Language of document : ECLI:EU:T:2021:344

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

9 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Ġermaniż tat-trasport bl-ajru – Self pubbliku ggarantit mill-Ġermanja favur Condor Flugdienst fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża biex tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Artikolu 107(2)(b) TFUE – Evalwazzjoni tad-dannu – Rabta kawżali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żamma tal-effetti tad-deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑665/20,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.‑C. Laprévote, V. Blanc, S. Rating u I.‑G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, F. Tomat, u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, R. Kanitz u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier u P. Dodeller, bħala aġenti,

u minn

Condor Flugdienst GmbH, stabbilita f’Kelsterbach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Birnstiel u S. Blazek, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2795 final tas‑26 ta’ April 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56867 (2020/N, ex 2020/PN) – Il-Ġermanja – Kumpens għad-danni kkawżati mill-imxija tal-COVID-19 lil Condor Flugdienst.

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk, G. Hesse u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑18 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Condor Flugdienst GmbH (iktar ’il quddiem “Condor”) hija kumpannija tal-ajru li topera titjiriet charter u li s-sede tagħha tinsab f’Kelsterbach (il-Ġermanja). Hija tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru lil klijenti individwali u lil operaturi turistiċi minn Frankfurt am Main, Düsseldorf, München u Hamburg (il-Ġermanja), billi tiffoka fuq is-suq tal-vjaġġi ta’ rikreazzjoni.

2        Condor kienet preċedentement miżmuma minn Thomas Cook Group plc (iktar ’il quddiem il-“grupp Thomas Cook”). Fit‑23 ta’ Settembru 2019, il-grupp Thomas Cook waqaf bl-attivitajiet tiegħu u tqiegħed fi stralċ ġudizzjarju. Minħabba rabtiet operattivi u finanzjarji stretti bejn dan u Condor, din tal-aħħar ukoll ġarrbet diffikultajiet finanzjarji u kellha, konsegwentement, titlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fil‑25 ta’ Settembru 2019.

3        Fl-istess jum, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea b’għajnuna individwali favur Condor fil-forma ta’ self għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 380 miljun li tibbenefika minn garanzija mill-Istat. L-għan ta’ din il-miżura kien li tippermetti lil Condor tkompli l-attivitajiet tagħha sakemm hija tikkostitwixxi r-riżervi proprji tagħha ta’ likwidità li jippermettulha topera indipendentement mill-grupp Thomas Cook. L-imsemmija miżura kienet għalhekk intiża li żżomm trasport bl-ajru ordnat u tillimita l-konsegwenzi negattivi għal Condor ikkawżati mill-istralċ tal-kumpannija omm tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ottubru 2019, C(2019) 7429 final, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.55394 (2019/N) – Il-Ġermanja – Għajnuna għas-salvataġġ lil Condor, il-Kummissjoni approvat l-għajnuna.

4        Fl‑24 ta’ April 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikat lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, għajnuna individwali oħra favur Condor fil-forma ta’ żewġ provvisti ta’ self iggarantiti minnha mogħnija b’interessi ssussidjati. Din il-miżura kienet intiża sabiex Condor tiġi kkumpensata għad-danni direttament imġarrba minħabba l-kanċellazzjoni jew ir-riprogrammazzjoni tat-titjiriet tagħha wara l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, u b’mod partikolari miżuri ta’ konfinament, fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID‑19.

5        Fis‑26 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 2795 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56867 (2020/N, ex/2020/PN) – Il‑Ġermanja – Kumpens għad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19 lil Condor (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li fiha hija kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

6        Permezz ta’ talba sottomessa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Novembru 2020, Ryanair DAC ippreżentat dan ir-rikors.

7        Permezz ta’ att separat sottomess fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż skont proċedura mħaffa, konformement mal-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

8        Il-Kummissjoni ssottomettiet ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2020.

9        Skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fit-28 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti ressqet talba mmotivata għal seduta għal sottomissjonijiet orali.

10      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tassenja l-kawża lil kulleġġ ġudikanti estiż.

11      Permezz ta’ atti sottomessi fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl‑4 ta’ Jannar 2021, fis‑27 ta’ Jannar 2021 u fit‑28 ta’ Jannar 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Condor u r-Repubblika Franċiża talbu biex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Jannar u tad‑9 ta’ Frar 2021 rispettivament, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża.

13      Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Frar 2021, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent ta’ Condor.

14      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikati fid‑19 ta’ Jannar u fil‑11 ta’ Frar 2021 rispettivament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u Condor ġew awtorizzati, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, iressqu nota ta’ intervent.

15      Man-nota ta’ intervent tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja annettiet il-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Matul is-seduta, il-Kummissjoni u Condor ikkonfermaw it-tnejn li huma ma kellhomx oġġezzjoni għall-fatt li l-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata tiġi kkomunikata lir-rikorrenti u li l-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għaliha fid-deċiżjoni li ttemm l-istanza. Dan il-fatt tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż li jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u li tiċħdu fuq il-mertu fir-rigward tal-kumplament. Sussidjarjament, hija titlob li r-rikors fl-intier tiegħu jiġi miċħud fuq il-mertu.

19      Bħall-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Condor jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat u li tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi bbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, it-tieni wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna, it-tielet wieħed, fuq li l-Kummissjoni missha fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Ir-rikorrenti ssostni, fil-punti 33 sa 41 tar-rikors, li hija għandha locus standi bħala “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u li “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), li jippermettilha tippreżenta rikors għal annullament intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata, meħuda mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

22      Bħala kompetitriċi ta’ Condor, l-interessi tar-rikorrenti huma affettwati mill-għoti tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni liema fatt jippermetti lil Condor tibqa’ fis-suq bħala kompetitur li jirċievi għajnuna minkejja l-konsegwenzi negattivi tal-pandemija tal-COVID‑19. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti, li hija t-tieni l-ikbar kumpannija tal-ajru fil-Ġermanja, ma tibbenefikax minn tali għajnuna.

23      Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors.

24      Ir-Repubblika Franċiża tqis li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi biex tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u li, għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni motivi huma inammissibbli. Madankollu, ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax l-ammissibbiltà tat-tielet motiv, peress li r-rikorrenti, fil-fehma tagħha, hija inkontestabbilment parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, u lanqas dik tar-raba’ motiv.

25      Għandu jiġi kkonstatat li l-ammissibbiltà tar-rikors ma hijiex imqiegħda inkwistjoni sa fejn, permezz tiegħu, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li ssostni li l-Kummissjoni missha fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE.

26      Infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ fażijiet. Minn naħa, il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE, li tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar il-fatti tal-kawża. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-proċedura li t-Trattat FUE jipprevedi l-obbligu, għall-Kummissjoni, li tintima lill-partijiet interessati jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 22; tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 16, u tal‑15 ta’ Ottubru 2018, Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters et vs Il‑Kummissjoni, T‑79/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:680, punt 46).

27      Meta l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tinfetaħx, il-partijiet interessati, li setgħu jressqu osservazzjonijiet matul din it-tieni fażi, ma jkollhomx din il-possibbiltà. Bħala rimedju għal dan, huma għandhom id-dritt li jikkontestaw, quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’hekk, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 108(3) TFUE ippreżentat minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ikollu l-intenzjoni li jipproteġi d-drittijiet proċedurali li jikseb minn din l-aħħar dispożizzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 56 y l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma nfetħitx mill-Kummissjoni u r-rikorrenti tinvoka, fil-kuntest tat-tielet motiv, ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha. Fir-rigward tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna tinsab inkontestabbilment fost il-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederlan et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 59).

29      F’dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u Condor, il-benefiċjarja tal-għajnuna. Fil-fatt, ir-rikorrenti sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li hija kienet ilha tipparteċipa fis-servizz tal-ajru mill-Ġermanja għal iktar minn 20 sena, li hija kienet, fl-2019, ittrasportat 19‑il miljun passiġġier mill-Ġermanja jew lejn dan il-pajjiż u li hija kellha madwar 9 % tas-suq Ġermaniż, li kien ifisser li kienet it-tieni l-ikbar kumpannija tal-ajru fil-Ġermanja. Ir-rikorrenti enfasizzat ukoll li l-programm tagħha ta’ titjiriet għas-sajf tal-2020, stabbilit qabel ma faqqset il-pandemija tal-COVID-19, kien jinkludi 265 rotta bi tluq minn 14-il ajruport Ġermaniż. Barra minn hekk, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li ċerti destinazzjonijiet moqdija minn Condor kienu wkoll tar-rikorrenti u li dawn il-kumpanniji tal-ajru kienu kompetituri f’dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ “postijiet xejn kompriż”, jiġifieri postijiet mibjugħa direttament lill-klijenti individwali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija parti interessata li għandha interess li tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha taħt l-Artikolu 108(2) TFUE.

30      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha.

31      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet motiv, li huwa intiż espliċitament sabiex tinkiseb l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, huwa ammissibbli, fid-dawl tal-kwalità ta’ parti interessata tagħha kif ġie stabbilit fil-punt 29 iktar ’il fuq. Fil-fatt, ir-rikorrenti tista’ tinvoka, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet proċedurali li minnhom hija tibbenefika fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, motivi ta’ natura li juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, waqt il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura kkomunikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35; u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59).

32      Għandu jitfakkar, barra minn hekk, li r-rikorrenti għandha d-dritt, sabiex turi l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba dubji li l-miżura kontenzjuża kellha tqajjem fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, li tinvoka argumenti intiżi li juru li l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern li waslet għalih il-Kummissjoni kienet żbaljata, fatt li, a fortiori, huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l-Kummissjoni missha kellha dubji fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina l-argumenti fuq il-mertu mressqa mir-rikorrenti, sabiex tivverifika jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu l-motiv espressament imressaq minnha dwar l-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punti 57 sa 60, u tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il‑Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 77).

33      Fir-rigward tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u ma huwiex relatat mal-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 67 sa 72).

 Fuq il-mertu

34      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

35      Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas jew b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni minn diversi aspetti.

36      B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tad-dannu li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li tikkumpensa, fatt li, essenzjalment, jipprekludiha, kif ukoll lill-Qorti Ġenerali, milli tivverifika l-proporzjonalità tal-imsemmija miżura ta’ għajnuna.

37      Għal dan il-għan, ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, li l-Kummissjoni ma pprovdiet ebda spjegazzjoni tar-raġunijiet li wassluha tinkludi, fil-kalkolu tad-danni li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li tikkumpensa, l-ispejjeż marbuta mal-estensjoni tal-perijodu ta’ insolvenza ta’ Condor wara l-falliment tal-bejgħ ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tikkritika l-motivazzjoni tal-paragrafu 79 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, peress li l-ispejjeż imsemmija iktar ’il fuq huma ta’ ammont ogħla mid-differenza bejn id-danni allegati u l-ammont tal-għajnuna, id-deċiżjoni kkontestata tista’ tagħti lok għal kumpens żejjed u, għaldaqstant, għal applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

38      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u Condor, tikkontesta dan l-argument. Hija ssostni, fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għat-tieni motiv, li hija debitament stabbilixxiet fid-deċiżjoni kkontestata, fil-paragrafi 21 u 79, li l-estensjoni preċedentement imprevedibbli tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ Condor kienet konsegwenza diretta tal-avveniment straordinarju inkwistjoni. Mingħajr il-pandemija tal-COVID‑19 u r-restrizzjonijiet adottati f’dan il-kuntest, Condor ma baqgħetx suġġetta għall-proċedura ta’ insolvenza f’April 2020. Hija tispjega li l-investitur potenzjali rtira mill-ftehim ta’ xiri minħabba diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji li ltaqgħu magħhom Condor u l-investitur innifsu minħabba l-pandemija tal-COVID‑19. B’hekk, il-Kummissjoni allegat li r-rikorrenti tikkritika, fil-verità, il-fondatezza tal-evalwazzjoni tagħha fuq dan il-punt u mhux il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, li tippermetti li l-analiżi tagħha tkun tista’ tinftiehem perfettament.

39      Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għalkemm huwa minnu li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jadottaw, li jieħdu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet interessati jinvokaw quddiemhom matul proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li huma għandhom jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Settembru 2018, Duferco Long Products vs Il‑Kummissjoni, T‑93/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:558, punt 67).

41      F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li ma hijiex fil-preżenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern u anki motivazzjoni qasira ta’ din id-deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti fid-dawl tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jekk hija turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li ma hemmx tali diffikultajiet peress li l-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma taqax taħt dan ir-rekwiżit (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 111, u tat‑12 ta’ Mejju 2016, Hamr – Sport vs Il‑Kummissjoni, T‑693/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:292, punt 54; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punti 65, 70 u 71).

42      Skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jikkostitwixxi bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna intiża li tirrimedja l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew minn avvenimenti oħra straordinarji hija inkompatibbli mas-suq intern. Fil-każ ta’ deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern iddikjarat fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 107(2)(b)TFUE għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għalhekk, jistgħu jiġu kkumpensati biss, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti oħra straordinarji. Għaldaqstant, għandu jkun hemm rabta diretta bejn id-danni kkawżati mill-avveniment straordinarju u l-għajnuna mill-Istat u huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni preċiża kemm jista’ jkun tad-danni mġarrba (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79).

43      Konsegwentement il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni jistgħux jintużaw jew le sabiex jagħmlu tajjeb għad-danni kkawżati minn avvenimenti straordinarji u tipprojbixxi miżuri ta’ natura ġenerali u indipendenti mid-danni allegatament ikkawżati minn tali avvenimenti (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑259/20, taħt appell, EU:T:2021:92, punt 25). Jeħtieġ ukoll li l-Istat Membru kkonċernat jillimita l-ammont tal-kumpens għal dak li huwa neċessarju sabiex jagħmel tajjeb għad-danni mġarrba mill-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.

44      B’hekk l-għanjuna li l-għajnuna li tista’ tkun ogħla mid-danni kkawżati direttament mill-avveniment inkwistjoni ma taqax taħt l-Artikolu 107(2) (b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑73/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:711, punti 40 u 41).

45      Għalhekk, l-avveniment li jagħti lok għad-dannu, kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu li l-għajnuna inkwistjoni hija intiża li tirrimedja u għandu jkun direttament l-oriġini ta’ dan tal-aħħar. Rabta diretta tkun teżisti biss meta d-dannu jkun il-konsegwenza diretta tal-avveniment inkwistjoni mingħajr ma jiddependi fuq l-interpożizzjoni ta’ raġunijiet oħra.

46      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mill-paragrafu 11 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għan tal-għajnuna inkwistjoni huwa li tikkumpensa lil Condor għad-“danni kkawżati direttament mill-kanċellazzjoni jew mill-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha minħabba restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 u b’mod partikolari miżuri ta’ konfinament”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-paragrafu 84 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonferma espliċitament dan l-għan tal-għajnuna inkwistjoni.

47      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet fid-dettall ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti mill-Istati Membri u b’mod partikolari mill-Ġermanja. Hija tispjega li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar fid-dinja kollha u għall-għeluq tal-parti l-kbira tal-linji ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri. Għal din ir-raġuni, Condor kellha tannulla jew tippjana mill-ġdid il-parti l-kbira tat-titjiriet tagħha u kellha timmobilizza parti kbira mill-flotta tagħha (ara, b’mod partikolari, il-paragrafi 4, 9 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Fil-punt 59 tar-risposta tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat espliċitament li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kienet intiża li tikkumpensa lil Condor għat-“telf dovut għall-annullament jew għall-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha li segwew esklużivament l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar marbuta mal-pandemija tal-COVID-19” u li d-deċiżjoni kkontestata “ma [kinitx] tipprevedi kumpens għal danni oħra li setgħu ġew ikkawżati minħabba l-pandemija tal-COVID-19”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-Kummissjoni tispjega wkoll li l-metodu użat fid-deċiżjoni kkontestata għall-istima tad-danni inkwistjoni ma jinkludix “sorsi oħra ta’ danni”, “minbarra r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar”.

49      Għalhekk huwa ċar li, skont il-kliem stess tad-deċiżjoni kkontestata u l-argumenti tal-Kummissjoni fir-risposta tagħha, il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li tikkumpensa lil Condor għad-danni kkawżati direttament mill-kanċellazzjoni u mill-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha minħabba r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, u mhux għal kull dannu ieħor marbut b’mod iktar ġenerali mal-imsemmija pandemija.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponietx suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi r-raġunijiet li wassluha tikkunsidra, b’mod partikolari, li l-ispejjeż addizzjonali sostnuti minn Condor minħabba l-estensjoni tal-proċedura ta’ insolvenza, li għalihom tirreferi r-rikorrenti, kinux ikkawżati direttament mill-annullament u mill-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ Condor minħabba restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li hija l-Kummissjoni, li hija inkarigata mill-istħarriġ tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, li għandha tiżgura l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali.

52      F’dan il-każ, sabiex tevalwa l-ammont tad-dannu li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li tikkumpensa, il-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq id-differenza bejn il-previżjonijiet tal-profitti qabel it-taxxa (iktar ’il quddiem il-“BQT”) għall-perijodu minn Marzu sa Diċembru 2020, imwettqa qabel u wara t-tħabbir tar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u tal-miżuri ta’ konfinament. Din id-differenza ġiet stmata għal EUR 259.7 miljun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat “leġittimu” li żżid ma’ dan l-ammont spejjeż addizzjonali sostnuti minn Condor minħabba l-estensjoni tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ din tal-aħħar, li ma kinux prevedibbli meta seħħew il-previżjonijiet tal-BQT wara l-okkorrenza tal-pandemija tal-COVID-19 (paragrafu 79 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali ġie vvalutat għal EUR 17 miljun. L-ammont totali tad-dannu li għalih Condor kellha tiġi kkumpensata għalhekk tela’ għal EUR 276.7 miljun.

53      L-oriġini tal-ispejjeż addizzjonali ġiet spjegata fil-paragrafi 18 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta, essenzjalment, li, mix-xahar ta’ Settembru 2019, jiġifieri ferm qabel ma r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ġew imposti, Condor kienet tqiegħdet fi proċedura ta’ insolvenza u li l-pjan ta’ ristrutturar mfassal fil-kuntest ta’ din il-proċedura kien jipprevedi b’mod partikolari l-bejgħ tiegħu lil investitur ġdid. Madankollu, l-imsemmi bejgħ ma rnexxiex meta l-imsemmi investitur iddikjara, lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Marzu 2020, id-deċiżjoni tiegħu li jirtira mit-tranżazzjoni prevista. Skont il-paragrafu 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-“falliment tal-isforzi ta’ bejgħ għandu jwassal għal proċedura ta’ insolvenza fit-tul” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li tiġġenera l-ispejjeż addizzjonali, stmati għal EUR 17 miljun.

54      Jidher li mis-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li l-ispejjeż addizzjonali inkwistjoni jirriżultaw mill-falliment tal-isforzi biex isir il-bejgħ ta’ Condor. Dan il-falliment kellu bħala konsegwenza li l-proċedura ta’ insolvenza, li kienet ilha għaddejja mix-xahar ta’ Settembru 2019, ma setgħetx tingħalaq skont it-terminu ta’ żmien inizjalment previst, iżda kellha tiġi estiża, b’tali mod li nħolqu spejjeż addizzjonali marbuta ma’ din il-proċedura.

55      Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax kif l-ispejjeż addizzjonali ġġenerati fil-kuntest tal-estensjoni tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ Condor huma direttament ikkawżati mill-annullament jew mill-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha minħabba restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

56      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni sempliċement indikat, fil-paragrafu 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet tqis “leġittimu” li żżid l-ispejjeż addizzjonali ġġenerati fil-kuntest tal-estensjoni tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ Condor mad-danni mitluba, peress li ma kinux prevedibbli fil-mument meta saru l-previżjonijiet tal-BQT wara l-okkorrenza tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, il-fatt jekk l-imsemmija spejjeż kinux prevedibbli jew le f’dan il-mument ma jurix li dawn kienu kkawżati direttament mill-annullament jew mill-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ Condor minħabba r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-Covid‑19. Bl-istess mod, ma huwiex biżżejjed li jiġi indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa “illeġittimu” li l-imsemmija spejjeż jiġu miżjuda, mingħajr ma jiġi spjegat, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li l-kawża determinanti għal dawn l-ispejjeż kienet dovuta għall-annullament u għall-ippjanar mill-ġdid imsemmija iktar ’il fuq.

57      It-tieni, id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tispjega x’kienet ir-raġuni għall-falliment tal-bejgħ ta’ Condor. Minn dan isegwi li ma hemm ebda element fid-deċiżjoni kkontestata li jindika li dan il-bejgħ falla minħabba l-kanċellazzjoni u l-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ Condor minħabba restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

58      It-tielet, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-proċedura ta’ insolvenza, li nbdiet minn Settembru 2019, tressqet minħabba diffikultajiet finanzjarji li ffaċċjat Condor b’konsegwenza tal-istralċ tal-kumpannija omm tagħha u mhux minħabba diffikultajiet marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19. Għaldaqstant l-imsemmija proċedura u l-ispejjeż relatati magħha kienu joriġinaw minn sitwazzjoni li tippreċedi s-seħħ ta’ din il-pandemija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha tistaqsi b’attenzjoni partikolari dwar jekk il-kanċellazzjoni u l-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ Condor minħabba restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 kinux verament il-kawża determinanti tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti minn Condor minħabba l-estensjoni tal-proċedura ta’ insolvenza, u kellha timmotiva d-deċiżjoni tagħha fuq dan il-punt suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi.

59      Fil-fatt, anki jekk jitqies li din il-pandemija kkomplikat il-possibbiltajiet li l-proċedura ta’ insolvenza tingħalaq mill-iktar fis possibbli, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, xorta jibqa’ l-fatt li xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jindika x’inhi, skont il-Kummissjoni, ir-rabta ta’ kawża u effett bejn, minn naħa, il-kanċellazzjoni u l-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ Condor u, min-naħa l-oħra, is-seħħ tal-imsemmija spejjeż addizzjonali. B’mod partikolari, għalkemm il-Kummissjoni indikat, fil-paragrafu 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija spejjeż kienu r-riżultat tal-falliment tal-bejgħ ta’ Condor, hija la ppreċiżat ir-raġuni għal dan il-falliment u lanqas, barra minn hekk, jekk, wara l-imsemmi falliment, Condor kinitx obbligata tkompli bil-proċedura ta’ insolvenza jew jekk setgħetx toħroġ minn din il-proċedura minkejja l-imsemmi falliment. Il-fatt li, skont il-paragrafu 21 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija estensjoni kienet ser iddum bejn xahrejn u tliet xhur, filwaqt li, skont il-paragrafi 92 u 93 tal-istess deċiżjoni, il-bejgħ ulterjuri ta’ Condor ġie kkunsidrat possibbli lejn ix-xahar ta’ Ġunju 2022, jidher li jissuġġerixxi li Condor kellha ferm qabel l-intenzjoni li ma tibqax suġġetta għall-imsemmija proċedura u dan indipendentement mit-twettiq eventwali ta’ tali bejgħ u indipendentement minnu.

60      Ir-raba’, il-Kummissjoni lanqas ma spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-mod kif l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-estensjoni tal-proċedura ta’ insolvenza kienu ġew evalwati kif ukoll it-tip ta’ spejjeż ikkonċernati. Barra minn hekk, hija ma weġbitx il-mistoqsija dwar jekk it-totalità tagħhom jew biss parti minnhom tqiesx li ġiet direttament ikkawżata mill-kanċellazzjoni u mill-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ Condor.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ elementi konkreti u verifikabbli oħra fid-deċiżjoni kkontestata, huwa impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, mingħajr ma jkollha dubji f’dan ir-rigward, li kienet teżisti rabta kawżali diretta bejn l-ispejjeż inkorsi mill-estensjoni tal-perijodu ta’ insolvenza u l-kanċellazzjoni u l-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ Condor minħabba restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

62      Il-Kummissjoni ma tistax tibbaża argument mill-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi impenjaw ruħhom li jivverifikaw ex post jekk l-ammont tal-għajnuna kienx jaqbeż l-ammont tad-danni u li jirkupraw mingħand Condor kull kumpens żejjed li seta’ rriżulta minn dan (paragrafi 98 sa 100 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ispejjeż marbuta mal-estensjoni tal-proċedura ta’ insolvenza kellhom jiżdiedu mad-danni li għandhom jiġu kkumpensati, l-imsemmija verifika ex post tirrigwarda biss il-kwantifikazzjoni preċiża ta’ dawn l-ispejjeż u mhux il-kwistjoni ġuridika dwar jekk l-imsemmija spejjeż jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kumpens jew le taħt l-Artikolu 107(2) (b) TFUE.

63      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

64      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

65      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont id-deċiżjoni kkontestata, id-danni kkawżati lil Condor ġew stmati għal EUR 276.7 miljun, filwaqt li l-ammont tal-għajnuna kien ta’ EUR 267.1 miljun. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx teċċedi dak li kien neċessarju sabiex jiġu rrimedjati l-imsemmija danni (paragrafi 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan isegwi li tnaqqis eventwali tal-ispejjeż marbuta mal-estensjoni tal-proċedura ta’ insolvenza, evalwati għal EUR 17 miljun, mill-ammont totali tad-danni, fil-każ li l-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali diretta ma tkunx issodisfatta, fatt li l-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika minħabba l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, ikollu bħala konsegwenza li l-ammont tal-għajnuna jaqbeż l-ammont tad-danni inkwistjoni, liema fatt ikun jista’ jirrendih inkompatibbli mas-suq intern konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44. iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward tipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tistħarreġ jekk il-Kummissjoni qisitx ġustament li ma kienx hemm diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern.

66      B’hekk, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata twassal għall-annullament tagħha.

67      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.

 Fuq iż-żamma tal-effetti tad-dispożizzjoni annullata

68      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw dan, il-qorti tal-Unjoni tibbenefika, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, minn setgħa diskrezzjonali biex tindika, f’kull każ partikolari, l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jitqiesu bħala definittivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għaldaqstant mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jirriżulta li, jekk tqis li huwa neċessarju, il-qorti tal-Unjoni tista’, anki ex officio, tillimita l-effett tal-annullament tas-sentenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2008, Il‑Parlament u Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni, C‑14/06 u C‑295/06, EU:C:2008:176, punt 85).

70      Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni għamlet użu mill-possibbiltà li tillimita l-effetti ratione temporis tal-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jirrigwardaw l-interessi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, involuti fil-kawżi kkonċernati kienu jipprekludu t-tqegħid inkwistjoni tal-ġbir jew tal-ħlas ta’ somom ta’ flus imwettaq fuq il-bażi ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-perijodu preċedenti għad-data tas-sentenza (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 122).

71      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li jeżistu kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, it-tqegħid inkwistjoni immedjata tal-ġbir tas-somom ta’ flus previsti mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni jkollhom konsegwenzi li jippreġudikaw l-ekonomija tal-Ġermanja f’kuntest ekonomiku u soċjali diġà kkaratterizzat mill-effetti dannużi tal-pandemija tal-COVID‑19. Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta min-nuqqas ta’ motivazzjoni tagħha.

72      Issa, bis-saħħa tal-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni, li minnha ħareġ l-att annullat, għandha tieħu l-miżuri li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ta’ annullament.

73      Madankollu, l-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu sospiżi sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill‑Kummissjoni. Fid-dawl tal-ħeffa li biha aġixxiet il-Kummissjoni min-notifika minn qabel u min-notifika tal-miżura inkwistjoni, l-imsemmija effetti għandhom jinżammu sospiżi tul perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza fil-każ fejn il‑Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta din id-deċiżjoni l-ġdida fil-kuntest tal‑Artikolu 108(3) TFUE u tul perijodu addizzjonali raġjonevoli jekk il‑Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 126).

 Fuq l-ispejjeż

74      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

75      Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Bis-saħħa tal-Artiklu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

76      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u Condor għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2795 final tas26 ta’ April 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56867 (2020/N, ex 2020/PN) – IlĠermanja – Kumpens għad-danni kkawżati mill-pandemija talCOVID19 lil Condor Flugdienst GmbH, hija annullata.

2)      L-effetti tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni għandhom jiġu sospiżi sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill‑Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 108 TFUE. L-imsemmija effetti għandhom jinżammu sospiżi tul perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza fil-każ fejn il‑Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta din id-deċiżjoni l-ġdida fil-kuntest tal‑Artikolu 108(3) TFUE u tul perijodu addizzjonali raġjonevoli jekk il‑Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Ryanair DAC.

4)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u Condor Flugdienst għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

 

      Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑9 ta’ Ġunju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.