Language of document : ECLI:EU:C:2017:617

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Lulju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 17 – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kumpensi addizzjonali – Assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tat-tfal – “Ġenituri ta’ villaġġi tat-tfal” – Assenza temporanja ta’ “ġenituri” prinċipali – Ħaddiema impjegati bħala “ġenituri” sostituti – Kunċett”

Fil-Kawża C-175/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (qorti suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Hannele Hälvä,

Sari Naukkarinen,

Pirjo Paajanen,

Satu Piik

vs

SOS-Lapsikylä ry,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, E. Juhász, K. Jürimäe u M. C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Hälvä, Naukkarinen, Paajanen u Piik, inizjalment minn P. Ahonen, sussegwentement minn Ahonen, assistiti minn T. Lehtinen, asianajaja,

–        għal SOS-Lapsikylä ry, inizjalment minn J. Syrjänen, sussegwentement minn Syrjänen u J. Nevala, asianajajat,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Koskinen u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fis-seduta tas-6 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU 2003, L 299, p. 9).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Hannele Hälvä, Sari Naukkarinen, Pirjo Paajanen u Satu Piiku l-persuna li timpjegahom, SOS-Lapsikylä ry (iktar ’il quddiem, “SOS-Lapsikylä”), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tħallas kumpensi li jikkorrispondu għal sigħat addizzjonali, għax-xogħol ta’ filgħaxija, billejl, is-Sibt u l-Ħadd, matul is-snin 2006 sa 2009.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.      “ħin tax-xogħol” ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.      “perjodu ta’ serħan” ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]”.

4        L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.”

5        L-Artikolu 17(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta’:

(a)      eżekuttivi amministraturi jew persuni oħrajn b’poteri awtonomi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

(b)      ħaddiema parti mill-familja; jew

(ċ)      ħaddiema li juffiċċjaw f’ċerimonji reliġjużi fi knejjes u f’komunitajiet reliġjużi.”

 Id-dritt Finlandiż

6        L-Artikolu 2(1) tal-työaikalaki (605/1996) [Liġi (605/1996) dwar il-ħin tax-xogħol, iktar ’il quddiem, “il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol”] tipprevedi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 15(3) tagħha, din il-liġi ma tapplikax:

[…]

3)      għal xogħol, li l-ħaddiem iwettaq id-dar jew, inkella, f’kundizzjonijiet tali li ma jistgħux jitqiesu bħala li huwa min iħaddem li għandu jeżerċita kontroll fuq l-użu tal-ħin li huwa ddedikat għal dan ix-xogħol”.

[…]”.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

7        SOS-Lapsikylä ry hija assoċjazzjoni li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-infanzja, torganizza, għat-tfal li tieħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, akkomodazzjoni l-iktar familjari possibbli f’seba’ villaġġi tat-tfal, li f’kull wieħed minnhom kien hemm diversi djar tat-tfal. Il-persunal tal-villaġġi tat-tfal jikkonsisti minn direttur, minn “ġenituri” prinċipali, “ġenituri” sostituti u professjonisti oħra. Id-djar tat-tfal jikkostitwixxu d-domiċilju tat-tfal li ttieħdet responsabbiltà għalihom u jakkomodaw minn tlett sa sitt itfal kif ukoll “ġenituri” prinċipali (jew is-sostituti tagħhom, f’każ ta’ assenza ta’ “ġenituri” prinċipali).

8        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew impjegati mis-SOS-Lapsikylä ry bħala “ġenituri sostituti” sal-2009 u, fir-rigward ta’ xi wħud minnhom, sal-2010. Fil-kapaċità tagħhom ta’ “ġenituri” sostituti tal-“ġenituri” prinċipali fl-assenzi ta’ dawn tal-aħħar (iġġustifikati bħala ġranet liberi jew leave annwali jew sick leave) ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għexu mat-tfal fid-dar tat-tfal u huma ħadu ħsieb, waħidhom, minn din id-dar tat-tfal, kif ukoll mill-edukazzjoni u mill-kustodja tal-minuri residenti, b’mod partikolari billi żguraw il-forniment tal-provvisti u l-akkumpanjament tat-tfal barra mid-dar.

9        Huma adixxew lill-Etelä-Savon käräjäoikeus (qorti tal-ewwel istanza tas-Savo tan-Nofsinhar, il-Finlandja) b’talba intiża sabiex jiġi kkonstatat li x-“xogħol” tagħhom ma’ SOS-Lapsikylä ry kien jikkostitwixxi xogħol fis-sens tal-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol u sabiex tikkundanna lil din tal-aħħar tħallashom kumpensi dovuti għas-snin 2006 sa 2009 abbażi ta’ din il-liġi u tal-ftehim kollettiv tas-settur ikkonċernat, f’każ ta’ sigħat ta’ xogħol addizzjonali jew ta’ prestazzjonijiet ta’ xogħol imwettaq filgħaxija, billejl jew matul il-weekend.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2012, l-Etelä-Savon käräjäoikeus (qorti tal-ewwel istanza tas-Savo tan-Nofsinhar) ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali billi kkunsidrat li x-xogħol tagħhom ma kienx suġġett għal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol. Wara li r-rikors tagħhom ġie miċħud mill-Etelä-Savon käräjäoikeus (qorti tal-ewwel istanza tas-Savo tan-Nofsinhar) ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali interponew appell mis-sentenza ta’ din il-qorti quddiem l-Itä-Suomen hovioikeus (qorti tal-appell tal-Finlandja tal-Lvant) li kkonfermat l-imsemmija sentenza permezz tas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

11      Din il-qorti tirrileva li r-rappreżentanti tal-persuna li timpjega ma jikkontrollawx ix-xogħol ta’ kuljum tal-“ġenituri” sostituti u li l-persuna li timpjega ma tagħtihomx ordnijiet dwar il-perijodi ta’ xogħol u ta’ mistrieħ matul il-ġranet ta’ xogħol. Fil-limiti imposti mill-ħtiġijiet tat-tfal, “ġenitur” sostitut jista’ jiddeċiedi huwa stess dwar l-organizzazzjoni u dwar il-kontenut tax-xogħol tiegħu. Madankollu hemm stabbilit, għal kull tifel u tifla, pjan ta’ kustodja u edukattiv li l-“ġenitur” sostitut għandu jieħu ħsieb lit-tifel jew tifla fuq il-bażi tiegħu u dan iħejji rapport fir-rigward tiegħu. Barra minn hekk, il-“ġenitur” sostitut jikkonsulta ruħu mal-“ġenitur” prinċipali dwar il-funzjonament tad-dar tat-tfal li jkun inkarigat minnha u mill-kwistjonijiet prattiċi li huma marbuta magħha.

12      Skont il-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-servizz annwali kien ta’ 190 perijodu ta’ 24 siegħa, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed minnhom fosthom fejn is-servizz annwali kien ta’ 170 perijod u ta’ 24 siegħa li minnhom għandhom jitnaqqsu minn 30 sa 33 jum minħabba leave annwali. Fil-prattika, it-tul tal-perijodi ta’ sostituzzjoni kienu jvarjaw minn ftit jiem sa diversi ġimgħat.

13      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li d-direttur jistabbilixxi minn qabel il-listi li jindikaw, ġurnata b’ġurnata, id-dar li l-“ġenitur” sostitut għandu jaħdem fiha. Dan tal-aħħar jiftiehem mal-“ġenitur” prinċipali dwar il-ħin li fih jibda l-perijodu ta’ sostituzzjoni. L-ippjanar ta’ kuljum għandu jiġi stabbilit ukoll b’tali mod li kull ħaddiem ikollu medja ta’ żewġ tmiem il-ġimgħa liberi fix-xahar. Matul perijodu ta’ sostituzzjoni, il-ħaddiem għandu dritt ukoll għal ġurnata leave fil-ġimgħa. Ir-remunerazzjoni tal-“ġenituri” sostituti hija ddefinita fuq bażi fissa fix-xahar, madankollu bil-qbil li, jekk “ġenitur” sostitut ikun għamel iktar minn 190 perijodu ta’ 24 siegħa, huwa jkollu dritt għal kumpens addizzjonali.

14      Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol hijiex applikabbli għall-“ġenituri” sostituti dan ikun ifisser li SOS-Lapsikylä ry tkun obbligata tagħti lir-rikorrenti l-kumpensi prinċipali li huma qed jitolbu. B’mod iktar speċifiku, hija għandha tiddetermina jekk l-attivitajiet tal-“ġenituri” sostituti humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi skont l-Artikolu 2(1)(3) tagħha. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont din id-dispożizzjoni, xogħol li l-ħaddiem iwettaq mid-dar jew, fin-nuqqas ta’ dan, f’kundizzjonijiet tali li ma jistax jitqies li l-persuna li timpjega li għandha tikkontrolla l-użu tal-ħin li huwa ddedikat għal dan ix-xogħol ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet relatati mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 15(3) tal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol, li ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

15      Skont il-qorti tar-rinviju l-liġi dwar il-ħin tax-xogħol tittrasponi d-Direttiva 2003/88 li ċerti dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tagħha, jawtorizzaw lil-leġiżlatur nazzjonali li jidderoga, taħt ċerti kundizzjonijiet, mil-leġiżlazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol u ta’ mistrieħ stabbiliti minn din id-direttiva.

16      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-liġi dwar il-ħin tax-xogħol tirregola, mhux biss il-ħin tax-xogħol, it-tul tal-ħin tax-xogħol legali, il-qbiż ta’ tali tul ta’ ħin, ix-xogħol billejl u x-xogħol bix-xift kif ukoll il-perijodi ta’ mistrieħ u ta’ xogħol il-Ħadd, iżda tistabbilixxi wkoll il-kumpensi dovuti għal raġunijiet differenti bħall-kumpensi għal sigħat addizzjonali u għax-xogħol il-Ħadd.

17      Minkejja lil-qorti tar-rinviju kienet konxja li d-Direttiva 2003/88 ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiem, għajr fil-qasam relatat mal-leave annwali mħallas, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva hija essenzjali għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha. Fil-fatt, id-dritt għas-supplimenti tas-salarju stabbiliti mil-liġi dwar il-ħin tax-xogħol jiddependi mill-applikabbiltà ta’ din il-liġi għall-każ inkwistjoni, li tirregola wkoll il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ.

18      B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija qabel kollox id-deroga li hemm fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88, li hija rilevanti sabiex tiġi interpretata l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(3) tal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol.

19      Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C-428/09, EU:C:2010:612) jirriżulta li meta ma jiġix ippruvat li, minn naħa, il-ħaddiema jistgħu jiddeċiedu n-numru tas-sigħat ta’ xogħol tagħhom u, min-naħa l-oħra, li ma humiex obbligati li jkunu preżenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom skont orarji stabbiliti, id-deroga li tinsab fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 ma tapplikax.

20      Il-qorti tar-rinviju tqis, madankollu, li l-fatti li wasslu għall-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza għandhom differenzi sinjifikattivi mill-kawża li hemm pendenti quddiemha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-natura tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha.

21      Hija ssostni li, f’dan il-każ, ix-xogħol assunt mir-rikorrent fil-kawża prinċipali jixbah, fil-kontenut tiegħu, lix-xogħol imwettaq fi ħdan familja minn wieħed mill-membri tagħha, dan huwa espressament imsemmi fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2003/88. L-imsemmija qorti tirrileva, barra minn hekk, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod ristrettiv, iżda li l-lista ta’ attivitajiet li huma inklużi fiha ma hijiex eżawrjenti. Hija ssostni, għalhekk, li huwa possibbli li din id-deroga tapplika għax-xogħol tal-“ġenituri” sostituti, minkejja li ma tirrigwardax ħaddiema parti mill-familja fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva.

22      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, f’dan il-każ, il-possibbiltajiet għall-persuna li timpjega li tikkontrolla l-użu tal-ħin tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma limitati peress li tali kontroll seta’ jaffettwa l-possibbiltà għal “ġenitur” sostitut li jġib ruħu bħala ġenitur veru u li joħloq rabta ta’ fiduċja mat-tfal. L-imsemmija qorti żżid li tali kontrolli ma jidhrux li seħħew. Fil-fatt, il-“ġenituri” sostituti jiddeċiedu b’mod awtonomu l-kompiti tagħhom, il-mistrieħ tagħhom u ċ-ċaqliq tagħhom barra mid-dar fil-limiti imposti mill-bżonnijiet tat-tfal, filwaqt li dawn il-bżonnijiet jaffettwaw, huwa minnu, il-possibbiltà għal dawn il-“ġenituri”sostituti li jistabbilixxu l-affarijiet personali tagħhom u jorganizzaw il-ħajja tagħhom b’mod liberu.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (qorti suprema, il-Finlandja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jistax ikopri x-xogħol imwettaq f’dar tat-tfal minn ħaddiem li jissostitwixxi lil ‘ġenitur prinċipali’ meta dan il-ħaddiem ma jkunx liberu li jiddetermina t-tul, fl-intier tiegħu, tal-ħin tax-xogħol tiegħu, u dan minkejja l-fatt li billi jiġi riprodott l-ambjent tal-familja, huwa jgħix ma’ dawn it-tfal u jieħu responsabbiltà, f’dan il-perijodu, b’mod awtonomu, għall-bżonnijiet ta’ dawn it-tfal, b’mod simili bħallikieku kien ġenitur veru?”

 Fuq id-domanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 17(1)tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal attività bi ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tikkonsisti fit-teħid ta’ responsabbiltà tat-tfal fil-kundizzjonijiet ta’ ambjent tal-familja, bis-sostituzzjoni tal-persuna inkarigata, prinċipalment, minn din il-missjoni.

25      Preliminarjament għandu jiġi rrilevat, bl-eċċezzjoni fil-każ tal-ipoteżi speċifika fir-rigward tal-leave annwali mħallas, imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 din id-direttiva tillimita ruħha biss li tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li bħala prinċipju hija ma tapplikax għar‑remunerazzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C-266/14, EU:C:2015:578, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma timplikax li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

27      Fil-fatt kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu l-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol tapplika għall-“ġenituri” sostituti u jekk ir-rikorrenti kellhom, minħabba l-fatt, id-dritt għall-kumpens mitlub.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 li skont l-ispjegazzjonijiet ta’ din il-qorti ġie traspost fid-dritt nazzjonali tal-Artikolu 2(1)(3) tal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol.

29      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kapaċità tagħhom ta’ “ġenituri” sostituti jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 li jippermettu lill-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jidderogaw mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 ta’ din id-direttiva meta n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom.

30      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat kif indikat mill-qorti tar-rinviju li l-“ġenituri” sostituti impjegati ta’ SOS-Laspikylä ry, għandhom ir-responsabbiltà li jassumu matul l-assenza tal-“ġenituri” prinċipali li huma wkoll impjegati tal-istess persuna li timpjega, il-ġestjoni ta’ kuljum ta’ dar tat-tfal kif ukoll il-kustodja u l-edukazzjoni tat-tfal li jintlaqgħu fiha matul perijodi kontinwi ta’ 24 siegħa li jistgħu jiġu marbuta flimkien matul diversi jiem, suġġetti għal dritt għal jum leave u, suġġetti, għal żewġ weekends liberi fix-xahar.

31      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-deroga prevista fl-Artikolu 17(1)tad-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata b’mod li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju għas-salvagwardja tal-interessi li din id-deroga tippermetti li tipproteġi (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C-151/02, EU:C:2003:437, punt 89, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère, C-428/09, EU:C:2010:612, punt 40).

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-imsemmi Artikolu 17(1) japplika għal ħaddiema li minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-attività eżerċitata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-484/04, EU:C:2006:526, punt 20, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère, C-428/09, EU:C:2010:612, punt 41).

33      F’dan ir-rigward matul l-evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi tal-kawża l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu li l-ħin tax-xogħol ta’ “ġenitur” sostitut huwa fil-parti l-kbira tiegħu predeterminat mill-kuntratt ta’ xogħol li jorbtu mal-persuna li timpjegah peress li n-numru ta’ perijodi ta’ 24 siegħa li għandu jagħti fis-sena huwa stabbilit kuntrattwalment. Barra minn hekk, din il-qorti għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi persuna li timpjega stabbilixxiet minn qabel il-listi li jindikaw, b’intervalli regolari, il-perijodi ta’ 24 siegħa li matulhom il-“ġenitur” sostitut huwa responsabbli mill-ġestjoni ta’ dar tat-tfal.

34      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jiġi affermat li l-ħin tax-xogħol tal-“ġenituri” sostituti kollu kemm hu ma huwiex imkejjel jew predeterminat mill-“ġenitur” sostitut innifsu minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-attività kkonċernata, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

35      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja mill-fatt li matul il-perijodi li matulhom huma jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġestjoni ta’ dar tat-tfal, il-“ġenituri” sostituti għandhom ċerta awtonomija fl-użu tal-ħin tagħhom u, b’mod iktar speċifiku, fl-organizzazzjoni tal-kompiti tagħhom ta’ kuljum taċ-ċaqliq tagħhom u tal-perijodi ta’ inattività tagħhom mingħajr ma jidher li jeżisti, fil-prattika, xi kontroll min-naħa tal-persuna li timpjegahom.

36      Fil-fatt l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, qabelxejn, id-diffikultajiet li tista’ tiltaqa’ magħhom persuna li timpjega fir-rigward tal-kontroll tal-eżerċizzju ta’ kuljum tal-attivitajiet tal-impjegati tagħha ma jistgħux, b’mod ġenerali jkunu suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-ħin tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar, fl-intier tiegħu, mhux imkejjel jew mhux predeterminat jew jista’ jiġi ddeterminat mill-ħaddiem innifsu peress li l-persuna li timpjega tistabbilixxi minn qabel kemm il-bidu kif ukoll it-tmiem tal-ħin tax-xogħol.

37      Sussegwentement, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-persuna li timpjega ma tikkontrollax il-mod li bih il-“ġenitur” sostitut jeżerċita dawn l-attivitajiet matul il-perijodi ta’ 24 siegħa li matulhom huwa jkun responsabbli għad-dar tat-tfal. Min-naħa l-oħra l-persuna li timpjega tistabbilixxi minn qabel listi li jindikaw, jum b’jum, id-dar li fiha l-“ġenitur” sostitut għandu jaħdem. Dan tal-aħħar jiftiehem mal-“ġenitur” prinċipali dwar il-ħin li fih jibda l-perijodu ta’ sostituzzjoni. L-iskedi ta’ kuljum xorta jkunu għadhom iridu jiġu stabbiliti b’mod li kull ħaddiem ikollu medja ta’ żewġ weekends liberi fix-xahar. Għalhekk, xejn ma jindika fid-deċiżjoni ta’ rinviju li l-persuna li timpjega ma tistax tikkontrolla jekk, minn naħa, il-“ġenitur” sostitut ħa responsabbiltà tad-dar tat-tfal fil-mument tal-jum li jkun ġie miftiehem, mal-“ġenitur” prinċipali li tkun bdiet is-sostituzzjoni u jekk, min-naħa l-oħra, huwa jkun assuma din is-sostituzzjoni sal-aħħar tal-perijodu jew perijodi tal-24 siegħa li jkunu ġew assenjati lilu.

38      Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-“ġenitur” sostitut huwa obbligat li jikteb rapport fuq il-mod li bih applika l-pjan ta’ kustodja u ta’ edukazzjoni mfassal għal kull tifel. Għalhekk dan ir-rapport jidher li jikkostitwixxi mezz ta’ kontroll, għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega li jista’ jiġi użat minn din tal-aħħar sabiex tivverifika l-mod li bih l-impjegati tagħha jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom u, għaldaqstant, jitkejjel il-ħin ta’ xogħol.

39      It-tieni nett, kif ġie deskritt mill-qorti tar-rinviju l-fakultà li għandhom il-“ġenituri” sostituti li jiddeċiedu sa ċertu punti l-perijodi ta’ inattività tagħhom matul il-perijodi ta’ 24 siegħa li fihom huma kienu responsabbli ta’ dar tat-tfal, ma tippermettilhomx madankollu, li jiddeterminaw, bil-libertà kollha, in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol li jwettqu matul l-imsemmija perijodi.

40      Minn naħa, kif tindika l-qorti tar-rinviju għandu jiġi nnutat li l-“ġenituri” sostituti għandhom jiftiehmu mal-“ġenituri” prinċipali fuq il-mod li tiġi ġestita d-dar tat-tfal u li tidher kontra l-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ akkoljenza implementata mill-villaġġi tat-tfal li jiġi permess lill-“ġenituri” sostituti li jbiddlu sostanzjalment l-abitudnijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-orarji tad-dar li jkunu temporanjament responsabbli tagħha u li kienu deċiżi mill-“ġenituri” prinċipali. L-osservanza ta’ dawn l-abitudnijiet tidher, għalhekk, tindika li l-“ġenituri” sostituti ma jistgħux, huma nfushom jiddeterminaw fil-libertà kollha l-orarju tax-xogħol tagħhom.

41      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li għandhom jiġu kkunsidrati bħala “ħin ta’ xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 il-perijodi li matulhom il-ħaddiem qiegħed ix-xogħol, għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu jew tal-funzjonijiet tiegħu konformememnt għal-leġiżlazzjoni u/jew prattiki nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C-266/14, EU:C:2015:578, punt 25).

42      Għalhekk, il-perijodi ta’ inattività li jistgħu jirriżultaw matul il-perijodi ta’ 24 siegħa li fihom il-“ġenitur” sostitut huwa responsabbli għad-dar tat-tfal, huwa kopert bl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dan il-ħaddiem u jikkostitwixxi ħin tax-xogħol meta l-“ġenitur” sostitut huwa kostrett li jkun fiżikament preżenti f’post determinat mill-persuna li timpjega u li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex ikun jista’ immedjatament jipprovdi s-servizzi adegwati f’każ ta’ bżonn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C-14/04, EU:C:2005:728, punt 48 kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Jannar 2007, Vorel, C-437/05, EU:C:2007:23, punt 28).

43      Peress li dawn il-perijodi ta’ inattività huma integrati fil-ħin tax-xogħol tal-“ġenituri” sostituti, il-fakultà li għandhom dawn tal-aħħar li jiddefinixxu f’liema mumenti dawn il-perijodi jibdew u jintemmu ma humiex ekwiparabbli għalhekk għall-possibbiltà għal dawn il-ħaddiema li jiddeterminaw liberament il-bidu u t-tmiem tal-ħin tax-xogħol tagħhom.

44      Barra minn hekk, u anki jekk jiġi presuppost li ċerti fażijiet ta’ inattività matul il-perijodi ta’ 24 siegħa li fihom il-“ġenituri” sostituti huma responsabbli għad-dar tat-tfal, jistgħu jiġu kkunsidrati, mhux bħala ħin ta’ xogħol, iżda bħala ħin ta’ mistrieħ, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/88 sa fejn kif ġie indikat minn SOS-Lapsikylä ry matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, il-ġenituri” sostituti għalkemm iridu jibqgħu kuntattabbli f’kull ħin, huma awtorizzati li jitilqu l-post ta’ xogħol tagħhom sakemm it-tfal li huma responsabbli għalihom ikunu okkupati barra mid-dar, din il-possibbiltà li jitilqu mill-post ta’ xogħol tagħhom tirrigwarda biss parti żgħira mill-orarju ta’ kuljum tagħhom u tidher li hija ddeterminata mhux mill-“ġenituri” sostituti nfushom iżda mis-sigħat ta’ assenza tat-tfal. Għalhekk, din il-partikolarità ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-“ġenituri” sostituti ma tistax twassal għall-konklużjoni li l-ħin tax-xogħol tagħhom fl-intier tiegħu ma huwiex imkejjel jew predeterminat jew li dan, fl-intier tiegħu, huwa ddeterminat mill-“ġenituri” sostituti nfushom.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li fid-dawl tal-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali li xejn ma jindika li l-attività bi ħlas tal-“ġenituri” sostituti tista’ tkun koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88. Għalhekk, jidher li ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat barra minn hekk jekk l-attività tal-“ġenituri” sostituti hija komparabbli, għal perspettivi oħra, għal waħda mit-tliet attivitajiet iċċitati bħala eżempju, fl-imsemmi artikolu u, b’mod iktar speċifiku għal “ħaddiema parti mill-familja” imsemmija fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva.

46      Fi kwalunkwe każ u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 sa 80 tal-konklużjonijiet tiegħu l-“ġenituri” sostituti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ħaddiema parti mill-familja b’tali mod li dawn ma jkunux koperti bl-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2003/88.

47      Fil-fatt tali deroga li għandha tiġi interpretata restrittivament kif jenfasizza fil-punt 31 ta’ din is-sentenza hija intiża esklużivament għax-xogħol imwettaq f’kuntest jew b’rabta ma’ xogħol li torbot lill-persuna li timpjega mal-impjegat tagħha hija ta’ natura familjari. F’dan il-kuntest, hija kkaratterizzata b’relazzjoni ta’ fiduċja u ta’ impenn speċjali bejn il-partijiet, jista’ fil-fatt jiġi aċċettat li l-ħin kollu ta’ xogħol, fl-intier tiegħu, mhux imkejjel jew predeterminat jew li jista jiġi ddeterminat mill-membru tal-familja impjegat.

48      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-attività inkwistjoni hija simili għal kompiti edukattivi u għal relazzjonijiet affettivi assunti, bħala prinċipju mill-ġenituri fir-rigward tat-tfal tagħhom ma jippermettix li din l-attività tkun koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2003/88.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax japplika għal attività bi ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tikkonsisti fit-teħid ta’ responsabbiltà tat-tfal fil-kundizzjonijiet ta’ ambjent tal-familja bis-sostituzzjoni tal-persuna inkarigata, prinċipalment, minn din il-missjoni, meta ma jkunx stabbilit li t-tul ta’ ħin tax-xogħol, fl-intier tiegħu, ma jkunx imkejjel jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiem innifsu, fatt li għandu jkun ivverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax japplika għal attività bi ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fit-teħid ta’ responsabbiltà tat-tfal fil-kundizzjonijiet ta’ ambjent tal-familja, bis-sostituzzjoni tal-persuna inkarigata, prinċipalment, minn din il-missjoni, meta ma jkunx stabbilit li t-tul ta’ ħin tax-xogħol, fl-intier tiegħu, ma jkunx imkejjel jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiem innifsu, fatt li għandu jkun ivverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.