Language of document : ECLI:EU:T:2012:537





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-11 ta’ Ottubru 2012 – Novatex vs Il‑Kunsill

(Kawża T‑556/10)

“Sussidji – Importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ poliethylene terephthalate li joriġinaw mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda – Dazju kumpensatorju definittiv u ġbir definittiv tad-dazju provviżorju – Artikolu 3(1) u (2), Artikolu 6(b), u Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009”

1.                     Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti (Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009) (ara l-punt 35)

2.                     Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi — Sussidju — Kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni — Skema ġenerali ta’ tassazzjoni — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-paragun tat-trattament fiskali tad-dħul mill-bejgħ domestiku u mill-bejgħ għall-esportazzjoni (Ftehim dwar is-sussidji u l-miżuri kumpensatorji tal-1994, Artikolu 1(1)(a)(ii); Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikoli 2 sa 4) (ara l-punti 36, 40-43)

3.                     Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi — Sussidju — Kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni — Kunċett — Sistema fiskali li twassal għal rata ta’ taxxa iktar baxxa fuq il-profitti fuq l-esportazzjonijiet milli fuq il-profitti fuq il-bejgħ domestiku — Inklużjoni (Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikolu 3(1)(a)(ii)) (ara l-punti 56-58, 63, 65)

4.                     Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi — Żvolġiment tal-investigazzjoni — Setgħat tal- Kummissjoni — Limiti — Obbligu ta’ kooperazzjoni tal-impriżi msemmija f’ilment — Portata (Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikoli 11(2) u 26) (ara l-punti 81, 87)

5.                     Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi — Sussidju — Self mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi — Eżistenza ta’ vantaġġ mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi — Kundizzjonijiet (Ftehim dwar is-sussidji u l-miżuri kumpensatorji tal-1994, Artikolu 14(b); Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikoli 3(2) u 6(b)) (ara l-punti 119, 124-126)

6.                     Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Setgħa ta’ emenda — Esklużjoni (Artikolu 264 TFUE) (ara l-punti 152-154)

Suġġett

Talba għall-annullament tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010, tas-27 ta’ Settembru 2010, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda (ĠU L 254, p. 10) sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010, tas-27 ta’ Settembru 2010, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda huwa annullat sa fejn dan jikkonċerna lil Novatex Ltd, sa fejn id-dazju kumpensatorju definittiv għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ poliethylene terephthalate fl-Unjoni Ewropea jeċċedi lil dak applikabbli fin-nuqqas tal-iżball relatat mal-ammont indikat fil-linja 74 tad-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena ta’ tassazzjoni 2008

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u 50 % ta’ dawk sostnuti minn Novatex. Novatex għandha tbati 50 % tal-ispejjeż tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.