija l-aħħar jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data” bħala “indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru”.

52      B’dan il-mod, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit ta’ “indikazzjoni” tax-xewqat tas-suġġett tad-data jevoka b’mod ċar aġir attiv u mhux passiv. Issa, kunsens mogħti permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel ma jimplikax aġir attiv min-naħa tal-utent ta’ sit internet.

53      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, li jipprevedi lista eżawrjenti tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies bħala leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 30, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 57).

54      B’mod partikolari, l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 jipprevedi li l-kunsens tas-suġġett tad-data jista’ jirrendi tali pproċessar leġittimu sakemm il-kunsens jingħata “b’mod ċar” mis-suġġett tad-data. Issa, biss aġir attiv min-naħa ta’ din il-persuna sabiex jindika l-kunsens tagħha huwa tali li jissodisfa dan ir-rekwiżit.

55      F’dan ir-rigward, jidher prattikament impossibbli li jiġi stabbilit b’mod oġġettiv jekk l-utent ta’ sit internet effettivament tax il-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu billi ma neħħiex il-marka minn kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel kif ukoll, f’kull każ, jekk dan il-kunsens ingħatax b’mod informat. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi utent ma jkunx qara l-informazzjoni li takkumpanja l-kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel, jew li saħansitra ma jkunx induna b’din il-kaxxa, qabel ma kompla bl-attività tiegħu fuq is-sit internet li huwa jżur.

56      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-oriġini tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni inizjali ta’ din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi biss ir-rekwiżit li l-utent ikollu d-“dritt li [jirrifjuta]” it-tqegħid ta’ cookies, wara li jkun irċieva, b’osservanza tad-Direttiva 95/46, informazzjoni ċara u kompleta, fost l-oħrajn dwar l-iskopijiet tal-ipproċessar. Id-Direttiva 2009/136 introduċiet modifika sostanzjali fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, billi ssostitwixxiet din l-espressjoni bil-kliem “ikunu taw il-kunsens tagħhom”. L-oriġini tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 donnha għalhekk tindika li l-kunsens tal-utent ma jistax minn issa ’l quddiem jibqa’ jiġi preżunt u għandu jirriżulta minn aġir attiv ta’ dan tal-aħħar.

57      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-kunsens li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 2(f) u fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, ma huwiex għalhekk mogħti b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel mill-fornitur tas-servizz, li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu.

58      Għandu jingħad ukoll li l-indikazzjoni tax-xewqa li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 għandha, b’mod partikolari, tkun “speċifika”, fis-sens li hija għandha tirrigwarda preċiżament l-ipproċessar ta’ data kkonċernat u ma tistax tiġi dedotta minn indikazzjoni tax-xewqa bi skop differenti.

59      F’dan il-każ, bil-kontra ta’ dak li ssostni Planet49, il-fatt li utent jattiva l-buttuna ta’ parteċipazzjoni fil-lotterija promozzjonali organizzata minn din il-kumpannija ma jistax għaldaqstant ikun biżżejjed sabiex jitqies li l-utent ta b’mod validu l-kunsens tiegħu għat-tqegħid ta’ cookies.

60      L-interpretazzjoni preċedenti hija neċessarja, iktar u iktar, fid-dawl tar-Regolament 2016/679.

61      Fil-fatt, kif ikkonstata, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, li tiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(1)(a) tiegħu, li hemm riferiment għaliha fid-domanda 1(c), tidher iktar stretta minn dik tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, sa fejn hija teżiġi indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data “mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa”, li tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ “azzjoni affermattiva ċara” li turi li huwa jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu.

62      Kunsens attiv huwa għalhekk issa previst b’mod espliċitu mir-Regolament 2016/679. Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li, skont il-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, l-espressjoni tal-kunsens tista’ ssir b’mod partikolari billi tiġi mmarkata kaxxa meta wieħed iżur sit internet. L-imsemmija premessa teskludi, min-naħa l-oħra, b’mod espliċitu li hemm kunsens “[fil-każ ta’] silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta’ attività”.

63      Għaldaqstant il-kunsens li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 2(f) u fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, ma huwiex mogħti b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel, li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu.

64      Għandu, fl-aħħar nett, jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ma adixxietx lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-kunsens ta’ utent għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal finijiet ta’ reklamar jissuġġetta l-possibbiltà, ta’ dan, li jipparteċipa f’lotterija, kif donnu huwa l-każ hawnhekk, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, mill-inqas f’dak li jirrigwarda l-ewwel kaxxa tal-immarkar, huwiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ kunsens mogħti “liberament” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tal-punt 11 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament 2016/679. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina din il-kwistjoni.

65      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi 1(a) u (c) għandha tkun li l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunsens previst f’dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex mogħti b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet, permezz ta’ cookies, tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu.

 Fuq id-domanda 1(b)

66      Permezz tad-domanda 1(b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, għandhomx jiġu interpretati b’mod differenti skont jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tikkostitwixxix data personali, fis-sens tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679.

67      Kif ġie osservat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tqegħid tal-cookies inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa parti minn ipproċessar ta’ data personali.

68      Madankollu, għandu, f’kull każ, jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 jirreferi għall-“ħżin tal-informazzjoni” u għall-“ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna”, mingħajr ma jikklassifika din l-informazzjoni u mingħajr ma jispeċifika jekk din għandhiex tkun data personali.

69      Kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni hija intiża, għalhekk, sabiex tipproteġi lill-utent minn kull indħil fil-ħajja privata tiegħu, irrispettivament minn jekk dan l-indħil jinvolvix data personali jew data oħra.

70      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 24 tad-Direttiva 2002/58, li tgħid li kull informazzjoni maħżuna fuq it-tagħmir terminali tal-utent ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tagħmel parti mill-ħajja privata tal-utent, li għandha tiġi protetta taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Din il-protezzjoni tapplika għal kull informazzjoni maħżuna fuq dan it-tagħmir terminali, indipendentement minn jekk id-data tkunx personali jew le, u hija intiża, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-istess premessa, sabiex tipproteġi lill-utenti mir-riskju li “hidden identifiers” jew mezzi simili oħra jidħlu fit-tagħmir terminali ta’ dawn l-utenti mingħajr ma jkunu jafu.

71      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda 1(b) għandha tkun li l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, ma għandhomx jiġu interpretati b’mod differenti skont jekk l-informazzjoni maħżuna jekk ikkonsultata fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tikkostitwixxix data personali, fis-sens tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679.

 Fuq it-tieni domanda

72      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi għandu jagħti lill-utent ta’ sit internet għandha tinkludi t-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies.

73      Kif jirriżulta diġà mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 jeżiġi li l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu, wara li jkun irċieva “informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar”.

74      Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, informazzjoni ċara u komprensiva tfisser li l-utent jinsab f’pożizzjoni li jiddetermina faċilment il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe kunsens li huwa jista’ jagħti u tiggarantixxi li dan il-kunsens jingħata b’għarfien sħiħ. Hija għandha tkun komprensibbli b’mod ċar u suffiċjentement iddettaljata b’mod li tippermetti lill-utent jifhem il-funzjonament tal-cookies li jintużaw.

75      Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-cookies huma intiżi sabiex tinġabar informazzjoni għal finijiet ta’ reklamar dwar prodotti tal-imsieħba tal-organizzatur ta’ lotterija, it-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies jagħmlu parti mill-informazzjoni ċara u komprensiva li għandha tiġi pprovduta lill-utent skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46, li għalih jirreferi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, kif ukoll l-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/679, jistabbilixxu l-informazzjoni li dak li huwa responsabbli għall-ipproċessar għandu jipprovdi lill-persuna li mingħandha huwa jiġbor data li tirrigwardaha.

77      Din l-informazzjoni tinkludi b’mod partikolari, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46, minbarra l-identità tal-persuna responsabbli għall-ipproċessar u l-iskopijiet tal-ipproċessar li għalihom id-data hija intiża, kull informazzjoni addizzjonali bħad-destinatarji jew il-kategoriji ta’ destinatarji tad-data, sa fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom id-data tinġabar, din l-informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat fir-rigward tas-suġġett tad-data pproċessar ġust tad-data.

78      Għalkemm it-tul ta’ żmien tal-ipproċessar tad-data ma huwiex inkluż fost din l-informazzjoni, jirriżulta madankollu mill-espressjoni “għall-inqas” li tinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 li din ma hijiex elenkata b’mod eżawrjenti. Issa, l-informazzjoni dwar it-tul tal-funzjonament tal-cookies għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżit ta’ trattament ġust tad-data previst mill-imsemmi artikolu, sa fejn, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tul ta’ żmien twil, jew bla limitu, jimplika l-ġbir ta’ bosta elementi ta’ informazzjoni dwar id-drawwiet ta’ navigazzjoni u l-frekwenza tal-eventwali żjarat tal-utent fuq is-siti tal-imsieħba fir-reklamar tal-organizzatur tal-lotterija.

79      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament 2016/679, li jipprevedi li l-persuna responsabbli għall-ipproċessar għandha tagħti lis-suġġett tad-data, sabiex jiġi ggarantit ipproċessar ġust u trasparenti, informazzjoni dwar, b’mod partikolari, it-tul taż-żamma tad-data personali jew, meta dan ma huwiex possibbli, il-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat dan it-tul.

80      Rigward jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies, din hija informazzjoni inkluża fl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll fl-Artikolu 13(1)(e) tar-Regolament 2016/679, għaliex dawn id-dispożizzjonijiet isemmu b’mod espliċitu d-destinatarji jew il-kategoriji ta’ destinatarji tad-data.

81      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi għandu jagħti lill-utent ta’ sit internet tinkludi t-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tadDirettiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunsens previst f’dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex mogħti b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet, permezz ta’ cookies, tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu.

2)      L-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, ma għandhomx jiġu interpretati b’mod differenti skont jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tikkostitwixxix data personali, fis-sens tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679.

3)      L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi għandu jagħti lill-utent ta’ sit internet tinkludi t-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.