Language of document : ECLI:EU:C:2016:105

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-18 ta’ Frar 2016 (1)

Kawża C‑504/14

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ellenika

“Protezzjoni tan-natura — Direttiva 92/43/KEE — Protezzjoni tal-habitats naturali u tal-ispeċi selvaġġi — Preżenza tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fil-golf ta’ Kyparissia — Sit ta’ Importanza Komunitarja ‘Djuni ta’ Kyparissia’ — Ħarsien tal-ispeċi”





I –    Introduzzjoni

1.        Filwaqt li fil-każ tas-sentenza tagħha dwar il-ħamster komuni fl-Alsace (Franza) il-Qorti tal-Ġustizzja kienet indirizzat stat ta’ konservazzjoni kważi katastrofiku tal-popolazzjoni (2), il-każ preżenti jikkonċerna sitwazzjoni iktar pjaċevoli. Fis-snin li għaddew, il-bajjiet fil-golf ta’ Kyparissia fil-kosta tal-Punent tal-Peloponnese żviluppaw fl-iktar żona importanti fejn tbid il-fekruna tal-baħar Caretta caretta fl-Unjoni, b’numru ta’ bejtiet li qiegħed jiżdied b’mod kontinwu (3). Possibbilment dan l-iżvilupp ikkontribwixxa wkoll biex l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (International Union for Conservation of Nature and Natural Resources, IUCN) fl-2015 evalwat il-popolazzjoni tal-fekruna fil-Mediterran bħala waħda ta’ “least concern”, jiġifieri tassumi l-inqas livell ta’ perikolu fis-sistema ta’ evalwazzjoni tagħha (4).

2.        Għal dan is-suċċess wieħed jista’ biss jawgura lill-Greċja u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), li ilhom jiddedikaw ruħhom għal iktar minn 20 sena għall-ħarsien tal-fekruna.

3.        Minkejja dan, fid-dawl tad-Direttiva “habitats” (5), il-Kummissjoni, iżda anki l-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (6) qegħdin jappellaw għal miżuri ta’ protezzjoni oħrajn (7). Fil-qasam tal-ħarsien tal-ispeċi, il-kritika tal-Kummissjoni, minn naħa, tikkonċerna s-salvagwardji speċifiċi meħtieġa u, min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ protezzjoni attwali neċessarji. Billi l-bajjiet ikkonċernati, fl-istess waqt, huma parti minn żona ta’ protezzjoni skont id-Direttiva “habitats”, il-Kummissjoni tqis ukoll li hemm ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni taż-żoni, u dan kemm fir-rigward ta’ ċerti pjanijiet u proġetti kif ukoll b’rabta mal-projbizzjoni ġenerali ta’ deterjorament.

4.        Minkejja l-istampa ġenerali pożittiva, jiena nemmen li l-kritika tal-Kummissjoni hija parzjalment iġġustifikata. Fil-fatt, l-awtoritajiet Griegi kompetenti qegħdin jippermettu għadd ta’ attivitajiet f’dan is-sit, liema huma ta’ żvantaġġ kemm għat-tgħammir tal-fekruna kif ukoll għat-tipi protetti tal-habitats tad-djuni. F’dan ir-rigward huma kkonċernati b’mod partikolari ċertu tipi ta’ użu turistiku tal-bajjiet kif ukoll l-eżistenza ta’ toroq u passaġġi partikolari, iżda wkoll is-sajd u l-bini ta’ djar.

II – Il-kuntest ġuridiku

5.        Id-Direttiva “habitats” tipprevedi l-istabbiliment ta’ żoni ta’ konservazzjoni, l-hekk imsejħin siti ta’ importanza Komunitarja, li jservu għall-protezzjoni ta’ ċerti tipi ta’ habitats (Anness I tad-Direttiva) kif ukoll ċerti speċi ta’ flora u fawna (Anness II).

6.        L-Anness I, fost l-oħrajn, isemmi tipi differenti ta’ habitats tad-djuni u fl-Anness II tissemma l-fekruna tal-baħar Caretta caretta. Din tal-aħħar hija saħansitra kklassifikata fil-kategorija ta’ speċi prijoritarji, jiġifieri bħala li għandha tingħata protezzjoni partikolari.

7.        L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva “habitats” jirregola l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni taż-żoni:

“Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

8.        Fuq proposta tal-Greċja, fis-sena 2006, il-Kummissjoni, inkludiet is-sit “Djuni ta’ Kyparissia” (“Θίνες Κυπαρισσίας”) taħt in-numru GR2550005 fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja prevista skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva “habitats” (8). Permezz tal-Att Nru 3937/2011, il-Greċja ddikjarat dan is-sit bħala “żona speċjali ta’ protezzjoni”.

9.        Il-protezzjoni tas-siti hija rregolata fl-Artikolu 6(2) sa (4) kif ġej:

“2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet [evalwazzjoni tal-effetti] tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4. Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

[…]”

10.      Minbarra l-protezzjoni taż-żoni, għal ċerti speċi ta’ flora u fawna, li huma elenkati fl-Anness IV, fosthom il-fekruna tal-baħar Caretta caretta, id-Direttiva “habitats” tinkludi projbizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħarsien tal-ispeċi, stipulati fl-Artikolu 12:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV(a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)      […];

(b)      tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)      […];

(d)      deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

11.      Fil-golf ta’ Kyparissia hemm bajja bir-ramel twila madwar 80 km li hija relattivament dritta f’direzzjoni mit-Tramuntana lejn in-Nofsinhar. Bejn wieħed u ieħor 20 km minnha huma parti miż-żona ta’ protezzjoni “Djuni ta’ Kyparissia”.

12.      Iż-żona ta’ protezzjoni tkopri strixxa wiesgħa madwar 300 sa 600 metru mill-baħar ’il ġewwa. Hemmhekk, l-ewwel hemm bajja bir-ramel, li fin-naħa ta’ wara tagħha tagħmel parti mit-tip ta’ habitat 2110, għaram embrijoniċi li jitħarrku. Parzjalment dan huwa konness mat-tip ta’ habitat 2260, dune scrubs ta’ isklerofilli bi Cisto-Lavenduletalia. Fin-Nofsinhar ta’ Vounaki, wara l-bajja u l-għaram embrijoniċi li jitħarrku, wieħed saħansitra jsib żewġ każijiet ta’ tipi tal-habitats tad-djuni ta’ prijorità, jiġifieri 2270*, għaram bis-siġar b’Pinus pinea u/jew Pinus pinaster, kif ukoll 2250*, għaram mal-kosta b’Juniperus spp. Finalment, wara l-bajja hemm ukoll tip ta’ habitat 9540, foresti tal-arżnu Mediterran bl-arżnu Mesoġenew endemiku, li l-firxa tal-erja tagħhom tmiss mal-firxa totali tat-tipi tal-habitats tad-djuni kif ukoll, fuq erja iżgħar ħdejn Vounaki, it-tip ta’ habitat 5210, makkja arborexxenti b’Juniperus spp (9).

13.      F’dan il-każ, hija qabel kollox ikkonċernata parti ta’ madwar 10 km bejn l-irħula ta’ Elaia u Kalo Nero. Skont il-formularju standard tad-data dwar dan is-sit (10) hemmhekk tinsab waħda mill-bajjiet Mediterranji tat-tgħammir l-iktar importanti għall-fekruna tal-baħar Caretta caretta. Bejn il-partijiet hemm qbil li, illum il-ġurnata, din hija saħansitra l-iktar bajja tat-tgħammir importanti.

14.      L-NGOs iddedikati għall-ħarsien tal-fkieren qegħdin jopponu għal diversi attivitajiet fil-bajjiet u, għaldaqstant, ressqu lment quddiem il-Kummissjoni kontra l-Greċja.

15.      Wara li saru kuntatti informali mal-awtoritajiet Griegi, fit-28 ta’ Ottubru 2011 il-Kummissjoni stiednet lill-Greċja sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-allegat ksur tal-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva “habitats”. Minkejja li l-Greċja ppreżentat tagħrif ieħor, il-Kummissjoni baqgħet tassumi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u fl-1 ta’ Ottubru 2012 indirizzat opinjoni motivata lill-Greċja. F’din hija stabbiliet terminu finali sabiex jiġi rrimedjat il-ksur, li kien jiskadi fl-1 ta’ Diċembru 2012.

16.      Billi lanqas ir-risposti addizzjonali tal-Greċja ma kkonvinċew lill-Kummissjoni, fit-12 ta’ Novembru 2014 hija ppreżentat dan ir-rikors.

17.      Il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

(a)      tiddikjara li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:

–        taħt l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva “habitats” billi:

(aa)      naqset milli tieħu l-miżuri xierqa sabiex tevita d-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi, kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li għaliha ġiet innominata ż-żona kkonċernata; u

(bb)      ippermettiet (mingħajr ma għamlet evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet [evalwazzjoni tal-effetti], skont kif stipulat fl-Artikolu 6(3)) attivitajiet li x’aktarx ikollhom effett sinjifikattiv fuq is-sit inkwistjoni billi, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, inaqqsu u jwettqu ħsara għaż-żona ta’ fejn tbejjet l-ispeċi ta’ prijorità Caretta caretta, li tinsab hemmhekk, u b’hekk jiddisturbaw [ifixklu] lill-ispeċi kkonċernata u, finalment, inaqqsu u jwettqu ħsara għall-habitati tad-djuni tar-ramel 2110, 2220 kif ukoll għall-habitat ta’ prijorità 2250 kif ukoll;

–        taħt l-Artikolu 12(1)(b) u (d) ta’ din id-direttiva, billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi u timplementa sistema effettiva ta’ ħarsien strett għall-fkieren tal-baħar tal-ispeċi Caretta caretta (speċi ta’ prijorità) fil-golf ta’ Kyparissia b’mod li jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tal-ispeċi kkonċernata matul il-perijodu ta’ tgħammir u kwalunkwe attività li tista’ tikkawża deterjorament jew qerda tas-siti ta’ tgħammir.

(b)      tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

18.      Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

(a)      tiċħad ir-rikors;

(b)      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19.      Qabel kollox, il-Kummissjoni u l-Greċja esprimew ruħhom f’żewġ noti rispettivament. Wara li ntemmet il-proċedura bil-miktub fid-29 ta’ April 2015, il-Kummissjoni, fis-16 ta’ Ġunju 2015, talbet sabiex tiġi aċċettata prova ġdida, jiġifieri r-rapport 32/2015 tal-Kunsill tal-Istat Grieg dwar l-abbozz tad-digriet presidenzjali fuq il-klassifikazzjoni ta’ park reġjonali fil-golf ta’ Kyparissia.

20.      Finalment, il-partijiet instemgħu oralment fit-13 ta’ Jannar 2016.

IV – Analiżi legali

21.      Il-Kummissjoni tallega li l-Greċja, fiż-żona tas-sit “Djuni ta’ Kyparissia” kisret l-obbligi imposti fuqha mid-Direttiva “habitats” fir-rigward tal-protezzjoni taż-żoni u l-ħarsien tal-ispeċi. B’devjazzjoni mis-sensiela ta’ argumenti tal-Kummissjoni, inizjalment ser niddiskuti l-protezzjoni taż-żoni għaliex, f’dan il-kuntest, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod komprensiv l-effetti sinjifikattivi ppreżentati mill-Kummissjoni, filwaqt li l-ħarsien tal-ispeċi jikkonċerna biss il-fekruna tal-baħar Caretta caretta.

22.      Għaż-żewġ motivi għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet fl-iskadenza tat‑terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2012. Bidliet sussegwenti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (11).

23.      Madankollu, l-ewwel nett għandha tiġi diskussa l-ammissibbiltà tal-prova ppreżentata sussegwentement mill-Kummissjoni.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rapport ippreżentat sussegwentement

24.      Skont l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet, f’każijiet eċċezzjonali, jistgħu jippreżentaw provi jew jipproponu provi wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għalfejn dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

25.      Il-Kunsill tal-Istat Grieg ħejja r-rapport dwar l-abbozz tad-digriet presidenzjali fuq il-ħarsien ta’ diversi żoni fil-golf ta’ Kyparissia, li l-Kummissjoni ppreżentat sussegwentement fis-16 ta’ Ġunju 2015. F’dan huma indirizzati, fost l-oħrajn, perikoli għas-sit “Djuni ta’ Kyparissia”.

26.      Ir-rapport jindika li kien inħareġ fit-8 ta’ April 2015. Fuq il-kopja li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja hemm nota ta’ approvazzjoni miktuba bl-idejn li taqra l-15 ta’ April 2015. Finalment il-Greċja semmiet l-opinjoni fil-kontroreplika tagħha, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2015.

27.      Il-Kummissjoni ssostni b’mod mhux ikkontestat, li hija saret taf dwar dan ir-rapport biss wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub. Fid-dawl tad-dati msemmija iktar ’il fuq, dan l-argument huwa plawżibbli. Għandu jitqies li l-Kummissjoni saret taf dwar l-eżistenza tar-rapport l-iktar tard permezz tal-kontroreplika. Wara kellha tikseb dan id-dokument filwaqt li tanalizza l-importanza tiegħu għall-każ preżenti. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni huwa suffiċjenti sabiex ikun iġġustifikat għaliex hija ma ppreżentatx ir-rapport qabel is-16 ta’ Ġunju 2015. Barra minn dan, fil-każ preżenti, jekk din il-prova tittieħed inkunsiderazzjoni, dan ma jwassalx għal dewmien fil-proċeduri.

28.      Il-Greċja toġġezzjona li r-rapport ma jinkludi l-ebda element ġdid u tqis li t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu huwa eskluż ukoll minħabba l-fatt li ġie adottat matul proċedura għall-adozzjoni ta’ digriet presidenzjali li kienet għadha għaddejja.

29.      L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ argumenti ma jikkonvinċini.

30.      Il-provi li jinkludi dan ir-rapport u n-natura ġdida tagħhom huma aspetti li jirriżultaw mill-analiżi tiegħu stess. Madankollu, l-ammissibbiltà ta’ din il-prova ma tistax tiddependi minn dan. Barra minn hekk, ir-rapport jikkonferma oġġezzjonijiet partikolari tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-pressjoni li qiegħda tiżdied fuq iż-żona ta’ protezzjoni.

31.      Bl-istess mod, il-valur probatorju tar-rapport lanqas ma huwa dubjuż minħabba l-fatt li dan kien inħareġ matul proċedura li kienet għadha ma ntemmitx. Possibbilment, dan kien jiġi evalwat mod ieħor li kieku kien ikkonċernat l-abbozz ta’ rapport li kien għadu jeżiġi l-adozzjoni finali. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. B’mod korrispondenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà bbażat fuq tali rapport anki fil-passat (12).

32.      Għandu jingħad ukoll li la t-tifsira tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u lanqas it-terminu rilevanti għall-perijodu ta’ evalwazzjoni tal-ksur, l-1 ta’ Diċembru 2012, ma jeskludu li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni r-rapport. Fil-fatt, għalkemm dan ma jistax jestendi s-suġġett tal-kawża, la ratione temporis u lanqas ratione materiae, madankollu huwa xieraq, fil-prinċipju, li jiġu pprovati l-ilmenti tal-Kummissjoni li jikkostitwixxu s-suġġett tal-proċeduri.

33.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta r-rapport bħala prova.

B –    Fuq il-protezzjoni taż-żoni

34.      Il-protezzjoni taż-żoni skont l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “habitats” tapplika, konformement mal-Artikolu 4(5), ladarba ż-żona kkonċernata tkun proposta mill-Istat Membru u mniżżla fil-lista taż-żoni ta’ protezzjoni mill-Kummissjoni. Konsegwentement, fil-każ taż-żona “Djuni ta’ Kyparissia” ikkonċernata fil-każ preżenti, il-miżuri ta’ protezzjoni konsegwentement japplikaw mid-19 ta’ Lulju 2006, id-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata magħha (13).

35.      Il-Kummissjoni tilmenta dwar ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament ġenerali skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 1) u tal-obbligu skont l-Artikolu 6(3) li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u proġetti (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 2).

1.      Fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”

36.      Il-Kummissjoni takkuża lill-Greċja li diversi attivitajiet li jseħħu fil-bajja bejn Elaia u Kalo Nero, fil-golf ta’ Kyparissia, huma inkompatibbli mal-projbizzjoni ta’ deterjorament skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”. Billi l-Kummissjoni qiegħda tikkontesta numru kbir ta’ attivitajiet differenti, qabel kollox ser nippreżenta, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti tal-projbizzjoni ta’ deterjorament u, finalment, il-perikolu partikolari għall-fekruna tal-baħar Caretta caretta fil-bajjiet tat-tgħammir tagħha, qabel ma niddiskuti d-diversi punti ta’ kritika mqajma mill-Kummissjoni.

a)      Fuq il-kriterju tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”

37.      B’hekk, attività tkun konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” biss meta jkun iggarantit li din ma tkun qiegħda tikkawża l-ebda tfixkil li x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv fuq l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħha (14). Għalhekk, fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 6(2) huwa ġġustifikat biss jekk il-Kummissjoni tispjega suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi li l-Istat Membru ma ħa ebda miżura sabiex jevita li l-ġestjoni tal-proġetti — bil-kundizzjoni li din issir wara li ż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata tkun ġiet ikklassifikata bħala tali — tikkawża deterjorament tal-habitats tal-ispeċi kkonċernati u tfixkil ta’ dawn l-ispeċi, li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għan ta’ din id-direttiva li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija (15).

38.      Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn turi rabta każwali bejn il-ġestjoni ta’ proġett u tfixkil sinjifikattiv ikkawżat lill-ispeċi kkonċernati sabiex tipprova ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”. Għall-kuntrarju, huwa biżżejjed li tipprova l-probabbiltà jew ir-riskju li l-ġestjoni tikkawża tfixkil sinjifikattiv għal dawn l-ispeċi (16).

39.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-kriterju tal-probabbiltà jew tar-riskju biss sabiex teżamina tfixkil sinjifikattiv ta’ speċi, iżda ma hemm l-ebda raġuni għalfejn ma għandux jintuża wkoll fl-eżami ta’ tipi oħra ta’ ħsara fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, b’mod partikolari d-deterjorament ta’ habitats protetti.

40.      B’mod partikolari, dan il-kriterju huwa dovut għall-fatt li anki l-eżami ex ante tal-effetti ta’ proġett skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” għandu jitwettaq meta jkun jeżisti tali riskju (17). F’dan il-każ, approvazzjoni tkun biss possibbli jekk l-eżami jew juri li s-sit ma huwiex ser jintlaqat ħażin bħala tali jew jekk il-proġett jiġi ġġustifikat skont l-Artikolu 6(4). Dan jikkonċerna kemm lill-ispeċi protetti kif ukoll lill-habitats protetti. Peress li l-Artikolu 6(2) u (3) għandu jiggarantixxi l-istess livell ta’ protezzjoni (18), l-istess kriterju għandu japplika wkoll sabiex jiġi pprovat ksur tal-Artikolu 6(2).

41.      Madankollu, prova fir-rigward ta’ dan il-kriterju mhux neċessarjament turi b’mod deċiżiv li miżura — bħall-ġestjoni ta’ proġett — hija illegali. Fil-fatt, tali prova tista’ tiġi kkonfutata permezz ta’ eżami xieraq tal-effetti fuq iż-żona, jew il-miżura inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” (19).

b)      Fuq il-perikolu għall-fekruna tal-baħar Caretta caretta fil-bajjiet tat-tgħammir tagħha

42.      Bejn il-partijiet hemm qbil dwar l-imġiba riproduttiva tal-fekruna tal-baħar tal-ispeċi Caretta caretta. Wara li din tilħaq l-istadju riproduttiv lejn l-età ta’ 20 sena, hija tirritorna, kull sentejn jew tliet snin, lejn dik il-bajja fejn kienet faqqset sabiex tbid. Fil-Greċja, il-fkieren jibdew ibidu lejn l-aħħar ta’ Mejju u jispiċċaw malli jintemm ix-xahar ta’ Awwissu. Il-fekruna toħroġ mill-ilma matul il-lejl u tfittex l-iktar parti niexfa tal-bajja fejn din tħaffer ħofra ta’ bejn 40 u 60 cm u, bħala medja, tbid 120 bajda. Xahrejn wara, il-fkieren iż-żgħar ifaqqsu, joħorġu minn ġor-ramel u jitkaxkru lejn il-baħar.

43.      Id-depożitu tal-bajd u t-tfaqqis tal-fkieren iż-żgħar b’mod partikolari huma sensittivi għat-tfixkil, pereżempju minħabba l-istorbju jew id-dawl. Il-fkieren iż-żgħar huma vulnerabbli ħafna u parti kbira minnhom imutu qabel ma dawn ikunu jistgħu jitgħammru. Huwa partikolarment meta jfaqqsu matul il-lejl, li d-dwal min-naħa tal-art jistgħu jattirawhom, b’tali mod li dawn jiddevjaw minn triqithom lejn il-baħar. Barra minn hekk, iridu jkunu evitati miżuri li jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-adegwatezza tal-bajja bħala sit ta’ tgħammir, pereżempju l-bini (20).

44.      Billi fl-aħħar snin in-numru tal-bejtiet tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta żdied fix-xtajtiet inkwistjoni, il-Greċja hija tal-fehma li l-ispeċi hija protetta biżżejjed.

45.      Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni ġustament li d-depożitu tal-bajd osservat illum jirrifletti s-suċċess fit-tgħammir ta’ 20 sena ilu u, għalhekk, huwa bbażat fuq il-miżuri ta’ protezzjoni applikati dak iż-żmien. Barra minn hekk, anki l-IUCN tillimita b’riżerva simili l-evalwazzjoni pożittiva tagħha tal-popolazzjoni tal-fekruna fil-Mediterran (21).

46.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li s-suċċess fit-tgħammir li jista’ jiġi osservat illum, skont ir-rapporti tal-NGO Archelon, apparentement jiddependi ħafna minn miżuri ta’ protezzjoni attivi, bħall-immarkar tal-bejtiet jew mit-twaqqif ta’ protezzjonijiet. Madankollu, miżuri ta’ dan it-tip huma biss soluzzjoni ta’ emerġenza. Għall-kuntrarju, l-obbligi ta’ protezzjoni tad-Direttiva “habitats” fil-konfront tal-ispeċi protetti huma mmirati, b’mod primarju, lejn il-prevenzjoni ta’ tfixkil u ħsarat sabiex dawn ikunu jistgħu jirriproduċu fl-ambjent naturali tagħhom mingħajr l-għajnuna tal-bniedem.

47.      Barra minn hekk, iż-żieda fil-bejtiet ma tfisser xejn fir-rigward tal-ħsara għall-beni protetti l-oħrajn tas-sit, pereżempju tat-tipi ta’ habitats tad-djuni.

48.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti tiċħad l-argument dwar in-nuqqas ta’ provi ta’ ħsara bħala irrilevanti ladarba jista’ jiġi kkonstatat ksur ta’ obbligi ta’ protezzjoni (22).

49.      Għalhekk għandhom jiġu eżaminati l-attivitajiet ikkontestati individwalment.

c)      Fuq l-attivitajiet ikkontestati

50.      Huwa minnu li l-preżentazzjoni ta’ dan il-motiv hija kunsiderevolment ivvizzjata minħabba l-fatt li l-Kummissjoni tindirizza l-istess problemi f’postijiet differenti fi ħdan ir-rikors ippreżentat, u bħala prova ħafna drabi tagħmel riferiment, b’mod ġenerali ħafna, għal annessi voluminużi u, parzjalment, għal ritratti riprodotti b’mod estremament ħażin. Madankollu, huwa evidenti li l-Greċja hija konxja tal-allegazzjonijiet, b’tali mod li d-difiża tagħha ma hijiex ippreġudikata. Barra minn hekk, dan l-argument jikkonċerna l-protezzjoni tal-patrimonju naturali komuni tal-Unjoni (23) minn ħsarat irreparabbli. Filwaqt li saru sforzi raġonevoli waqt il-qari tal-fajl, jidher li wħud mill-punti kkontestati verament iqajmu dubji dwar il-protezzjoni effettiva tas-sit. Għaldaqstant, minkejja n-nuqqasijiet tar-rikors, anki l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ dan l-argument.

i)      Fuq il-bini ta’ djar fi ħdan is-sit

Fuq proġetti approvati viċin Agiannaki u Vounaki

51.      Il-Kummissjoni ssostni li, fi ħdan is-sit inbnew djar fis-snin 2006 u 2010 viċin Agiannaki, u li viċin Vounaki, fis-sena 2012, kienu approvati tliet villeġġjaturi (24), li nbnew mill-2013.

52.      Il-Greċja ma tikkontestax dawn l-argumenti, iżda saħansitra tammetti li l-permessi kollha tal-bini li diġà ngħataw skont id-dritt Grieg jistgħu jibqgħu jiġu implementati.

53.      Tali attivitajiet ta’ kostruzzjoni jolqtu ħażin direttament it-tipi ta’ habitats tad-djuni taż-żona protetta li fihom jitwettqu. Barra minn hekk, flimkien mal-użu tal-binjiet dawn jikkostitwixxu perikolu serju ta’ tfixkil għall-fekruna tal-baħar Caretta caretta waqt it-tgħammir, b’mod partikolari minħabba storbju jew dawl. Iċ-ċirkustanza msemmija mill-Greċja, li fil-firxa taż-żona protetta sa issa kien hemm relattivament ftit bini, ma teskludix din il-ħsara.

54.      Għalhekk, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, il-Greċja fil-prinċipju kellha tadotta miżuri għall-prevenzjoni ta’ dawn l-attivitajiet fiż-żona protetta.

55.      Madankollu, fir-rigward tal-binjiet tas-sena 2006 għandu jiġi mfakkar li l-protezzjoni taż-żoni ilha applikabbli biss mid-19 ta’ Lulju 2006. Billi l-Kummissjoni ma ppreċiżatx meta sar il-bini, f’dan ir-rigward jista’ jiġi kkonstatat biss ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” minħabba l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ dan il-bini.

56.      Għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni mis-sena 2013 ’il quddiem, dan ma huwiex is-suġġett ta’ din il-proċedura billi dan sar biss wara l-iskadenza tat-terminu tal-opinjoni motivata.

57.      Ma jistax jiġi eskluż awtomatikament il-fatt li l-miżuri Griegi għall-prevenzjoni tal-effetti ħżiena li għad fadal kienu preklużi tal-inqas parzjalment miċ-ċertezza legali. Huwa minnu li dan il-prinċipju ma jistax jiġġustifika permess għall-bini li ngħatat bi ksur tal-protezzjoni taż-żoni. Iżda billi l-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda informazzjoni dwar il-mument tal-approvazzjonijiet huwa possibbli, u fir-rigward tal-binjiet tal-2006 huwa saħansitra probabbli, li dawn ingħataw qabel ma saret applikabbli l-protezzjoni taż-żona, jiġifieri qabel id-19 ta’ Lulju 2006 (25).

58.      Iżda l-Qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar reġgħet sostniet li f’dan il-każ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” kien applikabbli wkoll għal miżuri rigward l-eżerċizzju ta’ dawn il-permessi, sakemm ittieħdu wara d-19 ta’ Lulju 2006 (26). Madankollu, iċ-ċertezza legali tista’ tiġġustifika l-eżerċizzju ta’ permess leġittimu b’applikazzjoni korrispondenti tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” (27). Iżda tali ġustifikazzjoni tkun teżiġi evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett tal-bini inkwistjoni mal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona protetta sabiex issir l-analiżi neċessarja (28).

59.      Billi l-Greċja la evitat u lanqas ma ġġustifikat il-proġetti tal-bini msemmija jew l-użu tagħhom, konsegwentement, dan l-Istat Membru kiser l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

Fuq il-proġett ta’ kostruzzjoni ppjanat ta’ 50 residenza lussuża bejn Agiannaki u Elaia u ta’ erba’ residenzi ħdejn Elaia

60.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tikkontesta proġett għall-bini ta’ 50 residenza lussuża mal-bajja ta’ bejn Agiannaki u Elaia.

61.      Huwa minnu li għandu jiġi preżunt li tali proġett bl-istess mod ikollu effett ta’ ħsara fuq il-habitats tad-djuni tar-ramel kif ukoll jikkawża tfixkil sinjifikattiv għall-fekruna, u għaldaqstant ikun inkompatibbli mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”. Jekk l-awtoritajiet Griegi taw l-approvazzjoni tagħhom jew aċċettaw dan il-proġett, dan ukoll jista’ jikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament.

62.      Madankollu, il-Kummissjoni ma wrietx li sar tali ksur.

63.      Fir-rigward ta’ dan il-proġett huwa stabbilit ksur wieħed biss fl-argument tagħha, jiġifieri li diġà twettqu l-ewwel xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Madankollu, skont l-argument mhux ikkontestat tal-Greċja, ix-xogħlijiet tal-bini qabel ma jinħareġ il-permess għall-bini huma pprojbiti. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha turi li l-Greċja ma infurzatx din il-projbizzjoni suffiċjentement. Madankollu, hija ma għamlitx hekk. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud f’dan il-punt.

64.      L-istess japplika sa fejn il-Kummissjoni tissottometti li l-permess għall-bini ta’ erba’ residenza fejn Elaia “huwa mistenni li jiġi approvat”. Intenzjoni preżunta, kontradetta mill-Greċja, li ssostni li attwalment il-proċeduri kollha ta’ permessi ġew sospiżi, għadha ma tistax tikser il-projbizzjoni ta’ deterjorament.

Konklużjoni intermedjarja

65.      Konsegwentement, il-Greċja wettqet ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi ppermettiet il-bini ta’ djar fiż-żona protetta viċin Agiannaki fl-2010 u l-użu ta’ djar oħrajn mis-sena 2006, kif ukoll billi żammet fis-seħħ il-permess tal-bini ta’ tlett idjar viċin Vounaki.

ii)    Fuq l-iżvilupp ta’ trejqiet ta’ aċċess u toroq

66.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta diversi toroq, b’mod partikolari l-ftuħ ta’ ħames trejqiet ta’ aċċess ġodda lejn il-bajja, triq ġdida li testendi b’mod parallel mal-bajja u li tgħaqqad lil Kalo Nero ma’ Elaia tul linja ferrovjarja eżistenti, triq fuq in-naħa ta’ wara tal-bajja ta’ Kalo Nero li tintuża bħala post għall-parkeġġ u għall-ikkampjar, kif ukoll il-kisi ta’ mogħdijiet u toroq eżistenti bil-bitum.

Fuq il-bini ta’ ħames trejqiet ta’ aċċess lejn il-bajja

67.      Filwaqt li l-Kummissjoni tassew tirrikonoxxi li l-awtoritajiet Griegi ddikjaraw it-trejqiet ta’ aċċess ġodda bħala illegali u ordnaw li dawn jingħalqu kif ukoll biex jitreġġgħu lura għall-qagħda oriġinali tagħhom, hija xorta ma tqisx li dan huwa biżżejjed.

68.      Il-Greċja tiddefendi ruħha billi ssostni li t-trejqiet ta’ aċċess lejn il-bajja ilhom jeżistu sa mill-bidu tas-sebgħinijiet u li dawn kienu ġew deċiżi wkoll legalment. Iżda minn rapport komuni ta’ diversi awtoritajiet Griegi jirriżulta li ma hemm l-ebda prova fir-rigward ta’ xi waħda minn dawn il-ħames trejqiet qabel l-2009, li tal-inqas tlieta minn dawn it-trejqiet ta’ aċċess ma jikkorrispondux mal-istipulazzjonijiet oriġinali u li dak iż-żmien ma kinux ġew stabbiliti ħames trejqiet iżda erbgħa biss (29).

69.      Madankollu, l-istess rapport jikkonferma li dawn it-trejqiet ta’ aċċess inbnew minn impriża privata u li, minħabba fihom, kienu imposti multi kontriha (30). Minn dan l-argument tal-Greċja nifhem li apparentement, din il-piena għadha qiegħda tiġi diskussa fil-qorti.

70.      Billi t-trejqiet ta’ aċċess la kienu mibnija, la approvati u lanqas ittollerati mill-awtoritajiet Griegi, il-Greċja ma tistax tkun akkużata bil-bini tagħhom. U peress li l-legalità tagħhom għadha pendenti quddiem proċedura ġudizzjarja, wieħed (għadu) ma jistax jitlob li l-Greċja teliminahom.

71.      Madankollu, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-Greċja ma hijiex tipprojbixxi l-użu ta’ dawn it-trejqiet.

72.      Fil-fatt, il-Greċja b’mod partikolari tonqos milli tirrikonoxxi li l-projbizzjoni ta’ deterjorament ma hijiex biss kwistjoni ta’ prevenzjoni ta’ attivitajiet ta’ ħsara ġodda. Għall-kuntrarju, din teżiġi wkoll li l-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa sabiex jipprevjenu li minħabba attivitajiet jiġi kkawżat deterjorament għall-habitats tal-ispeċi kkonċernati u tfixkil ta’ dawn l-ispeċi, li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għan ta’ din id-direttiva li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija (31).

73.      Konsegwentement, il-Greċja kellha tiżgura li l-użu tal-passaġġi ma jista’ jikkawża l-ebda tfixkil sinjifikattiv għall-fekruna jew ħsara għad-djuni. Madankollu, dan l-Istat Membru ma osservax dan l-obbligu.

74.      Billi dawn it-toroq u passaġġi jiffaċilitaw l-aċċess tal-vetturi għall-bajja, dawn jikkostitwixxu perikolu sinjifikattiv ta’ tfixkil għall-fkieren meta jbidu kif ukoll meta jfaqqsu l-bajd taż-żgħar, b’mod partikolari minħabba l-istorbju u d-dawl. Barra minn hekk, dawn iżidu r-riskju li jinsaqu l-vetturi fuq il-bajja. Taħt ċerti ċirkustanzi dan jista’ jwassal direttament għall-mewt tal-fkieren. Tal-inqas ir-ramel isir iktar kumpatt, tant li jtaqqal jew saħansitra jipprevjeni t-tħaffir ta’ bejtiet. U saħansitra l-marki tas-sewqan fir-ramel jistgħu jifformaw ostakoli li kapaċi jfixklu l-annimali żgħar li jkunu għadhom kemm faqqsu milli jilħqu l-baħar mingħajr ma jweġġgħu.

75.      Sa fejn lejn it-tarf tagħhom, it-trejqiet ta’ aċċess jaqsmu t-tipi ta’ habitats tad-djuni, dawn jikkawżaw direttament it-telf ta’ żoni protetti taħt id-dritt tal-Unjoni. Anki jekk dawn ikunu jeżistu diġà waqt il-klassifikazzjoni tas-sit, wieħed għandu jassumi li minħabba l-parkeġġ mhux irregolat ta’ karozzi tal-viżitaturi tal-bajja fit-tarf tat-trejqiet ta’ aċċess kif ukoll mal-ġenb tagħhom, ser jinħolqu ħsarat oħrajn fil-pajsaġġ tad-djuni (32). Is-sewqan fuq il-bajja wkoll jista’ jolqot ħażin lill-habitats tad-djuni (33). Barra minn hekk, tali trejqiet ta’ aċċess jiffaċilitaw l-ikkampjar illegali fid-djuni, li jista’ jikkawża ħsarat addizzjonali (34).

76.      Il-Greċja ma tistax tirribatti dawn l-ilmenti billi tinvoka, b’mod ġenerali, proċeduri ġudizzjarji pendenti. Dan peress li minkejja tali proċeduri, fil-prinċipju, għandu jkun possibbli li jittieħdu miżuri preliminari għall-protezzjoni tas-sit, pereżempju billi jiġi ristrett l-użu tat-trejqiet ta’ aċċess.

77.      Madankollu, ma teżisti l-ebda indikazzjoni li l-Greċja għamlet sforzi sabiex tadotta tali miżuri ta’ protezzjoni, jew li dawn ikunu impossibbli minħabba raġunijiet attwali jew stipulati mid-dritt tal-Unjoni.

78.      Għaldaqstant, ir-rikors huwa fondat fir-rigward ta’ dan il-punt.

Fuq it-triq li tgħaqqad lil Kalo Nero ma’ Elaia

79.      Addizzjonalment, il-Greċja ssostni li t-triq bejn Kalo Nero u Elaia tul il-linja ferrovjarja eżistenti tinsab ’il bogħod ħafna mill-bajja u ma għandha xejn x’taqsam mat-trejqiet ta’ aċċess. Nifhem dan l-argument fis-sens li l-Greċja qiegħda tieħu r-responsabbiltà tagħha għal din ir-rotta, iżda li tqisha bħala kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ deterjorament.

80.      Madankollu, ma huwiex ikkontestat li din it-triq tinsab fi ħdan iż-żona ta’ protezzjoni. Skont mappa ppreżentata mill-Greċja (35), filwaqt li din tassew ma tmissx mal-bajja, xorta waħda tmiss ma’ diversi tipi ta’ habitats protetti. Barra minn hekk, minnha joħorġu t-trejqiet lejn il-bajja, b’tali mod li din ir-rotta wkoll hija parti mis-sistema ta’ aċċess. Konsegwentement, din tal-inqas tinvolvi l-probabbiltà jew il-perikolu ta’ effett ħażin fuq iż-żona protetta.

81.      Sabiex tevita kundanna fuq dan il-punt, il-Greċja kellha tirribatti dawn l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan, dan l-Istat Membru kellu, pereżempju, jippreżenta evalwazzjoni xierqa tal-effetti li tixhed li minn din it-triq li tgħaqqad liż-żewġ irħula ma tirriżulta l-ebda ħsara għas-sit. Iżda dan ma sarx.

82.      Għaldaqstant, ir-rikors huwa fondat anki fuq dan il-punt.

Fuq il-kisi ta’ xi wħud mit-toroq u l-passaġġi bil-bitum

83.      Minbarra dan, il-Greċja ssostni li l-kisi ta’ xi wħud mit-toroq u passaġġi bil-bitum bl-ebda mod ma jiffaċilita l-aċċess għall-bajja, iżda jnaqqas biss it-trab u l-istorbju. Madankollu, dan l-argument ma jikkonvinċinix. Anki jekk dawn il-passaġġi tar-ramel ma jistgħu jiġu kklassifikati f’ebda tip ta’ habitat protett u lanqas ma jappartjenu direttament għas-siti potenzjali fejn tbid il-fekruna, il-kisi ta’ passaġġi tar-ramel jiffaċilita l-użu tagħhom u għaldaqstant l-aċċess għall-bajja. Konsegwentement, it-titjib ta’ dawn il-passaġġi żied il-perikolu ta’ tfixkil għall-fekruna u ta’ ħsara għad-djuni.

Konklużjoni intermedjarja

84.      Fil-qosor, il-Greċja kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi:

–        ma rrestrinġietx l-użu ta’ passaġġi fiż-żona ta’ protezzjoni b’tali mod li jkunu evitati effetti ta’ ħsara għas-sit u tfixkil sinjifikattiv għall-fekruna tal-baħar Caretta caretta waqt it-tgħammir,

–        fiż-żona ta’ protezzjoni bniet jew tal-inqas approvat triq bejn Kalo Nero u Elaia b’mod parallel għal-linja ferrovjarja, kif ukoll,

–        ippermettiet il-kisi ta’ passaġġi bil-bitum fiż-żona ta’ protezzjoni.

iii) Fuq l-ikkampjar fis-selvaġġ

85.      Barra minn dan, il-Kummissjoni tilmenta li f’masġar tal-arżnu fid-djuni fejn il-bajja ta’ Elaia, b’mod regolari jsir “ikkampjar fis-selvaġġ”, ħafna drabi bil-karavans. Din il-prassi hija problematika primarjament għall-konservazzjoni tal-habitats tad-djuni u tal-foresti, iżda fl-istess waqt iżżid ir-riskju li dawk li jkunu qegħdin jikkampjaw ifixklu l-fkieren fuq il-bajja matul il-lejl.

86.      Filwaqt li l-Greċja tisħaq li l-“ikkampjar fis-selvaġġ” huwa strettament ipprojbit, hija tammetti li dan ilu jseħħ għal perijodu twil ta’ żmien. Madankollu, sa mis-sena 2013, l-inħawi kkonċernati qegħdin jiġu mgħassa u għalhekk is-sitwazzjoni tjiebet b’mod sinjifikattiv.

87.      Għaldaqstant, il-Greċja qiegħda tirrikonoxxi b’mod impliċitu li sat-terminu rilevanti, jiġifieri sal-1 ta’ Diċembru 2012, il-projbizzjoni tal-“ikkampjar fis-selvaġġ” viċin Elaia ma kinitx infurzata suffiċjentement.

88.      Konsegwentement, il-Greċja kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi ma infurzatx suffiċjentement il-projbizzjoni tal-“ikkampjar fis-selvaġġ” fi ħdan iż-żona ta’ protezzjoni.

iv)    Fuq l-operat ta’ barijiet fuq il-bajja

89.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tilmenta li bejn Elaia u Kalo Nero kienu qegħdin joperaw mill-inqas tliet barijiet fuq il-bajja, b’mod partikolari matul il-lejl. Dan l-operat kien qiegħed ifixkel il-fkieren minħabba d-dawl u l-istorbju u kien qiegħed jipperikola wkoll l-annimali żgħar li għadhom kif faqqsu.

90.      Il-Greċja tissottometti sempliċement li fis-snin 2013 u 2014, jiġifieri biss wara l-iskadenza tat-terminu rilevanti, ġie pprojbit l-operat ta’ barijiet fuq il-bajja u wara dan ma kinux baqgħux miftuħa barijiet fuq il-bajja. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru qiegħed jammetti b’mod impliċitu li preċedentement, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu, ma kienx ġie prekluż b’mod suffiċjenti t-tfixkil ikkawżat mill-operat ta’ barijiet fuq il-bajja.

91.      Konsegwentement, il-Greċja wettqet ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi ma llimitatx suffiċjentement l-operat ta’ barijiet fuq il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fiż-żona ta’ protezzjoni.

v)      Fuq l-użu tax-xtajta

92.      Kritika addizzjonali tal-Kummissjoni tikkonċerna l-preżenza ta’ għamara fuq il-bajja, b’mod partikolari umbrelel tax-xemx u deckchairs, li min jikri jħalli fuq il-bajja matul il-lejl, kif ukoll passaġġi tal-injam fuq il-bajja. Dawn qegħdin inaqqsu l-ispazju għall-bejtiet u jostakolaw il-fkieren.

93.      Il-Greċja taċċetta din il-kritika b’mod impliċitu, billi tillimita ruħha għas-sottomissjoni li mill-2013, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu rilevanti, qegħdin jiġu mikrija umbrelel tax-xemx u deckchairs fejn Kalo Nero, lil hinn mill-bajjiet għat-tgħammir.

94.      Konsegwentement, il-Greċja kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi ma llimitatx suffiċjentement il-kiri ta’ għamara fuq il-bajja u t-tqegħid ta’ passaġġi tal-injam fuq il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fiż-żona ta’ protezzjoni.

vi)    Fuq it-tindif tal-bajja b’vetturi tqal

95.      Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-fatt li, parzjalment, il-bajjiet kienu qed jitnaddfu b’vetturi tqal. Minħabba dan, ir-ramel kien qed jiġi ppressat u seta’ jinqered il-bajd iddepożitat.

96.      Huwa minnu li l-Greċja ssostni li r-regolamenti applikabbli sa minn nofs is-sena 2013 dwar l-użu tal-bajja kienu jipprojbixxu t-tindif tal-bajja matul il-perijodu tat-tgħammir tal-fekruna, iżda r-ramel jista’ jsir iktar kumpatt ukoll permezz tal-użu ta’ tali vetturi mhux matul il-perijodu tat-tgħammir.

97.      Madankollu, dan il-motiv għandu jiġi miċħud minħabba l-fatt li l-Greċja ssostni, b’mod mhux ikkontestat, li dan kien każ iżolat li kien seħħ ħafna qabel l-ewwel stedina għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tressaq l-ebda indikazzjoni suffiċjenti li mal-iskadenza tat-terminu tal-opinjoni motivata kienu neċessarji miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni ta’ tali miżuri tat-tindif.

vii) Fuq it-tniġġis tad-dawl

98.      Fiż-żona ta’ Kalo Nero b’mod partikolari, il-Kummissjoni tilmenta dwar it-tfixkil għall-fkieren minħabba d-dawl minn ristoranti, lukandi u ħwienet speċjalizzati qrib il-bajja kif ukoll mid-dawl tat-toroq. Minħabba dan, il-fkieren li jkunu għadhom kemm faqqsu b’mod partikolari, iżda wkoll il-fkieren meta jbidu, qegħdin jiddevjaw fi triqithom lejn il-baħar.

99.      Il-Greċja tirtira ruħha minn dan billi ssostni li, ħafna drabi, id-dawl kien ilu hemm għal żmien twil, filwaqt li ħabbret li fil-futur ser jittieħdu miżuri sabiex jiġi evitat tali tfixkil.

100. B’mod simili għall-passaġġi biswit il-bajja, anki f’dan il-każ japplika l-prinċipju li l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ tfixkil ikkawżat minn attivitajiet eżistenti (36). Billi tali miżuri sa issa tħabbru biss, ir-rikors huwa ġġustifikat anki f’dan il-punt.

101. Konsegwentement, il-Greċja kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi ma llimitatx biżżejjed it-tniġġis tad-dawl fuq il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fiż-żona ta’ protezzjoni.

viii) Fuq it-tneħħija ta’ ramel bejn Agiannaki u Elaia

102. Minbarra dan, il-Kummissjoni qiegħda takkuża lill-Greċja li ppermettiet it-tneħħija ta’ ramel bejn Agiannaki u Elaia. Madankollu, il-Greċja tiċħad dan il-fatt. Billi l-Kummissjoni ma tippreċiżax ulterjorment l-akkuża tagħha, ir-rikors għandu jiġi miċħud f’dan il-punt.

ix)    Fuq l-espansjoni tal-użu agrikolu fid-djuni

103. L-espansjoni tal-art agrikola fid-djuni hija lment ieħor min-naħa tal-Kummissjoni.

104. Madankollu, il-Greċja tissottometti li fl-aħħar 20 sena, l-użu agrikolu tal-artijiet pjuttost naqas. Anki r-rapport tal-Kunsill tal-Istat isemmi biss li fiż-żona ta’ protezzjoni kien qiegħed jiġi ppreżervat l-użu agrikolu, iżda ma jsemmix li dan ġie estiż (37).

105. Il-Kummissjoni tipprova l-akkuża tagħha biss permezz ta’ ritratt mill-opinjoni motivata, li fir-rigward tiegħu ma huwiex identifikabbli x’qiegħed juri. Għaldaqstant, din ma tistax tirribatti l-argument tal-Greċja. Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud ukoll f’dan il-punt.

106. Il-Kummissjoni tikkritika wkoll il-ħrit tad-djuni bejn Elaia u Agiannaki bejn l-20 ta’ Frar u t-3 ta’ Marzu 2013. Madankollu, din l-interferenza kienet seħħet biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni u għalhekk ma hijiex rilevanti fil-każ preżenti.

107. Barra minn hekk, ftit jidher plawżibbli l-argument tal-Kummissjoni dwar il-perikolu għall-fekruna minħabba l-preżenza tan-nagħaġ fuq il-bajja. Il-Greċja turi b’mod konvinċenti li ma tistax tkun ikkonċernata ż-żamma ta’ nagħaġ, billi hemmhekk ma tikber l-ebda pjanta li n-nagħaġ jistgħu jieklu. Għall-kuntrarju, għandu jiġi preżunt li n-nagħaġ li ttieħed ritratt tagħhom (38) spiċċaw fuq il-bajja fi triqithom bejn żewġ għelieqi fejn jirgħu. Il-fatt li n-nagħaġ b’dan il-mod setgħu jkunu ta’ ħsara għall-bajd tal-fekruna f’fond sa 50 cm huwa improbabbli.

x)      Fuq it-tfixkil minn fuq il-baħar

108. Finalment, il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-approvazzjoni ta’ attivitajiet relatati mas-sajd fl-ilmijiet ta’ quddiem il-bajja. F’dan ir-rigward, hija tibbaża l-argument tagħha fuq rapporti tal-NGO Archelon, li jgħid li matul il-lejl ikun hemm sajjieda lokali direttament mal-bajjiet li, b’mod regolari, jitfgħu xbieki tal-għażel b’tul ta’ mijiet ta’ metri trasversalment mal-bajja. Barra minn hekk, hemm dgħajjes ikbar li meta l-fkieren jibdew ibidu f’Mejju, u lejn l-aħħar tal-perijodu tat-tfaqqis f’Ottubru, xi wħud minnhom jistadu sa kilometru ’l barra mill-bajja bi xbieki tat-tkarkir, minkejja li hija stipulata distanza ta’ mill-inqas mil nawtiku u nofs. Filwaqt li tali ksur qiegħed jiġi identifikat u ppenalizzat permezz ta’ sorveljanza bir-radar, madankollu l-pieni ma humiex deterrenti (39).

109. Kif tisħaq il-Kummissjoni, jeżisti riskju sinjifikattiv li l-fkieren jispiċċaw fix-xbieki u jegħrqu meta jkunu sejrin ibidu jew fi triqithom lura.

110. Min-naħa l-oħra l-Greċja targumenta li bilkemm jeżisti sajd. Ir-riskju huwa limitat ħafna, speċjalment peress li l-fkieren mejtin li jinġarru għal fuq il-bajja ma jurux li korrew b’dan il-mod. F’każ li l-fkieren jispiċċaw f’waħda mix-xbieki, is-sajjieda jeħilsuhom immedjatament.

111. Madankollu, l-argument tal-Greċja ma huwiex konvinċenti.

112. Għal dak li jikkonċerna l-argument dwar il-portata tal-attivitajiet tas-sajd, dan għandu natura wisq ġenerali u ma jindirizzax id-dikjarazzjonijiet speċifiċi ta’ Archelon.

113. Il-Greċja ma tiċħadx il-prattiki kkontestati bħala tali.

114. Huwa ovvju li s-sajd permezz tax-xbieki fil-viċinanzi tal-bajja jġib miegħu riskju sinjifikattiv għall-fkieren billi dawn ikollhom preżenza kkonċentrata hemmhekk meta jbidu. Għaldaqstant, b’mod partikolari s-sajd lokali bl-għażel tal-qiegħ direttament ħdejn il-bajja ma huwiex aċċettabbli.

115. Iżda anki s-sajd bi xbieki tat-tkarkir f’distanza kemxejn iktar ’il bogħod huwa ta’ perikolu għall-fkieren. U apparentement il-pieni f’każ li wieħed ikun qrib wisq tal-kosta ma humiex suffiċjenti biex jipprevjenu l-perikolu għall-fkieren.

116. Konsegwentement, il-Greċja wettqet ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi ma llimitatx is-sajd quddiem il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fiż-żona ta’ protezzjoni.

117. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-użu ta’ dgħajjes ta’ divertiment u paddle boats fil-baħar ta’ quddiem il-bajja, iżda r-rapporti tal-NGO Archelon, li sar riferiment għalihom b’mod mhux speċifiku għal din ir-raġuni, f’dan ir-rigward ma jinkludu l-ebda informazzjoni. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward ir-rikors għandu jiġi miċħud.

xi)    Konklużjoni intermedjarja

118. Fil-qosor, il-Greċja kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi fiż-żona ta’ protezzjoni:

–        viċin Agiannaki ppermettiet il-bini ta’ djar fis-sena 2010 u l-użu ta’ djar addizzjonali mis-sena 2006, filwaqt li żammet il-permess tal-bini ta’ tlett idjar viċin Vounaki,

–        ma rrestrinġietx l-użu tal-passaġġi b’tali mod li jkunu evitati ħsarat fuq is-sit u tfixkil sinjifikattiv tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta waqt it-tgħammir, bniet jew tal-inqas approvat triq li tgħaqqad Kalo Nero ma’ Elaia b’mod paralleli għal-linja ferrovjarja kif ukoll ippermettiet il-kisi ta’ passaġġi bil-bitum,

–        ma infurzatx suffiċjentement il-projbizzjoni tal-“ikkampjar fis-selvaġġ”,

–        ma llimitatx suffiċjentement l-operat ta’ barijiet fuq il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta,

–        ma llimitatx suffiċjentement il-kiri ta’ għamara għal fuq il-bajja u t-tqegħid ta’ passaġġi tal-injam fil-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta,

–        ma llimitatx suffiċjentement it-tniġġis tad-dawl fuq il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta,

–        ma llimitatx suffiċjentement is-sajd fil-baħar ta’ quddiem il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta.

2.      Fuq l-evalwazzjoni tal-effetti

119. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda takkuża lill-Greċja li ma ssuġġettatx ċerti attivitajiet għal evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex tiggarantixxi, permezz ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett li ma jkunx direttament marbut ma’ jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss sakemm ma jaffettwax ħażin lil dan is-sit bħala tali (40).

120. Filwaqt li l-attivitajiet imsemmija fit-Taqsima IV.B.1(c) seħħew, mingħajr dubju, malli bdiet tapplika l-projbizzjoni ta’ deterjorament skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, jiġifieri wara d-19 ta’ Lulju 2006 (41), ksur tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) jimplika li l-korpi Griegi awtorizzaw l-attività kkonċernata wara din id-data. B’mod alternattiv, il-Kummissjoni tista’ tilmenta wkoll li ċerti attivitajiet jistgħu jsiru mingħajr approvazzjoni, minkejja li skont in-natura tagħhom jirrikjedu evalwazzjoni tal-effetti (42).

121. Madankollu, għall-biċċa l-kbira tal-miżuri lmentati kontra l-Greċja, il-Kummissjoni ma tressaq l-ebda argumenti dwar dawn iż-żewġ punti. B’mod partikolari, bħala regola din ma ssemmix il-mument tal-approvazzjonijiet eventwali; u ħafna drabi saħansitra hija nieqsa kull indikazzjoni li kienet mogħtija approvazzjoni.

122. Huwa biss għall-proġett tal-bini ta’ tliet villeġġjaturi viċin Vounaki li jista’ jiġi dedott mill-fajls li dan kien ġie approvat fis-sena 2012 (43). Kif diġà ntqal, dan il-proġett jista’ jwassal għat-telf ta’ superfiċji tad-djuni u jikkawża tfixkil għall-fekruna tal-baħar Caretta caretta. Għaldaqstant, l-approvazzjoni kienet teħtieġ evalwazzjoni tal-effetti.

123. Konsegwentement, il-Greċja wettqet ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, billi fis-sena 2012 approvat tliet villeġġjaturi viċin Vounaki fis-sit “Djuni ta’ Kyparissia” mingħajr ma dan il-proġett kien qabel ġie suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Mill-bqija, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

C –    Fuq il-ħarsien tal-ispeċi

124. Il-Kummissjoni qiegħda tilmenta li l-Greċja li wettqet ksur tal-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva “habitats”, billi naqset milli tadotta l-miżuri li kienu neċessarji sabiex tistabbilixxi u timplementa sistema effettiva ta’ ħarsien strett tal-fkieren tal-baħar tal-ispeċi Caretta caretta fil-bajja ta’ Kyparissia b’tali mod li jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tal-ispeċi kkonċernata matul il-perijodu ta’ tgħammir u kwalunkwe attività li tista’ tikkawża deterjorament jew qerda tas-siti ta’ tgħammir.

125. Skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats”, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jintroduċu sistema ta’ ħarsien strett għall-ispeċi ta’ annimali msemmija fl-Anness IV(a) fil-firxa naturali tagħhom li tipprojbixxi kull tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-ispeċijiet, b’mod partikolari matul il-perijodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni (Artikolu 12(1)(b)) kif ukoll kull deterjorament jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ (Artikolu 12(1)(d)). Dawn ir-rekwiżiti ilhom japplikaw sa minn tmiem it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva “habitats”, jiġifieri mill-1994.

126. B’hekk, tali sistema ta’ ħarsien strett għandha tkun f’pożizzjoni li verament tipprojbixxi kull tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-ispeċi, partikolarment waqt il-perijodi tat-tgħammir, kif ukoll id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ tgħammir tal-ispeċi tal-annimali msemmija fl-Anness IV(a) tad-Direttiva “habitats” (44). Fir-rigward tal-kundizzjoni tan-natura intenzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din tista’ tiġi ssodisfatta biss jekk ikun ipprovat li l-awtur tal-att ried, jew tal-inqas aċċetta, effett ta’ ħsara pprojbit skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats” fuq speċi ta’ annimal protett (45).

127. L-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi mhux biss timponi fuq l-Istati Membri l-ħolqien ta’ qafas legali komplut, iżda wkoll l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni partikolari konkreti (46). Dawn il-miżuri preventivi għandhom ikunu koerenti u kkoordinati (47).

128. Kemm il-qafas legali komplut kif ukoll il-miżuri ta’ protezzjoni preventivi koerenti u kkoordinati jridu jikkorrispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta waqt it-tgħammir tagħha. Għaldaqstant, għandu jitfakkar li l-bajd iddepożitati u t-tfaqqis tal-fkieren iż-żgħar b’mod partikolari huma sensittivi għal ċertu tfixkil — pereżempju dak ikkawżat mill-istorbju jew mid-dawl. Il-fkieren li jkunu għadhom kemm faqqsu huma vulnerabbli ħafna, u parti kbira minnhom tmut qabel ma jkunu jistgħu jitgħammru. B’mod partikolari meta dawn ifaqqsu matul il-lejl, id-dwal min-naħa tal-art apparentement jistgħu jattirawhom b’tali mod li ma jimxux fid-direzzjoni tal-baħar. Mill-bqija jridu jkunu evitati miżuri li jolqtu ħażin l-adegwatezza tal-bajja bħala sit ta’ tgħammir, pereżempju l-bini (48).

1.      Fuq il-qafas legali komplut

129. L-ewwel nett il-Kummissjoni tilmenta li ma jeżisti l-ebda qafas legali komplut, u essenzjalment tibbaża l-argument tagħha fuq il-fatt li l-Greċja kienet irrikonoxxiet in-nuqqas ta’ kompletezza fil-proċedura prekontenzjuża.

130. Il-Greċja tikkontesta din l-allegazzjoni u f’dan ir-rigward tibbaża fuq ammont kbir ta’ regoli li għandhom jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta. Digriet Presidenzjali dwar il-protezzjoni tas-sit, li jinsab fil-fażi ta’ tħejjija, huwa sempliċement intiż sabiex jiġbor u jikkonsolida r-regoli eżistenti.

131. Filwaqt li l-Kummissjoni targumenta li b’dan il-mod il-Greċja kienet qiegħda tikkontradixxi l-argument tagħha fil-proċedura prekontenzjuża, is-siltiet iċċitati minnha jixhdu biss li l-Greċja rat ċerti vantaġġi fl-adozzjoni ta’ regoli addizzjonali, iżda mhux li kienet tqishom bħala indispensabbli.

132. Għalhekk, is-suċċess tar-rikors jirrikjedi l-prova ta’ lakuni fil-leġiżlazzjoni Griega. Madankollu, sfortunatament, il-Kummissjoni tillimita ruħha li turi li ċerti regoli ma kinux suffiċjenti jew li kienu ta’ natura wisq ġenerali. Iżda dan l-argument ma jixhidx li r-regoli msemmija min-naħa tal-Greċja fit-totalità tagħhom kien fihom lakuni.

133. Fl-istess waqt, wara li ttieħed inkunsiderazzjoni b’mod komprensiv is-suġġett tal-kawża, jirriżulta li r-regoli Griegi, tal-inqas fil-mument rilevanti, kienu jinkludu lakuni. Fil-fatt, dan jirriżulta mill-bżonnijiet tal-fkieren, mill-ksur diġà kkonstatat, relatat mal-protezzjoni tagħhom, tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” u dispożizzjonijiet Griegi iktar reċenti.

134. Kien ikun relattivament sempliċi li tiġi żgurata l-protezzjoni neċessarja billi l-bajjiet inkwistjoni jingħalqu kompletament minn Mejju sa Ottubru u mill-bqija jiġu evitati proġetti li jistgħu jolqtuhom ħażin b’mod permanenti, pereżempju l-bini jew it-tneħħija tar-ramel.

135. Madankollu, huwa possibbli wkoll li l-użu tal-bajjiet, b’mod partikolari għal finijiet ta’ turiżmu, tkun marbuta mal-protezzjoni tal-fekruna, xi ħaġa li apparentement qiegħda tipprova tikseb il-Greċja. Iżda dan jirrikjedi regoli ħafna iktar kumplessi li jistabbilixxu fid-dettall liema attivitajiet huma permissibbli jew ipprojbiti hemmhekk (49).

136. Fil-fatt, b’mod provviżorju l-Greċja adottat ukoll tali regoli, taħt forma ta’ digrieti ministerjali għall-prevenzjoni ta’ approvazzjonijiet tal-bini kif ukoll dwar l-użu tal-bajjiet. Irrispettivament minn jekk id-dispożizzjonijiet stabbiliti fihom verament jikkompletawx il-qafas legali jew jekk għadhomx jinkludu lakuni, dawn xorta waħda ma jistgħux jirribattu l-ilmenti tal-Kummissjoni. Dan għaliex dawn kienu adottati għall-ewwel darba f’Mejju u Lulju 2013, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu rilevanti. Billi ma kinux jeżistu regoli paragunabbli fl-1 ta’ Diċembru 2012, dak iż-żmien il-qafas legali ma kienx komplut.

137. Barra minn hekk, miżuri li jridu jiġġeddu b’mod regolari ma humiex adegwati sabiex joħolqu qafas legali komplut. Dan għaliex dejjem ser ikun hemm ir-riskju li xi darba t-tiġdid fil-ħin ma jirnexxix (50).

138. Barra minn hekk, mill-ksur ikkonstatat tal-projbizzjoni ta’ deterjorament skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” jirriżulta li huma nieqsa regoli effettivi li jirrestrinġu l-użu tat-trejqiet ta’ aċċess li jagħtu għall-bajja u l-użu tad-dwal viċin il-bajja b’tali mod li jkun evitat it-tfixkil għall-fkieren meta jbidu u meta jfaqqsu ż-żgħar.

139. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mir-rapport tal-Kunsill tal-Istat li jikkonstata li l-obbligi tal-Greċja lejn l-Unjoni jeħtieġu, b’mod urġenti, leġiżlazzjoni kkonsolidata dwar il-protezzjoni tas-sit (51).

140. Konsegwentement, il-Greċja wettqet ksur tal-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva “habitats” billi ma adottatx qafas legali komplut għall-protezzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fiż-żona ta’ protezzjoni “Djuni ta’ Kyparissia”.

2.      Fuq il-miżuri ta’ protezzjoni konkreti

141. Minbarra qafas legali li ma huwiex komplut, il-Kummissjoni tilmenta wkoll dwar miżuri ta’ protezzjoni konkreti insuffiċjenti.

142. Għalhekk, il-ksur kollu li diġà kien ikkonstatat tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” jikkostitwixxi wkoll ksur tal-projbizzjoni ta’ tfixkil skont l-Artikolu 12(1)(b). Dan għaliex kollu kemm hu jinvolvi tfixkil tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (52), dan it-tfixkil seħħ ukoll b’mod intenzjonat. Dan minħabba li l-importanza tal-bajjiet għat-tgħammir tal-fekruna hija ġeneralment magħrufa fl-inħawi. Għalhekk it-tfixkil waqt l-attivitajiet rispettivi tal-inqas ġie aċċettat.

143. Id-differenzi fl-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva “habitats” huma apparenti bl-eżempju tal-bini tas-sena 2006. Filwaqt li fir-rigward ta’ dawn il-miżuri ma jistax jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 6(2), għaliex baqa’ mhux ċar jekk il-bini kienx inbena qabel jew wara l-bidu tal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni (53), l-Artikolu 12 ilu applikabbli sa mill-1994. Konsegwentement, il-bini jikser il-projbizzjoni tat-tfixkil tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta.

144. Il-konstatazzjoni tal-ksur tixhed li l-miżuri ta’ protezzjoni konkreti għadhom ma humiex suffiċjenti u li, minħabba dan, il-Greċja kisret l-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva “habitats”.

145. Min-naħa l-oħra, ma hijiex ipprovata ħsara tas-siti ta’ tgħammir u postijiet tal-mistrieħ fil-każ ta’ dawn l-attivitajiet kollha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tindikax li huma milqutin żoni mill-bajja fejn il-fekruna tal-baħar Caretta caretta tibni l-bejtiet tagħha. Konsegwentement, f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 12(1)(d).

V –    Fuq l-ispejjeż

146. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Jekk, min-naħa l-oħra, il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, skont l-Artikolu 138(3), kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Huwa minnu li fil-biċċa l-kbira l-Greċja tilfet, iżda hemm motivi importanti tal-Kummissjoni li ma jistgħux jintlaqgħu jew jistgħu jintlaqgħu biss parzjalment. Għalhekk kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

VI – Konklużjoni

147. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-rapport tal-Kunsill tal-Istat Grieg tat-8 ta’ April 2015, ippreżentat mill-Kummissjoni fis-16 Ġunju 2015, huwa ammissibbli bħala prova.

2)      Ir-Repubblika Ellenika kisret l-Artikolu 6(2) kif ukoll l-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa billi fis-sit “Djuni ta’ Kyparissia” (“Θίνες Κυπαρισσίας”, Kodiċi Natura-2000 GR2550005):

–        viċin Agiannaki ppermettiet il-bini fis-sena 2010 u l-użu ta’ djar addizzjonali mis-sena 2006, filwaqt li żammet fis-seħħ il-permess tal-bini ta’ tlett idjar viċin Vounaki,

–        ma rrestrinġietx l-użu ta’ passaġġi b’tali mod li jkunu evitati ħsarat fuq is-sit u tfixkil sinjifikattiv tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta waqt it-tgħammir, fiż-żona ta’ protezzjoni bniet jew tal-inqas approvat triq bejn Kalo Nero u Elaia li tgħaddi b’mod parallel għal-linja ferrovjarja, kif ukoll ippermettiet il-kisi bil-bitum ta’ passaġġi fiż-żona ta’ protezzjoni,

–        ma infurzatx suffiċjentement il-projbizzjoni tal-ikkampjar fis-selvaġġ,

–        ma llimitatx suffiċjentement l-operat ta’ barijiet fuq il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta,

–        ma llimitatx suffiċjentement il-kiri ta’ għamara għal fuq il-bajja u t-tqegħid ta’ passaġġi tal-injam fil-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta,

–        ma llimitatx suffiċjentement it-tniġġis tad-dawl fuq il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta, u

–        ma llimitatx suffiċjentement is-sajd fil-baħar ta’ quddiem il-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta.

3)      Ir-Repubblika Ellenika kisret l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, billi fis-sena 2012 approvat tliet villeġġjaturi qrib Vounaki fis-sit “Djuni ta’ Kyparissia” mingħajr ma dan il-proġett kien suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit.

4)      Ir-Repubblika Ellenika kisret l-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 92/43 billi fis-sena 2006, viċin Agiannaki, ippermettiet il-bini fil-viċinanzi tal-bajjiet tat-tgħammir tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta.

5)      Ir-Repubblika Ellenika kisret l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43 billi din ma adottatx qafas legali komplut għall-protezzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fiż-żona ta’ protezzjoni “Djuni ta’ Kyparissia”.

6)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

7)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Ellenika għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (Cricetus cricetus, C‑383/09, EU:C:2011:23, punti 73 sa 76) kif ukoll, dwar l-avvanzi limitati ħafna minn dak iż-żmien, ir-rapport tal-Gvern Franċiż għas-sena 2015 lill-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna, T‑PVS/Files (2015) 46.


3 – Ara, iktar reċentement, ir-rapport tal-NGO Archelon għas-sena 2015 lill-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna, T-PVS/Files (2015) 53, p. 4.


4 – http://www.iucnredlist.org/details/83644804/0.


5 – Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 883).


6 – Ippubblikata fid-19 ta’ Settembru 1979 f’Berna, European Treaty Series Nru 104; ara wkoll ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 282.


7 – Fuq il-pożizzjoni tal-Kumitat Permanenti ara r-Recommendation tiegħu N 174 (2014) on the Conservation of the Loggerhead Sea Turtle (Caretta caretta) and of Sand Dunes and other Coastal Habitats in Southern Kyparissia Bay (Natura 2000 – GR 2550005 “Thynes Kyparissias”, Peloponnesos, Greece).


8 –      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/613/KE, tad-19 ta’ Lulju 2006, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Mediterranju (ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 64).


9 – Skont l-immappjar ta’ Lulju 2014, Appendiċi 1, Nru 1 tar-risposta.


10 – http://natura2000.eea.europa.eu/Natura2000/SDF.aspx?site=GR2550005.


11 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (Cricetus cricetus, C-383/09, EU:C:2011:369, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Caretta caretta, C‑103/00, EU:C:2002:60, punt 28).


13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punti 100 u 102).


14 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 32), Il-Kummissjoni vs Spanja (l-ors kannella Spanjol, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 126) u Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra, C-141/14, EU:C:2016:8, p. 56).


15 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (l-ors kannella Spanjol, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 128) u Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra, C-141/14, EU:C:2016:8, p. 57).


16 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (l-ors kannella Spanjol, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142) u Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra, C-141/14, EU:C:2016:8, p. 58).


17 – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 43), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-179/06, EU:C:2007:578, punt 33) u Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 41).


18 – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 36), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 30) u Il-Kummissjoni vs Spanja (l-ors kannella Spanjol, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142).


19 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (l-ors kannella Spanjol, C‑404/09, EU:C:2011:768, punti 156 u 192).


20 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Caretta caretta, C‑103/00, EU:C:2002:60, punt 38).


21 – http://www.iucnredlist.org/details/83644804/0.


22 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Caretta caretta, C‑103/00, EU:C:2002:60, punt 31), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Vipera schweizeri, C‑518/04, EU:C:2006:183, punt 21) u Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra, C-141/14, EU:C:2016:8, punt 76).


23 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 25).


24 – Anness 17k tar-rikors (p. 449 et seq tal-annessi).


25 – Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


26 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (l-ors kannella Spanjol, C-404/09, EU:C:2011:768, punti 124 u 125), Grüne Liga Sachsen et (C-399/14, EU:C:2016:10, punt 33) u Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra, C-141/14, EU:C:2016:8, punti 51 u 52).


27 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra, C‑141/14, EU:C:2015:528, punt 87).


28 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (l-ors kannella Spanjol, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 157) u Grüne Liga Sachsen et (C‑399/14, EU:C:2016:10, punti 56 u 57).


29 – Rapport ta’ Diċembru 2013, p. 357 et seq tal-annessi tar-rikors (p. 28 et seq tar-rapport); barra minn hekk, ir-rapport tal-Kunsill tal-Istat, p. 37 u 38, ukoll isemmi toroq mibnija illegalment.


30 – Rapport ta’ Diċembru 2013, p. 357 et seq tal-annessi tar-rikors (p. 26 u 27 tar-rapport).


31 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (l-ors kannella Spanjol C‑404/09, EU:C:2011:768, punti 124 u 128).


32 – Ara r-rapport tal-Kunsill tal-Istat, p. 33.


33 – Ara r-rapport tal-Kunsill tal-Istat, p. 33.


34 – Ara, dwar dan is-suġġett, il-punti 85 et seq iktar ’il quddiem.


35 – Anness 1 tar-risposta “X.08a COMPARATIVE MAP HABITAT SEA 2014 & SEA 2002.jpg”.


36 – Ara l-punti 71 sa 73 iktar ’il fuq.


37 – Ara r-rapport tal-Kunsill tal-Istat, p. 33.


38 – Ara r-ritratti fil-figuri 16 u 17 fil-paġni 60 u 61 tal-annessi mar-rikors.


39 – Anness 18 għar-rikors, p. 495 u 496.


40 – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 34), kif ukoll Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 110).


41 – Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


42 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:60, punti 30 sa 37).


43 – Anness 17k tar-rikors (p. 449 et seq tal-annessi).


44 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (Cricetus cricetus, C‑383/09, EU:C:2011:369, punti 19 sa 21, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Ċipru (Natrix n. cypriaca, C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 62).


45 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (Lutra lutra, C‑221/04, EU:C:2006:329, punt 71).


46 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑183/05, EU:C:2007:14, punt 29) u Il-Kummissjoni vs Ċipru (Natrix n. cypriaca C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 60).


47 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Vipera schweizeri, C‑518/04, EU:C:2006:183, punt 16), Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑183/05, EU:C:2007:14, punt 30) u Il-Kummissjoni vs Ċipru (Natrix n. cypriaca C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 61).


48 – Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.


49 – Bħala eżempju, ara l-ilmenti fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Caretta caretta, C‑103/00, EU:C:2002:60, punti 34 sa 38).


50 – L-NGO Archelon, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, p. 8 u 9, fil-konfront tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna saħansitra esprimiet il-fehma li s-sospensjoni tal-permessi tal-ippjanar hija ammissibbli biss għal massimu ta’ tliet snin u għaldaqstant tiskadi fis-sena 2016 jekk ma jkunx ġie adottat fil-waqt regolament permanenti korrispondenti dwar il-protezzjoni tas-sit.


51 – P. 39 u 40 tar-rapport.


52 – Ara l-punt 126 iktar ’il fuq.


53 – Ara l-punt 55 iktar ’il fuq.