Language of document : ECLI:EU:T:2011:494

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Settembru 2011 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizz ta’ għajnuna għall-manutenzjoni, għas-sostenn u għall-iżvilupp ta’ sistema informatika – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Kompetenza – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal rimedju effettiv – Trasparenza – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni – Kriterji ta’ għażla u ta’ għoti – Rikors għad-danni – Ammissibbiltà – Telf ta’ qligħ”

Fil-Kawża T‑461/08,

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Korogiannakis u P. Katsimani, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn C. Gómez de la Cruz u T. Pietilä, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BEI, tal-31 ta’ Jannar 2008, li ma jaċċettax l-offerta magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti dwar il-provvista ta’ servizzi intiżi biex jipprovdu għajnuna għall-manutenzjoni, għas-sostenn u għall-iżvilupp ta’ sistema informatika u li jagħti l-kuntratt lil offerent ieħor, imressqa skont l-Artikoli 225 KE u 230 KE, u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni, imressqa skont l-Artikoli 225 KE, 235 KE u 288 KE,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, hija kumpannija rregolata mid-dritt Grieg, attiva fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni.

2        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tat-13 ta’ Settembru 2007, ippubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU S 176) taħt ir-referenza 2007/S 176‑215155, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ħareġ sejħa għal offerti dwar il-provvista ta’ servizzi intiżi biex tiġi pprovduta “għajnuna għall-manutenzjoni, għas-sostenn u għall-iżviupp tas-sistema ‘Loans Front Office’ (Serapis)”. Skont id-deskrizzjoni li tidher fl-avviż ta’ kuntratt u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar din is-sejħa għal offerti, is-“Système efficace et rapide d’accès aux prêts et aux informations de support” (Serapis) hija l-hyperlink tal-applikazzjoni informatika (Front Office) tal-BEI fil-qasam tas-self. Hija kkonċepita bħala portal integrat ta’ ġestjoni tal-informazzjoni fil-qasam tas-“self” għad-dipartimenti kompetenti tal-BEI, li jinkludu d-“Direttorat għall-Finanzjament ġewwa l-Ewropa”, id-“Direttorat għall-Finanzjament barra l-Ewropa ”, id-“Direttorat għall-Ġestjoni tar-Riskju”, id-“Direttorat tal-Proġetti” u s-Servizz Legali. Isservi ta’ appoġġ għall-proċess intern fir-rigward ta’ self, sa mill-konċezzjoni ta’ operazzjoni, li tgħaddi għall-evalwazzjoni (validazzjoni) tagħha u sal-preżentazzjoni tan-“Nota konġunta” (firma) li mbagħad tagħti lok għall-proċedura stabbilita fil-kuntest tal-parti tal-applikazzjoni informatika tal-BEI, bl-isem ta’ “Force prêts”, li tippermetti lill-persuni responsabbli ta’ dik is-sistema li jamministrawha u jmexxuha (Back Office).

3        L-avviż ta’ kuntratt kien jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim qafas li jdum erba’ snin mal-offerent magħżul u li dan jingħata kuntratti bbażati fuq ftehim qafas li jikkorrispondi għal ordnijiet ta’ xogħol individwali għal proġetti speċifiċi. L-avviż ta’ kuntratt u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jippreċiżaw li l-kuntratt jingħata lill-offerent li jissottometti l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, evalwata skont il-kriterji ta’ għoti ddikjarati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Dawn tal-aħħar indikaw il-piż li jirrigwarda l-kriterji ta’ għoti, jiġifieri 75 % tal-punti għall-kriterji tekniċi, li minnhom 15 % punti għall-kriterju msejjaħ “Proċess ta’ ġestjoni tal-kwalità”, 45 % tal-punti għall-kriterju msejjaħ “Livell ta’ konformità tal-kompetenzi u l-kwalifiki tal-persunal propost” u 15 % tal-punti għall-kriterju msejjaħ “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji”, u 25 % tal-punti għall-kriterju finanzjarju.

4        B’ittra tal-31 ta’ Ottubru 2007, il-BEI bagħat lill-persuni kollha li ppreżentaw talbiet għal kjarifikazzjoni dwar is-sejħa għal offerti lista ta’ “Mistoqsijiet u tweġibiet” dwar is-sejħa għal offerti inkwistjoni.

5        Fid-9 ta’ Novembru 2007, id-data tal-għeluq biex jiġu rċevuti l-offerti (punt IV.3.5 tal-avviż ta’ kuntratt) ir-rikorrenti ssottomettiet offerta.

6        B’kollox, il-BEI rċieva, u ġew eżaminati mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, seba’ offerti. Matul l-ewwel żewġ stadji tal-proċedura, jiġifieri l-fażi ta’ esklużjoni (punt 6.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt) u l-fażi tal-għażla (punt 6.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt), inżammew l-offerenti kollha. Matul l-aħħar fażi, jiġifieri l-fażi tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti u tal-għoti tal-kuntratt (punt 7 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt), fejn l-offerti tal-offerenti magħżulin kienu eżaminati l-ewwel nett fil-kuntest tal-kriterji tekniċi biss u twarrbu dawk li ma laħqux il-limitu minimu definit mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, sussegwentement, ġew eżaminati l-offerti li ma twarrbux fl-evalwazzjoni teknika tagħhom fir-rigward tal-kriterju finanzjarju, ħames offerti biss, fosthom dik tar-rikorrenti, ġew eżaminati fir-rigward ta’ dan il-kriterju filwaqt li ż-żewġ offerti l-oħrajn ma laħqux il-limiti minimi definiti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt matul l-evalwazzjoni teknika. Wara l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ta l-aħjar marka globali lill-offerta ta’ Sybase BVBA (iktar ’il quddiem l-“offerent magħżul”), billi l-offerta tar-rikorrenti ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Fid-dawl tal-evalwazzjoni li għamel il-kumitat ta’ evalwazzjoni, il-BEI ħa d-deċiżjoni, fil-31 ta’ Jannar 2008, li ma jaċċettax l-offerta li bagħtet ir-rikorrenti u li jagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) wara li ddiskuta ċerti elementi tal-offerta tiegħu ma’ dan tal-aħħar matul laqgħa li saret fid-29 ta’ Jannar 2008.

7        Fit-18 ta’ Frar 2008, il-BEI bagħat ittri lill-offerenti kollha, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, biex jinformahom li l-kuntratt kien ingħata lill-offerent magħżul.

8        Fit-12 u s-17 ta’ Ġunju 2008, il-ftehim qafas ġie ffirmat rispettivament mill-BEI u mill-offerent magħżul u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Ġunju 2008.

9        B’ittra tal-31 ta’ Lulju 2008, wara li saret taf bl-avviż tal-għoti ta’ kuntratt ippubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali (ĠU S 144) taħt ir-referenza 2008/S 144‑192307, ir-rikorrenti ilmentat mal-BEI li ma ġewx osservati l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u d-dritt applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti billi ma informahiex, f’ħin xieraq, bid-deċiżjoni kkontestata. Hija stiednet lill-BEI biex jissospendi l-proċedura ta’ għoti u tal-firma tal-ftehim qafas jew, jekk ikun il-każ, li jannulla dan tal-aħħar. Barra minn hekk, hija talbet informazzjoni fuq il-proċedura tas-sejħa għal offerti u, b’mod partikolari, l-ismijiet tal-offerent magħżul, tal-imsieħba tal-konsorzju li dan tal-aħħar ikkostitwixxa sabiex jirrispondi għas-sejħa għal offerti u tas-subkuntratturi tiegħu, il-marki mogħtija, għal kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti, għall-offerta tagħha u dik tal-offerent magħżul, l-elementi ta’ paragun bejn l-offerta tagħha u dik tal-offerent magħżul, partikolarment fuq il-livell finanzjarju, kif ukoll kopja ddettaljata tar-rapporti tal-kumitat tal-evalwazzjoni dwar l-offerta tagħha u dik tal-offerent magħżul.

10      F’ittra tal-1 ta’ Awwissu 2008, il-BEI pprovda lir-rikorrenti bl-informazzjoni dwar il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti. Qal ukoll li l-kuntratt kien ingħata lill-offerent magħżul u, għal kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti, ipprovda t-tqassim tal-punti mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti u dawk mogħtija lill-offerent magħżul. Ippreċiża li l-offerta tar-rikorrenti rċeviet 22.03 punt (minn 35 disponibbli), filwaqt li l-offerent magħżul irċieva 29.36 punt (minn 35 disponibbli).

11      Fl-istess jum, billi kkunsidrat li rċeviet parti żgħira mill-informazzjoni mitluba, ir-rikorrenti indirizzat ittra ġdida lill-BEI fejn talbitu jwieġeb il-mistoqsijiet kollha magħmula fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Lulju, biex jagħtiha motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u jgħidilha jekk il-ftehim qafas kienx ġie ffirmat diġà mal-offerent magħżul. Jekk le, ir-rikorrenti talbet lill-BEI tissospendi l-firma ta’ dan il-kuntratt fl-istennija tal-eżami ddettaljat tar-rikors tagħha.

12      Fis-6 ta’ Awwissu 2008, il-BEI kkonferma li kien irċieva l-ittra tar-rikorrenti. B’ittra tal-14 ta’ Awwissu 2008, ikkonferma li n-nuqqas li tintbagħat ittra uffiċjali lir-rikorrenti sabiex tinformaha bir-riżultati tal-evalwazzjoni komparattiva tat-tenders kien “żball amministrattiv”, u skuża ruħu għal dan. Il-BEI żied jgħid li, kumplessivament, il-proċedura tas-sejħa għal offerti kienet valida u l-iżball amministrattiv ma kienx jikkostitwixxi irregolarità sostanzjali li setgħet tiġġustifika s-sospensjoni jew l-annullament tal-ftehim qafas konkluż mal-offerent magħżul.

13      Fl-1 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti reġgħet kitbet ittra oħra lill-BEI fejn indikat numru ta’ irregolaritajiet li skont hi, kienu vvizzjaw il-proċedura tas-sejħa għal offerti. Fil-fehma tagħha, il-BEI ħawwad il-kriterji ta’ għażla tal-offerenti u l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt. Barra minn hekk, uża kriterji ta’ għoti diskriminatorji jew impreċiżi u naqas mill-obbligi tiegħu li jinforma lill-offerenti, f’ħin xieraq, bid-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt u li jagħtihom perijodu ta’ status quo biex setgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-appell, naqas milli jsegwi proċedura trasparenti biżżejjed, kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, naqas milli jimmotiva d-deċiżjoni kkontestata u uża formula fl-evalwazzjoni komparattiva tat-tenders li kellha l-effett li tinnewtralizza l-prinċipju tal-“offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament” billi ta preferenza lill-offerti bl-ogħla prezz.

14      Fl-10 ta’ Settembru 2008, il-BEI kkonferma li rċieva l-ittra tar-rikorrenti, tal-1 ta’ Settembru 2008, fejn informaha li l-ittra tagħha kienet intbagħtet lill-uffiċċju tal-ilmenti tal-BEI għall-eżami u li kienet ser tingħata tweġiba mhux iktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2008.

15      Fis-27 ta’ Ottubru 2008, il-BEI bagħat ittra lir-rikorrenti fejn informaha li ma setax jittratta iktar l-ilment tagħha billi r-rikorrenti kienet bdiet, fis-6 ta’ Ottubru 2008, proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

17      Fit-30 ta’ Jannar 2009, il-BEI ppreżenta r-risposta tiegħu.

18      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati rispettivament fil-15 ta’ April u l-15 ta’ Ġunju 2009.

19      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla), fil-qafas ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-BEI biex iwieġeb il-mistoqsija dwar liema awtorità fi ħdanu kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata u biex jipprovdi lill-Qorti Ġenerali b’kopja ta’ din id-deċiżjoni jew kwalunkwe dokument ieħor minfloku.

20      Il-BEI kkonforma ma’ din it-talba fit-terminu ffissat. B’ittra ppreżentata fil-15 ta’ Diċembru 2009, huwa qal li, skont ir-regoli interni tiegħu u l-prattiċi prevalenti fiż-żmien tal-fatti, id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata mid-direttur tad-dipartiment tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, li minn dakinhar ġie amalgamat fid-Direttorat Ġenerali tal-Istrateġija, wara li kienet ġiet ikkonfermata mill-President tal-BEI qabel ma ġie ffirmat il-ftehim qafas mal-offerent magħżul. Barra minn hekk, il-BEI pproduċa “nota għall-fajl” bid-data tal-31 ta’ Jannar 2008, bir-referenza SCC/IT/FLA/2008‑015/kr (iktar ’il quddiem in-“nota tal-31 ta’ Jannar 2008”) li kien fiha d-deċiżjoni ta’ dak id-direttur li jingħata l-kuntratt għall-offerent magħżul, kif ukoll il-folja ta’ evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni annessa ma’ dik in-nota.

21      B’ittra ppreżentata fit-8 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota tal-31 ta’ Jannar 2008. Fid-dawl tal-informazzjoni f’din in-nota, hija qajmet motiv ġdid.

22      B’ittra ppreżentata fis-26 ta’ Jannar 2010, il-BEI ssottometta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-motiv il-ġdid imqajjem mir-rikorrenti fl-ittra tagħha ppreżentata fit-8 ta’ Jannar 2010.

23      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilha.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2010.

26      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BEI jagħti kumpens għad-dannu li sofriet fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għal offerti minħabba n-natura illegali tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-ammont huwa vvalutat għal EUR 1 940 000;

–        tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż, anki fil-każ ta’ ċaħda tar-rikors.

27      Il-BEI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors għal annullament infondat;

–        tiddikjara t-talba għad-danni inammissibbli jew, sussidjarjament, infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

28      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-kwistjoni speċifika tal-applikabbiltà fiż-żmien tar-regoli li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ rikors, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, minn naħa, skont il-massima tempus regit actum, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża abbażi tar-regoli fis-seħħ fid-data meta ġie ppreżentat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 Mejju 1973, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, 60/72, Ġabra p. 489, punt 4; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 2008, Kozlowski, C‑66/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 7) u li, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà tar-rikors jiġu evalwati fil-mument li titressaq il-kawża, jiġifieri l-preżentata tar-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il-Kunsill, C‑61/96, C‑132/97, C‑45/98, C‑27/99, C‑81/00 u C‑22/01, Ġabra p. I‑3439, punt 23; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2002, Shaw u Falla vs Il-Kummissjoni, T‑131/99, Ġabra p. II‑2023, punt 29, u tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T‑301/01, Ġabra p. II‑1753, punt 37).

29      Billi dan ir-rikors kien ġie ppreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2008, il-kwistjonijiet dwar l-ammissibbiltà għandhom jiġu kkunsidrati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’din id-data, jiġifieri dawk tat-Trattat KE, u mhux id-dispożizzjonijiet il-ġodda, korrispondenti, tat-Trattat FUE, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali

 L-argumenti tal-partijiet

30      Ir-rikorrenti ssostni li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, imressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, hija ammissibbli. Il-Protokoll fuq l-Istatut tal-BEI anness mat-Trattat KE (iktar ’il quddiem “l-Istatut”) ma jipprovdix xi mekkaniżmu komplet għall-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-BEI. Madankollu dan ma jfissirx li dan l-istħarriġ ma huwiex possibbli. Fis-sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament Ewropew (294/83, Ġabra p. 1339, punti 23 sa 25), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li billi l-Komunità Ewropea hija komunità tad-dritt, l-atti tal-korpi kollha tagħha għandhom ikunu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju meta jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi. Fid-dawl tat-Trattat KE u tal-Istatut, il-BEI huwa korp, anzi istituzzjoni, tal-Komunità u l-atti tiegħu, meta jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, għandhom jiġu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-fatt li l-atti tal-BEI ma humiex imsemmija espressament fl-Artikolu 230 KE ma huwiex ostakolu f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Ġustizzja użat kriterju doppju biex jiġi applikat għall-iskop tad-determinazzjoni jekk l-Artikolu 230 KE japplikax għall-atti tal-awtoritajiet u l-aġenziji tal-Komunità, jiġifieri jekk l-awtorità inkwistjoni tissemmiex jew le fl-Artikolu 230 KE u jekk l-atti tagħha jistgħux jew le jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament b’mod adegwat.

31      Il-BEI jikkunsidra wkoll li t-talba għal annullament tar-rikorrenti hija ammissibbli. Huwa jistieden lill-Qorti Ġenerali biex tistabbilixxi b’mod ċar il-kompetenza tagħha biex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni tal-BEI li tiċħad offerta mibgħuta minn persuna u li tagħti l-kuntratt pubbliku inkwistjoni lil persuna oħra u tieħu konjizzjoni tat-talba għall-kumpens għat-telf li allegatament irriżulta minħabba dik id-deċiżjoni, billi fil-Lussemburgu, it-Tribunal administratif sostna b’mod żbaljat li ma kellux ġurisdizzjoni f’din il-kwistjoni, b’sentenza tas-26 ta’ Settembru 2007 (irreġistrata bħala Kawża Nru 22447), ikkonfermata fl-appell b’sentenza tal-Cour administrative tal-21 ta’ Frar 2008 (irreġistrata bħala Kawża Nru 23620C). Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy/BEI (C‑370/89, Ġabra p. I‑6211), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfermat il-kompetenza tagħha biex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni ppreżentat minn kumpannija u bbażat fuq l-illegalità allegata tad-deċiżjoni tal-BEI li ma tagħtihiex kuntratt pubbliku għal xogħlijiet. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER (T‑411/06, Ġabra p. II‑2771, punti 42 u 43), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont il-ġurisprudenza Les Verts vs Il-Parlament Ewropew (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), li d-deċiżjonijiet meħuda minn korp Komunitarju, f’dan il-każ l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR), fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, meta jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, jikkostitwixxu atti kontestabbli quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont il-BEI, huwa għandu b’hekk, bħala korp amministrattiv Komunitarju, jiġi ttrattat bl-istess mod, meta jadotta deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti tiegħu jew fl-ipproċessar tat-talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-BEI jsostni li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali meta jeżerċita l-attivitajiet ta’ self tiegħu, jiġifieri meta jintervjeni fi swieq finanzjarji bl-istess mod bħal kwalunkwe bank ieħor (digriet tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Novembru 1993, Tête et vs BEI, T‑460/93, Ġabra p. II‑1257, punt 20).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

32      Il-partijiet f’din il-kawża jaqblu, f’dan il-każ partikolari, li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba għal annullament. Madankollu, billi l-kompetenza tal-Qorti Ġenerali hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, din tista’ tiġi eżaminata ex officio minnha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2005, GEF vs Il-Kummissjoni, T‑29/02, Ġabra p. II‑835, punti 72 sa 74, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punti 21 u 22). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mal-pożizzjoni tal-partijiet dwar il-kompetenza tagħha li tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors u hija għandha tara jekk, wara li tkun semgħet il-partijiet, għandhiex tqajjem ex officio l-kwistjoni tal-inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ kompetenza biex tieħu konjizzjoni, għal kollox jew parzjalment, tar-rikors imsemmi. Dan huwa ġġustifikat, iktar u iktar, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża fejn qorti nazzjonali kkonfermat il-kompetenza tagħha li tieħu konjizzjoni ta’ kawża dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-BEI li tiċħad offerta mibgħuta minn persuna u l-għoti lil persuna oħra tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, li l-BEI kkonkluda għalih innifsu.

33      Skont l-Artikoli 5 KE, 10 KE, 297 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 kif ukoll tat-Trattat UE u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 UE, il-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita s-setgħat tagħha skont għanijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattati KE u UE. Il-kompetenzi tal-Qorti Ġenerali huma dawk enumerati fl-Artikoli 225 KE u 140a EA, kif speċifikat fl-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Qorti Ġenerali li tieħu konjizzjoni ta’ rikors li jkopri kemm talba għal annullament ta’ att tal-BEI li jippreġudika terz kif ukoll talba għall-kumpens għall-preġudizzju kkawżat lit-terz, mill-aġir illegali tal-BEI għandha tiġi deċiża fid-dawl tal-Istatut, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti, partikolarment l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 225(1) KE, l-Artikolu 235 KE, l-Artikolu 237 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 230 KE.

35      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tal-Istatut jgħid li “[k]wistjonijiet bejn il-[BEI] minn naħa waħda, u l-kredituri tiegħu, id-debituri tiegħu jew xi persuna oħra min-naħa l-oħra, għandhom jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, ħlief meta l-ġurisdizzjoni tkun għaddiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kemm it-Trattat KE kif ukoll dan l-artikolu ma humiex ta’ ostakolu għall-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tieħu konjizzjoni ta’ kawżi dwar il-BEI u din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprovdi eċċezzjoni espressa għall-ġurisdizzjoni mogħtija mit-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, SGEEM u Etroy vs BEI, punt 31 iktar ’il fuq, punti 17 u 18).

36      Din il-kawża hija bejn il-BEI u kumpannija rregolata mid-dritt Grieg mhux suġġetta għall-kontroll tiegħu u li, għalhekk, għandha tiġi kkunsidrata bħala terz, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tal-Istatut. Skont il-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-kwistjoni jekk kawża bħal din taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-qrati nazzjonali u, jekk ikun il-każ, jekk taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali jindika l-bżonn li jsir riferiment għat-Trattat KE.

37      Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Qorti Ġenerali hijiex kompetenti tieħu konjizzjoni tagħha, din hija, qabel kollox u sa fejn hija dispożizzjoni speċjali, kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 237 KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 225(1) KE.

38      L-Artikolu 237 KE jgħid dan li ġej:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-limiti indikati hawn aktar ’il quddiem, kompetenza f’kawżi li jirrigwardaw:

a)      it-twettiq mill-Istati Membri ta’ l-obbligi tagħhom taħt l-Istatut […]. F’dan ir-rigward, il-Bord tad-Diretturi tal-[BEI] igawdi l-poteri mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikolu 226 [KE, fir-rigward tan-nuqqas, minn Stat Membru, ta’ twettiq ta’ obbligu li għandu skont it-Trattat KE];

b)      miżuri adottati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-[BEI]. F’dan ir-rigward, kull Stat Membru, il-Kummissjoni jew il-Bord tad-Diretturi tal-[BEI] jistgħu jippreżentaw rikorsi taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 230 [KE];

ċ)      mizuri adottati mill-Bord tad-Diretturi tal-[BEI]. Ir-rikorsi kontra dawn il-miżuri jistgħu jinbdew biss minn Stati Membri jew mill-Kummissjoni, taħt il-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 230 [KE], u biss abbażi ta’ nonkonformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 21(2), (5), (6) u (7) ta’ l-Istatut […];

[…]”

39      Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 225(1) KE li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi msemmija fl-Artikolu 237 KE.

40      Sabiex jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 237 KE, ghandha titfakkar il-kompetenza tad-diversi korpi tal-BEI.

41      Skont l-Artikolu 8 tal-Istatut, il-BEI għandu jkun immexxi u amministrat minn Bord tal-Gvernaturi, Bord tad-Diretturi u Kumitat ta’ Tmexxija.

42      Skont l-Artikolu 9 tal-Istatut, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jistabbilixxi d-direttivi ġenerali għall-politika ta’ kreditu tal-BEI u, b’mod partikolari, jiddeċiedi jekk iżidx il-kapital sottoskritt, japprovax ir-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi, japprovax il-karta tal-bilanċ annwali u l-kont ta’ qligħ u telf, u japprovax ir-regoli interni tal-BEI b’mod li huwa biss għandu l-kompetenza li jorganizza l-funzjonament intern tas-servizzi fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-BEI, C‑15/00, Ġabra p. I‑7281, punti 67 et seq). Skont l-Artikolu 11 tal-Istatut, il-Bord tad-Diretturi għandu l-kompetenza biex jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ self jew garanziji, u faċilitajiet ta’ self, għandu jiffissa r-rati tal-imgħax fuq self mogħti kif ukoll il-kummissjonijiet ta’ garanziji, jivverifika li hemm amministrazzjoni tajba tal-BEI u jiżgura l-konformità tal-ġestjoni tal-bank skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-Istatut u d-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi. Skont is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Istatut, il-President tal-BEI jew, fin-nuqqas tiegħu, wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija, għandu jippresedi fuq il-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi imma ma għandux jivvota. Skont l-Artikolu 13 tal-Istatut, il-Kumitat ta’ Tmexxija huwa l-korp eżekuttiv kolleġjali u permanenti tal-BEI. Taħt l-awtorità tal-President u taħt il-kontroll tal-Bord tad-Diretturi, dan jiżgura t-tmexxija tan-negozju kurrenti tal-BEI u jipprepara d-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi li wara jieħu ħsieb li jiġu implementati. Il-President tal-BEI jippresjedi l-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Il-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija huma responsabbli biss lejn il-BEI. Jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi għal perijodu ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded.

43      Jirriżulta mit-tweġiba tal-BEI għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali kif ukoll min-nota tal-31 ta’ Jannar 2008 li d-deċiżjoni kkontestata kienet ittieħdet mid-direttur tad-dipartiment tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, li wara ġie inkorporat fi ħdan id-Direttorat Generali tal-Istrateġija tal-BEI. Skont dan tal-aħħar, din kienet imbagħad ġiet ikkonfermata mill-President tal-BEI, qabel il-firma tal-ftehim qafas mal-offerent magħżul, fit-12 u s-17 ta’ Ġunju 2008 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). Għalkemm ma hemm l-ebda prova tal-konferma tad-deċiżjoni kkontestata mill-President tal-BEI fil-fajl, din għandha tiġi kkunsidrata bħala fatt stabbilit, għall-finijiet ta’ din il-proċedura billi ma hijiex ikkontestata mill-parti rikorrenti. Għalhekk, jekk id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata “taħt l-awtorità” tal-President tal-BEI, wieħed jista’ jiddeduċi li dan kien jirrigwarda t-tmexxija tan-“negozju kurrenti” tal-BEI skont l-Artikolu 13(3) tal-Istatut u, għalhekk, fl-isfera ta’ kompetenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-BEI, punt 42 iktar ’il fuq, punt 66), li għandu preċiżament bħala missjoni li tiġi żgurata t-tmexxija tan-negozju kurrenti tal-BEI, taħt l-awtorità tal-president tiegħu. Fil-fatt, ma hemmx għalfejn li wieħed jiddubita f’dan il-każ li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku li kkonkluda għalih innifsu jifforma parti min-“negozju kurrenti” tal-BEI.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ma taqax fil-kuntest tal-kompetenza tal-Bord tal-Gvernaturi jew tal-Bord tad-Diretturi u għalhekk ma tistax tiġi attribwita lil dawn il-korpi tal-BEI u għaldaqstant ma hijiex koperta mid-dispożizzjonijiet speċjali tal-Artikolu 237 KE.

45      Għalhekk jibqa’ biex jiġi eżaminat il-punt jekk il-Qorti Ġenerali tistax tisma’ rikors għal annullament kontra att definittiv tal-BEI li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terz, fuq il-bażi tal-Artikoli 225 KE u 230 KE.

46      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Komunità hija komunità tad-dritt fis-sens li la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet ma jistgħu jevitaw l-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-karta kostituzzjonali li huwa t-Trattat KE u li dan tal-aħħar stabbilixxa sistema kompleta ta’ mezzi ta’ rimedju u ta’ proċeduri intiżi biex jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kontroll tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-BEI, punt 42 iktar ’il fuq, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa konformi wkoll mal-għan li jsegwi l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta”), li għalkemm ma kellhiex forza legali vinkolanti qabel ma daħlet fis-seħħ bit-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, turi l-importanza, fl-ordinament ġuridiku Komunitarju, tad-drittijiet li hija tiddikjara (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International et vs Il-Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, Ġabra p. II‑1, punt 122). Skont dan l-aħħar artikolu, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt Komunitarju jiġu miksura għandha dritt għal rimedju effettiv u li tidher quddiem qorti imparzjali. Għalkemm il-BEI ma huwiex istituzzjoni tal-Komunità, il-BEI minkejja dan jikkostitwixxi korp Komunitarju istitwit u kopert b’personalità ġuridika mit-Trattat KE u għaldaqstant huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment fit-termini previsti fl-Artikolu 237(b) KE (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-BEI, punt 42 iktar ’il fuq, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Artikolu 237 KE fih dispożizzjoni speċjali li tirrigwarda biss ċerti kwistjonijiet li jinvolvu l-BEI u li għalhekk il-portata tagħha hija limitata u kumplimentari fir-rigward ta’ artikoli oħrajn tat-Trattat KE, bħall-Artikolu 236 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Ġunju 1976, Mills vs Il-BEI, 110/75, Ġabra p. 955, punti 16 u 17, u SGEEM u Etroy vs Il-BEI, punt 31 iktar ’il fuq, punt 17). Barra minn hekk, għandu jingħad li l-Artikolu 237 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tal-Istatut għandu jinftiehem fid-dawl tal-Artikolu 267 KE li jistabbilixxi li l-BEI għandu l-kompitu “li jikkontribwixxi, billi jirrikorri għas-suq kapitali u bill[i] jagħmel użu mir-riżorsi tiegħu proprji, għall-iżvillupp ekwilibrat u regolari tas-suq komuni fl-interess tal-Komunità” u li “jopera mingħajr ma jfittex il-profitt, għandu jislef u jagħti garanziji li jiffaċilitaw il-finanzjament ta’ l-proġetti li ġejjin fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija”, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Istatut iċċitati fil-punt 37 iktar ’il fuq, minn fejn jirriżulta li l-kompitu prinċipali tal-Kumitat ta’ Tmexxija huwa li jipprepara u jimplementa d-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ self u ta’ garanziji jew il-konklużjoni ta’ self li jkunu adottati mill-Bord tad-Diretturi skont il-linji ġenerali deċiżi mill-Bord tal-Gvernaturi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑BEI, punt 42 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑7290, punti 75 sa 78). Jekk id-dispożizzjonijiet tal-Istatut ma jeskludux għal kollox il-possibbiltà għall-Kumitat ta’ Tmexxija li jieħu, fil-kuntest tat-tmexxija tan-negozju kurrenti tal-BEI, deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, madankollu huwa ċar mid-dispożizzjonijiet tiegħu li dawn id-deċiżjonijiet huma adottati, jew normalment għandhom jiġu adottati jew mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord tad-Diretturi.

48      In-nuqqas ta’ riferiment lill-Kumitat ta’ Tmexxija fit-test tal-Artikolu 237 KE huwa r-rifless ta’ dan it-tqassim ta’ kompetenza fi ħdan il-BEI. Sa fejn il-Kumitat ta’ Tmexxija, bħala regola ġenerali suppost jipprepara, u mhux jadotta, id-deċiżjonijiet intiżi biex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tal-Istatut, l-awturi tat-Trattat KE ma kkunsidrawx li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tiegħu kien meħtieġ. Jista’ jiġi stabbilit hawnhekk parallel mal-Artikolu 230 KE, li jipprovdi li l-atti definittivi u li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi adottati mill-istituzzjonijiet tal-BĊE huma kontestabbli, filwaqt li l-miżuri li jippreparaw biss l-adozzjoni ta’ dawn l-atti ma humiex. F’dan is-sens, fil-punt 18 tad-digriet Tête et vs Il-BEI, punt 31 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-“BEI żamm il-missjoni oriġinali tiegħu, li hija li jipprovdi self u garanziji (ara l-Artikoli 129 u 130 [KEE] u l-Artikoli 198 D u 198 E [KE]”, u li, “fil-konfront ta’ terzi li ma jibbenefikaw la minn self u lanqas minn garanziji tal-BEI, għalhekk dan tal-aħħar ma jadottax deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali”. Madankollu, dan ir-raġunament ma jistax japplika fil-każ, bħal dan, meta jiġri li l-Kumitat ta’ Tmexxija jadotta deċiżjoni li tipproduċi effetti legali definittivi fir-rigward ta’ terz. F’komunità ta’ dritt bħall-Komunità, deċiżjoni bħal dik tista’ tiġi kkontestata mill-persuna kkonċernata.

49      F’dan is-sens, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjoni ġenerali li tikkostitwixxi l-Artikolu 230 KE hija kkompletata bid-dispożizzjoni speċjali li hemm fl-Artikolu 237 KE, li għandu portata limitata u ma jkoprix l-atti li jipproduċu effetti legali definittivi fir-rigward ta’ terzi li l-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jagħmel fil-kuntest tat-tmexxija tan-negozju kurrenti tal-BEI, skont l-Artikolu 13(3) tal-Istatut, bħad-deċiżjoni kkontestata jew deċiżjoni taċ-ċaħda tal-aċċess għad-dokumenti amministrattivi tal-BEI.

50      Fit-tielet lok, ma jkunx aċċettabbli li l-BEI jkun jista’, bl-organizzazzjoni kreattiva tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni intern, jaħrab mill-istħarriġ ġudizzjarju intiż mit-Trattat KE għal dak li jirrigwarda l-atti tal-istituzzjonijiet jew ta’ kull korp Komunitarju li, bħall-BEI, ikun ġie istitwit u kopert b’personalità legali mit-Trattat KE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-BEI, punt 47 iktar ’il fuq, punt 71). L-atti adottati formalment fi ħdan il-BEI minn korpi li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 237(b) u (ċ) KE, jiġifieri korpi li ma humiex il-Bord tad-Diretturi jew il-Kumitat ta’ Tmexxija, għandhom, għalhekk, ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju jekk huma definittivi u jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi. Skont l-Artikoli 225 KE, 230 KE u 237 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja u, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ngħataw il-kompetenza biex jistħarrġu l-legalità ta’ kull deċiżjoni amministrattiva tal-BEI, jiġifieri kull att unilaterali adottat mill-BEI li jipproduċi effetti legali definittivi fil-konfront ta’ terzi.

51      Fir-raba’ lok, huwa essenzjali li l-awtonomija operattiva u istituzzjonali tal-BEI u r-reputazzjoni tagħha bħala korp indipendenti fis-swieq finanzjarji, kif ipprovdut mit-Trattat KE, ma għandhomx jiġu ppreġudikati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-BEI, 85/86, Ġabra p. 1281, punti 27 sa 30, u tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-BEI, punt 42 iktar ’il fuq, punti 101 et seq). L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija marbuta mal-eżerċizzju mill-BEI ta’ attivitajiet li jirrigwardaw l-amministrazzjoni Komunitarja u jirrigwardaw, preċiżament, l-intervent ta’ din l-amministrazzjoni bħala awtorità kontraenti u mhux mal-eżerċizzju tal-BEI fl-attivitajiet tiegħu jew fl-operazzjonijiet tiegħu fil-qasam finanzjarju jew fis-swieq finanzjarji. Għalhekk, l-istħarriġ tal-legalità li tista’ tagħmel il-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-Artikolu 225(1) KE u tal-Artikolu 230 KE, anki jekk a priori huwa usa’ minn dak li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita fuq id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI fuq il-bażi tal-Artikolu 237(ċ) KE ma jistax, madankollu, jitqies bħala ta’ tali natura li jaffettwa l-awtonomija operattiva u istituzzjonali li jgawdi l-BEI fl-għoti ta’ self u garanziji u tal-finanzjament tagħhom, partikolarment b’rikors lejn is-swieq tal-kapitali, jew li jaffettwa r-reputazzjoni tal-BEI jew il-kredibbiltà tiegħu bħala korp indipendenti fis-swieq finanzjarji. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-BEI jsostni huwa stess, li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti li tisma’ din it-talba għal annullament fuq il-bażi tal-Artikolu 225(1) KE u tal-Artikolu 230 KE. Għalhekk ma jikkunsidrax li l-istħarriġ tal-legalità li l-Qorti Ġenerali teżerċita f’dan il-kuntest jista’ jippreġudika l-awtomonija operattiva u istituzzjonali li għandu skont it-Trattat KE u l-Istatut tiegħu.

52      Għalhekk, il-ħtieġa ta’ kontroll komplet tal-legalità tal-atti Komunitarji tirrikjedi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 225(1) KE u l-Artikolu 230 KE fis-sens li ma teskludix il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali li tieħu konjizzjoni ta’ rikors għall-annullament ta’ att, dwar it-tmexxija ta’ negozju kurrenti tal-BEI mill-Kumitat ta’ Tmexxija li jipproduċi effetti legali definittivi fir-rigward ta’ terzi.

53      Min-naħa l-oħra, fuq din it-talba għal kumpens għandu jiġi osservat li l-prinċipju tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-Unjoni Ewropea u, f’dan il-każ, tal-Qorti Ġenerali biex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal danni mhux kuntrattwali, ippreżentat kontra l-BEI ma huwiex speċifikament solvut fit-testi. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja u, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali humiex kompetenti jieħdu konjizzjoni ta’ din it-talba għal kumpens imressqa kontra l-BEI jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 225(1) KE, tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

54      Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li hija kompetenti biex tiddeċiedi dwar rikors għad-danni ppreżentat kontra l-BEI, fuq il-bażi tal-Artikolu 178 KEE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 215 KEE (li saru l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE). Hija ġġustifikat il-kompetenza tagħha bil-fatt li l-att allegatament illegali kien jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ finanzjament konkluż mill-BEI bħala mandatarju tal-Komunità u għan-nom tagħha, fl-eżerċizzju ta’ kompetenzi li ċerti dispożizzjonijiet jagħtuh fir-rigward tal-għoti u l-amministrazzjoni ta’ kapital ta’ riskju ffinanzjat mill-baġit Komunitarju, li l-BEI kien, huwa stess, korp li, skont it-Trattat KE jidħol fil-kuntest Komunitarju u li l-atti u l-ommissjonijiet tal-BEI fl-implementazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ finanzjament kienu attribwibbli lill-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs Il-BEI, punt 31 iktar ’il fuq, punti 4 u 12 sa 15, u tal-25 ta’ Mejju 1993, SGEEM u Etroy vs Il-BEI, C‑370/89, Ġabra p. I‑2583, punt 24). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “l-kelma ‘istituzzjoni’ użata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 215 tat-Trattat [KEE] ma għandhiex tinftiehem bħala li tirrigwarda biss l-istituzzjonijiet tal-Komunità enumerati fl-Artikolu 4(1) tat-Trattat [KEE], imma tkopri wkoll, fir-rigward tas-sistema tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali stabbilita mit-Trattat [KEE], il-korpi Komunitarji bħall-[BEI]” (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs Il-BEI, punt 31 iktar ’il fuq, punt 16).

55      Fit-tieni lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li filwaqt li taħt is-sistema ta’ rimedji legali stabbilita mit-Trattat KE, ir-rikors għad-danni jikkostitwixxi rimedju ta’ dritt awtonomu fir-rigward tar-rikors għal annullament, jibqa’ l-fatt, madankollu, li f’dan il-każ hemm rabta diretta bejn it-talba għad-danni u t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, billi fir-rikors hemm ippreċiżat li “t-talba għad-danni, li hija bbażata fuq l-Artikoli 235 u 288 KE tistrieħ fuq in-natura illegali tad-deċiżjoni kkontestata”, b’mod li t-talba għad-danni tidher bħala aċċessorja għat-talba għal annullament. Barra minn hekk, jirriżulta mir-rikors li t-talba għad-danni hija għal ħlas ta’ somma li tikkorrispondi eżattament għall-“profitt gross stmat li r-rikorrenti kienet tirċievi […] kieku l-kuntratt kien ngħata lilha”, jiġifieri d-drittijiet li r-rikorrenti tikkunsidra li ġiet miċħuda minnhom minħabba d-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, it-talba għall-kumpens fil-verità trid twarrab l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata fuq ir-rikorrenti u, jekk tintlaqa’, jkollha l-effett li tinnewtralizza dawk l-effetti legali.

56      Skont ġurisprudenza stabbilita sew (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Frar 1986, Krohn Import-Export vs Il-Kummissjoni, 175/84, Ġabra p. 753, punti 32 u 33; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 1995, Cobrecaf et vs Il-Kummissjoni, T‑514/93, Ġabra p. II‑621, punt 59, u tas-17 ta’ Ottubru 2002, Astipesca vs Il-Kummissjoni, T‑180/00, Ġabra p. II‑3985, punt 139), għandhom jitqiesu r-“rabta diretta” jew il-“komplementarjetà” li jeżistu, f’dan il-każ, bejn ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni kif ukoll in-natura aċċessorja tat-tieni fir-rigward tal-ewwel fl-istadju tal-kunsiderazzjoni u l-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi, sabiex jiġi evitat li l-eżitu tar-rikors għad-danni jiġi disassoċjat artifiċjalment minn dak tar-rikors għal annullament, li tiegħu huwa sempliċiment aċċessorju jew kumplementari.

57      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn id-danni li allegatament ġew ikkawżati mill-BEI lir-rikorrenti joriġinaw mill-eżerċizzju mill-BEI ta’ attivitajiet dwar l-eżekuzzjoni ta’ missjonijiet tal-amministrazzjoni Komunitarja u, iktar preċiżament, jirrigwardaw l-intervent ta’ din l-amministrazzjoni bħala awtorità kontraenti u li dawk id-danni ma jirriżultawx, għalhekk, mill-attivitajiet tal-BEI jew mill-operazzjonijiet tiegħu fil-qasam finanzjarju jew fis-swieq finanzjarji, l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali tista’ tagħmel abbażi tal-Artikolu 225(1) KE, tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ta’ natura li jpoġġi fid-dubju l-awtonomija funzjonali u istituzzjonali tal-BEI u li jippreġudika r-reputazzjoni ta’ dan tal-aħħar bħala korp indipendenti fis-swieq finanzjarji. Fil-fatt, il-BEI jsostni huwa stess li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi din it-talba għad-danni mressqa fil-konfront tiegħu, fuq il-bażi tal-Artikolu 225(1) KE, tal-Artikolu 235 KE u tal-Artikolu 288 KE u mkien ma sostna li stħarriġ bħal dan seta’ jippreġudika l-awtonomija operattiva u istituzzjonali tiegħu.

58      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tiddeċiedi wkoll fuq it-talba għad-danni mressqa kontra l-BEI, fuq il-bażi tal-Artikolu 225(1) KE, tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE meta tali talba jkollha natura aċċessorja fir-rigward ta’ talba għal annullament, hija stess ammissibbli, ta’ att tal-BEI li jipproduċi effetti ta’ dritt definittivi fir-rigward ta’ terzi.

59      Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-interess tar-rikorrenti li taġixxi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

60      Mistoqsi fuq dan il-punt matul is-seduta, il-BEI kkonferma li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet eżegwita peress li l-kuntratt qafas kien ġie konkluż mal-offerent magħżul u eżegwit parzjalment. Għaldaqstant, ikkunsidra li ma kienx iktar f’pożizzjoni li jeżegwixxi xi annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata, bħal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Madankollu, speċifika li ma kienx ser jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors minħabba xi nuqqas ta’ interess tar-rikorrenti li taġixxi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, qal ukoll li filwaqt li kien possibbli li fit-teorija l-offerent mhux magħżul li għamel il-kawża jitpoġġa kemm jista’ jkun fil-pożizzjoni oriġinali tiegħu bil-ħlas ta’ kumpens, il-kundizzjonijiet għall-ħlas ta’ dan il-kumpens ma ġewx sodisfatti f’dan il-każ billi r-rikorrenti ma sofriet l-ebda dannu reali minħabba d-deċiżjoni kkontestata.

61      Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li kienet kisbet diversi annullamenti, parzjali jew totali, ta’ deċiżjonijiet ta’ għoti mingħajr ma l-istituzzjonijiet li kienu adottaw dawn id-deċiżjonijiet irreaġixxew b’mod sodisfaċenti għal dawn l-annullamenti. Barra minn hekk, qalet li kellha interess doppju biex taġixxi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, sa fejn hija pparteċipat fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, hija ppretendiet li għandha interess biex l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata jiġu kkonstatati sabiex jiġi evitat li illegalitajiet bħal dawn jiġu ripetuti. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li għandha interess li jiġu kkonstatati dawn l-illegalitajiet sabiex jinkiseb kumpens.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

62      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna għandha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat, li jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ppreżentatu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Diċembru 2009, Antwerpse Bouwwerken vs Il-Kummissjoni, T‑195/08, Ġabra p. II‑4439, punt 33). Il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, partikolarment jekk hemmx interess ġuridiku, jirrigwardaw finijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, u hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika ex officio jekk ir-rikorrent għandux interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia vs Il-Kummissjoni, T‑228/00, Ġabra p. II‑787, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tapplika, b’analoġija, għat-talbiet għal annullament ifformulati fil-kuntest ta’ rikors li fih, b’mod aċċessorju, talba għad-danni.

63      F’din il-kawża, għandu jiġi vverifikat ex officio jekk annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata jistax jikseb vantaġġ lir-rikorrenti, anki jekk il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma tistax terġa’ tinfetaħ u, fiċ-ċirkustanzi preżenti, il-partijiet jaqblu li, billi l-kuntratt ġie ffirmat u implementat parzjalment, ma għadx hemm possibbiltà li r-rikorrenti tista’ tingħata l-kuntratt inkwistjoni mill-BEI.

64      Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, anki fl-ipoteżi fejn deċiżjoni ta’ għoti kienet ġiet eżegwita kompletament favur kompetituri oħrajn, offerent ikollu interess fl-annullament ta’ din id-deċiżjoni, kemm sabiex jitpoġġa mill-awtorità kontraenti fl-istat oriġinali tiegħu, kif ukoll sabiex, għall-futur, l-awtorità kontraenti tagħmel tibdil xieraq fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, fil-każ fejn dawn jiġu rrikonoxxuti bħala li jmorru kontra ċerti rekwiżiti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Simmenthal vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 32, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Ottubru 1999, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑191/96 u T‑106/97, Ġabra p. II‑3181, punt 63).

65      Il-fatt li kuntratt dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ġie ffirmat, u anki eżegwit, qabel ma ngħatat id-deċiżjoni li ġġib fit-tmiem ir-rikors prinċipali, ippreżentat minn offerent mhux magħżul kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, u l-fatt li l-awtorità kontraenti hija kuntrattwalment marbuta mal-offerent magħżul ma jipprekludix l-obbligu li għandha l-awtorità kontraenti, jekk ir-rikors prinċipali jintlaqa’, skont l-Artikolu 233 KE, li tiddeċiedi l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata protezzjoni xierqa tal-interessi tal-offerent mhux magħżul (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Novembru 2004, European Dynamics vs Il-Kummissjoni, T‑303/04 R, Ġabra p. II‑3889, punt 83).

66      Meta, wara rikors ta’ offerent mhux magħżul ta’ kuntratt pubbliku, id-deċiżjoni ta’ għoti tiġi annullata, imma l-awtorità kontraenti ma tkunx għadha f’pożizzjoni li terġa’ tiftaħ il-proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-kuntratt pubbliku inkwistjoni, l-interessi ta’ dan l-offerent jistgħu jiġu ssalvagwardati, pereżempju, b’kumpens monetarju li jikkorrispondi għat-telf tal-possibbiltà li jingħatalu l-kuntratt jew, jekk jista’ jiġi stabbilit b’mod ċert li l-offerent kellu jingħatalu l-kuntratt, għat-telf tal-qligħ (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1994, Candiotte vs Il-Kunsill, T‑108/94 R, Ġabra p. II‑249, punt 27; tal-20 ta’ Lulju 2000, Esedra vs Il-Kummissjoni, T‑169/00 R, Ġabra p. II‑2951, punt 51, u European Dynamics vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 83). Fil-fatt mill-ġurisprudenza l-iktar reċenti jirriżulta li jista’ jingħata valur ekonomiku għat-telf tal-opportunità li wieħed jingħata kuntratt pubbliku subit mill-offerent mhux magħżul ta’ dak il-kuntratt minħabba deċiżjoni illegali (ara, f’dan s-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2008, Vakakis vs Il‑Kummissjoni, T‑41/08 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 66 u 67, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Jannar 2010, Agriconsulting Europe vs Il-Kummissjoni, T‑443/09 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 sa 34, u l-ġurisprudenza ċċitata)

67      F’din il-kawża, ir-rikorrenti għandha interess li taġixxi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sabiex, skont l-obbligu li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE, terġa’ titqiegħed fl-istat oriġinali tagħha mill-BEI u dan, jekk ikun il-każ, jista’ jieħu l-forma ta’ kumpens monetarju li jikkorrispondi għat-telf ta’ opportunità tagħha li tingħata l-kuntratt. Filwaqt li r-rikorrenti ressqet talba għad-danni li tista’ tirriżulta fi ħlas ta’ somma flus, f’forma ta’ kumpens, għandu jingħad li din it-talba ma tirrigwardax it-telf tal-opportunità li tieħu l-kuntratt imma t-telf ta’ dħul li jikkorrispondi għall-profitt li setgħet għamlet kieku eżegwiet il-kuntratt (ara l-punt 210 iktar ’l isfel). Jirriżulta li din it-talba għad-danni tista’ tiġi miċħuda mingħajr ma dan jippreġudika l-possibbiltà, għar-rikorrenti, li tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens monetarju għat-telf tal-opportunità li jingħatalha l-kuntratt biex titqiegħed fl-istat oriġinali, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.

68      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li t-talba għal annullament tista’, fl-eżitu tagħha, tkun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti b’mod li din tal-aħħar għandha interess li taġixxi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-formula użata waqt l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti

 L-argumenti tal-partijiet

69      Il-BEI jsostni li ma huwiex ammissibbli li r-rikorrenti tikkontesta l-formula użata matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti billi naqset li tagħmel dan f’ħin xieraq, jiġifieri qabel id-data tal-għeluq tas-sottomissjoni tal-offerti.

70      Ir-rikorrenti titlob li l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma f’dan ir-rigward mill-BEI għandha tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

71      L-eċċezzjoni preżenti tal-inammissibbiltà tirrigwarda, fil-prattika, it-tielet u r-raba’ motiv tat-talba għal annullament, fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-kriterju tal-għoti bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji”, kif ukoll il-ħames motiv tat-talba għal annullament, li bih ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti, jiġifieri 75 % tal-punti għall-kriterji tekniċi u 25 % tal-punti għall-kriterju finanzjarju.

72      Huwa minnu li, billi tikkontesta l-formula użata matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, ir-rikorrenti qed tikkontesta inċidentalment il-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għalhekk tqum il-mistoqsija f’dan il-każ jekk dokument ta’ sejħa għal offerti, bħalma huma l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni, huwiex att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors dirett taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, u għaldaqstant, jekk ir-rikorrenti kellhiex taġixxi, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni u fit-terminu ta’ xahrejn stabbilit fil-ħames paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, kontra l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

73      L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala att li jikkonċerna kull offerent b’mod individwali. Fil-fatt, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bħad-dokumenti kollha ta’ sejħa għal offerti maħruġa mill-awtorità kontraenti u li jagħmlu parti minnhom, japplikaw għal sitwazzjonijiet stabbiliti oġġettivament u jinvolvu effetti legali fil-konfront tal-kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt. Għaldaqstant, huma għandhom natura ġenerali u ma jistax jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni individwali tagħhom lill-offerenti mill-awtorità kontraenti tippermetti li tiġi individwalizzata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull waħda minn dawn l-impriżi meta mqabbla mal-persuni l-oħra kollha (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, Ġabra p. II‑781, punti 36 sa 42).

74      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet għalhekk l-ewwel att kontestabbli mir-rikorrenti u, għaldaqstant, l-ewwel att li awtorizzaha tikkontesta inċidentalment il-legalità tal-formula użata matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti li kienu ntgħażlu mill-BEI fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

75      Għalhekk il-BEI ma huwiex korrett meta jeċċepixxi n-natura allegatament tardiva tal-kontestazzjoni mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors preżenti u, inċidentalment, tal-legalità tal-formula użata matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti li stabbilixxa l-BEI fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

76      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv tat-talba għal annullament huma ammissibbli u l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-BEI f’dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda.

 Fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tat-talba għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

77      Il-BEI jsostni li, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għad-danni hija inammissibbli billi t-tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 288(2) KE biex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, ma humiex imsemmija, f’dan il-każ, fir-rikors u li r-rikorrenti ma tgħidx li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti. Skont hu, ir-rikors ma huwiex preċiż fir-rigward tal-illegalitajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dawn l-illegalitajiet u l-preġudizzju allegat mir-rikorrenti u fir-rigward tan-natura u l-ammont eżatt tad-danni mitluba. Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza applikabbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Settembru 1994, An Taisce u WWF UK vs Il-Kummissjoni, T‑461/93, Ġabra p. II‑733, punti 42 u 43), talba bħal dik għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

78      Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ma nkisirx u li l-elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tat-tliet kundizzjonijiet sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, prevista fl-Artikolu 28(2) KE, issemmew fir-rikors.

 Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti li l-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk hemm bżonn, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tkun iggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa meħtieġ, sabiex rikors jitqies ammissibbli, li jiġu indikati l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan huwa bbażat, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, fit-test stess tar-rikors (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il‑Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Biex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors li jitlob kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni jew kwalunkwe korp jew aġenzija Komunitarja għandu jkollu l-elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-aġir li r-rikorrent jilmenta dwaru fil-konfront ta’ din l-istituzzjoni, dan il-korp jew aġenzija, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn dan l-aġir u l-preġudizzju li allegatament sofra, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan il-preġudizzju (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punt 107; tal-10 ta’ Lulju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T‑38/96, Ġabra p. II‑1223, punt 42, u Chiquita Brands et vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Mir-rikors jirriżulta li “t-talba għad-danni hija bbażata fuq l-Artikoli 235 u 288 KEE minħabba d-deċiżjoni illegali kkontestata, […] li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors”. Isegwi li din it-talba hija bbażata b’mod ċar fuq l-illegalitajiet invokati fil-kuntest tat-talba għal annullament. Jirriżulta wkoll mir-rikors li r-“rikorrenti titlob kumpens finanzjarju ta’ 50 % ta’ EUR 3.88 miljun, jiġifieri EUR 1.94 miljun mill-BEI, li huwa l-ammont stmat tar-riżultat gross li r-rikorrenti kienet tirċievi fil-kuntest tal-proċedura msemmija iktar ’il fuq li kieku l-kuntratt kien jingħata lilha”. Isegwi li r-rikors fih elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tan-natura u l-portata tal-preġudizzju invokat. Barra minn hekk, fir-rikors, ir-rikorrenti tipprovdi spjegazzjonijiet fuq il-mod kif din is-somma ġiet ikkalkolata. Għalhekk, anki għalkemm ir-rikorrenti ma tiddedikax parti speċifika tar-rikors għall-kwistjoni tar-rabta kawżali bejn l-illegalità u d-danni li tinvoka, ir-rikors fih l-elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tar-raġunijiet għaliex ir-rikorrenti tikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u l-preġudizzju li hija tgħid li sofriet, jiġifieri, f’dan il-każ, li r-rabta kawżali tirriżulta, fl-opinjoni tagħha, mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata pprekludietha milli tingħata l-kuntratt u tikkonkludi mal-BEI ftehim qafas li jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li t-talba għad-danni hija ammissibbli u għalhekk tiġi miċħuda l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma f’dan ir-rigward mill-BEI.

2.     Fuq il-mertu

 Fuq id-dritt applikabbli

 L-argumenti tal-partijiet

83      Ir-rikorrenti tikkunsidra li, bħala awtorità kontraenti, il-BEI huwa obbligat li jaġixxi skont id-dispożizzjonijiet tal-“Gwida għall-għoti ta’ kuntratti – Gwida għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi, għal provvisti u għal xogħlijiet mill-BEI għalih innifsu”, fil-verżjoni fis-seħħ fil-mument tal-fatti (iktar ’il quddiem il-“Gwida”) kif ukoll li jirrispetta l-prinċipji ġenerali u d-dritt applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, għalkemm id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) ma kinitx tapplika, bħala tali, għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti tal-BEI, jirriżulta mill-introduzzjoni tal-Gwida li din id-direttiva tikkostitwixxi riferiment xieraq biex jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Gwida li huma ispirati minnhom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet aċċettat diġà li tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322) kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew 97/52/KE, tat-13 ta’ Ottubru 1997, li temenda d-Direttivi […] 93/36/KEE u 93/37/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ […] kuntratti ta’ provvisti pubbliċi u kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] rispettivament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 3) (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Marzu 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑345/03, Ġabra p. II‑341, punt 206).

84      Il-BEI joġġezzjona li d-Direttiva 2004/18 ma tapplikax fil-konfront tiegħu u jżid jgħid li l-ġurisprudenza applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti tirrigwardah biss sa fejn hija tinterpreta dispożizzjonijiet li japplikaw huma stess. Mill-ġurisprudenza jirriżulta (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Sogelma vs AER, punt 31 iktar ’il fuq, punt 115, u tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑59/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 46 u 47) li d-Direttiva 2004/18, kif ukoll id-Direttiva 92/50, li tħassarha u tissostitwixxiha, ma japplikawx għall-kuntratti pubbliċi konklużi għaliha nnifisha minn istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Komunità sakemm id-dispożizzjonijiet tagħha jgħidu espressament li japplikaw għal dawn tal-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

85      L-argumenti tal-partijiet iqajmu l-kwistjoni dwar liema huma r-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi li l-BEI jikkonkludi għalih innifsu, bi ħlas u bl-użu ta’ riżorsi tiegħu proprji.

86      Il-BEI għandu awtonomija finanzjarja peress li jiffunzjona skont l-Artikolu 267 KE “billi jirrikorri għas-suq kapitali u billi jagħmel użu mir-riżorsi tiegħu proprji” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs Il-BEI, punt 42, iktar ’il fuq, punt 101 u 128) u mhux fuq il-baġit Komunitarju, anki għalkemm huwa jiġġestixxi fondi ġejjin minn dan il-baġit bħala mandatarju tal-Komunità u għan-nom tagħha u, għaldaqstant, parti mill-attivitajiet tiegħu titwettaq mill-użu ta’ fondi Komunitarji. Madankollu, f’dan il-każ ir-rikors jikkonċerna proċedura ta’ sejħa għal offerti, iffinanzjata mir-riżorsi proprji tal-BEI.

87      Proċedura bħal din ma hijiex suġġetta la għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-tieni parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74) kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), u lanqas, a fortiori, għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tat-tieni parti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145) kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regoli għall-Implementazzjoni”. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx ħlief għall-“baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej” u kif jirriżulta mill-Artikolu 88(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti pubbliċi rregolati mir-Regolament Finanzjarju huma kuntratti pubbliċi li huma ffinanzjati, totalment jew parzjalment, minn dan il-baġit ġenerali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il-Kummissjoni, T‑271/04, Ġabra p. II‑1375, punt 121).

88      Madankollu jibqa’ l-fatt li l-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi tal-BEI għandhom jikkonformaw mar-regoli fundamentali tat-Trattat KE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar, b’mod partikolari, il-moviment liberu tal-merkanzija (Artikolu 28 KE), id-dritt ta’ stabbiliment (Artikolu 43 KE), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 49 KE), in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza fit-trattament, it-trasparenza u l-proporzjonalità. Fil-fatt jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew, għal dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi Komunitarji, li l-awtorità kontraenti hija suġġetta għar-regoli fundamentali tat-Trattat KE, għall-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll għall-għanijiet tal-Karta.

89      Barra minn hekk, anki għalkemm id-direttivi dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi jirregolaw biss il-kuntratti mogħtija minn korpi jew awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri u ma humiex direttament applikabbli għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-amministrazzjoni Komunitarja, ir-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew li jirriżultaw mill-qafas ta’ dawk id-direttivi jistgħu jintużaw kontra l-amministrazzjoni msemmija meta huma stess jidhru sempliċiment li huma espressjoni speċifika tar-regoli fundamentali tat-Trattat KE u tal-prinċipji ġenerali tal-liġi li huma applikabbli direttament għall-amministrazzjoni Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, Ġabra p. I‑8349, punti 25 sa 28). Fil-fatt, f’komunità tad-dritt, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt hija rekwiżit fundamentali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 104) u kull persuna hija suġġetta għall-prinċipju ta’ osservanza tal-legalità. Għalhekk, l-istituzzjonijiet huma obbligati li jirrispettaw ir-regoli tat-Trattat KE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt li japplikaw għalihom, bl-istess mod bħal kull persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punti 18 sa 21, u s-sentenza Antwerpse Bouwwerken vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 55). Barra minn hekk, ir-regoli jew prinċipji stabbiliti jew li jirriżultaw fil-kuntest ta’ dawn id-direttivi jistgħu jiġu invokati kontra l-amministrazzjoni Komunitarja meta, fl-eżerċizzju tal-awtonomija operattiva u istituzzjonali tagħha u fil-limiti tas-setgħat li jagħtiha t-Trattat KE, hija tkun adottat att li jirreferi espressament, biex jirregola l-kuntratti pubbliċi li tikkonkludi għaliha nnifisha, għal ċerti regoli jew ċerti prinċipji ddikjarati fid-direttivi u li minħabba fihom dawn ir-regoli u prinċipji japplikaw skont il-prinċipju patere legem quam ipse fecisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Lulju 1985, Salerno et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, 87/77, 130/77, 22/83, 9/84 u 10/84, Ġabra p. 2523, punti 52, 56 u 57, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punti 113 sa 115). Meta l-att inkwistjoni jeħtieġ interpretazzjoni, għandu jiġi interpretat, sa fejn ikun possibbli, fis-sens ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju u tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Marzu 1991, Rauh, C‑314/89, Ġabra p. I‑1647, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑135/93, Ġabra p. I‑1651, punt 37).

90      Mill-Gwida jirriżulta li għall-finijiet tal-“osservanza tal-prinċipji fundamentali tal-UE dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, u partikolarment il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] il-BEI ddeċidiet li timplementa proċeduri ta’ sejħa għal offerti li għandhom jippermettu “l-kompetizzjoni fost offerenti kwalifikati u għażla bbażata fuq kunsiderazzjonijiet kemm ta’ prezz kif ukoll ta’ kwalità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, il-BEI kkunsidra li “għalkemm id-Direttiva 2004/18 ma [kinitx] tapplika bħala tali għall-BEI, hija [kienet] tikkostitwixxi riferiment xieraq biex jiġu stabbiliti l-proċeduri tal-[BEI]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-punt 2.1 tal-Gwida jgħid b’mod partikolari li “l-BEI japplika l-proċeduri deskritti fid-Direttiva 2004/18 meta jagħti kuntratti li ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 skont id-dispożizzjonijiet tagħha u li l-valur totali stmat mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew iktar mill-limiti li ġejjin: a) EUR 206 000 għall-kuntratti għal servizzi […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Gwida tagħmel ukoll diversi referenzi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18.

91      Il-punti 2.4 u 2.5 tal-Gwida jiddeskrivu fid-dettall l-istadji differenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti msemmija fil-punt 2.2.1 ta’ din il-Gwida.

92      F’dan ir-rigward, il-Gwida tistabbilixxi regoli ta’ portata ġenerali li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, partikolarment dawk li jiddeċiedu li jippreżentaw offerta għal kuntratt pubbliku ffinanzjat, għal kollox jew parzjalment, mir-riżorsi proprji tal-BEI, u torbot legalment lill-BEI meta dan jiddeċiedi li jikkonkludi kuntratt pubbliku għalih innifsu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Citymo vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 122).

93      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li meta l-BEI jintervjeni billi jirrikorri għas-suq tal-kapital u għar-riżorsi tiegħu proprji, partikolarment meta jikkonkludi kuntratti pubbliċi għalih innifsu, huwa suġġett kemm għall-prinċipji ddikjarati fil-punt 88 iktar ’il fuq kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tal-Gwida, partikolarment dawk iċċitati fil-punt 91 iktar ’il fuq, kif interpretati fid-dawl tal-prinċipji li dawn id-dispożizzjonijiet jimplementaw u, jekk ikun il-każ, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 li għalihom jirreferu dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq it-talba għal annullament

94      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi fir-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-punt 2.5.2 tal-Gwida, tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv. It-tieni motiv jirrigwarda essenzjalment ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba, tal-obbligu li jiġu motivati d-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv. It-tielet motiv jikkonċerna essenzjalment ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu li jintgħażlu l-kriterji ta’ għoti biex tiġi permessa evalwazzjoni komparattiva oġġettiva tal-offerti. Ir-raba’ motiv jirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu li jintużaw, għall-finijiet tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, kriterji ta’ għoti li ma jitħalltux mal-kriterji tal-għażla tal-offerenti. Il-ħames motiv jirrigwarda ksur tad-dritt applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, minħabba l-fatt li l-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti rriżultaw fin-newtralizzazzjoni jew fil-minimizzazzjoni tal-“effett tal-prezz” fid-deċiżjoni kkontestata.

95      B’ittra ppreżentata fit-8 ta’ Jannar 2010 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti qajmet is-sitt motiv għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-ksur tal-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 148(1) u (2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni, li jipprojbixxi kwalunkwe diskussjoni bejn l-awtorità aġġudikatriċi u l-kandidati jew l-offerenti li tista’ twassal għal tibdil fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt jew it-termini tal-offerta, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, kif hemm fl-Artikolu 89 tar-Regolament Finanzjarju moqri flimkien mal-premessa 18 tiegħu.

96      L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tieni motiv tar-rikors, billi jikkoinċidu parzjalment. Imbagħad għandha tingħata risposta konġunta għat-tielet u r-raba’ motiv, li jidhru li huma komplementari. Fl-aħħar nett għal raġunijiet ta’ opportunità, għandu jiġi eżaminat is-sitt motiv qabel ma jiġi eżaminat il-ħames motiv.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

97      Bl-ewwel u t-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-BEI kiser il-punt 2.5.2 tal-Gwida, il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, id-dritt tagħha għal rimedju effettiv u l-obbligu li d-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju jkunu motivati. L-ewwel nett, hija tallega li l-BEI kellu jinnotifikaha bid-deċiżjoni kkontestata kemm jista’ jkun malajr u bil-miktub u kellu jibgħat, fuq l-inizjattiva tiegħu, l-istess informazzjoni lill-offerenti kollha mingħajr eċċezzjoni, u jagħtihom il-ħin meħtieġ biex jeżerċitaw id-drittijiet leġittimi tagħhom. Imbagħad, il-BEI kellu jinfurmaha, fi ħmistax-il ġurnata minn meta jiġi mitlub, bl-isem tal-offerent magħżul kif ukoll bil-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha u jimmotiva d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tagħha filwaqt li jipprovdilha l-elementi ta’ paragun, li kien hemm fir-rapport ta’ evalwazzjoni, bejn il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tagħha u dawk tal-offerta tal-offerent magħżul. Fl-aħħar nett, il-BEI kellu, tal-inqas, jipprovdi lir-rikorrenti bir-raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors sabiex jiġi ggarantit id-dritt tagħha għal rimedju effettiv.

98      Il-BEI jitlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud. Fl-opinjoni tiegħu, il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ għoti tal-kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali kien il-mezz ammess uffiċjalment fl-ordinament ġuridiku Komunitarju biex id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkomunikata lir-rikorrenti. Il-fatt li huwa ma nnotifikax individwalment lir-rikorrenti bid-deċiżjoni kkontestata huwa żball amministrattiv magħmul mis-servizzi tiegħu. Madankollu dawn kienu rrispondew mingħajr dewmien, fl-1 ta’ Awwissu 2008, għat-talba għal spjegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-31 ta’ Lulju 2008. Fi kwalunkwe każ, u skont il-ġurisprudenza, l-ilment dwar in-nuqqas li tingħata informazzjoni ma jistax ikollu suċċess billi fil-jum meta ppreżentat dan ir-rikors, jiġifieri fis-6 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti kienet taf bil-motivazzjoni li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta l-illegalità allegata ma kellhiex influwenza fuq id-deċiżjoni kkontestata, wara li jitqies li, fir-rigward tal-kriterji ta’ għoti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien ikkunsidra b’mod ċar li l-offerta tal-offerent magħżul kienet ferm aħjar minn dik tar-rikorrenti.

99      Barra minn hekk, il-BEI talab li t-tieni motiv jiġi miċħud. Huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata fiha motivazzjoni suffiċjenti fid-dritt u li kien segwa proċedura li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Gwida u tal-ġurisprudenza applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti. Skont il-ġurisprudenza u l-punt 2.5.2 tal-Gwida, ir-rikorrenti kienet irċeviet, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Awwissu 2008, spjegazzjoni motivata dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll isem l-offerent magħżul b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet motivata b’mod suffiċjenti sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ ssostni d-drittijiet tagħha u l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ. Jirriżulta b’mod ċar minn dik l-ittra li, għal kull kriterju ta’ għoti bl-eċċezzjoni tal-kriterju finanzjarju, l-offerta tal-offerent magħżul kienet irċeviet marka darbtejn iktar għolja minn dik tar-rikorrenti. Anki kieku r-rikorrenti kienet irċeviet marka aħjar minn dik tal-offerent magħżul għal dak li jirrigwarda l-kriterju finanzjarju, dak ma kienx ikun determinanti peress li l-piż relattiv ta’ dan l-aħħar kriterju kien ta’ 25 % tal-punti tal-marka globali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

100    Meta amministrazzjoni Komunitarja tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li tagħti motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjonijiet tagħha. Huwa biss hekk li l-qorti tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Marzu 2002, Le Canne vs Il‑Kummissjoni, T‑241/00, Ġabra p. II‑1251, punti 53). Issa minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-elementi li jridu jiġu kkunsidrati sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt f’sejħa għal offerti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il-Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punt 33, u tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑148/04, Ġabra p. II‑2627, punt 47; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Novembru 1978, Agence européenne d’intérims vs Il‑Kummissjoni, 56/77, Ġabra p. 2215, punt 20)

101    L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-punt 2.5.2 tal-Gwida, fejn il-BEI ma kienx informaha, fl-iqsar żmien possibbli, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

102    Jirriżulta mill-punt 2.5.2 tal-Gwida, dwar il-“kuntatti bejn il-[BEI] u l-kandidati u l-offerenti” li “l-[BEI] għandu jinforma fl-inqas żmien possibbli lill-partijiet kollha kkonċernati bid-deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

103    Il-BEI rrikonoxxa, quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fl-ittra tiegħu lir-rikorrenti tal-14 ta’ Awwissu 2008 li “r-rikorrenti ma kinitx irċeviet l-ittra uffiċjali f’ħin xieraq biex tinfurmaha bl-eżitu tal-proċedura tas-sejħa għal offerti”, u spjega li “wara riċerka ddettaljata wara l-ilment tar-rikorrenti, sab li n-nuqqas tiegħu kien dovut għal żball amministrattiv”. Barra minn hekk, il-BEI ammetta li l-offerenti kollha “bl-eċċezzjoni sfortunata tar-rikorrenti” kienu ġew informati bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’ittra tat-18 ta’ Frar 2008. Ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti ma kinitx taf bl-eżistenza tad-deċiżjoni kkontestata ħlief bil-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ għoti fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali, fis-26 ta’ Lulju 2008, jiġifieri iktar minn xahar wara l-firma tal-ftehim qafas fit-12 u fis-17 ta’ Ġunju 2008 u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Ġunju 2008.

104    F’dan il-każ, għalhekk, il-BEI kiser id-dispożizzjonijiet tal-punt 2.5.2 tal-Gwida billi ma informax lir-rikorrenti, kemm jista’ jkun malajr, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

105    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-punt 2.5.2 tal-Gwida u tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju li rriżulta għaliex il-BEI ma pprovdilhiex il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll isem l-offerent magħżul, fi 15-il ġurnata wara li rċieva t-talba bil-miktub tagħha jew mhux iżjed tard minn meta ppreżentat ir-rikors tagħha.

106    Il-punt 2.5.2 tal-Gwida jgħid b’mod partikolari li “fuq talba tal-parti kkonċernata, il-BEI għandu jinforma, fi 15-il ġurnata wara li jirċievi talba bil-miktub: […] lil kull offerent li jkun għamel offerta ammissibbli, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul jew il-partijiet fil-ftehim qafas […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

107    Dan il-mod ta’ kif wieħed jipproċedi huwa konformi mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni li hemm fl-Artikolu 253 KE li jgħid li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha tkun ta’ natura li tippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità u għall-persuna kkonċernata li tkun taf bir-raġunijiet għall-miżura meħuda sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha u tivverifika jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T‑44/90, Ġabra p. II‑1, punt  42, u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-8 ta’ Mejju 1996, Adia Interim vs Il-Kummissjoni, T‑19/95, Ġabra p. II‑321, punt 32, u tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑250/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 68 u 69). Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, il-fatt li l-offerenti kkonċernati ma jirċevux deċiżjoni motivata ħlief wara talba speċifika min-naħa tagħhom ma jnaqqas xejn mill-possibbiltà li għandhom li jsostnu d-drittijiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, it-terminu previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE jibda jiddekorri biss mill-mument tan-notifika tad-deċiżjoni motivata, bil-kundizzjoni li l-offerent ikun ressaq it-talba tiegħu li jikseb deċiżjoni motivata f’ħin xieraq wara li jsir jaf biċ-ċaħda tal-offerta tiegħu (ara s-sentenza Adia Interim vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Minħabba l-fatt li l-awtorità kontraenti għandha diskrezzjoni wiesgħa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, hija obbligata li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti lill-offerenti li ma ntgħażlux li jagħmlu talba għaliha, li jfisser li għandha tieħu ħsieb b’mod partikolari biex tiżgura li l-motivi li tikkommunika jirriflettu l-elementi kollha li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 134).

109    L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi kkunsidrata skont l-informazzjoni li jkollha r-rikorrenti fil-mument li tippreżenta r-rikors tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T‑183/00, Ġabra p. II‑135, punt 58, u Renco vs Il-Kunsill, T‑4/01, Ġabra p. II‑171, punt 96). Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni ma tistax tkun espressa għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, Ġabra p. II‑1403, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Ma huwiex ikkontestat li, b’ittra tal-31 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti ressqet talba biex tkun taf il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll isem l-offerent magħżul. Il-BEI jsostni li rrisponda għal din it-talba bl-ittra tiegħu tal-1 ta’ Awwissu 2008. Wara dik l-ittra, ir-rikorrenti għal darba oħra talbet, b’ittra tal-1 ta’ Awwissu 2008, kjarifiki u l-BEI rrispondiha, fl-ittra tiegħu tal-14 ta’ Awwissu 2008, li kien diġà pprovda lir-rikorrenti bit-tweġiba l-iktar kompleta possibbli u stedinha biex tirreferi għad-deċiżjoni ta’ għoti ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Ma jirriżulta la mill-fajl u lanqas mill-argumenti tal-partijiet li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata setgħu ġew ikkomunikati lir-rikorrenti, mill-BEI, b’mezzi oħrajn ħlief dawk imsemmija iktar ’il fuq qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors.

111    Isegwi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mogħtija lir-rikorrenti mill-BEI, qabel ma ppreżentat ir-rikors tagħha u b’risposta għat-talba tagħha tal-31 ta’ Lulju 2008, għandha tinstab fil-kliem tal-ittra tal-BEI tal-1 ta’ Awwissu 2008, fejn il-kuntest tagħha flimkien mal-kumpless ta’ regoli legali jirregolaw is-suġġett ikkonċernat, billi din id-deċiżjoni kienet intbagħtet f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata wara li ġiet irċevuta t-talba tar-rikorrenti.

112    Mill-ittra tal-1 ta’ Awwissu 2008 jirriżulta li l-BEI kienet informat lir-rikorrenti bl-isem tal-offerent magħżul, bil-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti u bit-tqassim tal-punti mogħtija rispettivament lill-offerta tar-rikorrenti u lil dik tal-offerent magħżul wara l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti. F’dik l-ittra ġie indikat li l-offerta tar-rikorrenti kienet irċeviet 22.03 punti (minn 35 punt disponibbli), imqassma kif ġej: 8.75 punti (minn 8.75  punti disponibbli) għall-kriterju finanzjarju, 2.85 punti (minn 5.25 punti disponibbli) għall-kriterju tekniku msejjaħ “Proċess ta’ ġestjoni tal-kwalità”, 7.43 punti (minn 15.75 punti disponibbli) għall-kriterju tekniku bl-isem “Livell ta’ konformità tal-kompetenzi u l-kwalifiki tal-persunal propost” u 3 punti (minn 5.25 punti disponibbli) għall-kriterju tekniku msejjaħ “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji”, filwaqt li l-offerta tal-offerent magħżul kienet irċeviet 29.36 punti (minn 35 punt disponibbli), imqassma kif ġej: 5.29 punti (minn 8.75 punti disponibbli) għall-kriterju finanzjarju, 4.12 punti (minn 5.25 punti disponibbli) għall-kriterju tekniku msejjaħ “Proċess ta’ ġestjoni tal-kwalità”, 15.3 punti (minn 15.75 punti disponibbli) għall-kriterju tekniku msejjaħ “Livell ta’ konformità tal-kompetenzi u l-kwalifiki tal-persunal propost” u 4.12 punti (minn 5.25 punti disponibbli) għall-kriterju tekniku bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji”.

113    L-informazzjoni pprovduta mill-BEI, f’forma ta’ punti mogħtija, ippermettiet lir-rikorrenti li tipparaguna direttament, għal kull kriterju ta’ għoti, il-punti miksuba mill-offerta tagħha ma’ dawk miksuba mill-offerta tal-offerent magħżul, billi l-BEI mhux sempliċiment ikkomunika lir-rikorrenti l-marka globali mogħtija lil kull offerta kkonċernata. B’mod partikolari din l-informazzjoni ppermettiet lir-rikorrenti li tidentifika immedjatament ir-raġunijiet preċiżi għaliex l-offerta tagħha ma kinitx ġiet magħżula, jiġifieri wara l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, il-marka globali miksuba mill-offerta tagħha kienet inqas minn dik miksuba mill-offerta tal-offerent magħżul, filwaqt li anki għalkemm kienet kisbet l-aħjar marka għall-kriterju finanzjarju, dan ma kienx biżżejjed minħabba l-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti adottati mill-BEI, biex tikkontrobbilanċja l-marka miksuba mill-offerta tagħha għal kull wieħed mit-tliet kriterji tekniċi tal-għoti, li kienu inqas minn dawk li kisbet l-offerta tal-offerent magħżul.

114    Fir-rigward ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti fejn ir-rikorrenti għamlet l-orħos offerta, fis-sens li kienet bagħtet l-orħos offerta mill-offerti kollha pparagunati, u għalhekk l-offerta tagħha ma kinitx ġiet miċħuda ħlief għar-raġuni li l-valur tekniku ta’ dik l-offerta kien ġie kkunsidrat inqas tajjeb minn dak tal-offerta tal-offerent magħżul, għandu jiġi kkonstatat li din il-motivazzjoni, filwaqt li tista’ titqies bħala tentattiv ta’ spjegazzjoni, fi kwalunkwe każ ma tistax titqies bħala suffiċjenti fid-dawl tal-ħtieġa li l-motivazzjoni għandha turi, b’mod ċar u mingħajr ekwivoċi, ir-raġunament tal-awtur tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VIP Car Solutions vs Il-Parlament, punt 109 iktar ’il fuq, punti 75 u 76). Fil-fatt, l-ittra tal-1 ta’ Awwissu 2008 ma fihiex informazzjoni dwar ir-raġunijiet li, skont il-BEI, jiġġustifikaw il-marki mogħtija għall-kriterji tekniċi rispettivament lill-offerta tar-rikorrenti u lil dik tal-offerent magħżul. Barra minn hekk, il-marki msemmija li hemm f’din l-ittra ma ngħatawx flimkien ma’ kummenti ġenerali li jagħtu dettalji fuq ir-raġunijiet li wasslu lill-BEI sabiex jagħti vantaġġ ta’ punti lill-offerta tal-offerent magħżul fuq dik tar-rikorrenti, għal kull wieħed mill-kriterji tekniċi, li kien jagħmilha possibbli li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata titqies bħala suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 129, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il-Kummissjoni, T‑437/05, Ġabra p. II‑3233, punt 169).

115    Ċertament, il-BEI spjega, matul il-proċeduri, ir-raġuni li wassluh jadotta d-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, il-fatt li, fir-rigward tal-kriterju tekniku bl-isem “Livell ta’ konformità tal-kompetenzi u l-kwalifiki tal-persunal propost” u l-kriterju tekniku bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji”, “il-problema prinċipali [kienet] l-esperjenza (jew aħjar in-nuqqas ta’ esperjenza) tal-konsulenti tar-rikorrenti fis-settur bankarju/finanzjarju” u li, fir-rigward tal-kriterju tekniku bl-isem “Proċess ta’ ġestjoni tal-kwalità”, l-offerta tal-offerent magħżul “kienet iktar konkreta” minn dik tar-rikorrenti li “kienet tidher li tkopri l-aspetti kollha meħtieġa, imma […] kienet deskritta f’termini ġenerali u kumplessi ħafna”. Madankollu, dan ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-motivazzjoni inizjali tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-BEI ma rrefera għall-ebda ċirkustanza eċċezzjonali li setgħet tiġġustifika n-nuqqas li r-rikorrenti tingħata motivazzjoni suffiċjenti fi ħmistax-il jum minn meta rċeviet it-talba tagħha jew, fi kwalunkwe każ, qabel ma ppreżentat ir-rikors tagħha.

116    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti u li, għalhekk, din tikser id-dispożizzjonijiet tal-punt 2.5.2 tal-Gwida u, b’mod iktar ġenerali, l-obbligu ta’ motivazzjoni li hemm fl-Artikolu 253 KE.

117    Fit-tielet lok, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba.

118    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ dritt għal rimedju effettiv, għandu jitfakkar li l-aċċess għall-qrati huwa wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu komunità tad-dritt u huwa ggarantit fl-ordinament ġuridiku bbażat fuq it-Trattat KE mill-fatt li dan stabbilixxa sistema kompleta ta’ mezzi ta’ rimedju u ta’ proċeduri intiżi sabiex jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-amministrazzjoni Komunitarja (sentenza Les Verts vs Il‑Parlament, punt 30 iktar ’il fuq, punt 23). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u fuq l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kompetenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18, u tad-9 ta’ Frar 2006, Sfakianakis, C‑23/04 sa C‑25/04, Ġabra p. I‑1265, punt 28; sentenza Philip Morris International vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 121). Fl-aħħar nett, id-dritt għal rimedju effettiv għall-persuni kollha li d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom iggarantiti mid-dritt Komunitarju nkisru, ġie ddikjarat ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta.

119    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti, min jagħmel l-offerti għandu jiġi protett kontra deċiżjonijiet arbitrarji mill-awtorità kontraenti billi jiġi żgurat li deċiżjonijiet illegali li tieħu dik l-awtorità jistgħu jiġu mistħarrġa effettivament u kemm jista’ jkun malajr (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑455/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).

120    Għalhekk protezzjoni ġuridika sħiħa kontra d-deċiżjonijiet arbitrarji min-naħa tal-awtorità kontraenti tippresupponi, l-ewwel nett, l-obbligu li jiġu informati l-offerenti kollha bid-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, sabiex dawn ikollhom possibbiltà reali li jippreżentaw rikors għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa.

121    Imbagħad, din il-protezzjoni ġuridika sħiħa teħtieġ li tkun teżisti l-possibbiltà għall-offerent mhux magħżul li jeżamina f’ħin xieraq il-kwistjoni tal-validità tad-deċiżjoni ta’ għoti, li tippresupponi li għandu jkun hemm terminu raġonevoli bejn il-mument meta d-deċiżjoni ta’ għoti tiġi kkomunikata lill-offerenti mhux magħżula u l-firma tal-kuntratt sabiex, b’mod partikolari, dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jippreżentaw talba għal miżuri provviżorji skont id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikoli 242 KE u 243 KE kif ukoll tal-Artikolu 225(1) KE, intiża biex l-Imħallef għal miżuri provviżorji jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-qorti li teżamina l-mertu tiddeċiedi fuq ir-rikors ewlieni tagħhom għal annullament ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑212/02, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 21 u 23, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 119 iktar ’il fuq, punti 27 u 28, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, id-dritt għal protezzjoni ġuridika kompleta u effettiva jimplika li tista’ tiġi żgurata l-protezzjoni provviżorja tas-suġġetti tad-dritt, jekk din hija meħtieġa biex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li tingħata fil-kawża prinċipali, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika mogħtija fil-qrati kompetenti (ara d-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑399/95 R, Ġabra p. I‑2441, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00 R, Ġabra p. I‑1461, punt 111, u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Fl-aħħar nett, biex il-ħtieġa ta’ protezzjoni ġuridika effettiva tiġi ppreservata jeħtieġ li l-awtorità kontraenti tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha (ara l-punt 108 iktar ’il fuq) billi tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti lil kull offerent mhux magħżul li jressaq talba sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ juża dan id-dritt fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiġi rrikonoxxuta fil-konfront tiegħu l-fakultà li jiddeċiedi, f’għarfien sħiħ, jekk huwiex utli għalih li jressaq kawża quddiem il-qorti kompetenti. Fil-fatt, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija forma sostanzjali intiża, b’mod partikolari, biex tiggarantixxi d-dritt tal-persuna, li l-att ikun ippreġudika, li jkollha rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili, 36/75, Ġabra p. 1219, punt 37 sa 39, u tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punti 15 u 16).

123    F’dan il-każ, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma ssodisfatx dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ġiet innotifikata lir-rikorrenti, li saret taf biha biss wara li din kienet, bħala prinċipju, eżawriet l-effetti tagħha bil-firma u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim qafas. Filwaqt li l-BEI sostna, matul is-seduta, li r-rikorrenti kienet għadha f’pożizzjoni li tressaq talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata wara l-firma tal-ftehim qafas, huwa baqa’ ma rrispondiex l-argumenti tar-rikorrenti, imressqa wkoll matul is-seduta, fis-sens li talba bħal dik ma setgħetx tkun ta’ effett prattiku iktar wara li l-ftehim qafas kien ġie ffirmat u beda jiġi implementat. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-BEI nnifsu rrikonoxxa li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-firma u l-implementazzjoni sussegwenti tal-ftehim qafas, tipprekludih milli jkun jista’ jeżegwixxi b’mod sħiħ kwalunkwe annullament tad-deċiżjoni kkontestata, partikolarment bil-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti (ara l-punt 116 iktar ’il fuq). Għalhekk, f’dan il-każ, il-possibbiltà għar-rikorrenti li tressaq tali talba ta’ sospensjoni, qabel l-istess firma u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim qafas, kienet meħtieġa sabiex tagħti natura effettiva għar-rikors prinċipali, intiż għall-istħarriġ tal-imparzjalità tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u għall-preservazzjoni tal-opportunitajiet tagħha li tikkonkludi l-kuntratt mal-BEI fit-tmiem ta’ dik il-proċedura. Min-naħa l-oħra, kif ingħad diġà (ara l-punt 116 iktar ’il fuq), il-BEI ma pprovdiex lir-rikorrenti motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata qabel il-preżentazzjoni tar-rikors prinċipali tagħha, biex, b’mod partikolari, tiġi annullata din id-deċiżjoni.

124    Isegwi li l-BEI, f’dan il-każ, kiser id-dritt tar-rikorrenti li jkollha rimedju effettiv.

125    Issa, fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, l-awtorità kontraenti hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, li huwa sempliċiment espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punti 46 u 48, u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità kontraenti hija obbligata, f’kull stadju ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, li tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti (sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 89 iktar ’il fuq, punt 108 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 85) u, għaldaqstant, għall-osservanza ta’ opportunitajiet indaqs għall-offerenti kollha (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 45). Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba nazzjonalità jfissru wkoll obbligu ta’ trasparenza, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit, favur kull offerent potenzjali, grad ta’ pubbliċità adegwata li tippermetti ftuħ tas-suq pubbliku lill-kompetizzjoni kif ukoll il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, Ġabra p. I‑10745, punt 62, u Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

126    F’dan il-każ ma huwiex ikkontestat li l-BEI kien ikkomunika immedjatament id-deċiżjoni kkontestata lill-offerenti l-oħrajn mhux magħżula, u dan qabel sew il-firma tal-ftehim qafas biex b’hekk dawn tal-aħħar ingħataw il-possibbiltà, li ġiet imċaħħda illegalment lir-rikorrenti (ara l-punt 123 iktar ’il fuq), li jressqu quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sal-firma tal-ftehim qafas biex tiġi ppreservata n-natura effettiva ta’ rikors prinċipali intiż għall-istħarriġ tal-imparzjalità tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

127    Isegwi li l-BEI, f’dan il-każ, kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza meta ppreġudika d-dritt tar-rikorrenti għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni kkontestata filwaqt li l-offerenti l-oħrajn mhux magħżula bbenefikaw minn dan id-dritt.

128    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jirriżulta mill-ġurisprudenza li dan il-prinċipju jista’ jikkostitwixxi regola tad-dritt li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi meta jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ drittijiet speċifiċi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Novembru 2008, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑128/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 127)

129    Billi mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-BEI ppreġudika d-drittijiet protetti tar-rikorrenti meta ma informahiex, fl-inqas żmien possibbli, bid-deċiżjoni kkontestata u meta ma informahiex, fi żmiem ħmistax-il ġurnata mill-irċevuta tat-talba tagħha u qabel il-preżentazzjoni tar-rikors tagħha, b’motivazzjoni suffiċjenti ta’ din l-aħħar deċiżjoni, dan xorta waħda kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta ppreġudika d-dritt tar-rikorrenti għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni kkontestata.

130    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala sostanzjali l-forom proċedurali kkonċepiti sabiex il-miżuri jkollhom il-garanziji kollha ta’ attenzjoni dovuta u prudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Marzu 1955, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs L-Awtorità Għolja, 6/54, Ġabra p. 201, 220). Fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, id-dritt ta’ offerent mhux magħżul għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt pubbliku lil offerent ieħor kif ukoll l-obbligu korrelattiv li għandha l-awtorità kontraenti li tinformah, wara talba, bil-motivi tad-deċiżjoni tagħha għandhom jiġu kkunsidrati bħala forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, sa fejn dawn jiżguraw il-formulazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ garanziji li jippermettu l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv fuq l-imparzjalità tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti li waslet għal din id-deċiżjoni.

131    Skont il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ osservanza mill-BEI tal-forom proċedurali sostanzjali ta’ deċiżjoni kkontestata għandu jwassal għall-annullament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 1995, Il‑Parlament vs Il-Kunsill, C‑65/93, Ġabra p. I‑643, punt 21).

132    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jiġu milqugħa l-ewwel u t-tieni motiv tar-rikors.

 Fuq it-tielet u r-raba’ motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

133    Bit-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fl-użu ta’ kriterju ta’ għoti bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji”, il-BEI kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu tal-għażla ta’ kriterji ta’ għoti li jippermettu evalwazzjoni komparattiva oġġettiva tal-offerti. Dan il-kriterju ta’ għoti allegatament ipprekluda lill-offerenti milli jeżerċitaw id-dritt leġittimu tagħhom li jirrikorru għas-subkuntratturi. Barra minn hekk, dan il-kriterju kien ġie allegatament ifformulat b’mod impreċiż wisq biex jippermetti lill-offerenti li jkunu jafu l-aqwa kapaċità li setgħu joffru biex jiksbu l-ogħla marka. Fil-lista “Mistoqsijiet u tweġibiet”, il-mistoqsija dwar il-livell massimu ta’ “kapaċità biex jiġi pprovdut tim” u t-tweġiba tal-BEI għal din il-mistoqsija, skont liema huwa “ma kienx iddetermina l-aħjar numru”, juru li l-offerenti ma setgħux ikunu jafu u ma kinux jafu x’kellhom jew x’setgħu jagħmlu biex jissottomettu l-aħjar offerta fir-rigward ta’ dan il-kriterju, u li dan l-“aħjar numru” kien ġie ddeterminat mill-kumitat ta’ evalwazzjoni fl-istadju tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti. Proċess bħal dan seta’ kellu l-effett li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fost il-kompetituri b’benefiċċju tal-offerent magħżul, jiġifieri l-kuntrattur tal-post, li kellu l-għodod informatiċi speċifiċi użati mill-BEI, jew tal-offerenti li kellhom il-kapaċitajiet suffiċjenti biex ma jirrikorrux għal tim ta’ esperti esterni li jintużaw fil-każ tal-għoti tal-kuntratt. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-BEI, l-għodod informatiċi speċifiċi miżmuma mill-offerent magħżul ma humiex partikolarment komuni, billi s-sehem tagħhom fis-suq huwa biss ta’ 3 % u pjuttost qed jonqos. Barra min hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha diversi esperti li jaqdu l-bżonnijiet tal-BEI tant li dan stess irrikonoxxieh u kif turi tabella mdaħħla mar-replika. Hija xorta tistieden lill-BEI biex jiżvela l-curriculum vitae anonimi tal-persunal mibgħuta mill-offerent magħżul biex ikunu jistgħu jiġu pparagunati l-kwalifiki tagħhom ma’ dawk tal-esperti tagħha.

134    Il-BEI jitlob iċ-ċaħda tat-tielet motiv. Il-punti 6.4 u 6.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt stipulaw b’mod ċar li s-subkuntrattur u l-offerenti fi gruppi kienu awtorizzati, li kien jinkludi l-użu ta’ esperti indipendenti. Dan kien ġie kkonfermat ukoll fil-lista ta’ “Mistoqsijiet u tweġibiet”, fejn kien ġie ppreċiżat li r-riżorsi tas-subkuntratturi kienu ġew assimilati mar-riżorsi proprji tal-offerent ikkonċernat għall-finijiet tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. L-unika kundizzjoni magħmula fil-punt 1.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienet li l-offerenti jagħtu prova tar-rieda tagħhom li jingaġġaw tim li jkollu l-kompetenzi xierqa. Barra minn hekk, l-offerent magħżul ma kienx l-uniku li seta’ jissodisfa l-kriterju tekniku bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji” billi jirrikorri għall-“persunal tiegħu” stess, peress li ma kienx proprjetarju tal-għodod informatiċi kollha fil-kuntest tal-applikazzjoni informatika inkwistjoni. Il-lingwa ta’ programmar ta’ din l-applikazzjoni, jiġifieri l-lingwa “Java”, kif ukoll l-għodod żviluppati mill-offerent magħżul, fosthom is-software “Sybase server suite” u s-sistema ta’ ġestjoni tad-database, huma magħrufa fis-suq u diversi persuni huma kompetenti f’dan ir-rigward. Dan jidher mill-curriculum vitae pprovduti mir-rikorrenti, partikolarment minn curriculum vitae li juri esperjenza fir-rigward tas-software “Sybase server suite” kollu kif ukoll ta’ għarfien fil-fond tal-lingwa “Java”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkontradixxiet lilha nnifisha fl-argumenti tagħha jew permezz tad-dokumenti li pproduċiet.

135    Bir-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkunsidra li bl-użu tal-kriterju ta’ għoti bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji” il-BEI kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu li juża biss, għall-finijiet tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti matul il-fażi ta’ għoti tal-kuntratt, kriterji li ma jirrigwardawx il-fażi tal-għażla tal-offerenti. Dan il-kriterju, kif irrikonoxxa l-BEI fil-punt 89 tar-risposta, ma kienx ikollu għan ieħor ħlief il-verifika tal-“kapaċità tal-ħaddiema tal-offerenti” permezz tal-eżami tal-curriculum vitae tagħhom u kien intuża sew ħafna matul l-istadju tal-għażla tal-offerenti. Għalhekk ma setax jintuża matul l-istadju tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti u tal-għoti tal-kuntratt, skont ir-regola li l-proċedura ta’ għażla tal-offerenti u l-proċeduri tal-għoti għandhom ikunu separati sew. Barra minn hekk, il-BEI kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi, bl-applikazzjoni ta’ dak il-kriterju darbtejn, iffavorixxa l-offerent magħżul li kien fl-aħjar pożizzjoni biex “jipprovdi tim” billi kien ukoll il-kuntrattur tal-post li kellu għodod tal-informatika speċifiċi użati mill-BEI u billi kellu potenzjalment iktar esperti disponibbli.

136    Il-BEI jitlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud. Huwa jfakkar id-diskrezzjoni wiesgħa ħafna li jgawdi fl-istadju tal-għażla tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt. Il-kriterji tal-għażla tal-offerenti, li dawn tal-aħħar għandhom ikollhom tal-inqas ħmistax-il impjegat li ilhom jaħdmu għalihom mill-inqas sentejn fid-dipartiment tal-informatika tagħhom kif ukoll tliet referenzi verifikabbli, ma għandhomx jitħalltu mal-kriterju ta’ għoti msejjaħ “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji”, billi dawn il-kriterji jikkorrispondu għal punti separati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Il-kriterju msemmi fil-punt 6.2.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, skont il-punt 2.5.1.1 tal-Gwida, bħala kriterju ta’ għażla tal-offerenti, kien intiż biex jiġi vverifikat li dawn tal-aħħar jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi meħtieġa għall-persunal u l-kapaċità tas-servizz informatiku tagħhom, filwaqt li l-kriterju msemmi fil-punt 7.1.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, skont il-punt 2.5.1.2 tal-Gwida, bħala kriterju tal-għoti tal-kuntratt, kien intiż għall-evalwazzjoni tal-kompetenzi u l-esperjenza rilevanti tal-impjegati proposti mill-offerenti fid-dawl tal-curriculum vitae tagħhom u t-tabelli ta’ kompetenzi trażmessi kif ukoll il-kapaċità tal-offerenti li jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-kuntratt pubbliku. Il-BEI jsostni wkoll li r-rikorrenti qiegħda f’mala fede meta tallega li rrikonoxxiet li l-atti tagħha kienu jmorru kontra d-dritt applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti.

–       Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali

137    Bl-istess mod li l-BEI għandu diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati biex tiġi adottata deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku wara sejħa għal offerti, huwa jgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa għad-determinazzjoni ta’ kemm il-kontenut kif ukoll l-implementazzjoni tar-regoli applikabbli għall-għoti, għalih innifsu, ta’ kuntratt pubbliku għal sejħa ta’ offerti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Frar 2006, TEA-CEGOS et vs Il-Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, Ġabra p. II‑205, punti 50 u 51). Il-fakultà mogħtija lill-BEI li jagħżel liberament il-kriterji ta’ għoti li fuq il-bażi tagħhom huwa biħsiebu jagħti l-kuntratti pubbliċi, għalih innifsu, jippermettilu li jieħu inkunsiderazzjoni n-natura, l-għan u l-ispeċifiċitajiet proprji ta’ kull kuntratt.

138    Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Gwida. Fil-punt 2.5 ta’ din tal-aħħar, jissemmew ir-regoli applikabbli għat-“tħaddim tal-proċedura”. B’mod partikolari, il-punt 2.5.1 jirrigwarda l-“verifika tal-ħila u tal-għażla tal-parteċipanti” kif ukoll tal-“għoti ta’ kuntratti”. B’mod partikolari jirriżulta minn dan l-aħħar punt li “l-għoti ta’ kuntratti tal-BEI huwa bbażat fuq kriterji ta’ għażla u ta’ għoti ddikjarati fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, wara l-verifika tal-eliġibbiltà tal-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fil-proċedura” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

139    Skont il-punt 2.5.1.1, dwar il-“kriterji ta’ għażla”, “l-għan ta’ dawn il-kriterji huwa li jiġi ddeterminat jekk operatur huwiex f’sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja u għandux il-kapaċitajiet tekniċi u professjonali meħtieġa biex jeżegwixxi l-kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hemm stabbilit ukoll li “l-BEI jistabbilixxi kriterji skont l-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2004/18 filwaqt li jiġu kkunsidrati, jekk ikun il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 49 u 50” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hemm ippreċiżat ukoll li “l-BEI jista’ jistabbilixxi livelli minimi ta’ kapaċità li taħthom l-offerenti jew il-kandidati jiġu eslużi mill-proċedura” u li “dawn il-limiti huma speċifikati fl-avviż ta’ kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

140    Il-punt 2.5.1.2 tal-Gwida dwar il-“[k]riterji ta’ għoti tal-kuntratt”, jistabbilixxi dan li ġej :

“L-għan tal-kriterji ta’ għoti huwa sabiex tista’ ssir għażla fost l-offerenti li ma ġewx esklużi [skont il-proċedura ta’ għażla] u li, barra minn hekk, jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla ddikjarati fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

Il-kriterji li fuqhom [il-BEI għandu jibbaża] l-għoti tal-kuntratti għandhom ikunu:

a)      […] meta l-għoti jsir lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (l-aħjar relazzjoni kwalità/prezz) minn kif jaraha l-[BEI], diversi kriterji marbuta mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, pereżempju kwalità, prezz, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, karatteristiċi ambjentali, spejjeż tal-użu, l-effiċjenza kif isiru l-ispejjeż, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, id-data tal-kunsinna u l-perijodu tal-kunsinna jew il-perijodu tat-tlestija;

[…]

Fil-każ imsemmi f’(a) iktar ’il fuq, il-[BEI] għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv, fid-dokument deskrittiv il-piż relattiv li jagħti lil kull kriterju magħżul biex tiġi ddeterminata dik l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

141    Id-dispożizzjonijiet tal-Gwida msemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-fakultà mogħtija lill-BEI fl-għażla tal-kriterji ta’ għoti tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza fl-istadju ta’ evalwazzjoni tal-offerti fl-għoti tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes, 31/87, Ġabra p. 4635, punti 21 u 22, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, Ġabra p. I‑11617, punti 90 sa 92). L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa, fil-fatt, sabiex l-offerenti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti jkunu jistgħu jinterpretaw il-kriterji ta’ għoti bl-istess mod u, għaldaqstant, ikollhom opportunità ugwali fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerta tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra p. I‑7725, punt 42).

142    Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet, peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel dik l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi li toħloq ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza Antwerpse Bouwwerken vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 57). Filwaqt li l-punt 2.5.1.2 tal-Gwida ma jipprovdix lista eżawrjenti tal-kriterji li jistgħu jingħażlu mill-awtorità kontraenti meta jingħata l-kuntratt lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, u l-awtorità kontraenti tkun tista’ tagħżel il-kriterji ta’ għażla li tikkunsidra l-iktar xierqa, dik l-għażla hija limitata għal kriterji intiżi biex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f’dan s-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C‑532/06, Ġabra p. I‑251, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi Renco vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 66, u Strabag Benelux vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punti 73 u 74). Għaldaqstant, huma esklużi, bħala kriterji ta’ għoti, kriterji li ma humiex intiżi biex jidentifikaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, imma li huma essenzjalment marbuta mal-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-offerenti li jeżegwixxu l-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Beentjes, punt 141 iktar ’il fuq, punti 15 sa 19; tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT, C‑315/01, Ġabra p. I‑6379, punti 59 sa 67, u Lianakis et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 sa 32). Il-kwalità tal-offerti għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-offerti stess u mhux fuq l-esperjenza akkwistata mill-offerenti flimkien mal-awtorità kontraenti f’kuntratti preċedenti jew fuq il-bażi ta’ kriterji, bħall-kapaċità teknika tal-kandidati, li jkunu diġà ġew ivverifikati fil-fażi tal-għażla tal-kandidaturi u li ma jistgħux jerġgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti (sentenza Beentjes, punt 141 iktar ’il fuq, punt 15, u s-sentenza TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 86)

143    Bit-tielet u r-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-kriterju ta’ għoti bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji” kien impreċiż, diskriminatorju u sproporzjonat għall-għan intiż, li kien li tiġi identifikata offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, b’mod li l-għażla ta’ dan il-kriterju ta’ għoti ma kienx konsistenti mal-obbligi li għandu l-BEI skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, kif stabbilit fil-punt 2.5.1.2 tal-Gwida.

144    F’dan ir-rigward, għadu jiġi rrilevat li l-kriterju ta’ għoti bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji” kien ġie ddikjarat fil-punt 7.1.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-“[k]riterji tekniċi” li ppreċiżaw ukoll li “[i]l-kapaċità tal-offerent li jipprovdi tim li għandu l-kompetenzi meħtieġa jiġi evalwat fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fit-tabella tal-profili tal-persunal u tal-curriculum vitae” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mil-lista ta’ “Mistoqsijiet u tweġibiet” jirriżulta li, permezz ta’ dan il-kriterju tekniku, il-“[BEI] jixtieq jiżgura li l-offerent magħżul ma jkollux biss persunal kompetenti u bl-esperjenza numeruż biżżejjed biex jikkostitwixxi tim prinċipali, imma li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu riżerva ta’ riżorsi adegwati f’termini ta’ kompetenza u ta’ esperjenza, biex jissodisfa l-bżonnijiet supplimentari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, il-BEI indika li din tkun “tabella tal-profili tal-persunal li tipprovdi indikazzjoni tal-estent u l-portata tal-kompetenza u tal-esperjenza għad-dispożizzjoni tal-offerent li l-BEI jista’ juża”. Dan huwa konformi mal-kontenut tal-punt 4.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fejn l-offerenti għandhom jiddeskrivu l-persunal propost fit-tabella tal-profili tal-persunal li jidhru fl-anness mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fejn il-proposta tagħhom f’dan ir-rigward tiġi evalwata fuq il-bażi tal-esperjenza u tan-numru ta’ persuni li jkollhom kompetenzi adegwati. Barra minn hekk, il-BEI jindika li huwa “eżamina t-tabella tal-profili tal-persunal […] biex jevalwa jekk l-offerent jidhirx li għandu persunal li jħaddan kompetenzi adegwati f’numru suffiċjenti u b’esperjenza biżżejjed biex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu” u li “din l-evalwazzjoni tapplika għal żewġ kriterji tekniċi […]: il-livell ta’ konformità tal-kompetenzi u kwalifiki tal-persunal propost u l-kapaċità li jipprovdi tim li jiġi mir-riżorsi proprji tiegħu”. Barra minn hekk, il-BEI indika wkoll li ma kienx “iddefinixxa l-aħjar numru” għal dak li jikkonċerna t-tagħmir li jiġi pprovdut u, b’mod partikolari, it-tim magħżul mir-riżorsi proprji li jiġi pprovdut biex jissodisfa l-bżonnijiet supplimentari tal-awtorità kontraenti. F-aħħar nett, il-BEI ppreċiża li “t-termini ‘riżorsi proprji’ jfissru l-persunal attwalment impjegat mill-offerent […] jew is-subkuntratturi ddikjarati”.

145    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma għandhiex raġun tippretendi li l-kriterju ta’ għoti bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim mir-riżorsi proprji” kien diskriminatorju billi kien jipprekludiha milli tirrikorri għal subkuntratturi biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet kollha li semma’ l-BEI. Fil-fatt mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll mil-lista “Mistoqsijiet u tweġibiet” jirriżulta li l-użu ta’ subkuntratturi kien permess, bil-kundizzjoni li dawn jiġu identifikati b’mod ċar, bħala tali, fl-offerti u li l-offerenti kienu ġew debitament innotifikati li subkuntratturi identifikati b’mod ċar kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dak il-kriterju ta’ għoti.

146    Sussegwentement, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun li tippretendi li l-kriterju ta’ għoti bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji” kien ġie użat fl-istadju tal-fażi ta’ għażla tal-offerenti. Fil-fatt, jirriżulta mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li, skont il-kriterji stabbiliti fil-punt 6.2.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-offerenti kienu meħtieġa li jipproduċu biss “tliet referenzi rilevanti u verifikabbli ta’ xogħlijiet magħmula fl-aħħar sentejn fil-qasam kopert minn din is-sejħa għal offerti” kif ukoll “dikjarazzjoni ffirmata li tipprova li l-offerenti kellhom mill-inqas 15-il impjegat fil-qasam tal-informatika (mhux persunal ta’ appoġġ amministrattiv) li ilhom jaħdmu għalihom mill-inqas għal sentejn”. Dan l-aħħar kriterju ta’ għażla, li jirrigwarda numru minimu ta’ persuni li a priori, għandhom esperjenza u kompetenza fil-qasam kopert mill-kuntratt, kien differenti mill-kriterju ta’ għoti inkwistjoni, li jirrigwarda l-kapaċità tal-offerent li juża persunal bl-esperjenza u kompetenti, f’numru suffiċjenti, biex jirrispondi għall-bżonnijiet supplimentari tal-awtorità kontraenti.

147    Fir-rigward tal-għażla stess tal-kriterju ta’ għoti msemmi “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji” għandu jingħad, fl-aħħar nett, li la l-punt 2.5.1.2 tal-Gwida u lanqas il-prinċipji ġenerali tad-dritt ma jistgħu jiġu interpretati fis-sens li kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti magħżul mill-BEI biex jidentifika l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament għandu neċessarjament ikun ta’ natura kwantitattiva jew orjentat esklużivament għall-prezz (ara, b’analoġija, is-sentenza Renco vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punti 67 u 68). Fil-fatt, diversi fatturi li ma humiex ta’ natura purament kwantitattiva, bħall-kwalità tal-persunal impjegat jew, b’mod iktar ġenerali, il-valur tekniku tal-offerta, jistgħu jinfluwenzaw il-kwalità tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi u, għaldaqstant, il-valur ekonomiku tal-offerta ta’ offerent għal kuntratt tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Beentjes, punt 141 iktar ’il fuq, punt 18, u tas-16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitschutz, C‑27/98, Ġabra p. I‑5697, punt 30).

148    Madankollu, mid-dokumenti ta’ sejħa għal offerti, imsemmija fil-punt 144 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-kriterju ta’ għoti msemmi “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji” jirreferi b’mod partikolari għall-kapaċità tal-persunal impjegat mill-offerent u mis-subkuntratturi tiegħu identifikati, kif deskritt fit-tabella ta’ profili tal-persunal, li tissodisfa, f’termini ta’ esperjenza, ta’ kwalifiki u ta’ numru, il-bżonnijiet supplimentari li jkollha l-awtorità kontraenti. Dan huwa għalhekk kriterju li jikkonċerna, għall-inqas parzjalment, l-abbiltà tal-offerenti li jeżegwixxu l-kuntratt kollu kemm hu, inklużi l-provvisti ta’ servizzi supplimentari. Għaldaqstant, kriterju bħal dan ma għandux in-natura ta’ “kriterju ta’ għoti” fis-sens tal-punt 2.5.1.2 tal-Gwida, li jirreferi biss għall-kwalità tal-provvisti ta’ servizzi supplimentari li jistgħu jingħataw minn kull offerent fid-dawl tar-riżorsi proprji tiegħu u, għalhekk, għall-vantaġġ ekonomiku relattiv ta’ kull waħda mill-offerti li tikkonċerna dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Lianakis et, punt 142 iktar ’il fuq, punt 31; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2008, AWWW vs FEACVT, T‑211/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 60, u tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑465/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 65).

149    Barra minn hekk, il-kriterju ta’ għoti bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji” kellu, b’mod partikolari, jippermetti li jiġi evalwat jekk l-offerent kellux persunal li kellu kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa “f’numru suffiċjenti” biex jirrispondi għat-talbiet ta’ servizzi supplimentari tal-BEI billi dan ġie fformulat b’mod vag u impreċiż, għaliex, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 4.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, “l-aħjar numru” ma kienx ġie definit minn qabel għal dak li jirrigwarda dan il-persunal u li l-BEI ma kienx ta, f’dan ir-rigward, indikazzjonijiet kwantitattivi preċiżi lill-offerenti. Ċertament, il-punt 1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dwar id-“deskrizzjoni tal-qasam” kopert mill-kuntratt, kien jindika li sitt persuni esterni għall-persunal tal-BEI ġew impjegati fuq attivitajiet ta’ proġett li jikkonċerna l-applikazzjoni informatika inkwistjoni u li dak iż-żmien kien hemm madwar tużżana proġetti għaddejjin. Intqal ukoll li għas-snin li ġejjin, il-volum tax-xogħol ta’ proġetti, b’mod partikolari, kellu jonqos, u għalhekk iċ-ċifri msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kellhom jiġu kkunsidrati bħala massimu għall-offerenti potenzjali. Madankollu ġie ppreċiżat minnufih li ma kienx eskluż li mandati ta’ self ġodda jew operazzjonijiet speċifiċi approvati mill-BEI setgħu jwasslu għal l-ogħla punti ta’ attività ġodda fir-rigward ta’ proġetti.

150    Billi l-offerent magħżul kien anki l-fornitur tas-servizzi tal-post responsabbli għall-iżvilupp, għall-manutenzjoni, għas-sostenn u għall-attivitajiet ta’ proġetti dwar l-applikazzjoni informatika inkwistjoni, kien ukoll fl-aħjar pożizzjoni, minħabba l-esperjenza tiegħu, li jevalwa x’inhuma l-bżonnijiet reali tal-BEI f’termini ta’ kapaċità biex jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji biex jirrispondi għat-talbiet ta’ provvista ta’ servizzi supplimentari li jistgħu jintalbu mill-BEI fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Minn dan jirriżulta li n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kriterju ta’ għoti bl-isem “Kapaċità li jiġi pprovdut tim ta’ persunal mir-riżorsi proprji” seta’, fil-prattika, iwassal biex jiġi ffavorit l-offerent tal-post b’detriment għall-offerenti l-oħrajn u, partikolarment, tar-rikorrenti u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li bis-saħħa tiegħu l-offerenti għandhom ikollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerta tagħhom.

151    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-punt 2.5.1.2 tal-Gwida, li jimplementa dawn il-prinċipji, jipprekludu li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-BEI jikkunsidra l-kapaċità tal-offerenti li jipprovdu s-servizzi kollha antiċipati fil-kuntest tal-kuntratt, mhux skont il-“kriterju ta’ għażla” tal-offerenti, imma skont “il-kriterju ta’ għoti” tal-kuntratt, u li jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq kriterju mhux preċiż li, fil-prattika, jista’ jiffavorixxi, lill-offerent magħżul, li kien ukoll il-kokuntrattur tal-post li kien qabel ipprovda s-servizzi inkwistjoni.

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tielet u r-raba’ motiv tar-rikors jiġu milqugħa.

 Fuq is-sitt motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

153    Ir-rikorrenti ssostni li l-BEI kiser l-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 148(1) u (2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 89 tar-Regolament Finanzjarju, moqri flimkien mal-premessa 18 tiegħu, u mill-ġurisprudenza, il-prattika tal-Kummissjoni jew id-duttrina, billi ta kuntratt lill-offerent magħżul wara li dan kien, wara kuntratti sigrieti mal-BEI, immodifika sostanzjalment it-termini tal-offerta tiegħu, kemm mill-aspett tal-prezz kif ukoll tal-kwalità. Jirriżulta min-nota tal-31 ta’ Jannar 2008 li, wara l-ftuħ tal-offerti u l-evalwazzjoni tagħhom, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien irrakkomanda l-offerta tal-offerent magħżul. Madankollu, wara li kien ġie kkonstatat li din l-offerta kienet l-iktar għolja mill-offerti kollha, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien iddeċieda li jagħmel laqgħa mal-offerent magħżul biex jikseb xi kjarifiki fuq ċerti punti li baqgħu pendenti, partikolarment l-aspetti finanzjarji tal-offerta, qabel ma tkompli tiġi segwita l-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Matul din il-laqgħa, l-offerent magħżul kien immodifika sostanzjalment it-termini tal-offerta tiegħu sabiex ibaxxi l-prezz previst għas-servizz, filwaqt li naqqas korrelattivament il-kwalità tiegħu. B’mod partikolari, l-offerent magħżul kien wiegħed li jnaqqas il-prezz previst fl-offerta tiegħu billi mmodifika, b’mod partikolari, il-persunal li jieħu ħsieb il-kuntratt biex ikun hemm kompożizzjoni iktar ibbilanċjata minnu u, għalhekk, ipprovda numru iżgħar ta’ konsulenti b’esperjenza. Kien wara dawn in-negozjati illegali li l-BEI ddeċieda li jagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul. Isegwi li l-offerta magħżula finalment mill-BEI kienet sostanzjalment differenti u, dak li huwa iktar importanti fir-rigward tal-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti ddettaljati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ta’ inqas kwalità minn dik li kienet ġiet evalwata mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. Din il-kwalità inqas tal-“offerta finali” tal-offerent magħżul, fir-rigward tal-“offerta inizjali” tiegħu, ma ġietx ikkunsidrata matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, kif għamel il-kumitat ta’ evalwazzjoni.

154    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti stiednet lill-Qorti Ġenerali tqabbel l-esperjenza tal-persunal li tidher fl-offerta tal-offerent magħżul ma’ dik tal-persunal finalment offruta minnu u biex tikkonstata li, fin-nuqqas ta’ negozjati magħmula illegalment mal-BEI kif ukoll l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, kien jingħatalu l-kuntratt. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li, kieku l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u kienet trasparenti, hija kienet tkun f’pożizzjoni wkoll li ttejjeb kunsiderevolment l-“offerta inizjali” tagħha fir-rigward tal-kriterji ta’ għoti magħżula, li seta’ jippermettilha wkoll li tirbaħ il-kuntratt.

155    Il-BEI jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti u jitlob li s-sitt motiv jiġi miċħud. Huwa josserva li la r-Regolament Finanzjarju u lanqas ir-Regoli għall-Implementazzjoni ma huma intiżi biex jirregolaw proċedura ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kellhiex interess li tqajjem dan il-motiv. Skont il-BEI, id-diskussjonijiet li saru mal-offerent magħżul seħħew biss wara l-għeluq tal-fażi ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, li kklassifikat l-offerta tal-offerent magħżul fl-ewwel post, filwaqt li dik tar-rikorrenti kienet biss fit-tieni post u għalhekk f’mument meta l-offerent magħżul kien diġà rebaħ il-kuntratt. Għaldaqstant, dawn il-kuntatti ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li saru matul il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, fis-sens tal-punt 2.5.2 tal-Gwida, jew ukoll tal-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju li invokat ir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, dawn il-kuntatti ma kkonċernawx il-modifika tal-offerta tal-offerent magħżul, ikklassifikat fl-ewwel post wara l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, u lanqas ma wasslu għal dan ir-riżultat. Kienu jikkonċernaw biss ir-Regoli għall-Implementazzjoni tal-kuntratt mill-offerent magħżul, skont it-termini tal-offerta tiegħu, fejn ma kinux, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jimmodifikaw il-klassifikazzjoni deċiża wara l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti. Mill-aspett finanzjarju, it-tnaqqis tar-rati ta’ kuljum previsti għall-“iżviluppaturi ta’ softwer anzjani” u dawk previsti għall-“iżviluppaturi ta’ softwer ta’ livell intermedju” kif ukoll is-sostituzzjoni ta’ ċerti “żviluppaturi ta’ softwer anzjani” tat-tim prinċipali propost b’membri tal-persunal “iktar junior” ma setax ikollhom bħala effett li tiġi mmodifikata l-klassifikazzjoni tal-offerta tal-offerent magħżul b’relazzjoni ma’ dik tal-offerti ta’ offerenti oħrajn, fosthom tar-rikorrenti, b’mod li ma kienx ikun ta’ preġudizzju għal dawn tal-aħħar. Mill-aspett tekniku, it-tibdil ta’ ċerti “żviluppaturi ta’ softwer anzjani” tat-tim prinċipali propost mill-offerent magħżul mill-membri tal-persunal “iktar junior” ma kienx iwassal għal deterjorazzjoni relattiva tal-valur tekniku tal-offerta tiegħu, billi l-persunal issostitwit kien jidher fit-tabella tal-profili tal-persunal, mehmuż ma’ dik l-offerta, u li l-valur tekniku ta’ din l-offerta kien jiġi evalwat billi jiġu kkunsidrati mhux biss il-kwalifiki li jirriżultaw mill-curriculum vitae tal-membri tat-tim prinċipali propost, imma anki tal-kwalifiki tal-persuni mdaħħla fit-tabella tal-profili tal-persunal inkwistjoni. Ir-riferiment għall-“kompożizzjoni ta’ tim iktar ibbilanċjat” ma kienx ifisser li l-persunal prinċipali propost, fl-offerta tal-offerent magħżul, biex jikkomponi t-tim inkarigat mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt kellu jiġi mmodifikat, imma sempliċiment li l-persunal jagħmilha possibbli li jiġi kompost tim “iktar bilanċjat” mit-tim li l-offerent stabbilixxa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt preċedenti dwar l-applikazzjoni informatika inkwistjoni. Għalhekk, il-ġurisprudenza applikabbli fuq is-suġġett ma twassalx biex wieħed jikkonkludi li l-kuntatti bejn il-BEI u l-offerent magħżul wara l-istadju tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, affettwaw il-validità tad-deċiżjoni kkontestata u r-rikorrenti ma tistax tistrieħ, f’dan il-każ, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew il-prinċipju ta’ trasparenza.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

156    Ir-rikorrenti ma għandhiex raġun tallega li kien hemm ksur tal-Artikoli 89 u 99 tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 148(1) u (2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni, meta l-proċedura ta’ sejħa għal offerti u d-deċiżjoni kkontestata ma humiex irregolati la mir-Regolament Finanzjarju u lanqas, a fortiori, mir-Regoli għall-Implementazzjoni tiegħu (ara l-punt 87 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, hemm lok li s-sitt motiv jiġi miċħud bħala mhux fondat sa fejn huwa bbażat fuq dan il-ksur.

157    Madankollu, dan is-sitt motiv għandu jiġi eżaminat sa fejn iqajjem ilment dwar ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, li japplikaw għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti u d-deċiżjoni kkontestata għar-raġunijiet esposti fil-punt 88 iktar ’il fuq. Fid-dawl kemm tal-importanza kif ukoll tal-għan u tal-effettività ta’ dawn il-prinċipji, l-osservanza tagħhom għandha tiġi żgurata wkoll fir-rigward ta’ għoti ta’ kuntratti partikolari, bħal f’dan il-każ, filwaqt li jiġu kkunsidrati, jekk ikun il-każ, id-dettalji speċifiċi li jikkaratterizzaw din l-aħħar proċedura.

158    F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, billi dan huwa kuntratt għal servizzi konkluż għalih innifsu, ta’ valur totali stmat, barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ bejn EUR 3 500 000 u EUR 7 000 000, il-BEI, skont id-dispożizzjonijiet tal-Gwida, iddeċieda li kien hemm lok li l-kuntratt jingħata billi tiġi segwita l-proċedura miftuħa, li jiġi ppubblikat avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali, li jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jiddefinixxi l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt, inklużi l-kriterji ta’ għoti, u biex jiġu mistiedna l-operaturi ekonomiċi kollha li kienu applikaw biex jagħmlu offerta fuq dik il-bażi.

159    F’dawn il-kundizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tal-Gwida u, jekk ikun il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 li għalihom tirreferi l-Gwida, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-qafas legali li fih kellha ssir is-sejħa għal offerti, u l-BEI, bħala awtorità kontraenti, kellu josserva b’mod strett il-kriterji li huwa stess kien iffissa, mhux biss waqt il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, bħala tali, li kellha bħala għan l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti u l-għażla tal-kuntrattur, imma, b’mod iktar ġenerali, sakemm ikun hemm tmiem il-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 89 iktar ’il fuq, punt 115).

160    Jekk l-offerta ta’ offerent, li ma ġietx eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti u li tissodisfa l-kriterji ta’ għażla ddikjarati fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ma tidhirx, min-naħa tal-awtorità kontraenti, bħala li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, fir-rigward tal-kriterji ta’ għoti ddikjarati fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, din għandha titwarrab mill-awtorità kontraenti, iżda din tal-aħħar ma hijiex awtorizzata tibdel is-sinjifikat ġenerali tal-kuntratt billi tibdel waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali tal-għoti tiegħu. Fil-fatt, kieku l-awtorità kontraenti kienet awtorizzata timmodifika kif trid, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-kundizzjonijiet stess ta’ għoti, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni espressa f’dak is-sens fid-dispożizzjonijiet rilevanti, kien ikun hemm distorsjoni tat-termini li jirregolaw l-għoti tal-kuntratt, kif stipulati inizjalment (sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 89 iktar ’il fuq, punt 120). Barra minn hekk, prattika bħal din twassal neċessarjament għal ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, billi l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet ta’ għoti u l-oġġettività tal-proċedura ma jibqgħux iktar iggarantiti (sentenza Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 89 iktar ’il fuq, punt 121).

161    Dawn il-prinċipji huma fil-fatt riflessi fil-punt 2.5.2 tal-Gwida, li jiddikjara b’mod partikolari li, “matul proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, il-[BEI] ma jaċċetta l-ebda diskussjoni mal-kandidati jew l-offerenti li tista’ tikkomprometti l-oġġettività tal-proċedura jew il-prinċipju tat-trattament ekwu tal-operaturi ekonomiċi” u li “madankollu, il-[BEI] jista’ jikkuntattja l-kandidati jew l-offerenti bil-miktub biex jikseb kjarifiki fuq punti preċiżi tal-kandidatura tagħhom jew l-offerta tagħhom”, “imma dawn il-kuntatti ma jistgħux iwasslu għal tibdil fil-kundizzjonijiet tat-talba ta’ parteċipazzjoni jew tal-offerta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

162    F’dan il-każ, fil-punt 1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fir-rigward tad-“deskrizzjoni tal-qasam” kopert mill-kuntratt, ġie indikat li l-applikazzjoni informatika inkwistjoni kienet ġiet użata minn madwar 600 persuna, li tim ta’ għaxar persuni esterni għall-persunal tal-BEI ġew impjegati biex jiżguraw il-manutenzjoni jew is-sostenn u l-attività ta’ proġetti (erba’ persuni kienu ġew issekondati għall-manutenzjoni u sitt persuni kienu ġew issekondati għall-proġetti) u attwalment kienu għaddejjin tużżana proġetti. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li erba’ membri tal-persunal tal-BEI kellhom rwol ta’ superviżjoni jew ta’ tmexxija ta’ proġett, imma kienu dejjem iktar involuti wkoll fl-attivitajiet tekniċi, jiġifieri d-diskussjonijiet dwar l-arkitettura. Kien ġie stabbilit li jiġu implementati proċeduri ta’ eżami ta’ kodiċi fil-futur qrib. Fl-aħħar nett, fis-snin ta’ wara, kien mistenni li l-volum tal-attività ta’ proġetti jonqos, b’mod li ċ-ċifri msemmija mill-BEI jkollhom jiġu kkunsidrati bħala massimu mill-offerenti potenzjali, anki jekk ma setax jiġi eskluż li mandati ġodda ta’ self jew operazzjonijiet speċifiċi ġodda li jiġu approvati mill-BEI jistgħu jwasslu għall-ogħla punti ta’ attività ġodda fir-rigward ta’ proġetti.

163    Skont il-punt 6.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-“profil tal-persunal”, l-offerent kellu jipprovdi profil ċar tal-kompetenzi tal-persunal kollu disponibbli u jimla t-tabella tal-profili tal-persunal. F’din tal-aħħar, l-istess membru tal-persunal ma kellux jingħadd f’iktar minn profil wieħed. Barra minn hekk, l-offerenti kellhom jipprovdu curriculum vitae anonimi ta’ “fondi komuni prinċipali ta’ riżorsi disponibbli” li jikkorrispondu għall-profili differenti identifikati fit-tabella tal-profili tal-persunal (iktar ’il quddiem it-“tim prinċipali”). Il-persuna li timpjega (il-membru kkonċernat fil-każ tal-offerti fi gruppi jew tas-subkuntrattar) lil kull membru tat-tim prinċipali kellha tiġi indikata fuq kull curriculum vitae. Skont l-informazzjoni mogħtija fil-punt 1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, in-numru minimu tal-curriculum vitae meħtieġ għal kull wieħed mill-ħames tipi ta’ profili identifikati fit-tabella tal-profili kien ġie definit hekk: żewġ curriculum vitae ta’ “analista tas-sistemi ta’ ġestjoni”, żewġ curriculum vitae ta’ “speċjalista tal-arkitettura teknika”, żewġ curriculum vitae ta’ “żviluppatur ta’ softwer junior”, sitt curriculum vitae ta’ “żviluppatur ta’ softwer ta’ livell intermedju” u żewġ curriculum vitae ta’ “żviluppatur ta’ softwer anzjan”. Barra minn hekk, l-istess curriculum vitae ma kellux jiġi propost għal iktar minn profil wieħed.

164    Il-punt 6.8 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dwar il-“profil tal-ispejjeż”, jindika b’mod partikolari li l-prezzijiet kellhom jiġu kkwotati f’euro, mingħajr VAT. Kellhom jinkludu kull tip ta’ nefqa, li ma kinitx tiġi rrimborsata separatament mill-BEI. L-offerent kellu jlesti tabella tal-profili tal-ispejjeż li tidher fl-anness tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. L-ispejjeż kellhom jiġu ppreżentati f’forma ta’ rata ta’ kuljum għas-“servizzi kontinwi” u s-“servizzi separati”. Jekk l-offerent jew il-fornitur ta’ servizzi kellu l-intenzjoni li japplika rati differenti għal servizzi mogħtija “barra s-sigħat tax-xogħol”, jiġifieri wara s-7 ta’ filgħaxija u qabel it-8 ta’ filgħodu, u s-servizzi mogħtija matul il-weekends jew il-btajjel, dawn ukoll kellhom jiġu indikati b’mod ċar fit-tabella. Dawn tal-aħħar applikaw ukoll għas-servizzi mogħtija biex jilqgħu għall-ogħla punti ta’ attività ġodda fir-rigward ta’ proġetti (ara l-punt 162 iktar ’il fuq).

165    Il-punt 7.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-“[k]riterji ta’ għoti” jindika li l-kuntratt jingħata lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, fir-rigward tal-kriterji ta’ għoti kif ukoll tal-piżijiet relattivi tagħhom (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Għal dak li jirrigwarda l-kriterji tekniċi, il-punt 7.1.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ippreċiża li l-“livell ta’ konformità tal-kompetenzi u l-kwalifiki tal-persunal propost” u l-“kapaċità li jiġi pprovdut tim mir-riżorsi proprji stess”, jiġifieri żewġ kriterji li jirrapreżentaw, flimkien, 60 % tal-punti tal-marka globali, jiġu evalwati u kklassifikati billi jiġu bbażati fuq it-tabella tal-profili tal-persunal mimlija u fuq it-tim prinċipali propost, taħt il-forma ta’ curriculum vitae, mill-offerenti, skont il-kundizzjonijiet tal-punt 6.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Dan ġie kkonfermat lill-offerenti fil-lista ta’ “Mistoqsijiet u tweġibiet”. Għal dak li jirrigwarda l-kriterju finanzjarju, il-punt 7.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jippreċiża li l-profil tal-ispejjeż ta’ kull offerent ikun evalwat u kklassifikat fuq il-bażi ta’ rata ta’ kuljum medja kkalkolata għal kull offerent. Il-piż, li ħa inkunsiderazzjoni l-profili tal-persuni li jkollhom ċans ikbar li jintużaw għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ġie ppreċiżat fit-tabella tal-profili ta’ spejjeż. Fl-aħħar nett, il-punti 7.1.1 u 7.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprovdu li l-BEI jista’ jistieden lill-offerenti għal intervisti, imma, madankollu, dawn ma jkunux awtorizzati jimmodifikaw il-kundizzjonijiet tal-offerta bil-miktub tagħhom wara li tkun ġiet ippreżentata.

166    Fuq il-livell tekniku, it-tabella tal-profili tal-persunal timplika, għal kull wieħed mill-ħames tipi ta’ profili, li jiġi speċifikat, ġeneralment għal kull waħda mill-kompetenzi assoċjati ma’ kull tip ta’ profil, in-numru tal-membri tal-persunal disponibbli u ssir distinzjoni fosthom tal-“membri tal-persunal li għandhom esperjenza totali ta’ inqas minn tliet snin”, il-“membri tal-persunal li għandhom esperjenza totali ta’ iktar minn tliet snin” u l-“membri tal-persunal li għandhom esperjenza ta’ iktar minn sentejn fis-servizz tal-fornitur tas-servizzi”.

167    Fuq il-livell finanzjarju, it-tabella tal-profili tal-ispejjeż kienet tfisser li tingħata, għal kull tip ta’ profil u kull tip ta’ servizz, rata ta’ kuljum medja. Il-piżijiet applikati għar-rati ta’ kuljum medji għal kull tip ta’ servizz kienu definiti kif ġej: 45 % tal-punti għall-ispiża tas-“servizzi kontinwi”, 45 % tal-punti għall-ispiża tas-“servizzi separati”, 5 % tal-punti għall-ispiża tas-servizzi mogħtija “barra mill-ħinijiet ta’ ftuħ” u 5 % tal-punti għall-ispiża tas-servizzi mogħtija matul il-“weekends/btajjel”. Il-piżijiet applikati għar-rati ta’ kuljum medji għal kull wieħed mit-tipi ta’ profili kienu, skont il-punt 7.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fid-dawl tal-“profili li għandhom l-ikbar possibbiltà li jintużaw” fuq il-bażi tal-punt 6.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kif ġej: 15 % tal-punti għall-profil ta’ “analista tas-sistemi ta’ ġestjoni”, 15 % tal-punti għall-profil ta’ “speċjalista tal-arkitettura teknika”, 15 % tal-punti għall-profil ta’ “żviluppatur ta’ software junior”, 40 % tal-punti għall-profil ta’ “żviluppatur ta’ softwer ta’ livell intermedju” u 15 % tal-punti għall-profil ta’ “żviluppatur ta’ softwer anzjan”.

168    F’dan il-każ, jirriżulta min-nota tal-31 ta’ Jannar 2008 u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-BEI fl-ittra tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2009 li, wara l-fażi tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, il-BEI kien ippreokkupat mill-fatt li l-offerta tal-offerent magħżul, ikklassifikata fl-ewwel post, kienet l-ogħla waħda, u li, għaldaqstant, iddeċieda li jorganizza laqgħa mal-offerent magħżul biex jikkjarifika miegħu l-punti pendenti u, b’mod partikolari, l-aspetti finanzjarji tal-offerta tiegħu, qabel ma titkompla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, jirriżulta min-nota tal-31 ta’ Jannar 2008 li din il-laqgħa saret fid-29 ta’ Jannar 2008 u li, matulha, l-offerent magħżul indika lill-awtorità kontraenti li seta’ jieħu ħsieb “kompożizzjoni ta’ tim iktar ibbilanċjat (attwalment kompost kważi esklużivament minn konsulenti ‘anzjani’)” u jnaqqas minn EUR 750 għal EUR 720 r-rata ta’ kuljum tal-persunal li jikkorrispondi għall-profil ta’ “żviluppatur ta’ softwer anzjan” u minn EUR 665 għal EUR 650 r-rata ta’ kuljum tal-persunal li jikkorrispondi għall-profil ta’ “żviluppatur ta’ softwer ta’ livell intermedju”. Kien biss wara din il-laqgħa u fid-dawl tal-proposti hekk ifformulati mill-offerent magħżul li, fil-31 ta’ Jannar 2008, id-direttur tad-dipartiment tat-teknoloġiji tal-informazzjoni tal-BEI, wara parir favorevoli tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, iddeċieda li jagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul, deċiżjoni li wara kienet ġiet ikkonfermata mill-president tal-BEI (ara l-punti 20 u 43 iktar ’il fuq). Fit-12 u s-17 ta’ Ġunju 2008, ġie ffirmat il-kuntratt rispettivament mill-BEI u l-offerent magħżul (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 2.4.1 tal-Gwida fuq il-“[p]ubblikazzjoni tal-avviżi”, li jgħidu li d-data tal-għeluq tal-proċedura tikkorrispondi għal dik tad-data tal-firma tal-kuntratt, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ngħalqet fis-17 ta’ Ġunju 2008, jiġifieri fid-data tal-firma tal-kuntratt qafas. Isegwi li l-BEI ma għandux bażi biex isostni li, fid-29 ta’ Jannar 2008, il-kuntratt kien diġà ngħata lill-offerent magħżul u li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet ingħalqet diġà meta saret il-laqgħa.

169    Barra minn hekk, jirriżulta mid-dokumenti prodotti mill-BEI li, wara l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, dan ma kienx sodisfatt għal kollox bir-riżultat miksub bl-applikazzjoni tal-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti, jiġifieri 75 % tal-punti għall-kriterji tekniċi u 25 % tal-punti għall-kriterju finanzjarju, li ppermettew li tingħażel offerta għal servizz ta’ valur tekniku kbir, imma għal prezz globali ogħla minn dak ta’ offerti oħrajn, u għalhekk iddeċieda b’mod partikolari li jorganizza l-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2008. Jirriżulta wkoll minn dawn id-dokumenti li din l-aħħar laqgħa ppermettiet lill-offerent magħżul li jwieġeb għall-preokkupazzjonijiet dwar il-prezz globali previst fl-offerta tiegħu li kienu tfissru mill-awtorità kontraenti u li din kienet għalhekk determinanti għall-għoti tal-kuntratt. Fil-fatt, waqt il-laqgħa l-offerent magħżul aċċetta li jnaqqas il-prezz globali previst fl-offerta tiegħu billi naqqas ir-rata ta’ kuljum għall-persunal li jikkorrispondi għall-profili ta’ “żviluppatur ta’ softwer anzjan” u ta’ “żviluppatur ta’ softwer ta’ livell intermedju”, kif identifikati fit-tabella tal-profili tal-persunal, kif ukoll ta’ “kompożizzjoni ta’ tim iktar bilanċjat (attwalment kompost kważi esklużivament minn konsulenti ‘anzjani’”. Minn dan l-aspett, l-argument li, wara l-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2008, il-membri tal-kumitat żammew ir-rakkomandazzjoni tagħhom li jagħtu l-kuntratt lill-offerent magħżul, kif jidher fin-nota tal-31 ta’ Jannar 2008, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkonferma evalwazzjoni komparattiva ġdida tal-offerti, imma bħala t-tennija sempliċi, mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, tal-avviż preċedenti tiegħu, fid-dawl taċ-ċirkustanza li l-offerent magħżul kien issodisfa l-preokkupazzjonijiet ta’ natura finanzjarja espressi mill-awtorità kontraenti.

170    Għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis tar-rati ta’ kuljum li jidhru fit-tabella tal-profili tal-ispejjeż li l-offerent magħżul kien mela u hemeż mal-offerta tiegħu, dan wassal biex a posteriori nbidlu l-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom l-offerta tal-offerent magħżul kienet ġiet evalwata finanzjarjament mill-kumitat tal-evalwazzjoni.

171    Fir-rigward tal-argument li l-offerent magħżul jiżgura “kompożizzjoni ta’ tim iktar ibbilanċjat (attwalment kompost kważi esklużivament minn konsulenti ‘anzjani’)”, il-BEI stess spjega, fl-osservazzjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Frar 2010, li dan jirrigwarda l-fatt li “matul il-laqgħa [tad-29 ta’ Jannar 2008], [l-offerent magħżul] kien ippropona li jibdel uħud minn dawn il-konsulenti [li jikkorrispondu għal ‘żviluppaturi ta’ softwer anżjani’ proposti] b’persunal iktar junior”. Fil-kuntest ta’ dan il-każ, fejn il-BEI prattikament ried jikseb mingħand l-offerent magħżul, tnaqqis tal-prezz globali stabbilit fl-offerta tiegħu, biex tqarribha għal dik proposta minn offerenti oħrajn fl-offerti tagħhom, l-unika spjegazzjoni kredibbli għal dan l-argument hija li l-offerent magħżul kien fil-fatt ser jibdel uħud mill-“iżviluppaturi ta’ softwer anzjani” tat-tim prinċipali propost ma’ membri tal-persunal “iktar junior”. Billi l-prezz globali previst għas-servizz kien jiddependi direttament fuq ir-rata ta’ kuljum medja tat-tim prinċipali, definit bħala t-tim bl-ikbar probabbiltà li jintuża l-iktar jekk l-offerent jingħata l-kuntratt, dak il-prezz seta’ fil-fatt jitnaqqas billi tinbidel il-kompożizzjoni tat-tim prinċipali propost fl-offerta, permezz tat-tibdil tal-persunal li kien l-iktar għali, fi kliem ieħor dawk l-iktar ikkwalifikati, jiġifieri “konsulenti anzjani” li jikkorrispondu għall-profil ta’ “żviluppatur ta’ softwer anzjan”, ma’ persunal li kien jiswa inqas, fi kliem ieħor dak inqas ikkwalifikat, jiġifieri “konsulenti iktar junior” li setgħu jikkorrispondu għall-profili ta’ “żviluppatur ta’ softwer intermedju” u “żviluppatur ta’ softwer junior”, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-BEI tas-26 ta’ Frar 2010.

172    Il-BEI ma pprovda l-ebda prova li, minkejja d-dispożizzjonijiet adottati fil-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2008, il-persuni attwalment użati mill-offerent magħżul għall-implementazzjoni tal-kuntratt kienu jikkorrispondu għal dawk li jiffurmaw it-tim prinċipali propost, fil-forma tal-curriculum vitae, fl-offerta tiegħu u li fuq il-bażi tagħha dik l-offerta ġiet evalwata minn perspettiva teknika u finanzjarja mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Frar 2010, il-BEI ma jgħidx li l-kompożizzjoni tat-tim prinċipali propost, fil-forma tal-curriculum vitae, fl-offerta tal-offerent ma nbidlitx wara l-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2008 imma sempliċiment li dik il-bidla ma setgħetx titqies bħala bidla reali ta’ dik l-offerta, sa fejn il-“persunal iktar junior” li ssostitwixxa l-“konsulenti anzjani” tat-tim prinċipali kienu diġà ġew inklużi fit-tabella tal-profili tal-persunal li l-offerent magħżul kien mela u hemeż ma’ din l-offerta. Madankollu, sa fejn l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti mill-aspett tekniku kienet ibbażata b’mod partikolari fuq jekk il-persuni li jiffurmaw it-tim prinċipali propost mill-offerent kinux ikkwalifikati, kif jidher mill-curriculum vitae ta’ dawk il-persuni, mehmuża mal-offerti, il-kompożizzjoni ta’ tim prinċipali iktar ibbilanċjat, miksuba billi nbidlu wħud mill-“iżviluppaturi ta’ softwer anzjani” ma’ membri tal-persunal “iktar junior”, għalkemm permezz tal-inklużjoni ta’ persuni msemmija diġà fit-tabella tal-profili tal-persunal li l-offerent magħżul kien hemeż mal-offerta tiegħu, seta’ jirriżulta biss f’bidla a posteriori tal-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom dik l-offerta kienet ġiet evalwata mill-kumitat tal-evalwazzjoni, mill-aspett kemm tekniku kif ukoll finanzjarju.

173    Barra minn hekk, jidher li l-BEI qed jipprova jiġġustifika l-proposta magħmula mill-offerent magħżul matul il-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2008 bil-fatt li, kif indikat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jista’ ma jkunx meħtieġ li t-tim effettivament użat fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikun ikkwalifikat ukoll bħal dak li sa dakinhar kien inkarigat mill-manutenzjoni, mis-sostenn u mill-iżvilupp tal-applikazzjoni informatika inkwistjoni (ara l-punt 162 iktar ’il fuq) u li kien serva ta’ riferiment għad-definizzjoni, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, tal-kompożizzjoni tat-tim prinċipali li fuq il-bażi tiegħu l-offerti tal-offerenti kellhom jiġu b’mod partikolari evalwati, kemm mil-lat tekniku kif ukoll mil-lat finanzjarju (ara l-punt 163 iktar ’il fuq). Anki kieku l-kuntratt seta’ ġie eżegwit b’mod sodisfaċenti mill-offerent magħżul bl-użu ta’ persunal inqas ikkwalifikat minn dak li sa dakinhar kien responsabbli għal dik l-applikazzjoni, fi kwalunkwe każ, ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifika li l-offerent magħżul jibdel il-kompożizzjoni tat-tim prinċipali li kien ippropona fl-offerta tiegħu bħala dak li kien jintuża jekk jingħata l-kuntratt, biex inaqqas il-prezz globali tal-offerta u għalhekk jissodisfa rekwiżit ġdid ifformulat mill-awtorità kontraenti biex jingħata l-kuntratt. Dan kien jammonta għal bidla a posteriori tal-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom l-offerta tal-offerent magħżul kienet ġiet evalwata mill-kumitat ta’ evalwazzjoni mill-aspett tekniku u finanzjarju, mingħajr ma ngħatat l-istess opportunità lill-offerenti mhux magħżula, inkluża r-rikorrenti, li jibdlu l-offerti tagħhom.

174    Jirriżulta min dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-BEI ma għandux bażi biex isostni li l-laqgħa li saret fid-29 ta’ Jannar 2008 kellha bħala l-uniku skop li jiġu diskussi ċerti Regoli għall-Implementazzjoni tal-kuntratt mal-offerent magħżul u mhux li jinbidel il-kontenut tal-offerta tiegħu sabiex jingħatalu l-kuntratt.

175    Barra minn hekk, jirriżulta minn dawn l-iżviluppi li dan it-tibdil ħoloq distorsjoni mhux biss fl-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerta tal-offerent magħżul, imma wkoll fl-evalwazzjoni teknika tagħha. Barra minn hekk, il-kuntatti bejn il-BEI u l-offerent magħżul wasslu fil-prattika għal tibdil fil-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti. Fil-fatt dawn in-negozjati u r-riżultat tagħhom, jiġifieri l-bidla tal-offerta tal-offerent magħżul, wasslu biex, fil-prattika, il-BEI jagħti lill-kriterju finanzjarju importanza relattiva superjuri għal dik tal-kriterji tekniċi, kif definiti fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti li fuq il-bażi tagħhom l-offerti kienu, mhux biss ġew ippreparati mill-offerenti, imma pparagunati wkoll mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. Ftit hemm dubju li l-importanza relattiva miżjuda li l-BEI ta fl-aħħar mill-aħħar lill-kriterju finanzjarju, għall-iskop li jingħata l-kuntratt lill-offerent magħżul, kien ikun iktar favorevoli għar-rikorrenti kieku dan ġie applikat fil-konfront tagħha matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, billi l-offerta tagħha kienet dik li pproponiet l-iktar prezz baxx u għalhekk kisbet l-ogħla marka għall-kriterju finanzjarju.

176    Madankollu, il-BEI jikkunsidra li dan it-tibdil ma ħoloqx distorsjoni fl-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti b’tali mod li d-drittijiet tal-offerenti mhux magħżula skont din l-evalwazzjoni ġew affettwati biha.

177    Anki jekk, kif isostni impliċitament il-BEI meta jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑87/94, Ġabra p. I‑2043, punt 59), l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, adottata fl-aħħar ta’ proċedura distorta minħabba l-fatt li l-offerent magħżul kien ġie awtorizzat jibdel il-kontenut tal-offerta tiegħu, huwa suġġett għall-konstatazzjoni, mill-qorti, li l-kunsiderazzjoni ta’ dak it-tibdil ippreġudika lill-offerenti l-oħrajn billi nbidlu l-kundizzjonijiet li taħthom ġew ipparagunati l-offerti, biex b’hekk setgħet ġiet influwenzata l-klassifikazzjoni tal-offerenti, għandu jingħad li effett bħal dan jista’ effettivament jiġi kkonstatat fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

178    Huwa minnu li, mill-aspett finanzjarju, il-bidliet ikkontestati seta’ kellhom biss l-effett li jtejbu iktar l-evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent magħżul b’paragun ma’ dawk ta’ offerenti oħrajn, partikolarment tar-rikorrenti. Madankollu, ma huwiex korrett li jingħad li, mill-aspett tekniku, is-sostituzzjoni ta’ wħud mill-“iżviluppaturi ta’ softwer anzjani” tat-tim prinċipali propost mill-offerent magħżul ma’ membri tal-persunal “iktar junior” ma kellhiex bħala effett li tinbidel l-evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent magħżul. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-informazzjoni tal-proċess, u partikolarment, tal-lista ta’ “Mistoqsijiet u tweġibiet” li l-“[BEI] xtaq jiżgura li [min jingħata l-kuntratt] mhux biss kellu persunal kompetenti u ta’ esperjenza numeruż biżżejjed biex jikkostitwixxi tim prinċipali, imma li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu riżerva ta’ riżorsi adegwati f’termini ta’ kompetenza u ta’ esperjenza, biex jissodisfa l-bżonnijiet supplimentari”. F’dak il-kuntest, “il-[curruculum vitae] kienu mistennija jikkorrispondu għat-tim prinċipali propost tal-offerent filwaqt li t-tabella tal-profili tal-persunal tipprovdi indikazzjoni tal-estent u tal-portata tal-kompetenza u l-esperjenza għad-dispożizzjoni tal-offerent li l-[BEI] jista’ juża”. Għalhekk, filwaqt li l-curruculum vitae kellu jippermetti lill-BEI li jikkunsidra l-kwalifiki tat-tim prinċipali propost mill-offerent, jiġifieri l-persuni li jikkorrispondu għall-profili li, skont il-punt 7.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kellhom l-iktar possibbiltà li jintużaw fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-kuntratt (ara l-punt 165 iktar ’il fuq), it-tabella tal-profili tal-persunal kellha tippermetti lill-BEI li jikkunsidra jekk il-persunal għad-dispożizzjoni tal-offerent, li fuqu kellu jiddependi biex jissodisfa kull bżonn supplimentari, kienx ikkwalifikat ġeneralment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sostituzzjoni ta’ wħud mill-“iżviluppaturi ta’ softwer anzjani” tat-tim prinċipali proposta mill-offerent magħżul fil-kuntest tal-offerta tiegħu, fejn il-curriculum vitae tagħhom kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-kwalifika teknika ta’ dak it-tim, b’membri tal-persunal “iktar junior”, fejn il-kwalifiki kienu neċessarjament inqas, ma setax kellha effett ħlief li tnaqqas il-valur tekniku globali ta’ din l-offerta fir-rigward ta’ dik tal-offerenti l-oħrajn, partikolarment tar-rikorrenti.

179    Minħabba l-piżijiet li jiġu applikati lill-kriterji ta’ għoti, jiġifieri 25 % tal-punti għall-kriterju finanzjarju u 75 % tal-punti għall-kriterji tekniċi, u l-fatt li 60 % tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti kienet ibbażata fuq l-analiżi tal-curriculum vitae u t-tabella tal-profili tal-persunal ipprovduti mill-offerenti (ara l-punt 165 iktar ’il fuq), jista’ jiġi kkunsidrat li t-titjib fl-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerta tal-offerent magħżul, li jista’ jirriżulta mit-tnaqqis tal-prezz globali ta’ dik l-offerta, x’aktarx ma kienx jikkumpensa għad-degradazzjoni tal-evalwazzjoni teknika ta’ dik l-offerta, li tista’ tirriżulta mit-tibdil ta’ wħud mill-“iżviluppaturi ta’ softwer anzjani” tat-tim prinċipali, propost fl-offerta, b’membri tal-persunal “iktar junior”. Minn dan jirriżulta li t-tibdil magħmul a posteriori fl-offerta tal-offerent magħżul seta’ kellu biss effett globali sfavorevoli fuq l-evalwazzjoni tagħha fl-ipoteżi ta’ evalwazzjoni komparattiva ġdida tal-offerti.

180    Fi kwalunkwe każ, fl-istadju tal-għoti tal-kuntratt lill-offerent magħżul, il-BEI fil-prattika biddel il-piżijiet applikati għall-kriterji tekniċi u tal-kriterju finanzjarju, kif definiti fid-dokumenti uffiċjali tas-sejħa għal offerti, biex ta importanza ikbar lill-kriterju finanzjarju (ara l-punt 175 iktar ’il fuq).

181    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda prova li tippermettilha tikkonkludi jew teskludi, b’ċertezza, li t-tibdil tal-offerta tal-offerent magħżul u l-piżijiet applikati għall-kriterji tekniċi u għall-kriterju finanzjarju, wara l-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2008 u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu ta’ natura li joħolqu distorsjoni fl-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti għad-detriment tal-offerenti mhux magħżula, partikolarment tar-rikorrenti, b’mod li l-eżitu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ġie affettwat b’dan. Billi l-BEI kien fl-aħjar pożizzjoni biex iġib provi f’dak ir-rigward, din l-inċertezza għandha tiġi interpretata kontrih (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il-Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, punt 17). Għalhekk għandu jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li l-bidliet imsemmija iktar ’il fuq setgħu wasslu għal distorsjoni tar-riżultat tas-sejħa għal offerti, b’mod li ċaħħduha illegalment minn opportunità reali li tingħata l-kuntratt.

182    Jirriżulta minn dak li ntqal li, meta l-offerent magħżul ġie obbligat jibdel l-offerta tiegħu, fil-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2008, il-BEI vvizzja d-deċiżjoni kkontestata li kien adotta fil-31 ta’ Jannar 2008 minħabba dan it-tibdil, bi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, li setgħet wasslet għal distorsjoni tal-eżitu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerta billi ċaħdet illegalment lir-rikorrenti mill-possibbiltà reali li tingħata l-kuntratt.

183    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li s-sitt motiv tar-rikors jiġi milqugħ.

 Fuq il-ħames motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

184    Ir-rikorrenti ssostni li l-BEI kiser id-dritt applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta adotta d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti, jiġifieri 75 % tal-punti għall-kriterji tekniċi u 25 % tal-punti għall-kriterju finanzjarju. Skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda, kif riflessi fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 92/50, fl-Artikolu 34 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194), fl-Artikolu 138(3) tar-Regoli għall-Implementazzjoni u fil-ġurisprudenza, meta kuntratt għandu jingħata lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi l-piżijiet li għandhom jiġu applikati għall-kriterji ta’ għoti billi jiġi żgurat li l-“effett tal-prezz” ma jiġix innewtralizzat jew imminimizzat, b’mod li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti tista’ twassal għal għoti ta’ kuntratt pubbliku irraġonevolment għoli fir-rigward tal-bżonnijiet attwali tal-amministrazzjoni.

185    Ir-rikorrenti ssostni li kważi fit-totalità tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt mill-amministrazzjoni Komunitarja għaliha nnifisha f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena li għaddew, l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti saret billi ġie stabbilit, fir-rigward ta’ piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti, piż ta’ 50 % tal-punti jew qrib il-50 % tal-punti għall-kriterju finanzjarju, meta ma kienx hemm għoti. Din il-prattika kienet tikkorrispondi għall-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda, li fil-kuntest tagħha l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien jagħti, l-ewwel nett, ċertu numru ta’ punti lil kull offerta skont il-valur tekniku tagħha, imbagħad jiddividi dan in-numru ta’ punti bil-prezz tal-offerta, u l-offerent li jikseb l-ogħla marka jiġi indikat bħala li rebaħ il-kuntratt. F’dan il-qafas, il-kwalità tiġi ggarantita minn kriterji ta’ għażla tal-offerenti u l-użu ta’ limiti assoċjati mal-kriterji tekniċi matul il-fażi tal-għoti. Madankollu, il-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti użati f’dan il-każ, jiġifieri 75 % tal-punti għall-kriterji tekniċi u 25 % biss tal-punti għall-kriterju finanzjarju, juru ġestjoni finanzjarja ħażina li twassal biex tinnewtralizza jew timminimizza l-“effett tal-prezz” fi proċedura ta’ sejħa għal offerti li suppost tidentifika l-offerta li hija l-“iktar vantaġġuża ekonomikament”, u tista’ twassal għall-akkwist ta’ servizzi irraġonevolment għoljin mill-amministrazzjoni għaliex l-offerenti huma inkoraġġati li jiżviluppaw eċċessivament il-valur tekniku tal-offerti tagħhom, bl-uniku għan li jiksbu l-aħjar marka possibbli u fl-aħħar mill-aħħar jingħataw il-kuntratt. Dawn il-piżijiet mhux tas-soltu, b’riferiment għall-prattika tal-amministrazzjoni tal-Komunità, jikkostitwixxu wkoll diskriminazzjoni indiretta billi jpoġġu impriżi żgħar u medji fi żvantaġġ ċar b’paragun ma’ offerenti li għandhom il-kapaċità li jipproponu offerti b’mertu tekniku ferm ikbar milli dak attwalment meħtieġ mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Għalhekk imorru kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti.

186    Fl-aħħar nett ir-rikorrenti tikkunsidra li l-BEI ma għandux raġun jippretendi li l-offerta tagħha kienet l-“agħar” waħda meta dan tal-aħħar, biex jagħmel hekk, joqgħod fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni hija stess ivvizzjata b’illegalità u nieqsa minn natura oġġettiva. F’dan ir-rigward, hija ssostni li dan l-ilment għandu jinqara flimkien mal-ilment magħmul fuq il-konfużjoni tal-kriterji.

187    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li n-newtralizzazzjoni tal-“effett tal-prezz” tal-offerti, li jirriżulta mill-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti magħżula f’dan il-każ, tikser l-Artikolu 138(3) tar-Regoli għall-Implementazzjoni li jgħidu li l-“importanza mogħtija lill-prezz f’relazzjoni mal-kriterji l-oħrajn m’għandhiex ixxejjen l-importanza tal-prezz fl-għażla ta’ l-appaltatur”.

188    Il-BEI jitlob li l-ħames motiv jiġi miċħud. Huwa jsostni li, skont il-ġurisprudenza, l-awtoritajiet kontraenti huma ħielsa, mhux biss li jagħżlu l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, imma wkoll li jiddeterminaw il-piżijiet relattivi tagħhom. Barra minn hekk, il-punt 2.5.1.2 tal-Gwida kien jindika b’mod ċar li, fil-każ ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti suġġetta għall-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, li jistrieħ fuq relazzjoni kwalità/prezz, il-kriterji tekniċi jistgħu jiġu affettwati b’piż relattiv iktar importanti mill-kriterju finanzjarju. Bħala paragun, l-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll l-Artikolu 138 tar-Regoli għall-Implementazzjoni jiggarantixxu wkoll lill-awtoritajiet kontraenti l-flessibbiltà meħtieġa għall-adattament tal-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti għas-suġġett tal-kuntratt, u l-Artikolu 241 tar-Regoli għall-Implementazzjoni jipprovdi li l-amministrazzjoni tal-Komunità tista’ talloka piżijiet li jirrappreżentaw 80 % tal-punti għall-kriterji tekniċi u 20 % tal-punti għall-kriterju finanzjarju għal kuntratti għal servizzi mogħtija fil-kuntest ta’ azzjonijiet esterni. F’dan il-każ, il-valur tekniku tal-offerti u l-kompetenza tal-offerenti kienu fatturi essenzjali għall-BEI, billi l-applikazzjoni informatika inkwistjoni kellha tkun l-appoġġ tal-attivitajiet ta’ self li huma fil-qalba tan-negozji tiegħu.

189    Il-BEI jsostni li l-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti ma kinux mhux tas-soltu għal kuntratti tal-istess tip mogħtija minnu jew anki l-istituzzjonijiet, kif ukoll għal regoli ta’ kwalità applikati mis-servizz informatiku għall-kuntratti għal “servizzi intellettwali ta’ sostenn ta’ sistemi informatiċi”.

190    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti f’dan il-każ poġġiha fi żvantaġġ billi ġie nnewtralizzat l-“effett tal-prezz” fil-proċedura tas-sejħa għal offerti, il-BEI jissottometti li r-rikorrenti ma setgħetx raġonevolment tistenna li tingħata l-kuntratt biss għaliex kienet ipproponiet l-iktar prezz baxx. Anki jekk il-piżijiet applikati kienu dawk indikati mir-rikorrenti, jiġifieri 50 % tal-punti għall-kriterji tekniċi u 50 % tal-punti għall-kriterju finanzjarju, l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx tiġi aċċettata, billi l-marka miksuba mill-offerta tagħha għall-kriterji tekniċi kienet ferm inqas minn dik li kisbet l-offerta tal-offerent magħżul għal dawk l-istess kriterji. Fir-rigward tal-esperjenza bankarja, l-offerta tal-offerent magħżul kienet kompleta ħafna, kif deher mill-curriculum vitae tal-maġġoranza tal-persuni li ppropona, filwaqt li analista wieħed biss propost mir-rikorrenti kellu l-kompetenza meħtieġa fil-kummerċ bankarju. Lanqas ma tista’ r-rikorrenti tallega li dawn il-piżijiet applikati nnewtralizzaw l-“effett tal-prezz” fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti billi, minkejja l-fatt li valur tekniku kien ikkunsidrat bħala l-agħar wieħed mill-ħames offerti mhux eliminati għal raġunijiet tekniċi mill-kumitat ta’ evalwazzjoni u bilkemm aħjar miż-żewġ offerti eliminati wara l-evalwazzjoni teknika, l-offerta tar-rikorrenti kisbet it-tieni l-aħjar marka globali minħabba l-marka miksuba għall-kriterju finanzjarju billi kienet offriet l-iktar prezz baxx.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

191    Għandu jingħad li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq il-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti magħżula inizjalment (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), billi l-BEI warrab dawn il-piżijiet meta obbliga lill-offerent ibaxxi l-prezz globali previst fl-offerta tiegħu qabel ma tah il-kuntratt (ara l-punt 175 iktar ’il fuq). Madankollu, billi, sa fejn tirrifjuta l-offerti tal-offerenti l-oħrajn li setgħu jipparteċipaw fl-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, inkluża dik tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ dawk il-piżijiet tal-kriterji ta’ għoti, ir-rikorrenti jibqgħalha interess li titlob l-istħarriġ tal-legalità tagħhom, bħala kwistjoni kollaterali, u dan indipendentement minn kwalunkwe ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit, fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv, għaliex il-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti nbidlu matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti (ara l-punt 182 iktar ’il fuq).

192    Skont ġurisprudenza kostanti, l-għażla tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament tħalli lill-awtoritajiet kontraenti ħielsa mhux biss li jagħżlu l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, imma wkoll li jiddeterminaw il-piżijiet li japplikaw għalihom, sa fejn dawn jippermettu li ssir evalwazzjoni globali tal-elementi applikati biex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 2005, Contse et, C‑234/03, Ġabra p. I‑9315, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Strabag Benelux vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 77). Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, il-piżijiet relattivi tal-kriterji differenti jew tas-subkriterji ma għandhomx ikunu ġew adottati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li jista’ jkollhom effett diskriminatorju fil-konfront tal-offerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Novembru 2005, ATI EAC e Viaggi di Maio et, C‑331/04, Ġabra p. I‑10109, punt 32, u Lianakis et, punt 142 iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

193    Mill-introduzzjoni tal-Gwida jirriżulta li “l-[BEI] jikkunsidra li, bħala regola ġenerali, l-aħjar mod kif jiġu applikati l-prinċipji [fundamentali tal-UE fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti] huwa b’implementazzjoni ta’ kompetizzjoni fost l-offerenti kkwalifikati u ssir għażla bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ spiża kif ukoll ta’ kwalità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, il-punt 2.1 tal-Gwida jirreferi għall-“interess ewlieni [tal-BEI] li jkollu l-aħjar valur għall-flus” meta jingħataw il-kuntratti għaliha nnifisha. Il-punt 2.5.1.2 tal-Gwida dwar il-“kriterji ta’ għoti tal-kuntratt” jippreċiża f’dan ir-rigward li “l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament […] min-naħa tal-BEI” bħala prinċipju tikkorrispondi għall-offerta li turi l-“aħjar valur għall-flus” fir-rigward ta’ “diversi kriterji marbuta mal-għan tal-kuntratt inkwistjoni […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

194    Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-BEI għandu jimmotiva, il-ħtieġa li jiġi ggarantit l-aħjar “valur għall-flus” jew proporzjon ta’ “prezz/kwalità” fl-aħħar tal-evalwazzjoni globali tal-kriterji magħżula, sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, ifisser li l-piż applikat għall-kriterju finanzjarju ma jwassalx għan-newtralizzazzjoni ta’ dak il-kriterju fl-għażla tal-offerent li jkun rebaħ il-kuntratt.

195    Jista’ jiġi kkunsidrat a priori li l-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti magħżula f’dan il-każ, jiġifieri 75 % tal-punti għall-kriterji tekniċi u 25 % tal-punti għall-kriterju finanzjarju, ġew stabbiliti legalment mill-BEI sa fejn, minn naħa, dawn jirriflettu evalwazzjoni tal-BEI stess li, minħabba n-natura u s-suġġett tal-kuntratt, tirrigwarda applikazzjoni informatika li ssostni l-attivitajiet ta’ self li huwa n-negozju prinċipali tiegħu, il-prezz, filwaqt li mhux insinjifikattiv, kien ta’ importanza sekondarja fil-konfront tal-mertu tekniku u, min-naħa l-oħra, dawk il-piżijiet ġew applikati bl-istess mod u b’mod trasparenti lill-offerenti kollha.

196    Madankollu, u kif jirriżulta mill-fatti tal-kawża, il-BEI kkonstata fl-aħħar mill-aħħar, fid-dawl tar-riżultat tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, li l-piż applikat għall-kriterju finanzjarju magħżul inizjalment iwassal għal newtralizzazzjoni qawwija wisq ta’ dan il-kriterju fl-għażla tal-kuntrattur u li, għalhekk, kien hemm lok li terġa’ tiġi evalwata l-importanza tal-kriterju tal-prezz għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt lill-offerent magħżul, u dan sar fil-kuntest tan-negozjati magħmula ma’ dan tal-aħħar matul il-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2008 (ara l-punt 175 iktar ’il fuq).

197    Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ċaħdet l-offerti tal-offerenti l-oħrajn li tħallew jipparteċipaw fl-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, inkluża dik tar-rikorrenti, hija bbażata fuq piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti li, skont l-evalwazzjoni tagħhom mill-BEI fi żmien li adotta d-deċiżjoni, irriżultaw f’newtralizzazzjoni qawwija wisq tal-kriterju finanzjarju u, għalhekk, ma kienx possibbli li jiġi żgurat li jkun hemm l-aħjar relazzjoni “valur għall-flus” jew “kwalità/prezz” fit-tmiem tal-evalwazzjoni globali tal-kriterji magħżula sabiex tiġi identifikata l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament.

198    Barra minn hekk, jirriżulta minn dak li ntqal, kif ukoll mill-eżami tas-sitt motiv, li l-BEI kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni meta biddel il-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

199    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, hemm lok li l-ħames motiv tar-rikors jiġi milqugħ.

200    Jirriżulta mill-kumpless tal-argumenti magħmula iktar ’il fuq li s-sitt motivi li jsostnu t-talba għal annullament huma kollha fondati u li, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata annullata.

 Fuq it-talba għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

201    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, fil-każ li tiddeċiedi li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-dritt applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti u/jew tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u peress li x’aktarx hija tiddeċiedi l-kawża preżenti wara li l-kuntratt ikun ġie eżegwit għal kollox mill-offerent magħżul, skont id-deċiżjoni kkontestata, tordna lill-BEI, fuq il-bażi tal-Artikoli 235 KE u 288 KE, iħallasha kumpens ta’ EUR 1 940 000.

202    Ir-rikorrenti tikkunsidra li t-talba tagħha għad-danni għandha tiġi milqugħa għar-raġunijiet li ġejjin.

203    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tissottometti li skont ġurisprudenza stabbilita, hija straħet fuq ksur suffiċjentement serju ta’ regola superjuri ta’ dritt li jipproteġi l-individwi jew ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tagħti drittijiet għall-benefiċċju tal-individwi b’mod li tagħmel lill-Kummissjoni responsabbli jew, f’dan il-każ, lill-BEI. Dan il-ksur sar mill-BEI bħala awtorità kontraenti, u jirriżulta mill-“illegalità” tad-deċiżjoni kkontestata u tal-evalwazzjoni li fuqha din tistrieħ, kif invokat fir-rikors, jiġifieri ksur tad-dritt applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, ta’ ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Gwida, ta’ komunikazzjoni tardiva ta’ informazzjoni, ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata, ta’ użu ta’ kriterji diskriminatorji, ta’ konfużjoni bejn il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt u dawk tal-għażla tal-offerenti u, fl-aħħar nett, tal-piżijiet illegali tal-kriterji tekniċi u l-kriterju finanzjarju fl-istadju tal-għoti tal-kuntratt.

204    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li qagħdet fuq preġudizzju li rriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li jikkorrispondi għall-profitt gross li ġiet imċaħħda minnu inġustament għaliex il-kuntratt kien ingħata illegalment lill-offerent magħżul u mhux lir-rikorrenti. Jekk il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-offerta tagħha kellha tiġi kklassifikata l-ewwel fit-tmiem tal-fażi tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, il-BEI għandu jkun responsabbli ta’ dan il-preġudizzju għall-finijiet li jiġi ppenalizzat għall-atti illegali mwettqa matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti jew, kif qalet waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, sabiex il-BEI jkun meħtieġ jikkontribwixxi għall-ispejjeż fissi u r-riskji ekonomiċi li għamlet ir-rikorrenti fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tindika b’mod ċar li hija ma titlobx kumpens għan-nefqa li għamlet biex tipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

205    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li hija kkwantifikat it-telf tagħha. Dan it-telf jammonta għal EUR 1 940 000. Fir-rigward ta’ din is-somma, għandu jitqies il-fatt li l-profitt gross ta’ dan it-tip ta’ servizz ikun bejn wieħed u ieħor 50 % tal-prezz irċevut, kif jidher mill-prospetti finanzjarji li ġew approvati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp iffinanzjati minn din tal-aħħar. Sa fejn, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-BEI talab is-servizzi ta’ 10 esperti b’kollox (erbgħa għall-manutenzjoni u 6 għall-proġetti ta’ servizz) u l-“ispiża medja ta’ kuljum” tal-offerta tagħha kienet ta’ EUR 441, il-prezz li jikkorrispondi għal din l-offerta jista’ jiġi kkalkolat kif ġej: EUR 441 immultiplikat b’220 persuni/ġranet kull sena mmultiplikat b’10 persuni kull sena mmultiplikat b’4 snin, jiġifieri madwar EUR 3.88 miljun. Dan il-prezz jaqbel mal-baġit imħabbar għall-kuntratt u jaqa’ bejn EUR 3.5 u 7 miljun. Il-profitt gross li ma ġiex irċevut għalhekk jikkorrispondi għal 50 % ta’ EUR 3.88 miljun, jew EUR 1.94 miljun.

206    Il-BEI jsostni wkoll, sussidjarjament, li t-talba għad-danni ma hijiex fondata. Skont il-ġurisprudenza, meta waħda mill-kundizzjonijiet biex ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati kundizzjonijiet oħrajn biex ikun hemm dik ir-responsabbiltà. F’dan il-każ, għalhekk, biżżejjed jiġi kkonstatat li ma wettaq l-ebda irregolarità jew illegalità li tista’ twassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun titlob kumpens għat-telf li jikkorrispondi għall-profitt gross li kienet tirċievi kieku ngħatalha l-kuntratt. It-telf ta’ qligħ allegat huwa futur u ipotetiku peress li, anki jekk il-kuntratt ma kienx ingħata lill-offerent magħżul fuq il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata u tal-evalwazzjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma jistax ikollha ċ-ċertezza li dan kien jingħatalha. Għalkemm il-Qorti Ġenerali tista’ tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, qatt ma tista’ tordna lill-amministrazzjoni li tagħti kuntratt lil offerent speċifiku. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, dan it-telf ma jistax jiġi kkunsidrat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

207    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE tippresupponi li jkun hemm numru ta’ kundizzjonijiet għal dak li jirrigwarda n-natura illegali tal-aġir tal-istituzzjoni li dwaru hemm l-ilment, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu allegat. Minn dan jirriżulta li ma jkunx hemm responsabbiltà tal-Komunità jekk dawn il-kundizzjonijiet kollha ma jkunux sodisfatti (sentenza tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il‑Kummissjoni, T‑336/94, Ġabra p. II‑1343, punt 30).

208    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat l-ewwel jekk il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali tal-BEI u d-dannu allegat mir-rikorrenti hijiex sodisfatta.

209    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta illi, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu allegat, id-dannu allegat għandu jirriżulta b’mod dirett biżżejjed mill-aġir ilmentat, peress illi dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21; u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II‑729, punt 55). Huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu l-provi ta’ din ir-rabta kawżali (ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il-Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, Ġabra p. I‑359, punt 25, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2002, EVO vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑220/96, Ġabra p. II‑2265, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

210    Kif jidher mir-rikors (ara l-punt 81 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti tinvoka dannu li jikkorrispondi għal “ammont stmat tal-profitt gross li kienet tirċievi fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kieku l-kuntratt kien ingħatalha”. Fl-atti bil-miktub tagħha, hija tammetti li l-BEI jista’ jiġi kkundannat li jħallasha d-danni li jikkorrispondu għall-profitt gross mitluf, kif inhu kkalkolat fir-rikors, biss jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-offerta tagħha kellha tiġi l-ewwel wara l-istadju ta’ evalwazzjoni tal-offerta komparattiva (ara l-punt 204 iktar ’il fuq). Għalhekk, it-talba għad-danni tar-rikorrenti hija bbażata fuq il-konvinzjoni li d-deċiżjoni kkontestata pprekludietha milli tingħata l-kuntratt u li tiffirma l-kuntratt qafas għall-eżekuzzjoni tiegħu mal-BEI. Talba bħal dik għandha tiġi interpretata li għandha bħala għan mhux il-kumpens ta’ telf ta’ possibbiltà li jiġi konkluż il-kuntratt, imma l-kumpens tat-telf tal-kuntratt innifsu. Dan ma huwiex iddubitat mill-fatt li, matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat li t-talba għad-danni kienet tinkludi, b’ċertu mod, telf tal-opportunitajiet, billi n-nuqqas ta’ firma tal-kuntratt kien ipperikola l-possibilitajiet tagħha li tingħata kuntratti pubbliċi fil-futur u, b’mod ġenerali, li tirkupra l-ispejjeż fissi li għamlet għall-attività tagħha fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Flimkien mal-fatt li dawk il-kapi ġodda ta’ dannu ġew ippreżentati tardivament u huma, għaldaqstant, inammissibbli, dawn ma humiex ibbażati, fi kwalunkwe każ, fuq it-telf mir-rikorrenti ta’ opportunità li tikkonkludi l-kuntratt, imma fuq il-konsegwenzi li, skont hi, jirriżultaw direttament mit-telf tal-kuntratt innifsu.

211    F’din il-kawża, ir-rikorrenti la ppruvat u lanqas ipprovdiet provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, b’mod ċert, li l-offerta tagħha kellha tiġi kklassifikata l-ewwel fl-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat li l-offerta tar-rikorrenti kellha tiġi kklassifikata l-ewwel u li għalhekk ir-rikorrenti kellha tingħata l-kuntratt, dan ma kienx jobbliga lill-BEI li jiffirma l-ftehim qafas ma’ din tal-aħħar. Fil-fatt, l-ebda prinċipju u l-ebda regola applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti tal-BEI ma jobbligaw lil dan tal-aħħar li jiffirma kuntratt mal-persuna indikata bħala l-kuntrattur fl-aħħar tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Fracasso u Leitschutz, punt 147 iktar ’il fuq, punti 24 u 25, u s-sentenza Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, punt 125 iktar ’il fuq, punt 54).

212    Għalhekk, huwa impossibbli li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-adozzjoni, mill-BEI, tad-deċiżjoni kkontestata, ivvizzjata b’illegalità kif jirriżulta mill-eżami tat-talba għal annullament, u d-dannu invokat mir-rikorrenti, li jirriżulta mit-telf tal-kuntratt innifsu. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhiex bażi sabiex tressaq talba għad-danni bħala kumpens għat-telf li rriżulta mill-fatt li ma kkonkludietx il-ftehim qafas mal-BEI jew, a fortiori, li teżegwixxi l-kuntratt.

213    Jirriżulta minn dak li ntqal li t-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

214    Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kumpens li jista’ jkun dovut lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 266 TFUE, biex titqiegħed adegwatament fis-sitwazzjoni oriġinali tagħha wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

 Fuq l-ispejjeż

215    Ir-rikorrenti tispjega li ġiet obbligata tistitwixxi dawn il-proċeduri u titlob kumpens għad-danni li sofriet minħabba l-evalwazzjoni difettuża tal-offerta tagħha mill-BEI u minħabba l-fatt li ma kinitx ġiet informata bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula f’relazzjoni ma’ dawk tal-offerta tagħha. In-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-fatt li, minkejja t-talbiet tagħha, ir-rapport ta’ evalwazzjoni qatt ma ġie kkommunikat lilha, jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti biex il-BEI jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż, anki jekk ir-rikors tagħha jiġi miċħud.

216    Il-BEI jikkunsidra li l-kundizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex sodisfatti, f’dan il-każ, u għaldaqstant jeħtieġ li jiġi applikat l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli. Ir-rikorrenti ma tatx prova li kienet imġiegħla tagħmel spejjeż fiergħa jew vessatorji u fil-fatt ma ġarax hekk. Barra minn dan, kellu jitqies il-fatt li huwa wieġeb għat-talbiet ta’ informazzjoni supplimentari tar-rikorrenti, partikolarment bl-ittra tiegħu tal-1 ta’ Awwissu 2008 (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2002, Esedra vs Il-Kummissjoni, T‑169/00, Ġabra p. II‑609, punt 192). Għalhekk, fil-mument li r-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha, hija kellha f’idejha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiddefendi d-drittijiet tagħha.

217    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Procedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti sabiex tħallas lura lill-parti l-oħra l-ispejjeż illi hija tkun ikkawżatilha u li l-Qorti Ġenerali tqis fiergħa jew vessatorji. F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti u sabiex jiġu kkunsidrati d-diversi illegalitajiet imwettqa mill-BEI fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt li wassal għall-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, li ġiegħlu lir-rikorrenti tippreżenta dan ir-rikors, hemm lok li l-BEI jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li ma jaċċettax l-offerta mogħtija minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE fil-kuntest tas-sejħa għal offerti 2007/S 176‑215155 li tirrigwarda l-għoti ta’ servizzi intiżi sabiex tingħata “[g]ħajnuna għall-manutenzjoni, għas-sostenn u għall-iżvilupp tas-sistema ‘Loans Front Office’ (Serapis)” u li jagħti l-kuntratt lil Sybase BVBA hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-BEI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2011.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-interess tar-rikorrenti li taġixxi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-formula użata waqt l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tat-talba għad-danni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-mertu

Fuq id-dritt applikabbli

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-talba għal annullament

Fuq l-ewwel u t-tieni motiv

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet u r-raba’ motiv

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-talba għad-danni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.