Language of document : ECLI:EU:T:2022:5

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

12 ta’ Jannar 2022 (*)

“Dritt istituzzjonali – Kooperazzjoni msaħħa li tikkonċerna l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Ħatra tal-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Ħatra ta’ wieħed mill-kandidati nnominati mill-Belġju – Regoli applikabbli għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej”

Fil-Kawża T‑647/20,

Jean-Michel Verelst, li jirrisjedi f’Éghezée (il-Belġju), irrappreżentat minn C. Molitor, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Pleśniak, R. Meyer u K. Kouri, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, M. Van Regemorter u M. Jacobs, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1117 tas‑27 ta’ Lulju 2020 li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2020, L 244, p. 18), sa fejn taħtar lil Yves van den Berge bħala prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, President, M. Kancheva (Relatur) u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Jean-Michel Verelst, ilu mis-sena 2010 jeżerċita l-funzjonijiet ta’ viċi prosekutur tar-Re ta’ Brussell (il-Belġju) speċjalizzat fil-qasam fiskali. Barra minn hekk, huwa direttur tal-Organe central pour la saisie et la confiscation (l-Organu Ċentrali għas-Sekwestru u l-Konfiska, il-Belġju, iktar ’il quddiem l-“OĊSK”) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan sa mit-2 ta’ Jannar 2017, wara li kien l-assistent direttur tiegħu sa mix-xahar ta’ Diċembru 2013.

2        Fit-12 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1). Dan ir-regolament jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bħala korp tal-Unjoni Ewropea u jistabbilixxi r-regoli li jirrigwardaw il-funzjonament tiegħu.

3        Skont il-premessa 40 tar-Regolament 2017/1939:

“Il-proċedura għall-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej għandha tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom. Il-leġittimità tagħhom għandha tkun derivata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċedura tal-ħatra”.

4        Il-premessa 41 tar-Regolament 2017/1939 hija fformulata kif ġej:

“Bord ta’ għażla għandu jistabbilixxi lista ristretta ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ Kap Prosekutur Ewropew. Is-setgħa tal-istabbiliment tar-regoli għall-operat tal-bord u tal-ħatra tal-membri tiegħu għandha tingħata lill-Kunsill, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni [Ewropea]. Tali setgħa ta’ implimentazzjoni tkun tirrifletti s-setgħat speċifiċi mogħtija lill-Kunsill taħt l-Artikolu 86 TFUE, u tirrifletti n-natura speċifika tal-UPPE, li ser jibqa’ inkorporat fiss fl-istrutturi legali nazzjonali filwaqt li fl-istess ħin ikun korp tal-Unjoni. L-UPPE ser ikun qed jaġixxi fi proċedimenti fejn il-biċċa l-kbira tal-atturi l-oħrajn ser ikunu nazzjonali, bħall-qrati, il-pulizija u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi, u għaldaqstant il-Kunsill għandu interess speċifiku li jkun involut mill-qrib fil-proċedura tal-ħatra. L-għoti ta’ dawk is-setgħat lill-Kunsill ukoll jieħu kont b’mod adegwat tan-natura sensittiva potenzjali ta’ kwalunkwe setgħa deċiżjonali b’implikazzjonijiet diretti għall-istrutturi ġudizzjarji u ta’ prosekuzzjoni nazzjonali […]”

5        Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939, kull Stat Membru li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa li tirrigwarda l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jinnomina tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew minn fost kandidati li jkunu membri attivi tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew tal-ġudikatura tal-Istat Membru kkonċernat, li joffru l-garanziji kollha ta’ indipendenza u li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa biex jinħatru f’kariga għolja ta’ prosekuzzjoni jew ġudizzjarja f’dak l-Istat Membru u li jkollhom esperjenza prattika rilevanti tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, ta’ investigazzjonijiet finanzjarji u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali.

6        L-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2017/1939 jipprovdi li, wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla msemmi fl-Artikolu 14(3) tal-istess regolament (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Għażla”), il-Kunsill għandu jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati biex ikun il-Prosekutur Ewropew tal-Istat Membru kkonċernat u li, jekk il-Bord tal-Għażla jsib li kandidat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet ta’ Prosekutur Ewropew, l-opinjoni tiegħu għandha torbot lill-Kunsill. Skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2017/1939, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, għandu jagħżel u jaħtar lill-Prosekuturi Ewropej għal perijodu ta’ sitt snin li ma jistax jiġġedded u jista’ jiddeċiedi li jestendi dan il-mandat għal perijodu massimu ta’ tliet snin fi tmiem il-perijodu ta’ sitt snin.

7        Skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 2017/1939, il-Kunsill għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla u għandu jadotta deċiżjoni għall ħatra tal-membri tiegħu fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea.

8        Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696, dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (ĠU 2018, L 282, p. 8).

9        L-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/1696 huwa intitolat “Regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla” (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Ħidma tal-Bord tal-Għażla”). Skont il-punt VI.2 ta’ dawn ir-regoli, dwar il-proċedura tal-ħatra tal-prosekuturi Ewropej, wara li jirċievi n-nomini ppreżentati minn Stat Membru, il-Bord tal-Għażla għandu janalizzahom fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939 u għandu jisma’ lill-kandidati nominati, li s-smigħ tagħhom għandu jsir bil-preżenza fiżika. L-ewwel paragrafu tal-punt VII.2 ta’ dawn l-istess regoli jipprovdi li “[i]l-bord tal-għażla, abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu matul l-analiżi u s-smigħ, għandu jifformula opinjoni dwar il-kwalifiki tal-kandidati biex jaqdu d-dmirijiet ta’ Prosekuturi Ewropej u għandu jiddikjara espressament jekk kandidat jissodisfax jew le l-kondizzjonijiet [previsti] fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939”. Skont it-tielet paragrafu tal-imsemmi punt VII.2, “[i]l-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom”, klassifikazzjoni li “għandha tindika ordni ta’ preferenza tal-bord tal-għażla u ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Kunsill”.

10      Fid-dawl tan-nomina tat-tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939, l-awtoritajiet Belġjani ppubblikaw sejħa għall-kanditaturi fil-Moniteur belge tal-25 ta’ Jannar 2019, li għaliha rrispondew sitt kandidati, fosthom ir-rikorrent. Is-smigħ ta’ dawn il-kandidati sar mill-Collège des procureurs généraux (il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali, il-Belġju) u mill-Procureur fédéral de Belgique (il-Prosekutur Federali tal-Belġju) fl-14 ta’ Marzu 2019. Fl-opinjoni tiegħu tal-20 ta’ Marzu 2019, il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali indika, fir-rigward tal-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew, li “[l]-funzjonijiet passati u attwali [tar-rikorrent], b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika, finanzjarja u fiskali, kif ukoll l-esperjenza tiegħu fil-qasam tal-ġestjoni tal-OĊSK (missjonijiet Ewropej – ARO – u internazzjonali – CARIN), [kienu] importanti biex jissodisfa l-funzjonijiet ta’ Prosekutur Ewropew mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew”. Madankollu, huwa indika li “[r-rikorrent] ma [setax] jikkonvinċi lill-Kulleġġ [li huwa kellu] viżjoni suffiċjentement ċara tal-kompiti u missjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur u [tal-]Prosekutur [Ewropew ta’ Stat Membru]”. Bħala konklużjoni, il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali adotta, fir-rigward tar-rikorrent “opinjoni b’riżerva għall-mandat ta’ Prosekutur Ewropew (fuq skala ta’ favorevoli ħafna – favorevoli – b’riżerva – sfavorevoli)”.

11      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2019, il-ministre de la Justice (il-Ministru għall-Ġustizzja) Belġjan informa lir-rikorrent li skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939, huwa kien ippropona, fid-29 ta’ Marzu 2019, lill-President tal-Bord tal-Għażla tliet kandidati għall-pożizzjoni tal-prosekutur Ewropew, filwaqt li indika li r-rikorrent kien wieħed minnhom.

12      Is-smigħ tar-rikorrent seħħ mill-Bord tal-Għażla fl-24 ta’ Mejju 2019.

13      Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Bord tal-Għażla bagħat l-opinjoni motivata tiegħu lill-Kunsill dwar il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew proposti mir-Renju tal-Belġju.

14      F’din l-opinjoni, l-ewwel nett, il-Bord tal-Għażla ppreċiża li, fuq il-bażi tal-eżami tal-curriculums vitae u tal-ittri ta’ motivazzjoni kif ukoll tas-smigħ li seħħ fit-23 u fl-24 ta’ Mejju 2019, huwa kkunsidra li l-kandidati ppreżentati mir-Renju tal-Belġju għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939.

15      Sussegwentement, il-Bord tal-Għażla indika li huwa kien ikklassifika l-imsemmija kandidati f’ordni ta’ preferenza fejn ir-rikorrent kien jinsab fl-ewwel post filwaqt li Yves van den Berge kien jinsab fit-tielet post.

16      Għal dak li jirrigwarda r-rikorrent, il-Bord tal-Għażla mmotiva din il-klassifikazzjoni bil-mod kif ġej:

“Fost il-kandidati ppreżentati, il-Bord ikkunsidra li [r-rikorrent] huwa l-iktar wieħed adattat biex jeżerċita l-funzjoni ta’ prosekutur Ewropew fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew […] Viċi prosekutur tar-Re ta’ Brussell, [ir-rikorrent] huwa d-direttur tal-[OĊSK] fi ħdan is-service public fédéral Justice (is-Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja) Belġjan. Matul il-karriera tiegħu, [huwa] akkwista esperjenza vasta fl-investigazzjonijiet u fil-prosekuzzjonijiet li jirrigwardaw ir-reati finanzjarji kbar, inkluż il-każijiet ta’ ħasil ta’ flus u ta’ frodi serja tal-karużell. Huwa kiseb ukoll esperjenza prezzjuża fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali. [Ir-rikorrent] huwa membru tal-grupp ta’ pilotaġġ u punt ta’ kuntatt tan-network bejn l-aġenziji għall-irkupru tal-assi ta’ Camden (CARIN) u jipparteċipa regolarment fil-gruppi ta’ xogħol tal-[Unjoni] marbutin mal-konfiska ta’ assi akkwistati illegalment. [Ir-rikorrent] wera kapaċità kbira li jaħdem f’ambjent multikulturali, inkluż il-kapaċità li jaħdem fuq sistemi ġuridiċi differenti minn tiegħu u għarfien tajjeb tal-qafas legali istituzzjonali tal-Unjoni […] Huwa għandu barra minn hekk esperjenza maniġerjali tajba.

Waqt is-smigħ tiegħu, [ir-rikorrent] ippreżenta viżjoni strateġika fuq ir-rwol u l-funzjonament tal-prosekutur Ewropew fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u pprovda tweġibiet preċiżi ħafna għall-mistoqsijiet magħmula mill-Bord. Huwa wera għarfien tajjeb tar-Regolament [2017/1939] kif ukoll tal-isfidi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ jaffaċċja u ppropona soluzzjonijiet vijabbli biex jindirizzahom. Il-Bord innota l-enfasi magħmul fuq il-ħtieġa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u proċedurali fil-proċeduri tiegħu. Il-Bord innota b’mod partikolari l-kompetenza speċjalizzata tiegħu fil-qasam tal-konfiska u tal-irkupru tal-assi akkwistati illegalment kif ukoll l-approċċ pragmatiku biex isolvi l-kunflitti potenzjali. Il-Bord huwa konvint li [r-rikorrent] jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex ikun Prosekutur Ewropew effiċjenti”.

17      Il-kwistjoni tal-għażla u tal-ħatra tal-prosekuturi Ewropej ġiet eżaminata mill-uffiċjali tad-diviżjoni Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-Kunsill matul is-sitt laqgħat suċċessivi (iktar ’il quddiem il-“laqgħat COPEN”), li nżammu fid-9 ta’ Settembru, fis‑26 ta’ Novembru u fit-12 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll fl-1, fl‑20 u fit‑22 ta’ Lulju 2020.

18      Fit-18 ta’ Settembru 2019, il-presidenza tal-Kunsill bagħtet lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) dokument intitolat “Kompiti u proċeduri għall-għażla tal-prosekuturi Ewropej”. Il-punt 8 ta’ dan id-dokument kien jipprovdi dan li ġej:

“Ix-xogħol tekniku preparatorju għandu jitwettaq mill-korpi kompetenti tal-Kunsill (COPEN Grupp ta’ Xogħol u/jew uffiċjali ĠAI, skont il-każ). L-eżami jsir fuq il-bażi tal-opinjonijiet motivati mibgħuta mill-Bord tal-Għażla, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ordni ta’ preferenza tal-klassifikazzjoni mhux obbligatorja tal-Bord tal-Għażla u [l-]fatt li l-merti u l-kapaċità professjonali [kif ukoll] il-kwalifiki tal-kandidati inklużi fil-lista qasira diġà ġew evalwati fid-dettall mill-Bord tal-Għażla. Wara dan l-eżami, l-korp kompetenti tal-Kunsill għandu jipproponi l-prosekuturi Ewropej u jirrakkomanda lill-[Coreper] il-ħatra tagħhom. Skont l-Artikolu 16[(3) u (4)] tar-Regolament [2017/1939], il-Kunsill, b’deċiżjoni ta’ maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri parteċipanti, għandu jagħżel u jaħtar lill-prosekuturi Ewropej […]”.

19      Waqt il-laqgħa COPEN tas-26 ta’ Novembru 2019, id-delegazzjoni Belġjana indikat [kunfidenzjali] (1).

20      Matul il-laqgħa COPEN tat-12 ta’ Diċembru 2019, [kunfidenzjali].

21      Fis-27 ta’ Frar 2020, ir-Renju tal-Belġju pprovda lill-Kunsill ġustifikazzjoni bil-miktub li tikkonċerna [kunfidenzjali].

22      F’din il-ġustifikazzjoni bil-miktub, ir-Renju tal-Belġju [kunfidenzjali].

23      Ir-Renju tal-Belġju espona mbagħad il-pożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u tal-Prosekutur Federali bil-mod kif ġej:

“[kunfidenzjali]”

24      Ir-Renju tal-Belġju indika wkoll għaliex huwa kkunsidra li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali f’dan il-każ bil-mod kif ġej:

“[kunfidenzjali]”

25      Ir-Renju tal-Belġju ppreċiża wkoll li huwa “[kunfidenzjali]”.

26      Bħala konklużjoni tal-ġustifikazzjoni bil-miktub tiegħu, ir-Renju tal-Belġju indika li, “[kunfidenzjali]”.

27      Waqt il-laqgħa COPEN tal-1 ta’ Lulju 2020, il-presidenza tal-Kunsill fakkret li, [kunfidenzjali].

28      Konsegwentement, il-kwistjoni tal-għażla u tal-ħatra tal-prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju kienet diskussa waqt il-laqgħa tal-“Grupp ANTICI” tat-13 ta’ Lulju 2020.

29      Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Coreper adotta l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-ħatra tal-prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

30      Fis-27 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1117, li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2020, L 244, p. 18, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

31      Il-premessi 7 u 8 tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:

“(7)      Il-bord tal-għażla ħejja l-opinjonijiet motivati u l-klassifikazzjoni għal kull wieħed mill-kandidati nominati li ssodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, u ppreżentahom lill-Kunsill li rċevihom fid-29 ta’ Mejju, fl-20 ta’ Ġunju, fil-11 ta’ Ottubru, fit-18 ta’ Novembru u fl-10 ta’ Diċembru 2019, u fis-16 ta’ Lulju 2020.

(8)      Skont ir-raba’ paragrafu tar-Regola VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla, il-bord tal-għażla kklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Tali klassifikazzjoni tindika l-ordni ta’ preferenza tal-bord tal-għażla iżda mhijiex vinkolanti fuq il-Kunsill”.

32      Fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill indika li evalwa l-merti rispettivi tal-kandidati filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet motivati mibgħuta mill-Bord tal-Għażla. Fil-premessa 13 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill ippreċiża li, wara tali evalwazzjoni, huwa kien segwa l-ordni ta’ preferenza mhux vinkolanti indikata mill-Bord tal-Għażla għall-kandidati kollha nnominati mill-Istati Membri parteċipanti ħlief għal dawk innominati mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Bulgarija u mir-Repubblika Portugiża, li fil-konfront tagħhom huwa kien ibbaża ruħu fuq evalwazzjoni oħra tal-merti ta’ dawn il-kandidati, magħmula fi ħdan il-korpi preparatorji kompetenti tal-Kunsill.

33      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Il-persuni li ġejjin huma b’dan maħtura Prosekuturi Ewropej tal-UPPE bħala aġenti temporanji fil-grad ta’ AD 13 għal perijodu li ma jiġġeddidx ta’ sitt snin mid-29 ta’ Lulju 2020:

Is-Sur Yves van den Berge

[…]”

34      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill innotifika lir-rikorrent, l-istess bħall-kandidati kollha l-oħra li ma ntgħażlux, bid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll bl-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna r-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tiegħu li jaħtar kandidat ieħor, f’dan il-każ, Yves van den Berge.

35      Għaldaqstant, il-Kunsill ippreċiża [kunfidenzjali].

36      F’dan ir-rigward, il-Kunsill għamel diversi preċiżazzjonijiet, Huwa indika għaldaqstant [kunfidenzjali].

37      Il-Kunsill enfasizza wkoll [kunfidenzjali].

38      Barra minn hekk, il-Kunsill indika [kunfidenzjali].

39      F’din l-ittra, il-Kunsill kien ippreċiża wkoll [kunfidenzjali].

40      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent talab lill-Kunsill biex jibgħatlu d-dokumenti kollha li jirrigwardaw l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għażla li tikkonċerna lilu. B’risposta, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent, fil-25 ta’ Novembru 2020, l-evalwazzjoni tal-kandidatura tiegħu mill-Bord tal-Għażla, il-ġustifikazzjoni bil-miktub ipprovduta mir-Renju tal-Belġju biex ma jsegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla li tikkonċerna lill-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew innominati minn dan l-Istat Membru, estratti mill-minuti tal-laqgħat COPEN tas-26 ta’ Novembru 2019, tat-12 ta’ Diċembru 2019 u tal-1 ta’ Lulju 2020, inkwantu dawn kienu jikkonċernaw l-għażla tal-kandidati nnominati mill-imsemmi Stat Membru, kif ukoll id-dokument tal-Kunsill 12175/19, tat-18 ta’ Diċembru 2019, li jiddefinixxi l-proċess intern li għandu jiġi segwit fi ħdan il-Kunsill għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej u żewġ dokumenti oħra li jikkonċernaw l-involviment tal-“grupp ANTICI” f’dan il-proċess.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

42      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Jannar 2021, ir-Renju tal-Belġju talab li jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2021, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Ir-Renju tal-Belġju ppreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet prinċipali għarrfu lill-Qorti Ġenerali li huma ma kellhomx osservazzjonijiet x’jagħmlu fuq dan fit-termini imposti.

43      Fis-26 ta’ Jannar 2021, il-Kunsill ippreżenta r-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

44      Adita b’talba motivata f’dan is-sens, ippreżentata mill-Kunsill fil-11 ta’ Frar 2021, fuq il-bażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet li fil-verżjoni pubblika ta’ din is-sentenza tħalli barra l-kontenut tal-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020, annessa mar-rikors, u tal-ittra tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 u tal-annessi tagħha, annessi mar-risposta.

45      Ir-rikorrent u l-Kunsill ippreżentaw ir-replika u l-kontroreplika rispettivament fit-12 ta’ Marzu u fid-19 ta’ April 2021.

46      Wara l-mewt tal-imħallef Berke, li seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2021, il-President tad-Disa’ Awla ħatar imħallef ieħor biex l-Awla tkun kompluta.

47      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-terminu impost.

48      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

49      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din taħtar lil Yves van den Berge bħala prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew b’effett mid-29 ta’ Lulju 2020;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

50      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, sal-mument li dan l-att jiġi ssostitwit b’att ġdid adottat debitament, iżda mhux iktar tard minn 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-qrati tal-Unjoni li taqta’ definittivament din il-kawża.

51      Ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Fid-dritt

52      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tar-regoli applikabbli għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej, b’mod partikolari r-regoli proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 14(3) u fl-Artikolu 16(1) sa (3) tar-Regolament 2017/1939, kif ukoll tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/1696, tal-punti VI.2 u VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 296 TFUE u sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-prosekuturi Ewropew u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

53      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

54      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi għamel paragun tal-merti bejn it-tliet kandidati maħtura mir-Renju tal-Belġju fuq il-bażi tal-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u tal-Prosekutur Federali ta’ dan l-Istat Membru, u mhux fuq il-bażi tal-opinjoni tal-Bord tal-Għażla.

55      Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward, li mill-Artikolu 16 tar-Regolament 2017/1939 jirriżulta li l-Kunsill jagħżel u jaħtar wieħed mit-tliet kandidati maħtura minn kull wieħed mill-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla. Minn dan isegwi li l-għażla mill-Kunsill ta’ wieħed mit-tliet kandidati inkwistjoni għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla. Skont ir-rikorrent, il-Kunsill ma jistax għaldaqstant jissostitwixxi l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla b’dik tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-awtorità nazzjonali kompetenti, li r-rwol tagħha hija limitata biex tinnomina tliet kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939.

56      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2017/1939 ġiet ikkonfermata mill-Kunsill stess fid-dokument intern 12175/19, tat-18 ta’ Settembru 2019, li jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita fi ħdan il-Kunsill għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej, li ġie anness mar-risposta.

57      Issa, skont ir-rikorrent, mill-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mil-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 u mill-provi prodotti mill-Kunsill fl-anness mar-risposta jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-ħatra għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew ta’ kandidat innominat mir-Renju tal-Belġju, il-Kunsill, bi ksur tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2017/1939, injora l-paragun tal-merti tal-kandidati innominati minn dan l-Istat Membru li kien sar mill-Bord tal-Għażla fl-opinjoni motivata tiegħu u għamel paragun ieħor tal-merti, mhux previst fir-Regolament 2017/1939, li sar minn korpi mhux awtorizzati, filwaqt li rriproduċew l-opinjoni mogħtija mill-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u l-Prosekutur Federali tal-Belġju.

58      Il-Kunsill u r-Renju tal-Belġju jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

59      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jikkontestax ir-realtà tal-iżvolġiment tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif deskritta fil-punti 10 sa 30 iktar ’il fuq.

60      Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrent ma ressaqx eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 16 jew l-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1939, jew kontra r-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla, iżda huwa jsostni li dawn id-dispożizzjonijiet inkisru, f’dan il-każ, mill-Kunsill.

61      F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2017/1939, il-Kunsill jagħżel u jaħtar bħala Prosekutur Ewropew tal-Istat Membru kkonċernat wieħed mit-tliet kandidati nnominati minn dan l-Istat Membru wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li, jekk il-Bord tal-Għażla jsib li kandidat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet ta’ Prosekutur Ewropew, l-opinjoni tiegħu għandha torbot lill-Kunsill.

62      Jeħtieġ li jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2017/1939, “[i]l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, għandu jagħżel u jaħtar lill-Prosekuturi Ewropej għal perijodu ta’ sitt snin li ma jistax jiġġedded […]”.

63      Il-portata preċiża tal-missjoni mogħtija lill-Bord tal-Għażla hija ppreċiżata fir-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla.

64      Għaldaqstant, skont il-punt VI.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla, dan tal-aħħar għandu jeżamina l-kandidaturi tal-kandidati nnominati fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939 u għandu jisma’ lil dawn il-kandidati, li għandhom jattendu s-smigħ fiżikament. Skont l-ewwel paragrafu tal-punt VII.2 ta’ dawn l-istess regoli, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li jasal għalihom matul l-eżaminazzjoni u s-smigħ, il-Bord tal-Għażla jagħti opinjoni motivata fuq il-kwalifiki tal-kandidati għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew u jindika espressament jekk kandidat jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939. Skont it-tieni paragrafu tal-punt VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla, “[fl-] eventwalità li l-kandidati nominati ma jissodisfawx l-[imsemmija] kondizzjonijiet […], il-bord tal-għażla għandu, permezz tas-segretarjat tiegħu, jitlob li l-Istat Membru kkonċernat jinnomina għadd korrispondenti ta’ kandidati ġodda”. Fl-aħħar nett, skont it-tielet paragrafu tal-punt VII.2 ta’ dawn l-istess regoli ta’ ħidma, il-Bord tal-Għażla għandu jagħmel klassifikazzjoni tal-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza ta’ dawn tal-aħħar, li ssemmi ordni ta’ preferenza u li ma hijiex vinkolanti fuq il-Kunsill.

65      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fir-rigward tal-proċedura ta’ ħatra tal-prosekuturi Ewropej, kif ġustament jirrileva l-Kunsill, il-missjoni tal-Bord tal-Għażla tikkonsisti f’żewġ kompiti differenti. L-ewwel kompitu huwa li jifformula opinjoni motivata fuq il-kwalifiki tal-kandidati għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew billi jindika espressament jekk kandidat jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939. Din l-opinjoni, li tingħata wara eżami tal-kandidaturi u smigħ fiżiku tal-kandidati mill-Bord tal-Għażla, jorbot lill-Kunsill meta jikkonstata li kandidat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew. F’tali ipoteżi, il-Bord tal-Għażla jistieden lill-Istat Membru kkonċernat biex jinnomina kandidat ġdid. Il-Kunsill, li skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2017/1939, jista’ jagħżel u jaħtar wieħed mit-tliet kandidati nnominati mill-Istat Membru kkonċernat għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew biss wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla fuq il-kwalifiki tal-imsemmija kandidati biex jeżerċitaw din il-funzjoni, jista’ għaldaqstant jieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward biss meta tliet kandidati, innominati mill-Istat Membru kkonċernat, ikunu s-suġġett ta’ opinjoni motivata favorevoli tal-Bord tal-Għażla. Minn dan isegwi li l-ewwel kompitu tal-imsemmi bord huwa li jiżgura li l-Kunsill ikollu jagħżel bejn tliet kandidati li, fid-dawl tal-kwalifiki tagħhom, jissodisfaw, kull wieħed, il-kundizzjonijiet biex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ prosekutur Ewropew.

66      It-tieni kompitu tal-Bord tal-Għażla jikkonsisti fit-twettiq ta’ klassifikazzjoni tal-kandidati nnominati mill-Istat Membru kkonċernat, ibbażata fuq il-kwalifiki u l-esperjenza ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri paragun tal-merti tal-imsemmija kandidati, li jinkludi ordni ta’ preferenza. Kif tfakkar fil-punt 64 iktar ’il fuq, it-tielet paragrafu tal-punt VII.2, tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla jipprovdi espressament li din il-klassifikazzjoni ma hijiex vinkolanti għall-Kunsill. Minn dan isegwi li t-tieni kompitu tal-Bord tal-Għażla jikkonsisti fit-twettiq, b’mod konsultattiv biss, ta’ paragun tal-merti bejn it-tliet kandidati nnominati mill-Istat Membru kkonċernat u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew, li fuqu l-Kunsill ikun jista’, jekk ikun il-każ, jibbaża d-deċiżjoni li jaħtar wieħed minn dawn il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew.

67      F’dan il-każ, jirriżulta mill-opinjoni tal-Bord tal-Għażla tal-20 ta’ Ġunju 2020 dwar it-tliet kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew, li l-kontenut tagħha jinsab espost fil-punti 14 sa 16 iktar ’il fuq, li, wara li eżamina l-kandidaturi u sema’ lil dawn il-kandidati, dan il-Bord ikkunsidra li l-imsemmija kandidati kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew stabbiliti mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939. Jirriżulta wkoll minn din l-opinjoni li l-Bord tal-Għażla stabbilixxa klassifikazzjoni fl-ordni ta’ preferenza tal-kandidati, li abbażi tagħha r-rikorrent kien ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni u Yves van den Berge fit-tielet pożizzjoni, u li din l-ordni ta’ preferenza kienet ibbażata fuq paragun tal-kwalifiki u tal-esperjenza tal-kandidati msemmija.

68      Jirriżulta wkoll mill-minuti tad-diversi laqgħat COPEN (ara l-punti 19, 20 u 27 iktar ’il fuq) li, fl-istadju tal-eżami tal-kandidaturi għall-pożizzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew, id-delegazzjoni tar-Renju tal-Belġju indikat [kunfidenzjali].

69      Barra minn hekk jirriżulta mill-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 32 iktar ’il fuq) kif ukoll mill-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 (ara l-punti 34 sa 36 iktar ’il fuq) li, fir-rigward tal-ħatra tal-prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju, il-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni tiegħu mhux fuq il-klassifikazzjoni stabbilita mill-Bord tal-Għażla, imma “abbażi ta’ valutazzjoni differenti tal-merti”. Jirriżulta mill-istess elementi li, fil-kuntest ta’ dan il-paragun, ingħatat attenzjoni partikolari lill-fatt li [kunfidenzjali].

70      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Bord tal-Għażla kkunsidra effettivament, fi tmiem il-klassifikazzjoni magħmula fuq il-bażi tal-kwalifiki u tal-esperjenza tat-tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew innominati mir-Renju tal-Belġju, li r-rikorrent kien l-aħjar kandidat biex jeżerċita l-funzjonijiet ikkonċernati, il-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq paragun ieħor tal-merti, li fil-kuntest tiegħu l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali, li ġiet ikkomunikata lilu mill-awtoritajiet Belġjani, kellha rwol determinanti.

71      Issa, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-punt VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla, il-klassifikazzjoni stabbilita minn dan tal-aħħar fuq il-bażi tal-kwalifiki u tal-esperjenza tat-tliet kandidati nnominati mill-Istat Membru kkonċernat ma hijiex ta’ natura vinkolanti għall-Kunsill (ara l-punt 63 iktar ’il fuq).

72      Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li la l-Artikolu 16(2) u (3) tar-Regolament 2017/1939, u lanqas ir-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla ma jipprekludu li, biex issir l-għażla bejn it-tliet kandidati nnominati minn Stat Membru fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilu permezz tal-imsemmi Artikolu 16(2) u (3), il-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni li tingħatalu mill-gvernijiet tal-Istati Membri rrappreżentati fi ħdanu, jekk ikun il-każ mill-Istat Membru kkonċernat stess.

73      Minn dan isegwi li r-rikorrent huwa żbaljat meta jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tar-regoli tal-proċedura li jirregolaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u b’mod partikolari, tal-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament 2017/1939 kif ukoll tal-punti VI.2 u VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla.

74      Konsegwentement, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

75      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta bbaża d-deċiżjoni tiegħu tal-ħatra tal-prosekuturi Ewropej tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Repubblika Portugiża fuq paragun tal-merti magħmul minn korp mhux awtorizzat għal dan il-għan, filwaqt li bbaża din l-istess deċiżjoni tal-ħatra għal dak li jikkonċerna lill-Istati Membri l-oħra li jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fuq l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla, skont ir-Regolament 2017/1939.

76      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni jew tal-ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ġunju 2021, Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji vs Il-Kummissjoni, T‑126/19, EU:T:2021:360, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Issa, f’dan il-każ, b’kuntrast ma’ dak li jsostni r-rikorrent, mill-fatt li l-Kunsill ma segwiex il-klassifikazzjoni stabbilita mill-Bord tal-Għażla għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej għar-Renju tal-Belġju, għar-Repubblika tal-Bulgarija u għar-Repubblika Portugiża ma jsegwix li, f’dan il-każ, huwa bbaża d-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward fuq paragun tal-merti mwettaq minn korp mhux awtorizzat għal dan il-għan.

78      Jeħtieġ fil-fatt li jitfakkar li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1939 u mir-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla li l-klassifikazzjoni stabbilita minn dan tal-aħħar tal-kandidati nnominati minn Stat Membru li jipparteċipa fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew ma hijiex vinkolanti għall-Kunsill u li dan tal-aħħar jista’ jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri rrappreżentati fi ħdanu fil-kuntest tal-paragun tal-merti tal-imsemmija kandidati li, fl-aħħar mill-aħħar, huwa għandu jagħmel (ara l-punti 71 u 72 iktar ’il fuq).

79      Għaldaqstant, kif sostna l-Kunsill, il-fatt li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura previsti mir-Regolament 2017/1939 wasslet, f’ċerti każijiet, biex il-Kunsill isegwi l-klassifikazzjoni stabbilita mill-Bord tal-Għażla u, f’każijiet oħra, biex dan jinjora din il-klassifikazzjoni u jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq paragun ieħor tal-merti ma huwiex tali li juri li ċerti kandidati ġew ittrattati b’mod diskriminatorju.

80      Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv bħala infondata kif ukoll, li jiġi miċħud, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

81      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata, kif ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, hija nieqsa mill-motivazzjoni għal dak li jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill għażel li ma jsegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla u li jibbaża ruħu fuq paragun ieħor tal-merti, imwettaq mill-korpi preparatorji tal-Kunsill.

82      Skont ir-rikorrent, l-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 ma hijiex tali li tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, din hija motivazzjoni trażmessa a posteriori, li għaldaqstant ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Issa, il-motivi ta’ deċiżjoni, li għandhom preċiżament l-għan li jistabbilixxu l-bażi tal-istess deċiżjoni u li jiġġustifikaw l-għażla li għamel il-Kunsill meta adotta din id-deċiżjoni, għandhom ikunu jeżistu u jkunu identifikati fil-mument li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni.

83      Min-naħa l-oħra, il-motivi mressqa f’din l-ittra huma irrilevanti, peress li jmorru kontra s-sistema ta’ evalwazzjoni tal-kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew implimentati mir-Regolament 2017/1939. Ir-rikorrent jirreferi hawnhekk għall-fatt li l-Kunsill iġġustifika l-għażla tal-kandidat maħtur bħala prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju bil-fatt li [kunfidenzjali]. Ir-rikorrent jirreferi wkoll, f’dan ir-rigward, għall-fatt li l-Kunsill iġġustifika l-għażla tiegħu bil-fatt li [kunfidenzjali]. Skont ir-rikorrent, dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux tali li jiġġustifikaw li l-Kunsill jagħti prevalenza lill-opinjoni ta’ awtorità nazzjonali fuq dik tal-korp tal-Unjoni kompetenti, jiġifieri l-Bord tal-Għażla. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, il-kriterju marbut ma’ [kunfidenzjali] ma huwiex tali li jiġġustifika l-preferenza mogħtija lill-kandidatura tal-kandidat maħtur meta mqabbla ma’ dik tar-rikorrent.

84      Il-Kunsill u r-Renju tal-Belġju jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

85      Jeħtieġ, l-ewwel nett, li jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni preskritt fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod li, minn naħa, tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u li jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le, u min-naħa l-oħra, tippermetti lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, fil-prinċipju, tkun ikkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u li l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 50; ara, wkoll, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill għażel u ħatar għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew wieħed mit-tliet kandidati nnominati minn kull wieħed mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa li tikkonċerna l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

88      Issa, minn naħa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li tali deċiżjoni ta’ ħatra ma tistax titqies bħala att ta’ portata ġenerali, peress li ma tirrigwardax kategoriji ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali u astratt u li l-individwi kollha tal-Unjoni, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala tali kategorija ta’ persuni kkontemplata fid-deċiżjoni tal-ħatra. Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ma jistax, barra minn hekk, jibdel in-natura ġuridika tagħha (ara d-digriet tat-8 ta’ Lulju 2021, Mendes de Almeida vs Il-Kunsill, T‑75/21, mhux ippubblikat, li ġie appellat, EU:T:2021:424, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew ta’ ċerti kandidati nnominati mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa li tikkonċerna l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew hija marbuta inseparabbilment mar-rifjut impliċitu li jiġu maħtura f’din il-pożizzjoni l-kandidati l-oħra nnominati minn dawn l-Istati Membri (ara d-digriet tat-8 ta’ Lulju 2021, Mendes de Almeida vs Il-Kunsill, T‑75/21, mhux ippubblikat, li ġie appellat, EU:T:2021:424, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha titqies bħala ġabra ta’ atti ta’ natura individwali li jikkawżaw preġudizzju lil persuni li ma humiex id-destinatarji tagħhom, jiġifieri l-kandidati nnominati mill-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li ma nħatrux prosekuturi Ewropej mill-Kunsill (ara d-digriet tat-8 ta’ Lulju 2021, Mendes de Almeida vs Il-Kunsill, T‑75/21, mhux ippubblikat, li ġie appellat, EU:T:2021:424, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 85 u 86 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din kienet tinvolvi ċaħda impliċita tal-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju, kellha, fil-prinċipju, tiġi kkomunikata lilu fl-istess żmien bħad-deċiżjoni kkontestata.

92      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-unika motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, tinsab fil-premessa 13 tagħha. Fil-fatt, jinsab indikat fiha li, “[f]ir-rigward tal-kandidati nnominati mill-Belġju, il-Bulgarija u l-Portugall, il-Kunsill ma segwiex l-ordni ta’ preferenza mhux vinkolanti tal-bord tal-għażla, abbażi ta’ valutazzjoni differenti tal-merti ta’ dawk il-kandidati li twettqet fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill”.

93      Ir-rikorrent isostni li din il-motivazzjoni ma kinitx tippermettilu li jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill kien għażel li ma jsegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla, li kien indikah bħala l-aħjar kandidat biex iwettaq il-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew fost il-kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju. Skont ir-rikorrent, il-Kunsill kien fil-fatt obbligat li jiġġustifika, fid-dawl tal-kontenut tal-opinjoni tal-Bord tal-Għażla, għaliex huwa kien iddeċieda li ma jsegwix din l-ordni ta’ preferenza.

94      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 66 iktar ’il fuq, mit-tielet paragrafu tal-punt VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla jirriżulta li l-klassifikazzjoni stabbilita minn dan il-bord għal dak li jikkonċerna lit-tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew innominati mir-Renju tal-Belġju fuq il-bażi tal-kwalifiki u tal-esperjenza ta’ dawn il-kandidati ma kinitx torbot lill-Kunsill. Dan tal-aħħar kien għaldaqstant liberu kemm li jagħmel tiegħu din il-klassifikazzjoni, kif ukoll li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq paragun ieħor tal-merti tal-kandidati.

96      Għaldaqstant, huwa żbaljat ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kellha tippermettilu jifhem għaliex il-Kunsill kien iddeċieda li ma jsegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla.

97      Madankollu għandu jiġi rrilevat li, b’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Kunsill, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tinsab fil-premessa 13 ta’ din tal-aħħar ma hijiex, minnha nfisha, tali li tippermetti lir-rikorrent, u lanqas lill-Qorti Ġenerali, li jifhmu għaliex il-Kunsill ikkunsidra li l-kandidatura tal-kandidat maħtur għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju kellha iktar merti minn dik tar-rikorrent.

98      L-argument tal-Kunsill li jgħid li r-rikorrent seta’ jifhem għaliex il-kandidatura tal-kandidat maħtur kienet ġiet ippreferuta minn tiegħu, minħabba li huwa kien irċieva l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju kif ukoll l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla, sa fejn dawn id-dokumenti kienu jikkonċernawh, ma huwiex tali li jikkontesta din il-konstatazzjoni, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma kien fiha ebda indikazzjoni fir-rigward tal-fatt li l-Kunsill kien ibbaża din id-deċiżjoni fuq l-informazzjoni pprovduta mir-Renju tal-Belġju għal dak li jikkonċerna l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u tal-Prosekutur Federali fuq l-aħjar kandidat li seta’ jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew.

99      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2020, li l-kontenut tagħha kien espost fil-punti 34 sa 36 iktar ’il fuq, il-Kunsill espona b’mod suffiċjentement dettaljat il-motivi għalfejn huwa qies li l-kandidat maħtur kien aħjar biex iwettaq il-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew miż-żewġ kandidati l-oħra.

100    Għaldaqstant, għalkemm kien ikun aħjar li l-motivi addizzjonali taċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent kienu ġew ikkomunikati lilu flimkien mal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent seta’ jsir jaf bl-imsemmija motivi permezz tal-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020, jiġifieri qabel il-preżentata tar-rikors, u li, f’dan il-każ, tali komunikazzjoni ppermettietlu jevalwa l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u jiddefendi d-drittijiet tiegħu, kif juru l-argumenti mressqa insostenn tat-tielet motiv, li jirrigwardaw espressament il-motivi invokati mill-Kunsill fl-ittra tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2020.

101    Minn dan isegwi li r-rikorrent ma jistax jinvoka utilment f’dan ir-rigward ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif elaborat fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 85 u 86 iktar ’il fuq.

102    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE huwa differenti minn dak ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed, li jirrigwarda nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni, it-tieni wieħed, li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu ta’ deċiżjoni, jaqa’ taħt il-ksur ta’ regola tad-dritt li tirrigwarda l-applikazzjoni tat-Trattat FUE, fis-sens tal-istess Artikolu 263 TFUE, u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk jiġi invokat mir-rikorrent. L-obbligu ta’ motivazzjoni hija għaldaqstant kwistjoni separata minn dik tal-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67).

103    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu miċħuda bħala ineffettivi, inkwantu tressqu insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-argumenti tar-rikorrent li permezz tagħhom dan isostni li l-motivi mressqa mill-Kunsill fl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2020 kienu jmorru kontra s-sistema ta’ evalwazzjoni tal-kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew implimentata mir-Regolament 2017/1939 inkwantu l-Kunsill ta prevalenza lill-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju fuq dik tal-Bord tal-Għażla.

104    Fi kwalunkwe każ, sa fejn dawn l-argumenti jikkoinċidu fil-parti kbira tagħhom mal-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tat-tielet motiv inkwantu dan huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, dawn ser jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

105    Minn dan isegwi li t-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dmir ta’ premura u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

106    Skont ir-rikorrent, skont id-dritt għal amministrazzjoni tajba, l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi d-dritt għal trattament imparzjali u ġust. Fil-qasam tas-servizz pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatra jew tan-nomina għal pożizzjonijiet jew impjiegi pubbliċi, dan il-prinċipju kien iwassal għall-ħolqien tad-dmir ta’ premura, li tkun timplika li, fl-eżami ta’ proċess, a fortiori f’każ ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni diskrezzjonali, l-amministrazzjoni għandha teżamina l-elementi kollha li jiġu prodotti quddiemha b’mod oġġettiv. Ir-rikorrent josserva li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea iddeċieda li, meta astjeniet, f’każ ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, milli teżerċita b’mod konkret is-setgħa diskrezzjonali li hija kellha u bil-fatt li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi fl-interess tal-parti rikorrenti, li jirrigwardaw, minn naħa, ir-regoli applikabbli għar-reklutaġġ u, min-naħa l-oħra, it-titoli u l-merti tal-persuna kkonċernata, u billi ma eżerċitatx, b’dan il-mod, is-setgħa diskrezzjonali b’mod konkret u fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża, istituzzjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

107    F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill li jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew tal-Istat Membru kkonċernat setgħet tittieħed biss wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla u li dan il-bord kien inkarigat jistabbilixxi klassifikazzjoni tal-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, kien ikun il-Kunsill, fi kwalunkwe każ, li għandu jiġġustifika l-għażla ta’ kandidat u l-ħatra ta’ dan billi jagħmel, b’mod effettiv u konkret, paragun tal-merti tal-kandidati, ħaġa li setgħet issir jew b’riferiment għall-opinjoni tal-Bord tal-Għażla, jew fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet ta’ din l-opinjoni, billi jagħmel huwa stess il-paragun.

108    Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kien obbligat jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq paragun tal-merti bbażat fuq data oġġettiva, jiġifieri l-paragun tal-fajls tal-kandidatura mal-kwalifiki meħtieġa biex wieħed jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew. Skont ir-rikorrent, meħud kont tal-portata tal-esperjenza professjonali tiegħu, kemm fil-qasam tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet ta’ reati finanzjarji kif ukoll fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali, tali paragun tal-merti kellu jwassal lill-Kunsill sabiex jikkonstata li din l-esperjenza kienet relattivament iktar rikka minn dik tal-kandidat maħtur, ħaġa li tirriżulta b’mod ċar mill-opinjoni tal-Bord tal-Għażla. Issa, il-Kunsill ma pproċediex b’tali paragun tal-merti, imma llimita ruħu biex jirriproduċi l-elementi li jinsabu fil-ġustifikazzjoni bil-miktub prodotta mill-awtoritajiet Belġjani, li kienu jirrigwardaw il-merti tal-kandidat magħżul, mingħajr ma jipparagunahom ma’ dawk tal-kandidati l-oħra, b’mod partikolari r-rikorrent.

109    Ir-rikorrent jikkritika barra minn hekk lill-Kunsill li ta prevalenza għall-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju fuq l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla mingħajr ma ħa pożizzjoni fuq il-kontenut ta’ din tal-aħħar u jiġġustifika għaliex ma segwihiex.

110    Ir-rikorrent jafferma wkoll li mill-fajl ma tinsabx ivverifikata l-affermazzjoni li l-pożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u tal-Prosekutur Federali kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq evalwazzjoni ġenerali tal-prestazzjoni tul il-karriera kollha tal-kandidati. Għall-kuntrarju, skont ir-rikorrent, il-Bord tal-Għażla, min-naħa tiegħu, ibbaża sew l-evalwazzjoni tiegħu b’mod partikolari fuq l-iżvolġiment tal-karriera tal-kandidati ppreżentati, fejn ir-rikorrent għandu, kif dan ġie enfasizzat mill-imsemmi bord fl-opinjoni tiegħu, esperjenza kbira fil-qasam ta’ tmexxija, li ma huwiex il-każ taż-żewġ kandidati l-oħra nnominati mir-Renju tal-Belġju.

111    Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-affermazzjoni tal-Kunsill, fir-risposta, li tgħid li huwa “vvalorizza b’mod partikolari il-kapaċitajiet u l-esperjenza tal-kandidati marbutin mad-definizzjoni u [mal-] koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politiki fil-qasam kriminali fuq livell ċentrali tal-Istati Membri, inkluż għal dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, u l-kapaċità li jeżerċita responsabbiltà superjuri ta’ koordinazzjoni u ta’ superviżjoni” ma hijiex stabbilita fil-fajl, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas ma hija tali li tiġġustifika l-preferenza mogħtija lill-kandidat maħtur, fid-dawl tal-esperjenza professjonali relattivament iktar rikka tar-rikorrent f’dawn l-oqsma.

112    Ir-rikorrent isostni wkoll li l-affermazzjoni tal-Kunsill li tgħid li “ġie nnotat li, fir-rigward taż-żewġ kandidati l-oħra nnominati mir-[Renju tal-] Belġju, fosthom ir-rikorrent, il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali kien wera riżervi pjuttost sinjifikattivi” ma tikkorrispondix mar-realtà tal-fajl. Ir-rikorrent jippreċiża li fil-punt E tal-opinjoni li tikkonċernah hemm indikat li “[l-]funzjonijiet passati u attwali [tiegħu], b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika, finanzjarja u fiskali, kif ukoll l-esperjenza tiegħu fil-qasam tal-ġestjoni tal-OĊSK (missjonijiet Ewropej – ARO – u internazzjonali – CARIN), huma importanti biex jissodisfa l-funzjonijiet ta’ Prosekutur Ewropew mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew”.

113    Huwa josserva finalment li l-affermazzjoni, li tinsab ukoll fil-punt E ta’ din l-istess opinjoni, li tgħid li “ma setax jikkonvinċi lill-Kulleġġ [tal-Prosekuturi Ġenerali li huwa] [kellu] viżjoni suffiċjentement ċara tal-kompiti u missjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur u tal-Prosekutur nazzjonali tiegħu” għandha tkun relativizzata, peress li saret minn awtorità nazzjonali, u f’kull każ għandha titqabbel mal-evalwazzjoni tal-kandidatura tar-rikorrent li kienet saret mill-Bord tal-Għażla fl-opinjoni motivata tiegħu.

114    Il-Kunsill u r-Renju tal-Belġju jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

115    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li żbalja meta bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-elementi li jinsabu fil-ġustifikazzjoni bil-miktub ipprovduta mill-awtoritajiet Belġjani insostenn tal-pożizzjoni intiża li ma ssegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla, filwaqt li dawn l-elementi kienu jikkonċernaw biss il-merti tal-kandidat innominat u ma kienx fihom paragun tal-merti ta’ dan il-kandidat ma’ dawk taż-żewġ kandidati l-oħra, fosthom ir-rikorrent. Barra min hekk, skont ir-rikorrent, l-esperjenza professjonali tiegħu relattivament iktar rikka minn dik tal-kandidat maħtur kellha twassal lill-Kunsill biex jikkunsidra li huwa kien l-aħjar kandidat biex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew.

116    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li istituzzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-evalwazzjoni u l-paragun tal-merti tal-kandidati għal pożizzjoni li trid timtela’ u li l-elementi ta’ din l-evalwazzjoni jiddependu mhux biss fuq il-kompetenza u fuq il-valur professjonali tal-persuni kkonċernati, imma wkoll fuq il-karattru tagħhom, fuq l-aġir tagħhom u fuq il-personalità globali tagħhom (ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T‑137/03, EU:T:2005:33, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Dan japplika iktar meta l-pożizzjoni li għandha timtela’ tinvolvi responsabbiltajiet kbar (sentenza tat-3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T‑137/03, EU:T:2005:33, punt 98).

118    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1939, il-prosekuturi Ewropej magħqudin mal-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jifformaw il-kulleġġ ta’ dan tal-aħħar, li huwa responsabbli biex jadotta d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet strateġiċi, bħalma huma d-definizzjoni tal-prijoritajiet u tal-politika tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-qasam tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet (ara l-premessa 24 tal-imsemmi regolament), kif ukoll li jikkonċernaw kwistjonijiet ġenerali mqajma mill-fajls partikolari, b’mod partikolari fid-dawl li tiġi żgurata l-koerenza u l-effikaċità, fl-Istati Membri kollha, tal-politika tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-qasam tal-prosekuzzjonijiet. L-imsemmi kulleġġ jadotta r-regolament intern tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew kif ukoll deċiżjonijiet oħra li jirregolaw l-organizzazzjoni interna u d-diversi aspetti amministrattivi tal-funzjonament ta’ dan.

119    Iktar minn hekk, skont l-Artikolu 12(1), (3) u (5) tar-Regolament 2017/1939, il-prosekuturi Ewropej jassumu diversi responsabbiltajiet. B’mod partikolari, huma jiżguraw is-sorveljanza tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet li għalihom huma responsabbli l-Prosekuturi Delegati Ewropej li jkunu qegħdin jieħdu ħsieb xi kawża fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. Huma jistgħu jagħtu struzzjonijiet lill-Prosekutur Delegat Ewropew li jkun qed jieħu ħsieb xi kawża, jiżguraw il-kollaborazzjoni u jkollhom rwol ta’ kanali tal-informazzjoni bejn l-awli permanenti u l-Prosekuturi Delegati Ewropej fl-Istat Membru tal-oriġini rispettiv tagħhom. Huma jissorveljaw ukoll l-eżekuzzjoni, fl-Istat Membru rispettiv tagħhom, tal-missjonijiet mogħtija lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, inkluż bil-għan li jevitaw il-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. B’kuntrast mal-Prosekuturi Delegati Ewropej, il-prosekuturi Ewropej ma humiex responsabbli mit-tmexxija tal-investigazzjonijiet, mill-prosekuzzjonijiet u mill-preparazzjoni tal-kawżi quddiem il-qrati tal-Istati Membri.

120    Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa mistenni jassumi l-funzjonijiet ta’ awtorità ċentrali għall-finijiet tal-kooperazzjoni fuq il-bażi tad-diversi strumenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam kriminali, l-istess bħall-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri, kif jipprevedi l-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1939 (ara, wkoll, il-premessa 109 ta’ dan ir-regolament).

121    Minn dan isegwi li l-prosekuturi Ewropej huma mistennija jeżerċitaw responsabbiltajiet għoljin, ħaġa li hija wkoll ikkonfermata mill-iskala AD 13 li jinħatru fiha, li tikkorrispondi, skont l-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, għall-funzjonijiet ta’ konsulent jew ekwivalenti. Il-funzjoni ta’ prosekutur Ewropew issib ruħha għaldaqstant bejn il-funzjonijiet ta’ direttur (AD 15-AD 14) u dawk tal-kap ta’ diviżjoni jew ekwivalenti (AD 9-AD 14).

122    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 116 u 117 iktar ’il fuq, il-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-evalwazzjoni u l-paragun tal-merti tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew ta’ Stat Membru.

123    Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li kellu l-Kunsill li jeħtieġ li jiġu evalwati l-argumenti mressqa mir-rikorrent.

124    L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Kunsill ma għamilx paragun tal-merti bejn it-tliet kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju, imma llimita ruħu biex jibbaża ruħu fuq elementi pprovduti minn dan l-Istat Membru li kienu jikkonċernaw biss il-merti tal-kandidat maħtur, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-ġustifikazzjoni bil-miktub tagħhom tas-27 ta’ Frar 2020, l-awtoritajiet Belġjani indikaw lill-Kunsill li [kunfidenzjali].

125    Jeħtieġ, barra minn hekk, li jiġi rrilevat li, fl-ittra tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2020, qabel ma espona fid-dettall l-esperjenza professjonali tal-kandidat maħtur, il-Kunsill indika li, [kunfidenzjali].

126    Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif issupplimentata bl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2020, ma fihiex evalwazzjoni komparattiva dettaljata tal-merti ta’ kull wieħed mit-tliet kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju, minn din il-motivazzjoni jirriżulta madankollu li l-Kunsill ikkunsidra li l-merti tal-kandidat maħtur, li ġew iddettaljati fl-imsemmija ittra, kienu ogħla minn dawk taż-żewġ kandidati l-oħra, fosthom ir-rikorrent.

127    Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Kunsill ma bbażax id-deċiżjoni kkontestata fuq paragun tal-merti tat-tliet kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew.

128    It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Kunsill żbalja meta bbaża ruħu fuq l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju mingħajr ma qabbel din l-opinjoni ma’ dik tal-Bord tal-Għażla, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni tal-kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju li ġiet stabbilita mill-Bord tal-Għażla ma kinitx ta’ natura vinkolanti għall-Kunsill.

129    It-tielet, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Kunsill żbalja meta indika li l-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju kellu riżervi kbar fil-konfront tiegħu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-opinjoni tal-imsemmi Kulleġġ fiha effettivament l-evalwazzjoni pożittiva segwenti: “[i]l-funzjonijiet passati u attwali [tar-rikorrent], b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika, finanzjarja u fiskali, kif ukoll l-esperjenza tiegħu fil-qasam tal-ġestjoni tal-OĊSK (missjonijiet Ewropej – ARO – u internazzjonali – CARIN), [kienu] importanti biex jissodisfa l-funzjonijiet ta’ Prosekutur Ewropew mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew”. Fl-istess opinjoni hemm indikat madankollu li “[r-rikorrent] ma [setax] jikkonvinċi lill-Kulleġġ [li huwa kellu] viżjoni suffiċjentement ċara tal-kompiti u missjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur u [tal-]Prosekutur [Ewropew ta’ Stat Membru]”. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, bħala konklużjoni tal-opinjoni tiegħu, il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali adotta “opinjoni b’riżerva għall-mandat ta’ Prosekutur Ewropew (fuq skala ta’ favorevoli ħafna – favorevoli – b’riżerva – sfavorevoli)”. Għaldaqstant il-Kunsill ma wettaqx żball meta indika fl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2017 li l-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali kellu riżervi sinjifikattivi fir-rigward tal-kandidatura tar-rikorrent fil-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew.

130    Ir-raba’, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jgħid li l-esperjenza professjonali tiegħu hija iktar rikka minn dik tal-kandidat maħtur, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020, [kunfidenzjali]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li kellu l-Kunsill, il-fatt li l-esperjenza professjonali tar-rikorrent f’dawn il-materji kienet iktar rikka minn dik tal-kandidat maħtur, jekk wieħed iqisha minnha, ma hijiex tali li turi l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kunsill.

131    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent naqas milli juri li l-Kunsill, f’dan il-każ, eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesa’ tiegħu meta għażel u ħatar lil Yves van den Berge għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew.

132    Barra minn hekk, l-istess bħall-Kunsill, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argument imressaq mir-rikorrent biex juri l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura huwa bbażat fuq il-premessa li, li kieku l-Kunsill osserva, f’dan il-każ, l-obbligi li joħorġu minn dawn il-prinċipji, il-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew kienet tkun neċessarjament aċċettata. Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li tali argument jikkoinċidi mal-ilmenti mressqa mir-rikorrent fil-kuntest tat-tieni motiv, li huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u ta’ dan il-motiv preżenti sa fejn dan huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li diġà ġew miċħuda.

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tielet motiv bħala infondat.

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tkun ikkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, jeħtieġ li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tal-Kunsill, skont it-talbiet ta’ dan.

136    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Jean-Michel Verelst għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Costeira

Kancheva

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Jannar 2022.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.


1 Informazzjoni kunfidenzjali maqtugħa.