Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Diċembru 2010 - Novatex vs Il-Kunsill

(Kawża T-556/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Novatex Ltd (Karachi, il-Pakistan) (rappreżentant: B. Servais, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010 tas- 27 ta' Settembru 2010 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda1

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kunsill tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/20092, billi kkonkluda bi żball li r-Reġim tat-Taxxa Finali (FTR) huwa skema li tippreċedi d-dħul pubbliku, u, konsegwentement, jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja u li l-FTR invarjabbilment jagħti benefiċċji lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti ssostni li:

- ir-Reġim tat-Taxxa Finali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, interpretat konformement mad-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji u l-interpretazzjoni tiegħu li tirriżulta mill-ġurisprudenza tad-WTO.

- ir-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 interpretat konformement mad-dispożizzjoni relevanti tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji, billi jikkonkludi li r-Reġim tat-Taxxa Finali jagħti benefiċċji lir-rikorrenti.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kunsill:

tal-Artikoli 3(2) u 6(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 interpretat konformement mad-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji, billi użat ir-rata kummerċjali applikabbli fis-seħħ waqt il-perijodu ta' investigazzjoni, kif tidher fuq is-sit web tal-Bank Statali tal-Pakistan, minnflok ir-rata kummerċjali fis-seħħ fiż-żmien meta r-rikorrenti kkonkludiet il-kuntratt ta' self;

tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 interpretat konformement mad-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji, billi użat id-denominatur żbaljat, jiġifieri, il-qliegħ totali mill-esportazzjoni, filwaqt li d-denominatur adatt kien il-qliegħ totali.

____________

1 - ĠU L 254.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188).