Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Settembru 2008 - IMRO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-415/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Irish Music Rights Organisation Ltd (The) - Eagras um Chearta Cheolta (IMRO) (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: M. Favart, lawyer u D. Collins, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali, skont l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008)3435 finali tas-16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC). B'mod partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata li d-definizzjonijiet territorjali tal-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka mogħtija minn collecting society tal-awturi għal oħra huma prattika miftiehma bi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjon għamlet żball ta' evalwazzjoni, kisret l-Artikolu 81 KE u naqset mill-obbligu tagħha li tindika r-raġunijiet skont l-Artikolu 253 KE meta stabbiliet li d-definizzjoni territorjali parallela inkluża fil-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka konklużi mir-rikorrenti u l-membri l-oħra tas-CISAC hija r-riżultat ta' prattika miftiehma. Hija ssostni li l-provi prodotti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni mhumiex biżżejjed biex jistabbilixxu li l-aġir parallel mhuwiex ir-riżultat ta' kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni iżda jikkostitwixxi prattika miftiehma. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-preżenza tal-klawżola ta' definizzjoni fil-ftehim reċiproċi kollha tagħha hija ġġustifikata mill-interessi tal-membri tagħha.

It-tieni nett, ir-rikorrenti sussidjarjament issostni li, b'mod kuntrarju għall-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, id-definizzjoni territorjali mis-soċjetajiet CISAC fil-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka tagħhom ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 81(1) KE għaliex tikkonċerna forma ta' kompetizzjoni li ma jisħoqqilhiex protezzjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk l-allegata prattika miftiehma fuq id-definizzjonijiet territorjali tkun ikkunsidrata li tillimita l-kompetizzjoni, din ma tistax tiġi kkunsidrata illegali jew li tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE għaliex hija neċessarja u proporzjonata għal għan leġittimu li jiġu protetti d-drittijiet tal-membri tas-soċjetajiet u tal-awturi.

____________