Language of document : ECLI:EU:T:2015:690

Kawżi T‑124/13 u T‑191/13

Ir-Repubblika Taljana

u

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi u ta’ assistenti – Għażla tat-tieni lingwa fost tliet lingwi – Lingwa ta’ komunikazzjoni mal-kandidati għall-kompetizzjonijiet – Regolament Nru 1 – Artikolu 1d(1), Artikolu 27 u Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Settembru 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Dikjarazzjoni astratta – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

2.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita – Obbligu li jiġi osservat il-kuntest tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet – Obbligu li l-kawża tinqata’ biss skont l-argumenti invokati mill-partijiet – Assenza

(Artikolu 263 TFUE)

3.      L-Unjoni Ewropea – Sistema lingwistika – Regolament Nru 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom – Inklużjoni fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet regolamentari speċjali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1)

4.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali – Lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) u l-kandidati – Limitazzjoni – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 1(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 2)

5.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Organizzazzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni u modalitajiet – Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra – Limiti – Osservanza tas-sistema lingwistika stabbilita mir-Regolament Nru 1

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 2; Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 2)

6.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Distinzjoni mill-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 296 TFUE)

7.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali – Lingwi ta’ parteċipazzjoni fl-eżamijiet – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li jintgħażel numru ristrett ta’ lingwi ta’ komunikazzjoni interna – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 1d u 28(f), u l-Anness III, Artikolu 1(1)(f); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 1)

8.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali – Lingwi ta’ parteċipazzjoni fl-eżamijiet – Ugwaljanza fit-trattament – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 1d u 28(f), u l-Anness III, Artikolu 1(1)(f); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 1)

9.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament ta’ avviżi ta’ kompetizzjonijiet ġenerali – Aspettattivi leġittimi ta’ kandidati magħżula – Assenza ta’ eżami mill-ġdid tar-riżultati tal-kompetizzjonijiet

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, din il-preżentazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. B’mod iktar partikolari, jekk stess kellu jiġi aċċettat li l-indikazzjoni tal-motivi tar-rikors ma hijiex marbuta mat-terminoloġija u mal-enumerazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura u li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-motivi, mis-sustanza tagħhom iktar milli mill-klassifikazzjoni legali tagħhom, tista’ tkun suffiċjenti, dan huwa madankollu suġġett għall-kundizzjoni li dawn il-motivi joħorġu b’mod suffiċjentement ċar mir-rikors. Is-sempliċi dikjarazzjoni astratta ta’ motivi fir-rikors ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura u t-termini “espożizzjoni fil-qosor tal-motivi”, użati f’dawn it-testi, ifissru li r-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat.

Minn dan jirriżulta li, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ motivi ta’ ordni pubbliku, li l-qorti tal-Unjoni għandha, jekk ikun il-każ, tqajjem ex officio, huwa r-rikorrent li għandu jesponi, fir-rikors, il-motivi li huwa jinvoka insostenn tal-azzjoni tiegħu. Sabiex jagħmel dan, id-dikjarazzjoni astratta tat-titolu ta’ motiv ma hijiex suffiċjenti. Huwa għandu jindika wkoll fiex jikkonsisti l-motiv invokat, fi kliem ieħor huwa għandu jispjega r-rabta tiegħu mat-talbiet tar-rikors u jispjega b’liema mod, jekk jirriżulta bbażat, dan għandu jwassal lill-qorti sabiex tilqa’ dawn it-talbiet.

(ara l-punti 33, 34)

2.      Fl-ambitu tat-tilwima ddefinita mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni, filwaqt li għandha tiddeċiedi biss it-talba tal-partijiet, ma hijiex limitata għall-argumenti invokati minnhom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, altrimenti tista’ tiġi kostretta, fil-każ partikolari, li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati. B’mod partikolari, f’tilwima bejn il-partijiet għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima għall-fatti ppreżentati lilha mill-partijiet. Fil-fatt, skont il-prinċipju iura novit curia, id-determinazzjoni tas-sens tal-liġi ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ prinċipju ta’ dispożizzjoni libera tat-tilwima f’idejn il-partijiet.

Minn dan jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ motiv ma tiddependix mill-użu ta’ terminoloġija partikolari. Huwa suffiċjenti li s-sustanza ta’ motiv toħroġ, b’mod suffiċjentement ċar, mit-test tar-rikors. Barra minn hekk, l-ammissibbiltà ta’ motiv lanqas ma tiddependi milli jiġu invokati regoli jew prinċipji tad-dritt konkreti. Fil-fatt, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tidentifika d-dispożizzjonijiet rilevanti u tapplikahom għall-fatti ppreżentati lilha mill-partijiet, anki jekk il-partijiet ma jkunux irreferew għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, jew anki jkunu invokaw dispożizzjonijiet differenti. Jirriżulta wkoll li, jekk ir-rikorrent ikun qajjem, b’mod ammissibbli, motiv, il-qorti ma għandhiex, fl-eżami ta’ dan il-motiv, tillimita ruħha għall-argumenti invokati minn din il-parti, iżda għandha tagħmel analiżi kompleta tiegħu, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli u l-prinċipji tad-dritt applikabbli kollha, preċiżament sabiex ma tibbażax id-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati.

(ara l-punti 35-37)

3.      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet regolamentari speċjali applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-Unjoni, u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fir-regoli ta’ proċedura tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, l-ebda test ma jwassal għall-konklużjoni li r-relazzjonijiet bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea. A fortiori l-istess huwa l-każ fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-kandidati għal kompetizzjoni esterna li, bħala prinċipju, la huma uffiċjali u lanqas membri tal-persunal.

(ara l-punt 56)

4.      Jikser l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi s-sistema lingwistika tal-Komunità Ekonomika Ewropea, u għandu, għalhekk, jiġi annullat, avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali li jipprevedi li l-kandidati huma marbuta jikkomunikaw mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) b’lingwa, magħżula minnhom, minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż. Fil-fatt, l-att tal-kandidatura huwa, mingħajr ebda dubju, test indirizzat lill-istituzzjonijiet li stabbilixxew lill-EPSO minn persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, jiġifieri l-kandidat. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, din il-persuna (il-kandidat) għandha d-dritt li tagħżel il-lingwa ta’ redazzjoni ta’ dan it-test, minn fost il-lingwi uffiċjali kollha elenkati fl-Artikolu 1 tal-istess regolament. Sa fejn l-avviż ta’ kompetizzjoni jillimita din l-għażla għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, huwa jikser dawn id-dispożizzjonijiet. L-istess jingħad għall-komunikazzjonijiet eventwali oħra li kandidat jista’ jitwassal sabiex jindirizza lill-EPSO fir-rigward tal-kompetizzjoni prevista mill-avviż.

Barra minn hekk, il-komunikazzjonijiet mibgħuta mill-EPSO lil kull kandidat li jkun bagħatlu att tal-kandidatura jikkostitwixxu risposti, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, għall-att tal-kandidatura u għat-testi eventwali l-oħra li l-kandidat ikun bagħat lill-EPSO. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, dawn ir-risposti għandhom jiġu redatti fil-lingwa magħżula, minn fost il-lingwi uffiċjali kollha, mill-kandidat inkwistjoni, għar-redazzjoni tat-testi tiegħu. L-osservanza, mill-EPSO, ta’ dan l-obbligu tassumi iktar importanza fil-każ fejn l-avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedi selezzjoni abbażi tal-kwalifiki, li ssir fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati li jkunu saru fl-att tal-kandidatura. B’hekk, huwa importanti li dawn id-dikjarazzjonijiet isiru bil-lingwa magħżula minn kull kandidat, jekk ikun il-każ bil-lingwa materna tiegħu, u mhux b’lingwa li, għal xi wħud minnhom, ma tkunx il-lingwa li biha huma jesprimu ruħhom l-aħjar, minkejja li jkollhom għarfien sodisfaċenti tagħha.

(ara l-punti 60-63)

5.      Huwa veru li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija funzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-għażla tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom, stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa u awtonomija fir-rigward tal-ħolqien ta’ impjieg ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, fir-rigward tal-għażla tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal sabiex jimla l-impjieg maħluq u fir-rigward tan-natura tar-relazzjoni li torbothom ma’ membru tal-persunal. Madankollu, din l-awtonomija ma teżonerahomx mill-obbligu li josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea.

Barra minn hekk, n-neċessità tal-osservanza tal-obbligi li joħorġu mir-Regolament Nru 1 ma għandhiex il-konsegwenza li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma preklużi milli jiddeterminaw, huma stess, fl-eżerċizzju tal-awtonomija funzjonali tagħhom, il-ħtiġijiet lingwistiċi tagħhom. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 ma jipprekludix stipulazzjoni, f’avviż ta’ kompetizzjoni, li teżiġi mill-kandidati għall-kompetizzjoni għarfien lingwistiku speċifiku. Huwa sempliċement jipprevedi li, anki f’tali ipoteżi, l-awtur tal-avviż ta’ kompetizzjoni għandu jikkomunika ma’ kull kandidat bil-lingwa uffiċjali magħżula minn dan tal-aħħar, u mhux b’lingwa magħżula minn fost grupp ta’ lingwi iktar ristrett, anki jekk l-għarfien ta’ mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi jkun meħtieġ minn kull kandidat sabiex ikun jista’ jipparteċipa fil-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 ma jipprevedix eċċezzjonijiet għall-obbligu li huwa jimponi, la għal raġunijiet marbuta mal-interess tas-servizz u lanqas għal raġunijiet oħra.

(ara l-punti 67-69, 104)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 81, 82)

7.      Il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għal kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa. Fil-fatt, huwa evidenti li, b’tali stipulazzjoni, ċerti kandidati potenzjali (li għandhom għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas waħda mit-tliet lingwi magħżula) huma ffavoriti, inkwantu jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni u jkunu, b’hekk, irreklutati bħala uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Unjoni, filwaqt li l-oħrajn, li ma jkollhomx tali għarfien, huma esklużi.

F’dan ir-rigward, jekk l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika li l-għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra huwa rikjest “sa fejn neċessarju għall-funzjonijiet” li l-kandidat huwa mitlub jeżerċita, huwa ma jindikax il-kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex l-għażla ta’ din il-lingwa tiġi llimitata minn fost il-lingwi uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea. Bl-istess mod, jekk, skont l-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ kompetizzjoni jista’ possibbilment jispeċifika l-għarfien tal-lingwi meħtieġa min-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, madankollu minn din id-dispożizzjoni ma tirriżultax awtorizzazzjoni ġenerali sabiex issir deroga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1.

Konsegwentement, peress li l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprojbixxix biss id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, iżda wkoll diversi forom oħra ta’ diskriminazzjoni, inkluża dik fuq il-bażi tal-lingwa, huwa biss l-għan li jkollhom kandidati li jistgħu jaħdmu immedjatament li jista’ jiġġustifika, possibbilment, diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Min-naħa l-oħra, tali diskriminazzjoni ma tistax tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ uffiċjali bl-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, meta dawn il-kwalitajiet huma, manifestament, indipendenti mill-għarfien lingwistiku ta’ kandidat.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex suffiċjenti li l-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għal kompetizzjoni jiġi difiż billi jsir riferiment għan-numru kbir ta’ lingwi rrikonoxxuti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 bħala lingwi uffiċjali u ta’ ħidma tal-Unjoni u għan-neċessità li tirriżulta minn dan sabiex issir għażla ta’ numru iktar ristrett ta’ lingwi, jew lingwa waħda, bħala lingwi ta’ komunikazzjoni interna jew “lingwi funzjonali”. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għall-għażla ta’ lingwa waħda jew ta’ diversi lingwi speċifiċi, bl-esklużjoni tal-lingwi l-oħra kollha. B’hekk, tali limitazzjoni ma tistax titqies oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata meta jidhru, fost dawn il-lingwi, minbarra lingwa li l-għarfien tagħha huwa mixtieq jew neċessarju, lingwi oħra li ma jagħtu ebda vantaġġ partikolari. Jekk wieħed jaċċetta, bħala alternattiva għal-lingwa unika li l-għarfien tagħha jikkostitwixxi vantaġġ għal uffiċjal irreklutat ġdid, lingwi oħra li l-għarfien tagħhom ma jikkostitwixxix vantaġġ, ma hemm l-ebda raġuni valida sabiex ma jiġux aċċettati wkoll il-lingwi uffiċjali l-oħra.

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-membri ta’ istituzzjoni partikolari jużaw biss lingwa jew ċerti lingwi fid-deliberazzjonijiet tagħhom, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, li uffiċjal irreklutat ġdid, li ma jkollux għarfien ta’ dawn il-lingwi, ma jkunx kapaċi jipprovdi immedjatament xogħol utli lill-istituzzjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 87, 88, 93, 94, 103, 117, 135, 146)

8.      Huwa, ċertament, veru li, fl-oqsma li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbla mal-għan tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, dan ma jeskludix kull kontroll, mill-qorti tal-Unjoni, tar-rekwiżiti possibbli ta’ għarfien lingwistiku speċifiku tal-kandidati għal kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, huwa l-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tivverifika li tali rekwiżiti jkunu oġġettivament iġġustifikati u proporzjonati għall-ħtiġijiet reali tas-servizz, fi kliem ieħor li dawn ma jkunux arbitrarji jew manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan imfittex.

(ara l-punti 105, 106)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 151)