Language of document : ECLI:EU:T:2021:185

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

14 ta’ April 2021 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 4(1)(d) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja – Rifjut parzjali tal-BĊE li jawtorizza l‑esklużjoni tal-espożizzjonijiet li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet – Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 – Assenza ta’ eżami tal‑elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami – Awtorità ta’ res judicata – Artikolu 266 TFUE”

Fil-Kawża T‑504/19,

Crédit lyonnais, stabbilita f’Lyon (Franza), irrappreżentata minn A. Champsaur u A. Delors, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn J. Poscia, R. Ugena u F. Bonnard, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamann, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-BĊE ECB‑SSM‑2019‑FRCAG‑39 tat-3 ta’ Mejju 2019 mogħtija skont l-Artikolu 4(1)(d) u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), u l-Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, u fil-ĠU 2013, L 321, p. 6), sa fejn tirrifjuta li tawtorizza lir-rikorrenti teskludi ċerti espożizzjonijiet mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn V. Tomljenović, Presidenta, F. Schalin u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta ta’ 7 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Ir-rikorrenti, Crédit lyonnais, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Franċiż approvata bħala istituzzjoni ta’ kreditu. Hija tikkostitwixxi kumpannija sussidjarja ta’ Crédit agricole SA. Fuq din il-bażi, hija taqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

2        Fil-5 ta’ Mejju 2015, Crédit agricole talbet lill-BĊE l-awtorizzazzjoni, f’isimha u f’isem l-entitajiet tal-grupp Crédit agricole, li r-rikorrenti tagħmel parti minnu, li teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja l-espożizzjonijiet ikkostitwiti mill-ammonti li jaqgħu taħt prodotti rregolati sottoskritti magħha, iżda li hija kienet obbligata tittrasferixxi lill-Caisse des dépôts et consignations (il-Fond ta’ Depożiti u Garanziji, iktar ’il quddiem iċ-“CDC”), istituzzjoni pubblika Franċiża, skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, u fil-ĠU 2013, L 321, p. 6).

3        Il-prodotti kkonċernati huma l-livret A, irregolat mill-Artikoli L.221‑1 sa L.221‑9 tal-code monétaire et financier français (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż, iktar ’il quddiem il-“KMF”), il-livret d’épargne populaire (il-Kont ta’ Tfaddil Popolari, iktar ’il quddiem il-“LEP”), irregolat mill-Artikoli L.221‑13 sa L.221‑17‑2 tal-KMF, u l-livret de développement durable et solidaire (il-Kont ta’ Żvilupp Sostenibbli u Solidali, iktar ’il quddiem il-“LDD”), irregolat mill-Artikolu L.221‑27 tal-KMF. Skont l-Artikolu L.221‑5 tal-KMF, parti mit-total tad-depożiti miġbura taħt il-livret A u l-LDD hija ċċentralizzata f’fond ta’ tfaddil amministrat mill-KDC. L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-LEP skont l-Artikolu R.221‑58 tal-KMF.

4        Fl-24 ta’ Awwissu 2016, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB/SSM/2016‑969500TJ5KRTCJQWXH05/165, mogħtija skont l-Artikolu 4(1)(d) u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), kif ukoll l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, li permezz tagħha huwa rrifjuta li jawtorizza lil Crédit agricole teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja l-espożizzjonijiet għaċ-CDC ikkostitwiti mill-parti mill-ammonti ddepożitati taħt il-livret A, il-LDD u l-LEP li hija kienet marbuta li tgħaddilu. F’din id-deċiżjoni, il-BĊE kkunsidra, essenzjalment, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti – li huwa jissostitwixxi skont ir-Regolament Nru 1024/2013 – kellhom setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom jeskludu jew ma jeskludux, mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja, l-espożizzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifikati f’dik id-dispożizzjoni. Peress li qies li l-ammonti ttrasferiti liċ-CDC baqgħu espożizzjonijiet rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjara, huwa ma laqax it-talba ta’ Crédit agricole.

5        Il-BĊE bbaża ruħu fuq tliet motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq it-trattament kontabbli tat-tfaddil miġbur. It-tieni motiv kien jikkonsisti fl-obbligu kuntrattwali ta’ Crédit agricole li tirrimborsa d-depożiti tal-klijenti, indipendentement minn jekk il-fondi ttrasferiti liċ-CDC ikunux tħallsu lura lilha. It-tielet motiv kien ibbażat fuq l-eżistenza ta’ perijodu ta’ żmien bejn l-aġġustamenti tal-pożizzjonijiet ta’ Crédit agricole u dawk taċ-CDC għall-finijiet ta’ bbilanċjar mill-ġdid. Il-BĊE kkunsidra li, matul dan il-perijodu ta’ żmien, Crédit agricole jista’ jkollha tirrikorri għal bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (fire-sale) tal-attiv filwaqt li tistenna t-trasferiment tal-fondi provenjenti miċ-CDC. Minn dawn il-motivi, il-BĊE ddeduċa li l-mekkaniżmu ta’ trasferiment miċ-CDC lil Crédit agricole ma kienx perfett u qajjem ċertu tħassib prudenzjali li jiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba tagħha.

6        Permezz tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-BĊE msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq. Hija sostniet li l-ewwel żewġ motivi esposti mill-BĊE kienu vvizzjati bi żball ta’ liġi u li t-tielet motiv kien ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

7        Fis-26 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole, f’isimha kif ukoll f’isem l-entitajiet differenti tal-grupp Crédit agricole, fosthom ir-rikorrenti, talbet mill-ġdid l-awtorizzazzjoni li teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja l-ammonti li hija kienet obbligata tittrasferixxi liċ-CDC.

8        Fil-21 ta’ Frar 2019, il-BĊE kkomunika lil Crédit agricole abbozz ta’ deċiżjoni li tagħti l-benefiċċju tad-deroga mitluba lil Crédit agricole kif ukoll lill-entitajiet kollha tal-grupp Crédit agricole, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, li għaliha l-BĊE kellu l-intenzjoni li jagħti biss deroga parzjali.

9        Fis-6 ta’ Marzu 2019, Crédit agricole ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni.

10      Fit-3 ta’ Mejju 2019, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB-SSM-2019-FRCAG-39 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), mogħtija skont l-Artikolu 4(1)(d) u l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

11      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE awtorizza l-esklużjoni mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja ta’ Crédit Agricole u tal-entitajiet tal-grupp tal-parti tal-ammonti ddepożitati taħt il-livret A, il-LDD u l-LEP li huma kienu obbligati li jibagħtu liċ-CDC, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, li għaliha din id-deroga ngħatat biss sa 66 %.

12      Fil-punt 2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 429(14)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 575/2013 kienu ssodisfatti minħabba, qabelxejn, li ċ-CDC kellu jitqies li huwa entità tas-settur pubbliku, sussegwentement, li l-espożizzjonijiet għaċ-CDC kienu ttrattati għal skopijiet prudenzjali skont l-Artikolu 116(4) ta’ dan l-istess regolament u, fl-aħħar nett, li kien hemm obbligu ta’ trasferiment ta’ parti mit-tfaddil iddepożitat taħt il-livret A, il-LDD u l-LEP liċ-CDC għall-iskop ta’ finanzjament ta’ investimenti ta’ interess ġenerali. Essenzjalment, il-BĊE enfasizza wkoll li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti fir-rigward tal-parti tat-tfaddil irregolat li għaliha ma hemmx l-obbligu ta’ trasferiment liċ-CDC, indipendentement mill-iskopijiet tal-użu tagħha.

13      Fil-punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-BĊE fakkar li r-rikonoxximent favur l-awtoritajiet kompetenti ta’ setgħa diskrezzjonali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 kien intiż sabiex jippermettilhom iwettqu arbitraġġ bejn żewġ għanijiet li kienu jikkonsistu, minn naħa, f’li tiġi osservata l-loġika tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja li riedet li l-kalkolu ta’ dan il-proporzjon jinkludi l-miżura tal-espożizzjoni totali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, mingħajr evalwazzjoni skont ir-riskju, u, min-naħa l-oħra, li jkun possibbli li ċerti espożizzjonijiet b’riskju partikolarment dgħajjef u li ma jirriżultawx minn għażla ta’ investiment tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma jkunux rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjoni tal-lieva finanzjarja u jkunu jistgħu jiġu esklużi.

14      Fit-tieni lok, il-BĊE enfasizza li l-perijodu ta’ aġġustament bejn il-pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċ-CDC kien jippreżenta ċertu riskju għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, sa fejn dawn baqgħu responsabbli għad-depożiti għand l-entitajiet ta’ tfaddil u sa fejn l-obbligu li dawn jiġu rrimborsati saħansitra qabel it-trasferiment tal-ammonti taċ-CDC seta’ wassalhom sabiex ibiegħu attiv likwidu ħafna jew ibiegħu f’sitwazzjoni diffiċli tal-attiv bi skont momentarju. Huwa enfasizza l-fatt li l-kobor ta’ dan ir-riskju kien jiddependi mill-konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC u li, għaldaqstant, konċentrazzjoni għolja jew massiva ta’ espożizzjoni għaċ-CDC kellha tiġi riflessa tal-inqas parzjalment fil-proporzjon tal-lieva finanzjarja.

15      Fit-tielet lok, sabiex jiġu bbilanċjati ż-żewġ għanijiet imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, il-BĊE segwa metodoloġija li ħadet inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, il-kwalità tal-kreditu tal-amministrazzjoni ċentrali, it-tieni, ir-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli u, it-tielet, l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet inkwistjoni. Din il-metodoloġija implikat li l-perċentwali globali ta’ eżenzjoni mogħtija mill-BĊE kienet iktar u iktar għolja peress li r-riskji prudenzjali kienu dgħajfa.

16      Fir-rigward tal-kwalità ta’ kreditu tal-amministrazzjoni ċentrali Franċiża, il-BĊE, fil-punt 2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li ma kienx hemm problemi prudenzjali li kienu jiġġustifikaw iċ-ċaħda tat-talba għall-eżenzjoni tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja. Madankollu, huwa osserva li l-klassifikazzjoni mogħtija lir-Repubblika Franċiża mill-organi esterni ta’ evalwazzjoni tal-kreditu (OEEC) ma kinitx l-ogħla possibbli u li l-kwotazzjoni tal-kuntratti ta’ skambju fuq riskju ta’ kreditu għal ħames snin innegozjati mir-Repubblika Franċiża kienet akkumpanjata minn probabbiltà ta’ inadempjenza li ma kinitx nulla.

17      Fir-rigward tar-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli, fil-punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, il-BĊE rrileva li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC seta’ jkollu bħala konsegwenza li istituzzjoni ta’ kreditu kellha twettaq tali bejgħ sabiex tirrimborsa d-depożitanti, fl-istennija tat-trasferiment tal-fondi miċ-CDC. It-tieni, huwa kkunsidra li, għalkemm perijodu ta’ inqas minn ħamest ijiem kien jikkostitwixxi trasferiment kważi istantanju li jinkludi biss riskju limitat ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli, is-sistema ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC timplika terminu li jista’ jkun sa għaxart ijiem. It-tielet, il-BĊE nnota, minn naħa, li, matul il-kriżijiet bankarji reċenti, 10 sa 30 % tad-depożiti – anki ggarantiti – ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kienu ġew irtirati f’inqas minn ħamest ijiem u, min-naħa l-oħra, essenzjalment, li l-livret A kien ta’ natura iktar likwida minn kont ta’ tfaddil. Ir-raba’, il-BĊE enfasizza li, għalkemm b’deċiżjoni tal-24 ta’ Awwissu 2016 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) huwa kien aċċetta li ż-żmien għal aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC ma kienx joħloq riskju ta’ likwidità, dan kien fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kopertura tal-ħtiġijiet ta’ likwidità, li huwa differenti minn dak tal-proporzjoni tal-lieva finanzjarja. Il-ħames, u b’mod iktar partikolari fir-rigward tar-rikorrenti, il-BĊE rrileva li rtirar ta’ 30 % mit-tfaddil f’inqas minn ħamest ijiem kien jirrappreżenta EUR 5.4 biljun.

18      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC, fil-punt 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, il-BĊE enfasizza l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà fi ħdan il-grupp Crédit agricole li jimplika obbligu legali bejn l-entitajiet affiljati li jipprovdu sostenn fil-forma ta’ kapital u ta’ likwidità, li kien jiġġustifika li r-riskju ta’ konċentrazzjoni għall-entitajiet affiljati jiġi evalwat fil-livell tal-grupp. Minn dan huwa kkonkluda li ma kienx hemm riskju ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338).

19      It-tieni, fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rikorrenti, huwa osserva li din ma kinitx koperta mill-mekkaniżmu ta’ solidarjetà tal-grupp Crédit agricole u li, għaldaqstant, ir-riskju ta’ konċentrazzjoni kellu, fir-rigward tagħha, jiġi eżaminat fuq bażi sottokonsolidata. Sa fejn il-proporzjon tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC fir-rigward tal-fondi proprji ta’ kategorija 1 tar-rikorrenti kien ta’ 134 % fl-2015 u ta’ 231 % fl-2018, il-BĊE kkonstata l-eżistenza ta’ riskju ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC.

20      Il-BĊE kkonkluda li kien prudenti, sabiex jittaffa l-impatt fuq il-kapital tal-irtirar massiv ta’ depożiti, li jiġi inkluż ċertu livell ta’ espożizzjonijiet għaċ-CDC fil-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja tar-rikorrenti, li huwa ffissa għal 34 %.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni.

22      Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti Ġenerali talbet informazzjoni mill-BĊE, abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Wara l-osservazzjonijiet ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2020 mir-rikorrenti dwar ir-risposta tal-BĊE, saru domandi addizzjonali lil dan tal-aħħar fil-15 ta’ Ottubru 2020.

23      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

24      Matul is-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2020, instemgħet it-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrifjuta lilha l-awtorizzazzjoni li teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja 34 % tal-espożizzjonijiet tagħha għaċ-CDC;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

26      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

27      Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, meħuda abbażi tal-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

28      Skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE ngħata l-kompitu li “jiżgura l-konformità mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), li jimponu rekwiżiti prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-oqsma ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji, titolizzazzjoni, limiti ta’ skoperturi [espożizzjonijiet] kbar, likwidità, ingranaġġ [lieva finanzjarja], u rapportar u divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni dwar dawk il-kwistjonijiet”. Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti taqa’ fi ħdan grupp suġġett għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE, l-implimentazzjoni ta’ dan il-kompitu taqa’ direttament taħtu, u mhux taħt l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 63).

29      Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, “[g]ħall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni”. Fost dawn il-liġijiet rilevanti hemm ir-Regolament Nru 575/2013.

30      Skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, l-“awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu li istituzzjoni teskludi skoperturi [espożizzjonijiet] mill-miżura ta’ skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: (a) ikunu skoperturi għal entità tas-settur pubbliku; (b) ikunu trattati skont l-Artikolu 116(4); (c) joħorġu minn depożiti li l-istituzzjoni tkun legalment obbligata tittrasferixxi għas-settur pubbliku msemmi fil-punt (a) għall-finijiet tal-finanzjament ta’ investimenti ta’ interess ġenerali”.

31      Kif tfakkar fil-punti 10 sa 20 iktar ’il fuq, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE rrifjuta parzjalment li jilqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex, skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, l-espożizzjonijiet għaċ-CDC kollha, li jikkonsistu fil-parti mid-depożiti rċevuti bħala t-tfaddil irregolat li hija kienet obbligata tittrasferixxi lilha, jiġu esklużi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja tagħha. Il-BĊE applika metodoloġija li ħadet inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, il-kwalità ta’ kreditu tal-amministrazzjoni ċentrali, it-tieni, ir-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli u, it-tielet, l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet inkwistjoni. Dawn il-kriterji ġew eżaminati fil-motivi li jinsabu, rispettivament, fil-punti 2.2.1 sa 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata.

32      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, b’mod partikolari, tliet motivi.

33      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE. Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-tliet motivi mressqa mill-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkorrispondux għal eżekuzzjoni korretta tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472). It-tieni motiv jikkonċerna speċifikament il-motiv ibbażat fuq ir-riskju ta’ konċentrazzjoni li jippreżentaw l-espożizzjonijiet tar-rikorrenti għaċ-CDC. Dan huwa bbażat, essenzjalment, fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-BĊE. It-tielet motiv jikkontesta l-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-BĊE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE

34      Ir-rikorrenti ssostni li t-tliet motivi tad-deċiżjoni kkontestata – jiġifieri l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-amministrazzjoni ċentrali, ir-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli marbut mal-perijodu ta’ aġġustament ta’ għaxart ijiem u l-konċentrazzjoni għolja tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC – li permezz tagħhom il-BĊE rrifjuta li jilqa’ kompletament it-talba mressqa skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 f’dak li jikkonċerna lilha, diġà ġew eżaminati u miċħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), li hija vestita bl-awtorità ta’ res judicata. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-punti 61 sa 63, 66, 80 u 81 tal-imsemmija sentenza.

35      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha ġie annullat għandha tieħu l-miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu tqassim ta’ kompetenzi bejn l-awtorità ġudizzjarja u l-awtorità amministrattiva, li skontu hija l-istituzzjoni li minnha joriġina l-att annullat li għandha tiddetermina l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, sabiex tikkonforma ruħha ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni totali tagħha, l-istituzzjoni kkonċernata hija marbuta, skont ġurisprudenza stabbilita, li tirrispetta mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiddeterminaw is-sens ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27; tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 29, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, T‑283/03, EU:T:2005:315, punt 50).

37      L-Artikolu 266 TFUE jimponi fuq l-istituzzjoni kkonċernata l-obbligu li tevita li kull att intiż li jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 30, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, T‑283/03, EU:T:2005:315, punt 51).

38      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 266 TFUE jimponi obbligu fuq l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 30, u tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 57). Il-proċedura intiża sabiex tissostitwixxi tali att tista’ għalhekk tiġi applikata għall-punt preċiż fejn l-illegalità tkun saret (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑417/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:733, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 58).

39      L-argumentazzjoni tar-rikorrenti għandha tinqasam fi tliet partijiet, skont jekk hemmx inkwistjoni l-allegat ksur tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472) għall-motivi spjegati, rispettivament, fil-punt 2.2.1, fil-punt 2.2.2 jew fil-punt 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-kwalità tal-kreditu tal-amministrazzjoni ċentrali (punt 2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata)

40      Ir-rikorrenti tfakkar li l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), kienet timplika li l-BĊE jeżamina u jistabbilixxi l-probabbiltà ta’ riskju ta’ inadempjenza mir-Repubblika Franċiża. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE jirrikonoxxi li ma jeżistux preokkupazzjonijiet speċifiċi dwar il-kapaċità tal-amministrazzjoni ċentrali li tissodisfa l-obbligi tagħha u sempliċement tenfasizza li n-nota attribwita lir-Repubblika Franċiża mill-OEEC ma hijiex l-ogħla possibbli u li l-probabbiltà ta’ inadempjenza ma hijiex nulla. Dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi stabbilita l-probabbiltà, jiġifieri l-probabbiltà raġonevoli, ta’ inadempjenza.

41      Il-BĊE jsostni li l-kriterju tal-kwalità tal-kreditu tal-amministrazzjoni Franċiża huwa biss wieħed mill-kriterji eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata. Huwa jżid li fid-deċiżjoni kkontestata huwa wettaq analiżi tal-probabbiltà ta’ dan ir-riskju ta’ inadempjenza, li wasslitu sabiex jattribwixxi lir-Repubblika Franċiża l-iskala tal-kwalità ta’ kreditu 1 skont l-Artikolu 114(2) tar-Regolament Nru 575/2013, dispożizzjoni li jirreferi għaliha l-Artikolu 429(14) permezz tal-Artikolu 116(4) tiegħu. Il-BĊE jfakkar li kkonkluda li hemm riskju ta’ inadempjenza li huwa insuffiċjenti sabiex jiġġustifika, waħdu, rifjut tal-eżenzjoni mitluba, iżda li ma kienx null.

42      Il-BĊE jsostni li l-Qorti Ġenerali kkundannat l-analiżi tiegħu biss sa fejn kien qies, sabiex tiċħad it-talba għal eżenzjoni, li, bħala prinċipju u mingħajr eżami tal-każ inkwistjoni, Stat jista’ jkun inadempjenti fil-ħlas. Minn dan huwa ddeduċa li, sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), huwa kellu biss iwettaq eżami tar-riskju ta’ inadempjenza mir-Repubblika Franċiża, peress li l-kwistjoni dwar jekk dan kienx probabbli jew le taqa’ taħt l-implimentazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

43      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fil-punti 59 sa 62 u 66 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), huwa biss sa fejn il-BĊE sempliċement enfasizza l-eventwalità biss ta’ inadempjenza fil-ħlas tar-Repubblika Franċiża mingħajr ma eżamina l-probabbiltà li ġie kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-BĊE. Minn dan jirriżulta li l-BĊE ma kienx prekluż mill-imsemmija sentenza milli jieħu inkunsiderazzjoni l-eventwalità ta’ inadempjenza mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-analiżi tiegħu, iżda huwa kien obbligat iwettaq analiżi tal-probabbiltà ta’ dan ir-riskju.

44      Mill-punt 2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-BĊE rrefera għal żewġ elementi sabiex jikkonkludi li, għalkemm il-kwalità tal-kreditu tal-amministrazzjoni ċentrali Franċiża ma kinitx tippreżenta problemi prudenzjali li kienu jiġġustifikaw li huwa ma jilqax it-talba għal eżenzjoni tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja, ir-riskju ta’ inadempjenza mir-Repubblika Franċiża ma kienx null. Dawn iż-żewġ elementi huma, minn naħa, il-fatt li l-klassifikazzjoni mogħtija lil dan l-Istat mill-OEEC ma kinitx l-ogħla possibbli u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kwotazzjoni tal-kuntratti ta’ skambju fuq riskju ta’ kreditu għal ħames snin innegozjati minn Franza kienet akkumpanjata minn probabbiltà ta’ inadempjenza ta’ 0.611 %.

45      Għaldaqstant, peress li l-BĊE, fid-deċiżjoni kkontestata, wettaq analiżi tal-probabbiltà ta’ inadempjenza mir-Repubblika Franċiża, huwa ma marx kontra s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), b’tali mod li l-argument ifformulat mir-rikorrenti f’dan ir-rigward fl-ewwel parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

46      Fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li l-BĊE ma weriex il-probabbiltà ta’ inadempjenza mir-Repubblika Franċiża, din tirrigwarda, fir-realtà, il-fondatezza tal-analiżi tal-BĊE. Huwa għalhekk fil-kuntest tat-tielet motiv li dan għandu, jekk ikun il-każ, jiġi eżaminat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC (punt 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata)

47      Ir-rikorrenti tqis li l-kriterju tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-BĊE mingħajr ma jmur kontra s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472). Minn naħa, hija tfakkar li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kriterju tal-konċentrazzjoni jista’ jkun rilevanti biss fl-eventwalità fejn, minħabba nuqqas ta’ ħlas mir-Repubblika Franċiża, l-ammonti ttrasferiti bħala tfaddil irregolat ma setgħux jinkisbu miċ-CDC. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-probabbiltà ta’ tali inadempjenza ma ġietx ipprovata mill-BĊE.

48      Il-BĊE jirribatti li, sa fejn huwa eżamina u stabbilixxa l-probabbiltà ta’ inadempjenza mir-Repubblika Franċiża, huwa kellu d-dritt jieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet tar-rikorrenti għaċ-CDC. Huwa jżid li dan il-motiv ma jikkostitwixxix kriterju determinanti u ġie evalwat fid-dawl tal-kriterji l-oħra identifikati, kif turi l-metodoloġija applikata fid-deċiżjoni kkontestata.

49      Fil-punt 63 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), ġie deċiż li, sa fejn il-BĊE ma kienx eżamina l-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas tar-Repubblika Franċiża, l-enfasi tal-volum tal-espożizzjonijiet tar-rikorrenti għaċ-CDC lanqas ma setgħet, fiha nnifisha, tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija espożizzjonijiet fil-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali indikat li l-imsemmi volum seta’ jkun rilevanti biss fl-eventwalità fejn, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas mill-Istat Franċiż, ir-rikorrenti ma setgħetx tikseb mingħand iċ-CDC l-ammonti ttrasferiti bħala tfaddil irregolat u kellha tirrikorri għal bejgħ forzat tal-attiv.

50      Minn dan jirriżulta li l-BĊE seta’, mingħajr ma jmur kontra s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), jieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet tar-rikorrenti għaċ-CDC, sakemm dan it-teħid inkunsiderazzjoni kien assoċjat ma’ eżami tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas tar-Repubblika Franċiża. Issa, kif ġie espost fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, il-BĊE wettaq tali eżami.

51      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ir-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata)

52      Ir-rikorrenti tfakkar li l-eżekuzzjoni tajba tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), kienet timplika li l-BĊE għandu jwettaq eżami fil-fond tat-tfaddil irregolat sabiex jevalwa jekk kienx prevedibbli li l-irtirar ikollu volum u jsir f’daqqa b’mod li jaqbeż ix-xenarji ta’ “tensjonijiet severi” previsti fil-kuntest tal-kalkolu tal-proporzjon ta’ likwidità. Hija ssostni li l-BĊE ma wettaqx tali eżami.

53      Minn naħa, il-BĊE ma jurix kif differenza fiż-żmien, li huwa jammetti li ma tinvolvi ebda riskju ta’ likwidità, tista’ madankollu tippreżenta riskju tal-lieva finanzjarja.

54      Min-naħa l-oħra, il-BĊE llimita ruħu għal kunsiderazzjonijiet ġenerali u ipotetiċi mingħajr ma eżamina l-karatteristiċi speċifiċi tat-tfaddil irregolat. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-ipoteżi prevista mill-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata ta’ rtirar f’daqqa u massiv ma hija sostnuta minn ebda data konkreta u ma hijiex trasponibbli għat-tfaddil irregolat, li għandu garanzija doppja tal-Istat, fir-rigward kemm tad-depożitanti kif ukoll tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u jikkostitwixxi investiment sod f’każ ta’ kriżi.

55      Hija żżid li l-argumentazzjoni tal-BĊE hija bbażata fuq il-premessa li preċedent reċenti wera li l-irtirar massiv (bejn 10 u 30 % tad-depożitu) ta’ tfaddil irregolat seta’ jseħħ fi żmien qasir. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta kemm l-assenza ta’ spjegazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-karatteristiċi tal-eżempju li fuqu l-BĊE bbaża ruħu kif ukoll ir-rilevanza ta’ dak l-eżempju.

56      Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li la l-ipoteżi ta’ rtirar massiv tat-tfaddil irregolat u lanqas dik ta’ bejgħ tal-assi f’sitwazzjoni diffiċli ma huma kredibbli u li, permezz ta’ tali raġunament, il-BĊE mar kontra s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472).

57      Il-BĊE jfakkar li l-Qorti Ġenerali, f’dik is-sentenza, iddeċidiet li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet seta’ jkun kriterju rilevanti fl-evalwazzjoni tar-riskju tal-lieva finanzjarja, iżda mhux għar-riskju ta’ likwidità, fil-każ fejn l-irtirar imwettaq mid-depożitanti kien ta’ importanza tali li eċċeda x-xenarji ta’ “tensjonijiet severi” previsti fil-kuntest tal-kalkolu tal-proporzjon ta’ likwidità.

58      Il-BĊE jsostni li eżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat, li wassalha sabiex tikkunsidra li l-irtirar tal-klijentela seta’ jaqbeż ix-xenarji ta’ “tensjonijiet severi” u li, għaldaqstant, huwa kellu raġun jikkunsidra fl-evalwazzjoni tiegħu l-kriterju tal-perijodu ta’ aġġustament. Huwa jfakkar, f’dan ir-rigward, li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC jista’ jkun ta’ għaxart ijiem, li jimplika l-applikazzjoni tat-tieni kolonna tat-tabella li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

59      Il-BĊE jirrikonoxxi li l-prodotti ta’ tfaddil huma investimenti sodi fi żmien ta’ kriżi, iżda huwa jqis, essenzjalment, li din il-karatteristika ma hijiex marbuta mir-riskju ta’ rtirar massiv (bank run), li japplika għat-tfaddil irregolat minħabba l-likwidità kbira tiegħu. Huwa jfakkar, f’dan ir-rigward, li ma hemmx limitazzjoni legali għall-irtirar fuq l-imsemmi tfaddil, li jirrendiha paragunabbli mal-kontijiet kurrenti klassiċi. Il-BĊE jżid li l-garanzija mill-Istat lanqas ma hija ta’ natura li tipproteġi kontra kull riskju ta’ rtirar massiv, peress li d-deċiżjoni kkontestata tfakkar li l-irtirar massiv – ta’ madwar 10 sa 30 % – ta’ depożiti suġġetti għal skema ta’ garanzija ġew osservati matul il-kriżijiet bankarji reċenti.

60      Il-BĊE jqis li l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata tippermetti li tiġi evalwata r-rilevanza tal-eżempju li fuqu huwa bbaża ruħu.

61      Fl-aħħar nett, il-BĊE jenfasizza, essenzjalment, li l-eżami tar-riskju tal-lieva finanzjarja huwa differenti minn dak tar-riskju ta’ likwidità u li l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 ma jipprevedi ebda metodu li għandu jiġi segwit sabiex jiġu eżaminati t-talbiet magħmula skont din id-dispożizzjoni.

62      Fil-punti 70 u 71 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-riskji assoċjati ma’ lieva finanzjarja eċċessiva – jiġifieri li jkollhom jittieħdu miżuri korrettivi mhux previsti fil-pjan kummerċjali, inkluż bejgħ b’urġenza ta’ attiv li jista’ jwassal għal telf jew evalwazzjoni mill-ġdid tal-attiv li jkun fadal – iseħħu minħabba insuffiċjenza ta’ likwidità. Fil-punti 73 sa 78 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li l-BĊE, f’deċiżjonijiet dwar il-proporzjon ta’ likwidità, kien qies li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC ma kienx il-kawża ta’ riskju ta’ likwidità u li din il-pożizzjoni kienet kondiviża mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) f’rapport tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar ir-rekwiżiti ta’ finanzjament stabbli nett skont l-Artikolu 510 tar-Regolament Nru 575/2013. Dawn il-konstatazzjonijiet wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tifformula tliet konklużjonijiet.

63      Fl-ewwel lok, fil-punt 79 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-pożizzjoni ta’ prinċipju tal-BĊE li l-perijodu ta’ aġġustament inkwistjoni seta’ jiffavorixxi li jkun hemm riskji assoċjati ma’ lieva finanzjarja eċċessiva filwaqt li ma kienx jikkostitwixxi riskju ta’ likwidità, minħabba l-ġeneralità tiegħu, kienet ta’ natura manifestament żbaljata.

64      Fit-tieni lok, fil-punt 80 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC seta’ kien rilevanti għar-riskju tal-lieva finanzjarja, iżda mhux għar-riskju ta’ likwidità, fil-każ biss fejn l-irtirar tad-depożiti marbutin mat-tfaddil irregolat kien ta’ daqs tali li jmur lil hinn mit-“tensjonijiet severi” previsti fil-kuntest tal-kalkolu tal-proporzjon ta’ likwidità skont l-Artikolu 412(1) tar-Regolament Nru 575/2013.

65      Fit-tielet lok, fil-punt 81 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), il-Qorti Ġenerali enfasizzat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali eventwalità sabiex tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti ma setax isir mingħajr eżami fil-fond mill-BĊE tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat. Dan l-eżami kellu, b’mod partikolari, iwassal lill-BĊE jeżamina jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, kienx prevedibbli li l-irtirar tat-tfaddil irregolat ikun f’volum tali u f’daqqa b’mod li jkun meħtieġ l-użu tal-miżuri kkontemplati fil-punt 94 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 mingħajr il-possibbiltà tal-istennija tat-trasferimenti tal-fondi provenjenti miċ-CDC fuq il-bażi tal-aġġustament tal-pożizzjonijiet.

66      Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma eskludietx li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju tal-lieva finanzjarja – minkejja li dan ma jippreżentax problemi mill-perspettiva tal-proporzjon ta’ likwidità – iżda llimitat din l-eventwalità biss għall-każ ta’ rtirar li jaqbeż it-“tensjonijiet severi” previsti abbażi tal-proporzjon ta’ likwidità. Barra minn hekk, hija enfasizzat l-obbligu tal-BĊE li jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq analiżi fil-fond tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat.

67      Fil-punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li t-tfaddil irregolat seta’ jkun is-suġġett ta’ irtirar massiv fi żmien qasir (sa 30 % fi żmien inqas minn ħamest ijiem) minkejja l-garanzija tal-Istat assoċjata miegħu. Sabiex jiġġustifika din l-evalwazzjoni, il-BĊE bbaża ruħu, minn naħa, fuq l-esperjenza tal-kriżijiet bankarji reċenti, li minnhom jirriżulta li istituzzjoni ta’ kreditu rat 10 sa 30 % tad-depożiti tagħha rtirati f’inqas minn ħamest ijiem, u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura partikolarment likwida tat-tfaddil irregolat. Barra minn hekk, hija fakkret li l-irtirar ta’ 30 % tad-depożiti inkwistjoni kien jinvolvi rimbors ta’ kważi EUR 5.4 biljun għar-rikorrenti.

68      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-BĊE, billi rrefera għal irtirar massiv u fi żmien qasir, illimita t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet tar-rikorrenti maċ-CDC għall-ipoteżi prevista fil-punt 80 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), b’tali mod li huwa ma kisirx l-awtorità ta’ res judicata marbuta mal-imsemmija sentenza fuq dan il-punt.  Għaldaqstant, l-argument magħmul mir-rikorrenti f’dan ir-rigward fit-tielet parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

69      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kwistjoni dwar jekk il-BĊE kkonformax ruħu mal-punt 81 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), billi wettaq analiżi fil-fond tat-tfaddil irregolat, il-Qorti Ġenerali tqis li din il-kwistjoni hija marbuta mal-evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u li huwa xieraq li din tiġi eżaminata flimkien mat-tielet motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 429(14) u tal-Artikolu 400(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013

70      Dan il-motiv, li jikkonċerna l-legalità tal-motiv li jinsab fil-punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata u li jirrigwarda l-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet tar-rikorrenti għaċ-CDC, jista’ jinqasam f’żewġ partijiet.

71      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-BĊE talli bbaża ruħu fuq ir-riskju ta’ konċentrazzjoni involut fl-espożizzjonijiet għaċ-CDC meta tali riskju ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

72      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, meta adotta metodoloġija ta’ portata ġenerali fl-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju, il-BĊE assuma setgħa leġiżlattiva meta hija biss setgħa individwali ta’ deċiżjoni li ġiet iddelegata lilu.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, li tikkontesta t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju ta’ konċentrazzjoni ppreżentat mill-espożizzjonijiet għaċ-CDC

73      Ir-rikorrenti tqis li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju ta’ konċentrazzjoni juri li l-BĊE juża s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ġew iddelegati lilu, jiġifieri sabiex jeżerċita kontroll fuq ir-riskju ta’ konċentrazzjoni involut fl-espożizzjonijiet għaċ-CDC, minkejja li l-espożizzjonijiet sovrani ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ dan ir-riskju, skont l-Artikolu 400(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013. Minn dan hija tiddeduċi li l-BĊE, minn naħa, kiser l-Artikolu 400(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 u, min-naħa l-oħra, uża s-setgħa ddelegata lilu mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 għal skop li ma jaqax taħt din id-dispożizzjoni.

74      Il-BĊE jqis li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

75      Essenzjalment, fil-kuntest ta’ din il-parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tippreżenta żewġ ilmenti, ibbażati fuq il-ksur, minn naħa, tal-Artikolu 400(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 429(14) tal-imsemmi regolament.

76      B’mod preliminari, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta t-teħid inkunsiderazzjoni mill-BĊE tar-riskju ta’ konċentrazzjoni waqt l-eżami tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ riskju ta’ konċentrazzjoni huwa previst kemm fid-Direttiva 2013/36 kif ukoll fir-Regolament Nru 575/2013.

77      Skont l-Artikolu 81 tad-Direttiva 2013/36:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li r-riskju ta’ konċentrazzjoni li joriġina minn skoperturi [espożizzjonijiet] għal kull kontroparti, inklużi kontropartijiet ċentrali, gruppi ta’ kontropartijiet konnessi, u kontropartijiet fl-istess settur ekonomiku, reġjun ġeografiku jew mill-istess attività jew prodott bażiku, l-applikazzjoni tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji tal-kreditu, u inkluż b’mod partikolari r-riskji assoċjati ma’ skoperturi indiretti kbar ta’ kreditu bħal emittent ta’ kollateral waħdieni, ikun indirizzat u kkontrollat inkluż permezz ta’ politiki u proċeduri bil-miktub.”

78      L-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jirrigwarda r-riskju ta’ konċentrazzjoni ppreżentat minn klijent jew minn grupp ta’ klijenti konnessi. Essenzjalment, dan huwa intiż li jipprekludi li l-espożizzjonijiet fil-konfront tagħhom jaqbżu 25 % tal-fondi proprji tal-istituzzjoni jew EUR 150 000 000, fejn l-ogħla livell huwa applikabbli.

79      Minn dan jirriżulta li t-trattament u l-kontroll tar-riskju ta’ konċentrazzjoni huma intiżi, essenzjalment, sabiex jevalwaw il-livell ta’ diversifikazzjoni tal-espożizzjonijiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni kbira wisq tal-imsemmija espożizzjonijiet fuq ċerti kontropartijiet.

80      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet inkwistjoni għaċ-CDC huwiex kunsiderazzjoni rilevanti fl-okkażjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 51 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), il-Qorti Ġenerali enfasizzat li s-setgħa ddelegata lill-awtoritajiet kompetenti mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 kienet intiża sabiex tippermettilhom iwettqu kompromess bejn l-għan tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja – li huwa l-miżura tal-espożizzjoni totali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, mingħajr evalwazzjoni skont ir-riskju – u l-possibbiltà li jiġu esklużi mill-kalkolu ta’ dan il-proporzjon ċerti espożizzjonijiet li jippreżentaw profil ta’ riskju partikolarment dgħajjef u li ma jirriżultawx minn għażla ta’ investiment tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

82      Issa, fl-eventwalità fejn ir-riskju ta’ inadempjenza tal-kontroparti ma jistax jiġi eskluż, il-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet ikkonċernati jista’ jikkostitwixxi kunsiderazzjoni rilevanti fl-okkażjoni tal-ġudizzju li l-BĊE huwa obbligat iwettaq.

83      Dan huwa dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472). Fil-fatt, l-argument tal-BĊE bbażat fuq il-volum tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC ma ġiex miċħud minħabba li din il-kunsiderazzjoni ma hijiex rilevanti. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-volum tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC seta’ kien rilevanti fl-eventwalità fejn, minħabba nuqqas ta’ ħlas tar-Repubblika Franċiża, ir-rikorrenti ma setgħetx tikseb mingħand iċ-CDC l-ammonti ttrasferiti bħala tfaddil irregolat u kellha tirrikorri għal bejgħ forzat tal-assi.

84      Għaldaqstant, il-BĊE ma wettaqx żball ta’ liġi meta ħa inkunsiderazzjoni l-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet tar-rikorrenti għaċ-CDC fl-okkażjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

85      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 400(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-BĊE ma setax jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ konċentrazzjoni fuq iċ-CDC, peress li dan it-tip ta’ espożizzjoni huwa eskluż mill-kalkolu tar-riskju ta’ konċentrazzjoni.

86      Ċertament, skont l-Artikolu 400(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, l-espożizzjonijiet għaċ-CDC huma eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta’ dan l-istess regolament, jiġifieri li dawn ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ konċentrazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, din id-deċiżjoni ma tirrigwardax l-osservanza tal-Artikolu 395(1) ta’ dan ir-regolament, iżda dik tal-Artikolu 429(14) tiegħu.

87      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 400(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 ma huwiex applikabbli għal dan il-każ u li, għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-BĊE li ma osservahx.

88      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, li tikkontesta, essenzjalment, l-applikazzjoni mill-BĊE ta’ metodoloġija ta’ portata ġenerali

89      Ir-rikorrenti tenfasizza li s-setgħat iddelegati lill-BĊE permezz tar-Regolament Nru 1024/2013 huma limitati għall-verifika tal-osservanza mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu tar-Regolament Nru 575/2013 u li huwa ma għandu ebda setgħa leġiżlattiva. Hija ssostni li l-iskala li tirrigwarda l-livelli ta’ konċentrazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata hija ppreżentata mill-BĊE bħala li għandha portata ġenerali, sa fejn hija intiża sabiex tapplika għal kull istituzzjoni ta’ kreditu li titlob il-benefiċċju tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013. Għaldaqstant, il-BĊE għandu l-għan li jittratta riskju ġenerali ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet għall-entitajiet tas-settur pubbliku u jeċċedi, għaldaqstant, is-setgħat li ġew iddelegati lilu mill-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013.

90      Il-BĊE jqis li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

91      Kif ġie enfasizzat fil-punt 15 iktar ’il fuq, il-BĊE applika, fid-deċiżjoni kkontestata, metodoloġija li tieħu inkunsiderazzjoni tliet kriterji, fosthom dak tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet inkwistjoni. Din il-metodoloġija hija riflessa f’tabella li tippreċiża l-perċentwali ta’ eżenzjoni li jirriżultaw mill-interazzjoni ta’ dawn it-tliet kriterji.

92      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din il-metodoloġija, il-BĊE sempliċement stabbilixxa regola ta’ kondotta indikattiva tal-mod li bih huwa kellu l-intenzjoni li juża s-setgħa ddelegata lilu mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet il-legalità ta’ proċeduri ekwivalenti ta’ limitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali, anki jekk ir-regola ta’ kondotta hija stabbilita f’direttivi interni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1974, Louwage vs Il-Kummissjoni, 148/73, EU:C:1974:7, punt 12, u tal-24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il-Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 60) jew f’linji gwida ppubblikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209 sa 211, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 53).

94      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali metodoloġija ma hijiex simili għall-adozzjoni mill-BĊE ta’ att normattiv li jmur lil hinn mill-ambitu tas-setgħat iddelegati lilu mir-Regolament Nru 1024/2013. Fil-fatt, din hija biss regola ta’ kondotta indikattiva li l-eżistenza tagħha ma tiddispensax lill-BĊE minn eżami partikolari ta’ kull sitwazzjoni individwali, li jista’ jwasslu sabiex ma japplikax l-imsemmija metodoloġija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209 sa 211).

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE kellu d-dritt li jenfasizza fid-deċiżjoni kkontestata l-metodoloġija li huwa kellu l-intenzjoni jsegwi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, sa fejn huwa ma kienx iddispensat minn eżami partikolari tas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti.

96      Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-BĊE

97      Ir-rikorrenti ssostni li t-tliet motivi tad-deċiżjoni kkontestata li l-BĊE bbaża ruħu fuqhom sabiex jirrifjuta li jilqa’ kompletament it-talba tagħha huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

98      Fir-rigward tal-estent tal-istħarriġ ġuridiku li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita fuq il-fondatezza ta’ dawn il-motivi, sa fejn il-BĊE għandu setgħa diskrezzjonali u, konsegwentement, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-għażla li jagħti jew ma jagħtix il-benefiċċju tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, l-imsemmi stħarriġ ma għandux iwassalha sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-BĊE b’dik tagħha, iżda huwa intiż sabiex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti sostantivament ineżatti u li din ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi, żball manifest ta’ evalwazzjoni jew użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE, T‑758/16, EU:T:2018:472, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom tali setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, wieħed isib b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ikkonċernat (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE, T‑758/16, EU:T:2018:472, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tista’ tinqasam fi tliet partijiet, li jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli (punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni, l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ kreditu tal-amministrazzjoni ċentrali (punt 2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tielet, il-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet tagħha għaċ-CDC (punt 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99 iktar ’il fuq billi ma ħax inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli, il-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat. L-ewwel nett, it-tfaddil irregolat, minħabba l-garanzija doppja tal-Istat, għandu rwol ta’ investiment sod f’każ ta’ kriżi. It-tieni, it-tfaddil irregolat huwa fundamentalment differenti minn riżorsi esterni oħra, bħad-dejn jew id-depożiti ordinarji, minħabba n-natura strutturalment ibbilanċjata fuq il-pjan tal-bilanċ bejn id-depożiti rregolati ċentralizzati u l-krediti tal-istess ammont għaċ-CDC. It-tielet, il-volum tat-tfaddil irregolat ma jiddependix mill-istrateġija tal-istituzzjoni ta’ kreditu, iżda minn fatturi barra mill-kontroll tagħha, peress li dan jaġixxi bħala sempliċi vettura ta’ tranżitu bejn il-persuna li tiddepożita u ċ-CDC. Ir-raba’, l-assenza ta’ ħolqien ta’ riskju ta’ lieva finanzjarja mit-tfaddil irregolat hija kkonfermata minn rapport tal-EBA kif ukoll mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li stabbilixxa mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ipso iure fl-okkażjoni tar-riforma tar-Regolament Nru 575/2013.

102    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għall-argumentazzjoni li hija ppreżentat fil-kuntest tal-ewwel motiv u ttenni l-argumentazzjoni tagħha li, minn naħa, il-BĊE ma jurix kif l-istess perijodu ta’ aġġustament ta’ għaxart ijiem jippreżenta riskju ta’ likwidità fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja iżda mhux fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjon ta’ likwidità u, min-naħa l-oħra, l-ipoteżi ta’ riskju ta’ rtirar massiv (bank run) li jinvolvi 10 sa 30 % tad-depożiti f’inqas minn ħamest ijiem li fuqha l-BĊE jibbaża ruħu ma hijiex verifikabbli u nieqsa mir-rilevanza.

103    Il-BĊE jsostni li ħa inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tat-tfaddil irregolat. L-ewwel nett, in-natura partikolarment sigura tat-tfaddil irregolat hija marbuta mal-assenza ta’ riskju ta’ telf tal-kapital iddepożitat u ma tinfluwenzax ir-riskju ta’ rtirar massiv, li jirriżulta min-natura partikolarment likwida ta’ dan it-tip ta’ depożiti. It-tieni, il-bilanċ tal-bilanċ tat-tfaddil irregolat ma jaffettwax ir-riskju tal-lieva finanzjarja u, fi kwalunkwe każ, relattiv. It-tielet, huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni li hija ma għandha ebda influwenza fuq l-inċentiv taż-żieda tat-tfaddil irregolat, peress li d-distribuzzjoni ta’ dan it-tfaddil timplika pass pożittiv min-naħa tagħha u peress li hija tippromwovi dan. Ir-raba’, hija tikkonfuta r-rilevanza tal-opinjoni tal-EBA u tal-emenda li saret fl-okkażjoni tar-riforma tar-Regolament Nru 575/2013.

104    Il-BĊE jirreferi wkoll għall-argumentazzjoni li huwa diġà espona fil-kuntest tal-ewwel motiv. Huwa jqis li huwa evalwa korrettament ir-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli fl-istennija tal-aġġustament tal-pożizzjonijiet maċ-CDC u jsostni l-affermazzjoni tiegħu li ċ-ċifri ta’ 10 sa 30 % tal-irtirar fi żmien ħamest ijiem jirriżultaw minn eżempju reċenti. Huwa jsostni li wera li l-perijodu ta’ aġġustament ta’ għaxart ijiem jista’ jikkawża riskju tal-lieva finanzjarja u jsostni li dan il-kriterju ma ġġustifikax waħdu d-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, huwa jenfasizza li spjega għal xiex l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ likwidità kienet differenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja u f’dak tal-proporzjon ta’ likwidità sa fejn dan seta’ jeċċedi x-xenarji ta’ “tensjonijiet severi” previsti f’dan l-aħħar kuntest.

105    Mis-silta tad-deċiżjoni kkontestata miġbura fil-qosor fil-punt 67 iktar ’il fuq jirriżulta li l-BĊE bbaża ruħu, essenzjalment, fuq żewġ ġustifikazzjonijiet sabiex jikkonkludi li l-ammonti li r-rikorrenti kienet obbligata tittrasferixxi liċ-CDC kienu jippreżentaw riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli, jiġifieri, minn naħa, in-natura partikolarment likwida ta’ dan it-tfaddil u, min-naħa l-oħra, l-esperjenza tal-kriżijiet bankarji reċenti.

106    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq, il-BĊE kellu jeżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 66 u 69 iktar ’il fuq, il-BĊE kien obbligat, għall-finijiet li jikkonforma ruħu mal-punt 81 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), iwettaq analiżi fil-fond tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat.

107    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi ebda karatteristika essenzjali tat-tfaddil irregolat, irrilevata mir-rikorrenti, jiġifieri l-kwalità tagħha ta’ “investiment sod” f’każ ta’ kriżi bankarja.

108    Fil-fatt, din il-kwalità ta’ “investiment sod” hija murija b’mod suffiċjenti skont il-liġi mill-provi prodotti mir-rikorrenti, mingħajr ma hija, barra minn hekk, ikkontestata mill-BĊE fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu.

109    B’hekk, ir-rikorrenti tfakkar li l-Cour des comptes (il-Qorti tal-Awdituri ta’ Pariġi, Franza) enfasizzat fir-Rapport Pubbliku Annwali tal-2010 tagħha li “l-kriżi finanzjarja wriet in-natura attraenti [tal-livret A] għall-persuni li jiddepożitaw b’tendenza li jkunu iktar prudenti fl-investimenti tagħhom”. Bl-istess mod, il-gazzetta ta’ kuljum Le Monde, fl-edizzjoni tagħha tad-19 ta’ Frar 2009, enfasizzat li “l-ġbir nett tal-livret A [kien] laħaq EUR 18.7 biljun fl-2008, livell storiku li huwa kważi tliet darbiet ir-rekord preċedenti, li jwassal għall-ammont ta’ EUR 139.2 biljun fl-aħħar ta’ Diċembru [2008], skont iċ-ċifri ppubblikati […] mill-Bank ta’ Franza”, u li “l-livret A [kien] ibbenefika mill-istatus tiegħu ta’ investiment sod sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, kif ukoll minn rata ta’ remunerazzjoni għolja ta’ 4 % bejn l-1 ta’ Awwissu 2008 u l-1 ta’ Frar 2009”.

110    Minn dan jirriżulta li, matul kriżi bankarja, iktar milli jitnaqqsu minħabba l-irtirar mill-persuni li jfaddlu Franċiżi, il-volumi investiti bħala tfaddil irregolat għandhom tendenza li jiżdiedu, peress li l-imsemmi tfaddil jiffavorixxu, għalhekk, dan it-tip ta’ investimenti.

111    It-tieni, ir-rikorrenti ġustament tirrileva wkoll, essenzjalment, li t-tfaddil irregolat ftit jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ lieva eċċessiva.

112    F’dan ir-rigward, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 41 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), mill-premessa 90 tar-Regolament Nru 575/2013 kif ukoll mid-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 93 u 94 tal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament jirriżulta li l-lieva finanzjarja eċċessiva tirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha istituzzjoni ta’ kreditu tiffinanzja parti kbira wisq mill-investimenti tagħha permezz tad-dejn pjuttost milli bil-fondi proprji tagħha. Ir-riskju huwa għaldaqstant li l-istituzzjoni ta’ kreditu ma jkollhiex fondi proprji tagħha li jkunu suffiċjenti sabiex tonora t-talbiet għall-ħlas lura tad-djun tagħha u jkollha tbigħ b’urġenza wħud mill-assi tagħha. Il-konsegwenzi negattivi ta’ dan it-tnaqqis b’urġenza tal-livell ta’ lieva matul il-kriżi finanzjarja ġew spjegati kif ġej fil-premessa 90 tar-Regolament Nru 575/2013:

“[…] Dan amplifika l-pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-assi, ikkawża aktar telf kemm għall-istituzzjonijiet li, konsegwentement, ġab miegħu aktar tnaqqis fil-fondi proprji tagħhom. Ir-riżultati finali ta’ dan il-moviment negattiv kienu tnaqqis fid-disponibbiltà tal-kreditu għall-ekonomija reali u kriżi aktar profonda u itwal.”

113    Issa, b’differenza mid-depożiti li jitħallew għad-dispożizzjoni libera tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kull tip ta’ investiment, inkluż f’attiv riskjuż jew mhux likwidu, li jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ lieva finanzjarja eċċessiva – huma inkwistjoni f’din il-kawża ammonti li r-rikorrenti hija obbligata tittrasferixxi liċ-CDC, li għalhekk ma jistgħux jiġu investiti f’attiv riskjuż jew mhux likwidu.

114    Fl-aħħar nett, it-tielet, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mid-depożiti ordinarji li jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149), li fil-kuntest tagħha hija prevista biss il-protezzjoni tad-depożitanti permezz tal-intervent ta’ fondi pprovduti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-ammonti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma obbligati jittrasferixxu liċ-CDC jibbenefikaw minn garanzija doppja tar-Repubblika Franċiża. Fil-fatt, l-Artikolu 120‑I tal-Liġi Nru 2008‑1443 tal-Finanzi rettifikattiva għall-2008 tat-30 ta’ Diċembru 2008 (JORF tal-31 ta’ Diċembru 2008, p. 20518), li għalih jirreferi l-Artikolu L.221‑7‑V taċ-CMF, jipprevedi garanzija mill-Istat kontra eventwali inadempjenza taċ-CDC mhux biss fir-rigward tad-depożitanti, iżda wkoll favur l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

115    Fit-tieni lok, u fid-dawl tal-elementi spjegati fil-punti 107 sa 114 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura partikolarment likwida tat-tfaddil irregolat ma tippermettix, waħedha, li tintwera l-fondatezza tal-konklużjoni tal-BĊE bbażata fuq ir-riskju tal-bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli li din tippreżenta.

116    Fil-fatt, għalkemm din il-likwidità tista’ effettivament tiffavorixxi l-irtirar mill-persuni li jfaddlu tal-imsemmi tfaddil, mill-provi prodotti mir-rikorrenti jirriżulta wkoll li l-imsemmija likwidità tikkontribwixxi wkoll għall-kwalità tagħha ta’ “investiment sod” fis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Fil-fatt, hija tikkontribwixxi sabiex tipprovdi lil dawk li jfaddlu strument likwidu – li jippermettilhom li jagħmlu rtirar u pagamenti bħal kont kurrenti – u li għandu wkoll livell għoli ta’ sigurtà, kif ifakkar ir-rapport annwali tal-osservatorju tat-tfaddil irregolat, li jipprovdi li, “fl-2011, filwaqt li [ġie osservat] li kien hemm żieda fl-inċertezzi u fil-volatilità fis-swieq finanzjarji, is-sigurtà tradizzjonali offruta minn investiment iggarantit mill-Istat, totalment likwidu u li r-remunerazzjoni tiegħu hija eżentata mit-taxxa, ikkontribwixxiet għan-natura attraenti tiegħu.”

117    Minn dan jirriżulta li l-fondatezza ta’ dan il-motiv tiddependi essenzjalment mill-ġustifikazzjoni tal-BĊE bbażata fuq l-esperjenza tal-kriżijiet bankarji reċenti.

118    F’dan ir-rigward, fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni kkontestata u mir-risposti tal-BĊE għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li dan ibbaża ruħu fuq eżempju wieħed sabiex jikkonkludi li “l-esperjenza tal-kriżijiet bankarji reċenti [kienet] turi li [kien] hemm irtirar massiv”. Meta ġie mistoqsi darbtejn fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-BĊE ma xtaqx, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, jiżvela l-identità tal-istituzzjoni ta’ kreditu li għaliha huwa kien qiegħed jirreferi. Madankollu, fir-risposti tiegħu, huwa spjega l-karatteristiċi essenzjali tad-depożiti li kienu s-suġġett ta’ irtirar massiv. Dawn huma depożiti liberi, eliġibbli għall-mekkaniżmu ta’ garanzija favur id-depożitanti li jirriżulta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/49.

119    Sabiex l-eżempju meħud inkunsiderazzjoni mill-BĊE kien rilevanti fil-kuntest tal-analiżi fil-fond tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat li huwa kellu jagħmel, dan kellu neċessarjament jikkonċerna depożiti li għandhom karatteristiċi li huma qrib biżżejjed għal dawk imwettqa abbażi tat-tfaddil irregolat.

120    Fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata mill-BĊE, il-Qorti Ġenerali tqis li dan ma kienx il-każ.

121    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, mill-perspettiva tal-kontribut għall-ħolqien ta’ lieva finanzjarja eċċessiv, ir-riferiment mill-BĊE għall-fatt li kienu inkwistjoni depożiti liberi jimplika libertà ta’ użu tal-imsemmija depożiti mill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, inkluż f’attivi riskjużi jew mhux likwidi. F’dan ir-rigward, tali eżempju huwa differenti mid-depożiti li r-rikorrenti hija obbligata tittrasferixxi liċ-CDC inkwistjoni f’dan il-każ, għar-raġunijiet esposti fil-punti 111 sa 113 iktar ’il fuq.

122    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li teżisti t-tieni differenza bejn l-eżempju meħud inkunsiderazzjoni mill-BĊE u t-tfaddil irregolat, li tikkonċerna l-perċezzjoni mid-depożitanti tas-sigurtà tad-depożiti tagħhom u, għaldaqstant, l-eventwalità li dawn jkunu suġġetti għal irtirar massiv u f’daqqa fil-każ ta’ kriżi. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punt 114 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni biss tas-sistema li tirriżulta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/49 ma tistax titqies li għandha karatteristiċi suffiċjentement qrib it-tfaddil irregolat, li huwa, kif ġie enfasizzat fil-punti 107 sa 110 iktar ’il fuq, ipperċepit bħala “investiment sod” f’każ ta’ kriżi.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ġustament tilmenta li l-BĊE kiser l-obbligi tiegħu skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99 iktar ’il fuq billi ma ħax inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli, il-karatteristiċi kollha tat-tfaddil irregolat. Għaldaqstant, għandha tintlaqa’ l-ewwel parti tat-tielet motiv.

124    Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punt 69 iktar ’il fuq, għandu jiġi dedott li l-BĊE ma wettaqx applikazzjoni korretta tal-punt 81 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Crédit agricole vs BĊE (T‑758/16, EU:T:2018:472), li skontu huwa kellu jibbaża l-analiżi tiegħu fuq il-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat. Għaldaqstant, l-argumentazzjoni imqajma f’dan ir-rigward fit-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ wkoll.

125    Il-motiv li jinsab fil-punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa għalhekk ivvizzjat b’illegalità.

126    Fid-dawl tal-metodoloġija applikata mill-BĊE, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivi li jinsabu fil-punti 2.2.1 u 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata – li jirrigwardaw rispettivament il-kwalità ta’ kreditu tal-amministrazzjoni ċentrali u l-livell ta’ konċentrazzjoni tal-espożizzjonijiet għaċ-CDC – anki jekk jitqiesu eżenti minn illegalità, ma kinux jippermettu li jiġi ġġustifikat ir-rifjut kontra r-rikorrenti. Fil-fatt, abbażi tal-imsemmija metodoloġija, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-motivi biss ma jwassalx għar-rifjut li r-rikorrenti tingħata l-benefiċċju sħiħ tad-deroga prevista fl-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

127    Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jintlaqa’ billi d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn il-BĊE rrifjuta lir-rikorrenti milli teskludi 34 % tal-espożizzjonijiet tagħha għaċ-CDC mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja tagħha, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-argumentazzjoni mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tal-motivi l-oħra differenti minn dak li jinsab fil-punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Dwar l-ispejjeż

128    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BĊE tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ECB-SSM-2019-FRCAG-39 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tat-3 ta’ Mejju 2019 hija annullata sa fejn tirrifjuta lil Crédit lyonnais milli teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja tagħha 34 % tal-espożizzjonijiet tagħha għall-Caisse des dépôts et consignations.

2)      Il-BĊE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Tomljenović

Schalin

Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ April 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.