Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (is-Seba’ Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-442/17 RENV, RN vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-118/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Schima, B. Mongin, G. Gattinara, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: RN, Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, RN vs Il-Kummissjoni (T-442/17 RENV);

tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-kawża fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-kawża fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi li jikkonsisti fl-estensjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ambitu tal-kawża mressqa quddiemha lil hinn mis-suġġett tat-tilwima fuq rinviju kif iddelimitat mill-qorti tal-appell (punti 41 sa 46 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni targumenta li:

il-portata tar-rinviju ma titħalliex għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju;

il-qorti tal-appell ikkonstatat li l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu jkopru sitwazzjonijiet differenti. Peress li dawn is-sitwazzjonijiet huma ttrattati b’mod differenti, hija għalhekk impliċitament iżda neċessarjament iddeċidiet b’mod negattiv dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

is-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fuq rinviju tikkontradixxi s-sentenza fuq appell dwar il-kwistjoni madankollu deċiża b’mod definittiv dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur u ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punti 68 sa 71 u punt 79 tas-sentenza appellata). Skont il-Kummissjoni:

-    il-Qorti Ġenerali ddevjat mill-prinċipju skont liema l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ma tistax tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet ibbażati fuq konsegwenzi ta’ dan l-att f’każ partikolari;

-    l-illegalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tkun ibbażata fuq in-natura “mhux raġonevoli” tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur;

-    il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw iż-żewġ sitwazzjonijiet li għandhom jiġu pparagunati, bi ksur tal-prinċipji stabbiliti mis-sentenza HK vs Il-Kummissjoni (C-460/18 P).

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li huma paragunabbli s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (punti 72 sa 85 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni targumenta li:

id-data taż-żwieġ ma hijiex l-uniku kriterju li jiddistingwi l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-distinzjoni tirrigwarda serje ta’ elementi li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni;

il-Qorti Ġenerali kien imissha tqis l-għan tat-tul minimu taż-żwieġ fiż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni, li kien juri d-differenzi bejniethom;

id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ma hijiex stabbilita.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u ta’ diversi istanzi ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punti 87 sa 88 u 90 sa 113 tas-sentenza appellata):

l-ewwel parti tal-aggravju hija bbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jikkonsisti fir-rifjut li jiġu distinti l-konsegwenzi tal-mewt tal-uffiċjal fuq il-konjuġi superstiti skont jekk iż-żwieġ ġiex ikkuntrattat qabel jew wara s-servizz (punti 87 sa 88 tas-sentenza appellata);

it-tieni parti tal-aggravju hija bbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-għan intiż li tiġi evitata l-frodi u fuq ksur ta’ obbligu ta’ motivazzjoni (punti 90 sa 105 tas-sentenza appellata);

it-tielet parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-għan intiż li jiġi ssalvagwardat l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ pensjonijiet tal-Unjoni (punti 106 sa 113 tas-sentenza appellata).

____________