Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Diċembru 2010 - JBF RAK LLC vs Il-Kunsill

(Kawża T-555/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: JBF RAK LLC, Al Jazeerah Al Hamra, Ras Al Khaimah, l-Emirati Għarab Magħquda (rappreżentant: B. Servais, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010, tas-27 ta' Settembru 2010, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda 1;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

1.    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill kiser l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 2, sa fejn huwa injora l-fatt li importazzjonijiet ta' materja prima mibgħuta mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma kinux suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni u, għaldaqstant, żbalja fil-kalkolu tal-marġni ta' sussidju. Ir-rikorrenti ssostni li, f'dan il-każ, il-Kunsill naqas:

-    li jistabbilixxi b'mod korrett l-ammont ta' sussidju kumpensatorju peress li huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta' unjoni doganali bejn il-membri tal-Kunsill għall-kooperazzjoni fil-Golf (KKG);

-    li jieħu inkusiderazzjoni l-impatt ta' tali unjoni doganali fuq l-ammont ta' sussidji kumpensatorji.

Fid-dawl ta' dan, ir-rikorrenti ssostni li d-dazju kumpensatorju jaqbeż l-ammont ta' sussidju kumpensatorju stabbilit fl-investigazzjoni.

2.    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill kiser l-Artikolu 30(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) No 597/2009 3 sa fejn huwa rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati fil-ħin mir-rikorrenti fil-5 ta' Awwissu 2010.

3.    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill kiser l-Artikolu 11(8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) No 597/2009 sa fejn huwa naqas li jeżamina l-eżattezza tal-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fil-5 ta' Awwissu 2010.

4.    Permezz tar-raba'motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba sa fejn huwa adotta r-regolament ikkontestat mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li kellu fid-dispożizzjoni tiegħu.

____________

1 - ĠU L 254, p. 10

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, tal-11 ta' Ġunju 2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, (ĠU L 188, p. 93)